Editorjal ta’ Fr. Lombardi: Il-Vjaġġ
tal-Papa f’Malta, festa mill-isbaħ ta’ fidi
Ferħ u konsolazzjoni. Dawn kienu ż-żewġ sentimenti ewlenin li tqanqlu
f’Benedittu XVI bil-festa li l-Maltin hejjew għalih meta kien qed jagħmel
iż-żjara appostolika tiegħu fil-Gżira tal-Mediterran matul is-Sibt u l-Ħadd li
għaddew. U flimkien mal-imħabba li ntweriet lejh, il-Papa ġarrab ukoll
sentiment qawwi ta’ ħniena f’laqgħa oħra biex il-Knisja tkompli l-mixja tagħha
ta’ fejqan. F’din in-nota, id-direttur ġenerali, Fr. Federico Lombardi,
jitkellem dwar l-aspetti differenti li kkaratterizzaw il-vjaġġ internazzjonali
ta’ Benedittu XVI:
L-ewwel vjaġġ ta’ din is-sena li l-Papa għamel f’art barranija kien tassew
meraviljuż. Għal darb’oħra, il-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat ta’ qabel ma
kinux ġustifikati. Il-merħba li l-qlub Maltin u l-għeruq kattoliċi tagħhom
hejjew għal Benedittu XVI kienet waħda mimlija spontanjetaˋ u ħeġġa memorabbli.
Din kompliet dejjem aktar tiżdied sakemm saret festa fuq il-baħar meta d-dgħajjes
akkumpanjaw lill-Papa fil-Port il-Kbir u meta fl-aħħar iż-żgħażagħ laqgħuh
b’entużjażmu kbir, tassew innu ta’ vitalitaˋ u tama.
Paradossalment, il-mument tant mistenni mill-media dinjija u li l-aktar
tkellmet dwaru – il-laqgħa ma’ xi wħud mill-vittmi tal-abbuż sesswali - kien l-uniku
wieħed li ħarab minn taħt għajnejha għax sar f’atmosfera diskreta ta’ talb u ta’
intimitaˋ personali. Imma l-mod li tkellmu dwaru xi wħud minn dawk li ħadu
sehem fih laqat b’mod profond għadd kbir ta’ nies: tneħħa piż kbir minn qlubhom,
il-fejqan beda, twieldu mill-ġdid il-fiduċja u t-tama. L-Erbgħa ta’ wara l-Papa
qal “qsamt magħhom it-tbatija” u “ħassejt ħafna għalihom”. Xi ġranet qabel kien
qal li l-penitenza hi grazzja, u meta wasal Malta biex ifakkar in-nawfraġu ta’
San Pawl, qal li dak in-nawfraġu kien bidu ġdid li minnu ħarġet il-fidi u t-tama
għal dawk li kienu jgħixu fil-gżira.
Hekk il-laqgħa mal-vittmi sabet it-tifsira tagħha ta’ tama fil-kuntest
tal-laqgħa tal-Papa ma’ Knisja ħajja fil-mixja tagħha, li kapaċi tagħraf
il-ġrieħi tagħha b’mod sinċier, imma wkoll li taqla’ l-grazzja tal-fejqan. Dan
hu messaġġ li kellna bżonnu.