Il-Kardinal
Prospero Grech, jikkonċelebra mal-Papa Franġisku.
Fil-ftuħ tal-Konklavi li fihom il-Papa Franġisku
kien elett bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru,
il-Kardinal Malti Prospero Grech kien mexxa l-meditazzjoni
lill-Kardinali Eletturi. Ara d-diskors kollu li
kien għamel il-Kardinal Grech dakinhar,
12/03/2013.
Ikklikkja hawn
⇨
|
|
|
|
(Messaġġ
li rċevejna
b’email minn għand il-Kardinal Prospero Grech)
23 ta'
Frar 2014
Malli deher fil-gallarija ta’ San Pietru u qal “Buona
sera, io sono il vescovo di Roma” digà rebaħ qalb
kulħadd. Tridu taraw il-folol fil-pjazza kull nhar t’Erbgħa
u nhar ta’ Ħadd!
Jumejn wara l-elezzjoni tiegħu ikkonċelebrajt miegħu fil
parroċċa ta’ Sant. Anna. Wara l-quddiesa dam xi nofs siegħa
jiżżuffjetta man-nies, imbagħad daħal fis-sagristija, u lili
qalli: “Inti għamiltilna meditazzjoni sabiħa fil-konklavi,
imma (ippunta lejn sidru) ara ftit x’ħareġ minnha!” Jien
weġibtu. “Isma', aħna mhux kollha infallibbili bħalek,
żbalji nagħmlu.” Beda jidħak u berikna.
Dan hu l-Papa Franġisku. Imma l-istorja ma tispiċċax hawn.
Mill-ewwel bdew is-sorpriżi: ma riedx joqgħod fil-palazz
tal-Vatikan, mar joqgħod fil-lukanda ta’ Santa Marta,
jiekol man-nies. Tfittxux deheb fuqu, is-salib pettorali
tal-metall mixtri minn ħanut f’Borgo Pio. Il-priedki tiegħu
jinżlu għall-livell tal-bniedem l-iżjed sempliċi, imma
mimlijin spirtu. Kultant jgħid xi ħaġa li l-ġurnalisti
jinterpretawha ħażin, per eżempju meta qalu li jrid jiftaħ
għaż-żwieġ tal-gays.
Dan l-aħħar, iltqajt mal-kap tas-security, u biex
niċċajta staqsejtu jekk hux qiegħed jgħassu sew. Weġibni:
“Ħallini, ma nistgħux nilħqu miegħu, jaħirbilna minn
kullimkien!”
Madankollu, dan il-Papa qiegħed iġib riformi kbar fil-Kurja.
Barra x-xhieda tal-faqar li jrid iwassal għalina lkoll,
għażel xi kardinali li jaħsbuha bħalu biex ikun hemm
tmexxija kolleġġjali miegħu. Qiegħed jinżel fil-qiegħ
tal-problemi finanzjarji tal-Vatikan, wara ħafna għidut
tal-gażżetti fuq il-IOR. Issa li ppreżentaw ir-rapport
tagħhom il-kummissjoniet finanzjarji, nistennew tibdil kbir.
Kollox f’waqtu. Lis-Segretarju tiegħu Mons. Alfred Xuereb
iħobbu bħal ibnu.
Nitolbu għalih biex dan it-tibdil li ilna nixtiequh, isir
bil-prudenza kollha biex il-Knisja tibqa’ dejjem dawl
il-ġnus.
|
|