Diskors li għamel il-Papa fl-Udjenza tal- 21 ta’ April 2010
 
Vjaġġ  Appostoliku f’Malta

 
Għeżież ħuti,
Kif tafu, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mort Malta għall-żjara appostolika  li llum nixtieq ngħid xi ħaġa fil-qosor dwarha.   Din iż-żjara pastorali saret fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju tan-nawfraġju tal-Appostlu Pawlu fix-xtut tal-gżejjer Maltin u tat-tliet xhur li qatta’ hemmhekk. Jingħad li din il-ġrajja seħħet madwar is-sena 60 u l-Atti tal-Appostli (Kap27-28) jagħtuna rakkont dettaljat ħafna dwarha.
 
Bħal San Pawl, jien ukoll ħassejt l-ospitalita’ kbira tal-Maltin – ospitalita’ tassew straordinarja – u ta’ dan nixtieq mill-ġdid nesprimi r-rikonoxximent kbir tiegħi lill-President tar-Repubblika, lill-Gvern u lill-awtoritajiet l-oħra tal-Istat, u nirringrazzja b’mod fratern lill-Isqfijiet tal-Pajjiż u lil dawk kollha li kkollaboraw biex iħejju din il-laqgħa ta’ festa bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-poplu Malti. L-istorja ta’ kważi elfejn sena ta’ dan il-poplu ma tistax tinfired mill-fidi kattolika, li tikkaratterizza l-kultura u t-tradizzjonijiet tiegħu: jingħad li f’Malta hemm 365 knisja “waħda għal kull ġurnata tas-sena”, sinjal viżibbli ta’ din il-fidi profonda!
 
Kollox beda minn dak in-nawfraġju:  il-ġifen, li kien qed jieħu lill-Appostlu Pawlu u lil xi nies oħra Ruma, kien ilu  erbatax-il jum mitfugħ  ‘l hawn u ‘l hinn fil-baħar, meta ir-riħ ħabbtu ma’ sikka fuq il-ġżira ta’ Malta. Għalhekk, wara l-laqgħa kordjali ħafna mal-President fil-belt kapitali Valletta – li fil-kwadru tagħha kien hemm  ukoll it-tislima ferrieħa ta’ tant u tant tfal – mort mill-ewwel f’pellegrinaġġ lejn dik hekk imsejħa “Il-Grotta ta’ San Pawl” li tinsab ir-Rabat, fejn kien hemm   mument qawwi ħafna ta’ talb. Hemmhekk sellimt ukoll lill-grupp sabiħ ta’ missjunarji Maltin.  Tistagħġeb bil-pjan misterjuż tal-Providenza Divina meta tara dak l-arċipelagu ċkejken fiċ-ċentru tal-Mediterran u kif waslitlu ż-żerriegħa tal-Vanġelu. U mingħajr ma trid tirringrazzja lill-Mulej u anki lil San Pawl, li waqt dik il-maltempata qawwija hu baqa’ mimli tama u fiduċja, u dawn għaddiehom anki lil dawk li kienu fil-vjaġġ miegħu. Minn dak in-nawfraġju, jew aħjar, mill-għixien ta’ Pawlu   f’Malta, twieldet komunita’ nisranija ħerqana u sħiħa, li wara elfejn sena għadha fidila lejn il-Vanġelu u tagħmel ħilitha biex ikollu postu fil-kwestjonijiet komplessi ta’ żmenijietna. Naturalment dan mhux dejjem faċli, lanqas xi ħaġa awtomatika, imma l-Maltin jafu jfittxu tweġiba għall-isfidi ġodda fil-viżjoni nisranija tal-ħajja.  Sinjal ta’ dan hu l-fatt li, per eżempju, żammu sħiħ ir-rispett profond lejn il-ħajja sa qabel it-twelid tagħha  u l-qdusija taż-żwieġ billi għażlu li l-abort u d-divorżju ma jidħlux fil-liġi ġuridika tal-Pajjiż.
 
L-iskop tal-vjaġġ tiegħi kien li nikkonferma fil-fidi ‘l-Knisja, realta’ tassew ħajja, preżenti f’kull post ta’ Malta u Għawdex. L-appuntament ma’ din il-komunita’  kien  fuq il-Fosos tal-Furjana, quddiem il-Knisja ta’ San Publiju, fejn iċċelebrajt il-Quddiesa li n-nies ħadu sehem fiha  b’ħeġġa liema bħalha. Kont tassew kuntent u ħassejt konsolazzjoni meta rajt il-ħeġġa ta’ dan il-poplu, li jagħtik sens ta’ familja kbira, miġbura fil-fidi u fil-viżjoni nisranija tal-ħajja. Wara ċ-ċelebrazzjoni xtaqt niltaqa’ ma’ wħud mill-persuni li kienu vittmi ta’ abbuż minn membri tal-Kleru. Qsamt magħhom it-tbatija, ħassejt ħafna għalihom, tlabt magħhom u wegħidthom azzjoni mill-Knisja.  

Għalkemm Malta tagħtik l-idea ta’ familja kbira, iżda dan ma jfissirx li l-pożizzjoni ġeografika tagħha tagħmilha soċjeta` “iżolata” mill-bqija tad-dinja. Mhijiex hekk, u dan jidher, per eżempju, fil-kuntatti li Malta għandha ma’ pajjiżi oħra u fil-fatt li ssib saċerdoti Maltin f’bosta nazzjonijiet. Il-familji u l-parroċċi ta’ Malta għarfu jedukaw ħafna żgħażagħ billi jagħtuhom is-sens ta’ Alla u tal-Knisja u b’hekk ħafna minnhom wieġbu b’ġenerożita’ għas-sejħa ta’ Ġesu` u saru presbiteri. Fost dawn, bosta ħaddnu l-impenn missjunarju ad gentes f’artijiet imbiegħda; wirtu l-ispirtu appostoliku li qanqal lil San Pawl biex iwassal il-Vanġelu hemm fejn kien għadu ma wasalx. U jien nisħaq fuq dan l-aspett, jiġifieri li “l-fidi tissaħħaħ meta tingħata lill-oħrajn” (Enċ. Redemptoris missio,2). Malta żviluppat fuq din il-fidi soda u issa qed tinfetaħ għall-realtajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali differenti  u toffrilhom sehem prezzjuż.
 
Matul is-sekli, Malta spiss kellha tiddefendi ruħha u dan jidher sew mill-fortifikazzjonijiet tagħha. Ovvjament, il-pożizzjoni strateġika ta’ dan l-arċipelagu ċkejken ġibdet l-attenzjoni ta’ qawwiet politiċi u militari differenti. Imma b’danakollu l-vokazzjoni l-aktar profonda ta’ Malta hi waħda nisranija, jiġifieri vokazzjoni universali għall-paċi!  Ħafna drabi s-salib ta’ Malta,  li hu magħruf sew u li kulħadd jassoċjah ma’ dan in-Nazzjon, ġie mxejjer waqt konflitti u ġlied; imma grazzi lil Alla qatt ma tilef it-tifsira awtentika u dejjiema tiegħu. Hu sinjal tal-imħabba u tar-rikonċiljazzjoni, u din hi l-vera vokazzjoni tal-ġnus li jilqgħu u jħaddnu l-messaġġ nisrani!
 
Il-pożizzjoni naturali ta’ Malta tagħmilha ċentru ta’ rotot li jwasslu minn post għall-ieħor. Xi drabi, bħal San Pawl, rġiel u nisa mbuttati minn sitwazzjonijiet ta’ ħajja iebsa, ta’ vjolenza u ta’ persekuzzjoni, isibu ruħhom fuq ix-xtut Maltin. Naturalment, dan iġib miegħu problemi kumplessi fuq livell umanitarju, politiku u ġuridiku, problemi li ma ssibx soluzzjonijiet faċli għalihom, imma li wieħed irid jagħmel ħiltu  biex jibqa’ jfittixhom mingħajr ma jaqta’ qalbu, b’interventi fuq livell internazzjonali. Tajjeb li dan isir fin-nazzjonijiet kollha li għandhom valuri nsara bħala għeruq tal-Kostituzzjonijiet u l-kulturi tagħhom.
 
L-isfida li l-validita` dejjiema tal-Vanġelu ssib postha fis-sitwazzjoni kumplessa ta’ llum taffaxxinana lkoll, imma l-aktar liż-żgħażagħ. Fil-fatt, il-ġenerazzjonijiet ġodda dan jagħrfuh  b’mod  aktar qawwi, u allura, anki Malta, minkejja li ż-żjara tiegħi kienet qasira ma setax jonqos li niltaqa’ maż-żgħażagħ. Kien mument  ta’ djalogu intens u profond, imsebbaħ wkoll mill-ambjent fejn saret il-laqgħa – il-Port il-Kbir - u mill-entużjażmu taż-żgħażagħ. Ma stajtx ma nfakkarhomx fl-esperjenza ta’ San Pawl bħala żagħżugħ: esperjenza straordinarja, unika, li għax ġabet fih  bidla radikali   u wasslitu biex jiltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt, hi kapaċi tkellem liż-żgħażagħ ta’ kull żmien. Ħarist lejn iż-żgħażagħ ta’ Malta bħala dawk li jistgħu jkunu werrieta tal-avventura spiritwali ta’ San Pawl,  li bħalu huma msejħin biex jiskopru l-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla mogħtija lilna f’Ġesu` Kristu; biex iħaddnu l-misteru tas-Salib; biex joħorġu rebbieħa fit-tiġrib u fit-tbatija, biex ma jibżgħux fit-tempesti tal-ħajja u lanqas fin-nawfraġi, għax il-pjan tal-imħabba ta’ Alla hu aqwa mit-tempesti u min-nawfraġi.
 
Għeżież ħbieb, dan hu fil-qosor il-messaġġ li wassalt Malta. Imma kif ġa għidt,  kien ħafna dak li jien stess irċevejt  minn dik il-Knisja, minn dak il-poplu mbierek minn Alla, li għaraf jikkollabora b’mod validu mal-grazzja tiegħu. Jalla bl-interċessjoni tal-appostlu Pawlu, ta’ San Ġorġ Preca, saċerdot, l-ewwel qaddis Malti u tal-Verġni Marija, li l-Maltin u l-Għawdxin tant għandhom devozzjoni lejha, jkomplu dejjem mixjin ‘l qudiem fil-paċi u l-prosperita`.