Indirizz mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI
Fl-Okkażjoni Taż-Żjara Pastorali tiegħu
waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa
IL-FOSOS TAL-FURJANA, Malta
18 ta’ April 2010.
 
Santità,

Għada tkun qed tiċċelebra l-Ħames Anniversarju tal-Elezzjoni tiegħek għall-Papat nhar id-19 ta’ April 2005. Aħna nirringrazzjawk li aċċettajt din il-Missjoni u nawgurawlek Ad Multos Annos.

Aħna mlaqqgħin illum hawnhekk madwarek għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa. Qegħdin hawn biex nissaħħu bil-messaġġ tiegħek illum, u billi nirċievu l-Ewkaristija. Il-preżenza tiegħek fostna llum se tagħti qawwa ġdida u dimensjoni ġdida lill-Komunità tal-Knisja Kattolika f’dawn il-Gżejjer.

Il-Knisja Kattolika f’Malta għandha għeruq kulturali fondi fil-qlub tal-poplu tagħna. Ir-relazzjoni profonda bejn il-Poplu tagħna u l-Knisja Kattolika f’Malta tidher l-aktar fl-imħabba u d-devozzjoni kbar li bihom il-Maltin bnew il-Knejjes u postijiet ta’ kult tagħhom. Illum din tidher ukoll fin-numru kbir tal-popolazzjoni tagħna li għadhom jieħu sehem fedelment fil-ħajja tal-Knisja.

Il-Knisja Kattolika dejjem ikkontribwixxiet u għadha tagħmel dan għall-benessri soċjali tas-Soċjetà Maltija. Hi dejjem ħadet ħsieb u għadha tieħu ħsieb ħtiġijiet differenti tas-soċjetà tagħna: persuni b’diżabilità, anzjani, nies bi problemi tal-vizzju tad-droga, istituzzjonijiet għat-tfal, persuni li jfittxu ażil, u vittmi ta’ vjolenza domestika, u wkoll fis-settur tal-edukazzjoni. Dan jidher ukoll fl-appoġġ mogħti lil nies f’livell parrokkjali permezz ta’ parroċċi differenti. Dan hu wkoll affermat mill-kontribut li individwi, ispirati minn ideali Nsara, taw lir-realtà politika, kulturali u soċjali ta’ Pajjiżna.
 
Iżda llum aħna qed infittxu l-aktar evanġelizzazzjoni ġdida. Is-soċjetà nbidlet u hija sfida għall-Knisja Kattolika li teżamina lilha nnifisha u l-metodu ta’ evanġelizzazzjoni tagħha. Aħna nafu li issa l-Knisja tqis lilha nnifisha bħala Komunità li temmen fost il-popolazzjoni akbar Maltija. Hi għandha missjoni ta’ mħabba f’isem Kristu biex tixhed għall-fidi u għal dawk il-valuri inerenti f’din il-fidi, l-aktar dawk li jiċċentraw madwar il-qdusija tal-ħajja sa mill-mument tal-konċepiment, id-dinjità ta’ kull persuna u l-importanza fundamentali ta’ familja stabbli msejsa fuq iż-żwieġ.

Aħna nafu li fid-dawl ta’ dawn il-kondizzjonijiet li qed jinbidlu ma nistgħux biss nintrabtu ma’ mudell ta’ Knisja li drajna bih sekli sħaħ. Aħna rridu mmorru lura għall-Knisja kif tinkixef ftit ftit fl-Atti tal-Appostli: Knisja li tiċċentra madwar is-smigħ u l-qsim tal-Kelma u l-Ewkaristija; Knisja li tikber u titqawwa bl-esperjenza personali ta’ Kristu; Knisja li fiha l-membri tagħha mhumiex imfixklin bil-persekuzzjoni iżda jkomplu jixhdu bi mħabba għat-tagħlim tal-Mulej; Knisja li għaddiet mill-umiljazzjoni li ttradixxiet lill-Mulej fil-mument tal-Kruċifissjoni tiegħu għall-umiltà tal-predikazzjoni tal-Kelma bbażata fuq il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis aktar milli fuq is-saħħa tal-membri tagħha; Knisja umli biżżejjed biex tagħraf il-fallimenti u d-dnubiet tal-membri tagħha iżda b’saħħitha biżżejjed biex tafda fuq il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu; Knisja li ma tfittixx privileġġi iżda tistinka biss biex twassal l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej.

Santità, f’din l-evanġelizzazzjoni ġdida aħna ispirati mit-temi ewlenin tal-Ittri Enċikliċi tiegħek:
Fid-dawl tad-Deus Caritas Est aħna nafu li l-Knisja hija l-frott tal-imħabba kbira li Alla l-Missier għandu għal kull persuna, hi x’inhi n-nazzjonalità, razza u twemmin.

Mill-iSpe Salvi nafu li fir-Reliġjon Nisranija l-bniedem u s-salvazzjoni tiegħu qiegħed fiċ-ċentru tad-Divinità. Alla ma jibqax imbiegħed u maqtugħ, iżda jiġi fostna. Il-bniedem hu fiċ-ċentru tal-Missjoni tal-Mulej Tagħna.

Mill-Caritas in Veritate aħna nagħfu li l-Missjoni tal-Knisja hi li timmedja din ix-xorta ta’ Mħabba Divina. Il-Knisja tgħix din l-Imħabba madwar il-ħajja u t-tagħlim tal-Mulej Tagħna, tiċċelebraha fil-Komunità madwar l-Ewkaristija, u tixhed għaliha fil-ħajja ta’ kuljum.

Santità, dan hu possibbli biss jekk, wara li tagħti glorja lil Alla u lill-Mulej Tagħna Ġesù Kristu, il-Komunità tal-Knisja kollha kemm hi, kull wieħed minna, isir il-Glorja Tiegħu, u jippermetti lill-Mulej li jagħrafna bħala wliedu.

Missier Qaddis, aħna qed nistennew ħerqana l-messaġġ tiegħek illum biex tagħtina dawl u gwida ħalli tgħinna nwettqu din is-Sejħa u Missjoni Nisranija.
 
+ Paul Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta