ĦAL LUQA - 18.04.2010 - 18.40
Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Ċerimonja tat-Tluq
Traduzzjoni mit-test Originali Ingliż
 
Sur President,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
 
Wasalli l-ħin li nagħti l-addijo lil Malta. Nirringrazzja lil Alla għall-opportunità li tani li niltaqa’ ma’ tant minnkom u li nżur din il-gżira sabiħa. Nirringrazzja lill-President għall-kliem mimli kortesija tiegħu u nirringrazzjakom ilkoll li tajtuni merħba daqstant mill-qalb u ġeneruża. Il-vjaġġ tiegħi tani apprezzament aktar profond ta’ kif l-Evanġelju mxandar minn San Pawl fassal l-identità spiritwali tal-poplu Malti. Waqt li qed nitlaqhom ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, l-aktar billi tippromwovu l-valuri tal-Evanġelju li jagħtukom viżjoni ċara tad-dinjità umana u tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità.

Kunu ta’ eżempju, f’artkom u barra minn artkom, ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom. Ħarsu lejn il-futur b’tama, b’rispett profond għall-ħolqien ta’ Alla, b’reverenza għall-ħajja umana, u bi stima għolja għaż-żwieġ u għall-integrità tal-familja! Kunu wlied denji ta’ San Pawl!  

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-qalba tal-Mediterran, ħafna immigranti jaslu fuq xtut Malta, uħud maħrubin minn sitwazzjonijiet ta’ vjolenza u persekuzzjoni, oħrajn biex ifittxu kondizzjonijiet ta’ ħajja aħjar. Jien naf bid-diffikultajiet li jista’ jikkaġuna l-ilqugħ ta’ għadd kbir ta’ nies, diffikultajiet li ma jistgħux ikunu solvuti minn xi pajjiż waħdu meta jaslu l-ewwel fih. Fl-istess ħin jien fiduċjuż li, bis-saħħa tal-għeruq Insara tagħha u l-istorja twila u kburija fl-ilqugħ tal-istranjieri, Malta se tagħmel li tista’, bl-appoġġ ta’ Stati oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tgħin lil dawk li jaslu hawn u tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħhom.
 
Dawn l-għanijiet nobbli jiddependu fuq dedikazzjoni kostanti għall-ħidma mimlija sfidi favur djalogu u kooperazzjoni fl-ambitu tal-komunitajiet internazzjonali u Ewropej, entitajiet importanti fejn Malta tagħti xhieda tal-valuri Nsara li għenu biex tissawwar l-identità tagħha. Unità, solidarjetà u rispett reċiproku huma l-bażi tal-ħajja soċjali u politika tagħkom. Ispirati mill-fidi Kattolika tagħkom, huma l-boxxla li tiggwidakom fit-tfittxija ta’ żvilupp awtentiku u integrali. It-teżor tat-tagħlim soċjali tal-Knisja jispira u jiggwida dawn l-isforzi. Qatt tħallu li l-identità vera tagħkom tkun kompromessa mill-indifferentiżmu jew mir-relativiżmu. Jalla tibqgħu dejjem fidili għat-tagħlim ta’ San Pawl li jeżortakom biex “tishru, iżżommu sħiħ fil-fidi, tkun qalbenin, issaħħu ruħkom. Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba” (1 Kor 16:13-14).

Grazzi ħafna, il-Bambin iberikkom!