APPREZZAMENT TAL-ĠISEM TA' KRISTU: EWKARISTIJA U KNISJA

 

Introduzzjoni

Fl-2003, fid-dokument Ecclesia de Eucharistia, il-Papa Ġwanni Pawlu II stieden ‘lill-Knisja biex taħseb fiċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija’. Għaldaqstant l-istess Papa jistaqsi: ‘kif nista’ ma nħossx il-bżonn li nħeġġiġkom ilkoll biex tirriflettu dejjem iżjed fuq din il-verità?’

Matul din is-serata qed niċċelebraw l-apprezzament tagħna tal-Ġisem ta’ Kristu: qed nippruvaw nagħtu prezz, nivvalorizzaw il-Ġisem ta’ Kristu. Diskors konsumerista li jirrifletti d-dinja tal-bejgħ u tax-xiri: fejn kollox jiswa l-flus, u fejn anki dak li jingħata b’xejn, nixtiequ nagħtuh prezz. Imma tista’ tpoġġi prezz fuq l-Ewkaristija? Li kieku Ġesu’ taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid kellu jkun għall-bejgħ, xi prezz taqbad twaħħal miegħu? U xi prezz taqbad twaħħal fuq il-Knisja, li hi wkoll ‘ġisem ta’ Kristu’?

Minflok ‘apprezzament’, forsi jkun aħjar li nitkellmu minn “għoġba” ewkaristika, kif jagħmel il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Ecclesia de Eucharistia, jew inkella minn ‘konoxxenza’, kif jagħmel l-istess Papa f’Mane Nobiscum Domine. F’din tal-aħħar, il-Papa jitkellem minn ‘konoxxenza ħajja tal-preżenza reali ta’ Kristu’, frażi li tfakkarna ħafna fid-diskursata bejn Ġesu’ u l-ewwel dixxipli fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Meta dawn staqsewh fejn jgħammar, weġibhom ‘Ejjew u taraw’(Ġw 1:39). Din kienet ix-xewqa ta’ Ġesu’, l-istennija tiegħu...konoxxenza tiegħu, li jkun miegħu, iktar milli li jadurawh u li jkunu ‘devoti’ tiegħu.

L-Ewkaristija

Fl-aħħar Ċena, hu evidenti li dak li xtaq jagħti Ġesu’ lill-Appostli kien lilu nnifsu, ġismu, demmu, ruħu, l-istess umanita’ u divinita’ tiegħu, u jidher li dak li xtaq mill-appostli ‘awl il-lejl qabel ma’ miet’ kienet il-preżenza tagħhom: ġisimhom, moħħhom, qalbhom, ruħhom. Anki fil-ħasil tar-riġlejn, kien qiegħed jgħid lill-appostli dak li rari nisimgħu fid-dinja tal-lum. ‘I am here for you! All that I am, and all that I have, is here for you!’ Din ir-realta’ hi qawwija ħafna fil-Evanġelju ta’ San Luqa. Kif jibda r-rakkont tal-Aħħar Ċena Luqa? ‘Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati” (Lq 21:15). ‘Paradossalment, fl-istess Evanġelju, din ix-xewqa ta’ Ġesu’ li jkun mal-bniedem hi riflessa fil-kliem (fiċ-ċanfira) tal-Missier lill-Iben il-kbir tal-Parabbola tal-Iben il-Ħali. ‘Ibni, inti dejjem miegħi u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek’ (Lq 15:31). Fi Ġwanni: “Ibqgħu fija, u jien nibqa’ fikom”...U jkompli, jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa' fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom  (Ġw 15:4).

Alla jrid ikun mal-bniedem. Alla li sar xejn irid ikun mal-bniedem. U l-bniedem ukoll, mhu xejn mingħajr Alla. Il-bniedem li hu xejn jixtieq lil Alla. L-innu magħruf "Abide with Me", mibni fuq il-kliem ta’ San Ġwann, għalkemm kitba ta’ Anglikan, tirrifletti ħafna l-qawwa ta’ dan is-sagrament, u x-xewqa profonda tan-nisrani quddiem dan is-sagrament, li jkun akkumpanjat fil-ħajja (Ġw 15:4). Hi attitudni ta’ fidi u ta’ umilta’, ta’ qtigħ il-qalb, u fl-istess ħin ta’ tama. Fi kliem San Ġorġ Preca. ‘Jien għandi bżonnok f’kollox u għal kollox’.

         Dak li saħaq fuqu Ġesu’ fil-mument tat-twaqqif ta’ dan is-sagrament kien iktar il-preżenza tiegħu mal-Appostli. Kemm l-Ewkaristija u kemm il-Knisja huma sagrament, li mhux biss iwiegħdu l-kumpanija ta’ Alla imma jiċċelebraw li Alla hu tassew mal-bniedem. Alla li jrid jibqa’ mal-bniedem, li ma jixba’ minnu qatt. U l-bniedem li jeħtieġ lil Alla. U li jsib l-ikbar serħan tiegħu fil-preżenza ta’ Alla. Kif jgħid Stu Wistin, il-qalb tagħna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistriehx fih (L-Istqarrijiet, Ktieb 1).

         Din hi eku ta’ tant siltiet mill-Iskrittura li jiċċelebraw Alla mal-bniedem. Il-kliem tal-Anġlu lil Marija ‘Il-Mulej miegħek’ (Lq 1:28), kif ukoll ‘Għimmanu-El’ (‘Alla magħna’ (Mt 1:23), huma fost l-iktar frażijiet li mhux biss huma konsolanti għan-nisrani, imma jirriflettu xi tfisser l-istess ‘Rivelazzjoni’. Imbagħad hemm il-wegħda ta’ Kristu, “Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Dawn il-frażijiet, li huma pjuttost abbundanti fl-Iskrittura: Dominus Tecum, Għimmanu-El huma d-definizzjoni per eċċellenza tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija tfisser ‘Alla miegħek’.

Meta niġu għall-attitudni mistennija min-nisrani quddiem dan il-misteru, imdorrijin nitkellmu l-iktar minn ‘devozzjoni’ u minn ‘adorazzjoni’. L-innu Adoro te devote (Jien nadurak bil-qima) ta’ San Tumas ta’ Aquino  mhu se jmut qatt. Imma l-adorazzjoni mhix l-uniku mod kif inkunu preżenti quddiem Kristu Ewkaristija, minkejja l-impressjoni li kultant jagħtuna wkoll xi dokumenti tal-Knisja. L-adorazzjoni hi biss mod wieħed ta’ kif il-bniedem ikun preżenti quddiem Alla. Fl-Ewkaristija Kristu jitlobna nibqgħu miegħu, filwaqt li aħna, fi kliem id-dixxipli ta’ Għemmaws nitolbuh ‘jibqa’ magħna’. Iktar minn adorazzjoni, hija karba tal-bniedem li tesprimi l-iżolament u n-nuqqas ta’ sens li kultant iħoss fl-esperjenza tal-ħajja. Ix-xewqa evidenti ta’ Kristu li jrid jibqa’ maghna sal-aħħar tegħleb il-pjaga tas-solitudni li tgħabba biha Kristu u li nġorru aħna matul ħajjitna u tagħti tama lill-bniedem fit-taħbit tal-ħajja. L-Ewkaristija hi Kristu aċċessibbli għall-morda li jirċievu lil Kristu fi djarhom jew fl-isptarijiet. Hi l-preżenza ta’ Kristu, anki f’dawk il-parroċċi f’pajjiżi fejn m’hemmx saċerdot ordnat. Bla ma jaf, anki l-bniedem li ma jafx bi Kristu qiegħed kontinwament isejjaħ lil Kristu bl-istess kliem li nsibu fit-tmiem tat-Testment il-Ġdid ‘Ejja Mulej Ġesu’ (Apok 22:20). U Kristu qiegħed iwieġeb lil kull bniedem, mhux biss lin-nisrani, bil-preżenza kontinwa tiegħu fid-dinja: preżenza dinamika. Alla dejjem ġej.

         Jidhirli li l-ħsieb ta’ Kristu Ewkaristija bħala preżenza tappella għall-bniedem tal-lum ħafna iktar minn kunċetti oħra li tradizzjonalment jintużaw għall-Ewkaristija. Dan il-kunċett mhux biss jgħinna nifhmu aħjar l-Ewkaristija, iżda jista’ jgħinna nifhmu x’qed jistenna minna Alla kemm bħala individwi fil-ħajja nisranija u kemm bħala Knisja, fil-ħajja ekkleżjali.

         Xi jrid mingħandna Kristu llum? Bħala individwi, u bħala Knisja, kif se nesprimu l-‘konnoxxenza ħajja’ tagħna tal-Ewkaristija? Il-‘konoxxenza’ tal-Ewkaristija jseħħ biss billi kultant nesponu s-Sagrament? Billi norganizzaw adorazzjonijiet quddiem is-sagrament, jew purċissjonijiet bis-Sagrament? Billi nsebbħu l-arkitettura, inżidu l-linef tal-kristall, l-iskultura, u l-pittura tal-Knejjes tagħna? Ir-rakkont tal-Evanġelju ma jikkonvinċiniex li (mill-bniedem) Kristu jrid adorazzjoni pompuża, dehbijiet u ġawhar prezzjuż. Anzi, l-ittra lil Lhud iċċanfarna: "Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk" (Lh 10:8). Il-lussu żejjed tal-knejjes tagħna isiru skandlu għal ħafna jekk dan ma narawhx fid-dawl tal-ħsieb ta’ preżenza. Kien forsi dan il-ħsieb li ġiegħel lil missirijietna jħallsu bi flushom għal tant oġġetti sagri li nsibu fil-knejjes Maltin: għal lampieri tqal, li ma jixbgħux inemnu lejl u nhar, għal ventartali imbuzzati bid-deheb, għal tabernakli miksija b’ħaġar prezzjuż? Riedu forsi missirijietna jagħtu biċċa minnhom infushom, biex, b’mod indirett, dejjem ikunu fil-preżenza ta’ Kristu? ‘Għamiltha jien, ħallast għaliha jien, u qegħda hemm, bil-lejl u bin-nhar preżenti miegħu, anki meta jien xogħol, u anki meta ħajti tispiċċa, dan il-wirt jibqa’ hemm’.

Il-preżenza tiegħi quddiem l-Ewkaristija mhix biss preżenza li sserraħni. Mhix biss post fejn nista’ ninsa d-dinja, naħrab mid-dinja eżiġenti ta’ madwari. Mhix biss preżenza li tferraħni, li toffri tama lil dinja li hi qalbha maqtuha, għalkemm hi hekk ukoll. Imma mhux biss. Hi wkoll tingiża imbuttatura, fjamma li tqabbadni biex niffaċċja r-realta’ u biex ngħix s-sejħa tiegħi fid-dinja. Hi preżenza li tbiddilni, bħalma tiskurani x-xemx Maltija. Hi preżenza ta’ tiġdid. Għalhekk ukoll ried il-Mulej jibqa’ magħna fl-Ewkaristija, biex, bil-preżenza tiegħu jinħoloq ‘Jien’ ieħor, tinħoloq umanità ġdida. Li nikkontemplaw lil Kristu fl-Ewkaristija jfisser li aħna lesti li  nagħrfuh kull fejn juri ruħu, fid-diversita’ kbira tal-preżenza tiegħu fil-Knisja u fid-dinja. Hans Urs von Balthasar jgħid li ‘Jekk Kristu jibqa’ preżenti fostna sagramentalment, dan jagħmlu sabiex il-fidili jistgħu jagħrfu l-preżenza tiegħu anki barra mis-sagramenti’. U mhux biss jagħrfu l-preżenza tiegħu, iżda jagħtuh ħajjithom biex imexxiha hu. Għaldaqstant, it-tixbiha li jġib il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Ecclesia de Eucharistia, ‘bejn il-Fiat li Marija qalet lill-anġlu u bejn l-Amen li jgħid kull fidil meta jitqarben’ hi tassew relevanti. Dik l-Amen li ngħidu kull meta nidhru quddiem l-ispeċi kkonsagrati, irridu ngħiduha wkoll  quddiem il-misteru tal-ħajja li dwarhom nitkellmu ma’ Kristu Ewkaristija fis-skiet.

Kif jgħid ukoll l-istess Papa, l-Ewkaristija ma tibqax biss il-‘misteru tal-fidi’, imma ssir “misteru ta’ dawl”.   Quddiem l-Ewkaristija, għajnejna jinfetħulna u nagħrfuh” kif ġara maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24:31). Nagħrfu l-ikbar misteru. U l-ikbar misteru tal-Ewkaristija mhux it-transustanzazzjoni! L-ikbar misteru tal-Ewkaristija hu l-imħabba ta’ Alla għalina. L-ikbar misteru hu l-fatt li “Il-Mulej Ġesù, waqqaf is-Sagrifiċċju ewkaristiku ta’ Ġismu u Demmu fil-lejl li fih kien ittradut”(1 Kor 11:23) Għaldaqstant, dak li l-iktar jinteressana mhux il-kif iseħħ il-misteru, imma l-għaliex iseħħ. Hu l-fatt li, kif jgħid il-Malti, ħabbna għall-mewt, u li jixtieq li din l-imħabba ma tintesiex.

 

Il-Knisja

Ecclesia de Eucharistia tiddeskrivi l-Ewkaristija bħala ‘l-ħajja tal-Knisja, il-“ħobż ħaj” li jgħajjixha’. Tiddeskrivi l-Ewkaristija bħala ‘Ġesù salvatur preżenti fil- komunità tal-fidili għall-għajxien spiritwali tagħhom’. Għaldaqstant, il-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija mhix biss is-sigriet biex nifhmu l-ħajja spiritwali tagħna, imma hi wkoll is-sigriet biex nifhmu n-natura u l-ħajja tal-Knisja li aħna membri tagħha. L-Ewkaristija tagħti lin-nisrani raġuni għalfejn iħobb il-Knisja, minkejja d-dnub tagħha, u tgħinu jiġġudika d-direzzjoni pastorali li tkun qed tieħu l-Knisja.

Il-Knisja hi realta’ li, bħall-Ewkaristija, tesprimi x-xewqa ta’ Alla li jkun viċin il-bniedem u li tifraħ meta tara li Kristu għadu magħna. Dak li jeħtieġ il-bniedem tal-lum, iktar minn qatt qabel, hu li xi ħadd ikun preżenti miegħu. Alla jrid ikun mal-bniedem, u l-Knisja trid tkun mal-bniedem: ma’ kull bniedem, imma l-iktar mal-marid, mal-moribond, mal-anzjan, mal-fqir, ma’ min iħossu waħdu, (u xi ħaġa relevanti ħafna għal pajjiżna) ma’ min qiegħed ibati għax falla ż-żwieġ tiegħu, u mal-immigrant. Fuq xbiha tal-Ewkaristija, il-messaġġ ta’ kull nisrani għall-oħrajn, u tal-Knisja għad-dinja, irid ikun: ‘I am here for you.’

Kulħadd għandu aċċess għal din il-preżenza ta’ Kristu: kemm għal dik ewkaristika u kemm għal dik ekkleżjali. Jekk ma nistgħux induqu, jew nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu, nistgħu narawh, nisimgħuh, immissuh. Anki dawk il-persuni li huma mċaħħda milli jirċevuh minħabba l-mard, jew minħabba l-istil tal-ħajja tagħhom jistgħu jarawh, jisimgħuh, imissuh. Anzi lil dawn il-Knisja trid tħeġġiġhom aktar biex ma jitbiegħdux mill-preżenza ewkaristika ta’ Kristu, li hi reali barra mill-Quddiesa, daqskemm waqt il-Quddiesa! Li tibqa’ reali, anki jekk aħna ma nersqux lejn il-Knisja. Kif jgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Ewkaristija nsibu ‘t-teżor tal-Knisja, il-qalb tad-dinja, ir-rahan ta’ dak l-skop li għalih jixxennqu l-bnedmin kollha anki jekk ma jintebħux.

 

Konklużjoni

Kulħadd hu familjari mal-ġrajja rrakkuntata fil-ħajja tal-Kurat ta’ Ars ta’ dak l-anzjan li kien ikun fil-knisja jħares lejn Ġesu’ Ewkaristija, u jħalli lil Kristu jħares lejh. Din l-istorja aktarx smajnieha meta konna għadna żgħar fil-klassijiet tad-duttrina, imma r-relevanza u l-faxxinu tagħha għadu jidwi f’qalbna. Anki llum, ikun biżżejjed għan-nisrani individwali, u jkun biżżejjed għall-Knisja, li tħares lejn Kristu, u li tħalli lil Kristu jħares lejha.

 

Ms Pauline Dimech SDC

Membru tal-Kummissjoni Teoloġika.

 

Għan-noti u referenzi ta’ testi kwotati ara l-verzjoni stampata li tista’ ssib link għaliha mix-xellug tal-paġna.