ĦAL LUQA - 17.04.2010 - 17.00
Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Ċerimonja ta’ Merħba
 
Sur President,
Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
Awtoritajiet Distinti,
Sinjuri,
 
Hu pjaċir kbir għalija li nkun hawn Malta magħkom illum. Jien ġejt fostkom bħala pellegrin biex inqim lill-Mulej u nfaħħru għall-għeġubijiet li għamel hawnhekk. Ġejt ukoll bħala s-Suċċesur ta’ San Pietru biex nikkonfermakom fil-fidi (ara Lq 22:32) u biex ningħaqad magħkom fit-talb lil Alla waħdani ħaj u veru, fil-kumpanija tal-Qaddisin kollha, inkluż l-Appostlu kbir ta’ Malta, San Pawl. Għalkemm iż-żjara tiegħi f’pajjiżkom hi qasira, nitlob li tħalli ħafna frott.

Jien grat, Sur President, għall-kliem ġentili li bih tajtni merħba f’ismek u f’isem il-poplu Malti. Nirringrazzjak tal-istedina tiegħek u għall-ħidma iebsa li int u l-Gvern għamiltu biex tħejju għaż-żjara tiegħi. Nirringrazzja lill-Prim Ministru, lill-awtoritajiet ċivili u militari, lill-membri tal-Korp Diplomatiku u lil kull min hu preżenti, li qed tonoraw din l-okkażjoni bil-preżenza tagħkom u għall-merħba kordjali tagħkom.
 
B’manjiera speċjali kien nagħti merħba lill-Arċisqof Pawlu Cremona, lill-Isqof Mario Grech u lill-Isqof Awżiljarju Annetto Depasquale, u wkoll lill-Isqfijiet l-oħra preżenti. Meta qed nagħtikom merħba, jien nixtieq nesprimi l-għożża tiegħu għas-saċerdoti, djakni, reliġjużi rġiel u nisa, u għall-fidili lajċi kollha fdati fil-kura pastorali tagħkom.

L-okkażjoni taż-żjara tiegħu f’dawn il-gżejjer hija l-elf disa’ mija u ħamsin anniversarju tan-nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtut Malta. San Luqa jiddeskrivi din il-ġrajja fl-Atti tal-Appostli, u hu minn dan ir-rakkont li intom għażiltu t-tema ta’ din iż-żjara: “Jeħtieg iżda li naslu fi gżira” (Atti 27:26). Uħud jistgħu jqisu l-miġja ta’ San Pawl f’Malta permezz ta’ ġrajja mhux mistennija bħala sempliċi inċident fl-istorja. Iżda l-għajnejn tal-fidi
jippermettulna nagħrfu f’dan il-ħidma tal-Provvidenza divina.

Malta, fil-fatt, kienet f’salib it-toroq ta’ ħafna mill-ġrajjiet u skambji kulturali kbar fl-istorja tal-Ewropea u tal-Mediterran sa l-istess żminijietna. Dawn il-gżejjer kellhom funzjoni importanti fl-iżvilupp politiku, reliġjuż u kulturali tal-Ewropa, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq. F’dawn il-gżejjer, mela, fid-disinji misterjużi ta’ Alla, l-evanġelju twassal minn San Pawl u mis-segwaċi bikrin ta’ Kristu. Il-ħidma missjunarja tagħhom tat frott kbir tul is-sekli u kkontribwixxiet b’għadd bla qies ta’ modi għat-tiswir tal-kultura għanja u nobbli ta’ Malta.
 
Bis-saħħa tal-qagħda ġeografika tagħhom, dawn il-gżejjer kienu ta’ importanza strateġika kbira f’aktar minn okkażjoni waħda, saħansitra fi żminijiet reċenti: fis-sewwa, il-George Cross fuq il-bandiera nazzjonali tagħkom jixhed bi kburija għall-kuraġġ kbir tal-poplu tagħkom waqt il-ġranet mudlama tal-aħħar gwerra dinjija. Daqstant ieħor, il-fortifikazzjonijiet li jikkaratterizzaw b’mod daqshekk prominenti l-arkitettura tal-gżira jitkellmu dwar ġlidiet imgħoddija meta Malta kkontribwixxiet tant kemm bl-art u kemm bil-baħar għad-difiża tal-Kristjaneżmu. Intom għadkom taqdu funzjoni siewja fid-dibattiti dejjem għaddejjin fuq l-identità, il-kultura u l-politika Ewropea. Fl-istess waqt, jien nieħu pjaċir ninnota l-impenn tal-Gvern tagħkom favur proġetti umanitarji fuq medda wiesgħa, l-aktar fl-Afrika. Hu ttamat ħafna li dan iservi biex jippromwovi l-benessri ta’ dawk l-anqas iffortunati minnkom, bħala espressjoni ta’ karità Kristjana ġenwina.
 
Fis-sewwa, Malta għandha ħafna x’tikkontribwixxi għal mistoqsijiet tant diversi fuq tolleranza, reċiproċità, immigrazzjoni, u kwistjonijiet oħrajn li huma kruċjali għall-futur ta’ dan il-kontinent. In-nazzjon tagħkom għandha tibqa’ tappoġġja l-indissolubilità taż-żwieġ bħala istituzzjoni kemm naturali u kemm sagramentali, u n-natura vera tal-familja, bl-istess mod li tappoġġja l-qdusija tal-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt naturali, u r-rispett xieraq dovut lill-libertà reliġjuża b’modi li jwasslu lil individwi u lis-soċjetà għal żvilupp integrali awtentiku.
 
Malta għandha wkoll rabtiet mill-qrib mal-Lvant Nofsani, mhux biss f’termini kulturali u reliġjużi iżda saħansitra lingwistiċi. Ippermettuli nħeġġiġkom biex din it-tagħqida ta’ ħiliet u qawwiet tużawha dejjem aktar biex isservi ta’ pont bejn il-popli, kulturi u reliġjonijiet li jdawru l-Mediterran. Għad hemm ħafna xi jsir biex jinbnew relazzjonijiet ta’ fiduċja ġenwina u djalogu li jagħti frott, u Malta qiegħda f’pożizzjoni tajba li testendi l-id tal-ħbiberija lill-ġirien tagħha tat-tramuntana u n-nofsinhar, tal-lvant u tal-punent.
Il-nies ta’ Malta, imdawlin għal kważi żewġ millennji mit-tagħlim tal-Evanġelju u msaħħin il-ħin kollu mill-għeruq insara tagħhom, huma ġustament kburin bil-funzjoni indispensabbli li l-fidi Nisranija kellha fl-iżvilupp tan-nazzjon tagħhom. Is-sbuħija tal-fidi tagħna hija espressa b’modi diversi u komplimentari ħawnhekk, u mhux l-anqas fil-ħajjiet ta’ qdusija li wasslu lil Maltin biex jagħtu lilhom infushom għall-ġid tal-oħrajn. Fost dawn irridu ninkludu lil Dun Ġorġ Preca li jien kelli l-pjaċir nikkanonizza kważi tliet snin ilu (3 ta’ Ġunju, 2007). Nistedinkom ilkoll biex issejħu l-interċessjoni tiegħu biex din l-ewwel żjara pastorali tiegħi fostkom tħalli frott spiritwali.
 
Jien nistenna b’ħerqa li nitlob magħkom kemm indum Malta u nixtieq niżgurakom, bħala missier u bħala ħukom, mill-imħabba tiegħi lejkom u mill-ħerqa tiegħi li maqsam magħkom dan iż-żmien f’ambjent ta’ fidi u ħbiberija. B’dawn il-ħsibijiet jiena nafdakom ilkoll fil-ħarsien tal-Madonna ta’ Pinu u ta’ missierkom fil-fidi, l-Appostlu l-kbir San Pawl.

Il-Mulej ibierek lill-poplu kollu ta’ Malta u ta’ Għawdex!