|
KONGREGAZZJONI GĦALL-KLERU
Messaġġ għal Jum
il-Qdusija tal-Kleru 2018
Għeżież
Saċerdoti,
Il-Jum
tal-Qdusija tal-Kleru,
iċċelebrat fis-Solennità
tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù,
joffrilna l-okkażjoni biex
nieqfu ftit fil-preżenza
tal-Mulej, biex inġeddu
l-memorja tal-laqgħa tagħna
miegħu u, hekk, inġeddu
l-missjoni tagħna għall-qadi
tal-Poplu ta’ Alla. Fil-fatt, ma
rridux ninsew li l-ġmiel
tal-vokazzjoni li ġibidna lejh,
il-ħeġġa li biha għażilna li
nimxu fit-triq
tal-konsagrazzjoni speċjali
lill-Mulej, u l-mirakli li naraw
iseħħu fil-ħajja presbiterali
tagħna, għandhom il-bidu tagħhom
fil-laqgħa ta’ żewġ ħarsiet li
seħħet bejn Alla u kull wieħed u
minna.
Fil-fatt, ilkoll
kemm aħna “f’ħajjitna kellna
xi laqgħa jew oħra miegħu”
u, kull wieħed minna jista’
jgħarrex fil-memorja spiritwali
tiegħu u jerġa’ lura għall-ferħ
ta’ dak il-mument “li fih
ħassejt lil Ġesù jħares lejja”
(il-Papa Franġisku, Omelija
f’Santa Marta, 24 ta’ April
2015).
Anki l-ewwel
dixxipli ġarrbu l-ferħ
tal-ħbiberija ma’ Ġesù, li
bidlilhom ħajjithom għal dejjem.
Madankollu, wara li ħabbrilhom
il-Passjoni, fuq qalbhom niżel
velu ta’ dlam li dallmilhom
il-mixja tagħhom. Il-ħeġġa
tal-mixja wara Ġesù, il-ħolma
tas-Saltna ta’ Alla mnedija
mill-Imgħallem u l-ewwel frott
tal-missjoni, issa jkollhom
iħabbtu wiċċhom ma’ realtà iebsa
u li ma tiftehimx, u li theżżeż
it-tama, tkabbar id-dubju u
tirriskja li ġġib fix-xejn
il-ferħ tax-xandir tal-Vanġelu.
Dan jista’ jiġri
dejjem, imqar fil-ħajja
tas-saċerdot. Il-memorja mimlija
gratitudni tal-laqgħa tal-bidu,
il-ferħ tal-mixja u ż-żelu
tal-ministeru appostoliku, li
forsi wieħed ikun żamm ħajja
għal snin u f’sitwazzjonijiet
mhux dejjem ħfief, jistgħu jċedu
quddiem il-pass tal-għeja jew
il-qtigħ il-qalb, u hekk jikber
id-deżert tan-nixfa interjuri u
l-ħajja saċerdotali tagħna tisfa
mdawra bid-dalma tad-diqa.
Imma proprju
f’dawn il-mumenti, il-Mulej, li
ma jinsa qatt il-ħajja ta’
wliedu, jistedinna nitilgħu
miegħu fuq il-Muntanja, kif
għamel ma’ Pietru, Ġakbu u
Ġwanni, meta tbiddel quddiemhom.
Meta “tellagħhom fuq muntanja
għolja” u “waħidhom”, Ġesù
għenhom iwettqu l-vjaġġ
mill-isbaħ tal-bidla: mid-deżert
għat-Tabor u mid-dlam għad-dawl.
Għeżież
saċerdoti, għandna bżonn li, ta’
kuljum, niġu ttrasfigurati minn
laqgħa dejjem ġdida mal-Mulej li
sejħilna. Li nħalluh “itellagħna
fl-għoli” u nibqgħu “waħidna”
miegħu, mhuwiex xi obbligu
tal-uffiċċju tagħna, prattika
esterjuri jew ħela ta’ ħin li
jtellifna mill-ministeru tagħna,
imma l-għajn li tgelgel u tnixxi
fina biex ma tħallix l-“hawn
jien” tagħna jinxef u jixxotta.
Għalhekk, aħna u
nikkontemplaw ix-xena
tal-vanġelu
tat-Trasfigurazzjoni, nistgħu
nilmħu tliet passi ċkejknin, li
jgħinuna nwettqu l-iva tagħna
lill-Mulej u nġeddu l-ħajja
saċerdotali tagħna: nitilgħu
fil-għoli, inħalluh
jibdilna, insiru dawl
għad-dinja.
1.
Nitilgħu
fil-għoli,
għax jekk nibqgħu dejjem moħħna
fl-affarijiet li rridu nagħmlu,
nirriskjaw li nsiru lsiera
tal-preżent, li nintilfu
fil-faċendi ta’ kuljum, li
nibqgħu kkonċentrati wisq fuqna
nfusna, u li, hekk, naħżnu għeja
u frustrazzjonijiet li jistgħu
jwasslu għall-qerda tagħna.
Bl-istess mod, li “nitilgħu
fil-għoli” hi l-mediċina kontra
dawk it-tentazzjonijiet
tal-“mondanità spiritwali” li,
anki jekk moħbija wara
l-apparenzi reliġjużi, ibegħduna
minn Alla u minn ħutna, u
jġagħluna npoġġu ċ-ċertezzi
tagħna fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma aħna jeħtieġ li ta’ kuljum
nogħdsu fl-imħabba ta’ Alla,
b’mod speċjali permezz tat-talb.
Meta nitilgħu fuq l-għolja, dan
ifakkarna li ħajjitna hi tlugħ
kontinwu lejn id-dawl li jiġi
mill-għoli, vjaġġ lejn it-Tabor
tal-preżenza ta’ Alla, li jiftaħ
beraħ ixfqa ġodda u li
jgħaġġbuna. Din ir-realtà mhix
biex tħarrabna mill-ħidmiet
pastorali u l-isfidi ta’ kuljum
li dejjem jiġru warajna, imma
trid tfakkarna li Ġesù hu
ċ-ċentru tal-ministeru
saċerdotali, u li kollox nistgħu
biss bis-saħħa ta’ Dak li
jqawwina (ara Fil 4:13).
Għalhekk, “it-tlugħ
tad-dixxipli lejn il-muntanja
Tabor iġegħelna nirriflettu dwar
kemm hu importanti li ninqatgħu
minn mal-ħwejjeġ tad-dinja, biex
nagħmlu mixja ’l fuq u
nikkontemplaw lil Ġesù. Ifisser
li għandna nkunu miftuħin
għas-smigħ attent u ta’ talb ta’
Kristu, l-Iben il-maħbub
tal-Missier, billi nfittxu
waqtiet biex nitolbu, li fihom
nilqgħu bil-ħlewwa u l-ferħ
il-Kelma ta’ Alla” (il-Papa
Franġisku, Angelus, 6 ta’
Awwissu 2017).
2.
Inħalluh
jibdilna,
għax il-ħajja saċerdotali mhix
programm fejn kollox diġà tlesta
minn qabel jew uffiċċju
burokratiku li għandu jsir skont
skema stabbilita minn qabel;
bil-maqlub, din hi l-esperjenza
ħajja tar-relazzjoni ta’ kuljum
mal-Mulej, li tagħmel minna
sinjal tal-imħabba tiegħu fi
ħdan il-Poplu ta’ Alla.
Għalhekk, “ma nistgħux ngħixu
l-ministeru bil-ferħ mingħajr ma
ngħixu mumenti ta’ talb
personali, wiċċ imb wiċċ
mal-Mulej, billi nitkellmu,
nidħlu f’konverżazzjoni miegħu”
(il-Papa Franġisku, Laqgħa
mal-kappillani ta’ Ruma, 15
ta’ Frar 2018). F’din
l-esperjenza, niġu mdawlin
mill-Wiċċ tal-Mulej u mibdula
mill-preżenza tiegħu. Anki
l-ħajja saċerdotali tfisser li
“nħallu tibdilna” l-grazzja ta’
Alla biex il-qalb tagħna
tinbidel f’waħda li, bħal dik
ta’ Kristu, turi ħniena,
mogħdrija u tinkludi lil
kulħadd. Dan ifisser
sempliċiment li nkunu – kif
fakkarna dan l-aħħar il-Papa –
“qassisin normali, sempliċi,
umli, bilanċjati, imma li kapaċi
l-ħin kollu nħallu lill-Ispirtu
jnissilna mill-ġdid”
(il-Papa Franġisku, Omelija
fil-Konċelebrazzjoni Ewkaristika
mal-Missjunarji tal-Ħniena,
10 ta’ April 2018). Dan
it-tnissil mill-ġdid iseħħ
qabelxejn permezz tat-talb, li
jibdel il-qalb u jittrasforma
l-ħajja: kull wieħed minna
“jsir” Dak li lilu jitlob.
Tajjeb niftakru, f’dan il-Jum
ta’ Qdusija, li “l-qdusija hi
magħmula minn qalb li tidra
tinfetaħ għat-traxxendenza, li
tesprimi ruħha fit-talb u
fl-adorazzjoni. Il-qaddis hu
persuna bi spirtu ta’ talb, li
tħoss il-bżonn li tikkomunika
ma’ Alla” (il-Papa
Franġisku, Gaudete et
exsultate, n. 147). Jekk
nitilgħu fuq il-Muntanja, niġu
mdawla mid-dawl ta’ Kristu u
nistgħu ninżlu fil-wied u
nwasslu lil kulħadd il-ferħ
tal-Vanġelu.
3.
Insiru dawl
għad-dinja,
għax l-esperjenza tal-laqgħa
tagħna mal-Mulej tibgħatna
fit-triq tal-qadi lill-aħwa,
il-Kelma tiegħu ma tridx tibqa’
magħluqa fil-privat
tad-devozzjoni personali u ’l
ġewwa mill-ħitan tat-tempju u,
fuq kollox, il-ħajja saċerdotali
hi sejħa missjunarja, li titlob
minna l-kuraġġ u l-ħeġġa li
noħorġu minna nfusna biex
inxandru lid-dinja kollha kulma
smajna, rajna u missejna
b’idejna fl-esperjenza personali
tagħna (ara 1 Ġw 1:1-3). Li
nlaqqgħu lill-oħrajn mal-ħlewwa
u l-imħabba ta’ Ġesù, biex
kulħadd jista’ jintlaħaq
mill-preżenza tiegħu li teħles
mill-ħażen u tibdel il-ħajja
kollha, dan hu l-ewwel xogħol
tal-Knisja u, għalhekk, l-ewwel
ħidma kbira appostolika
tal-presbiteri. Jekk hemm xewqa
li rridu nieħdu ħsiebha, hi dik
li “nkunu qassisin li kapaċi
‘nerfgħu’ fid-‘deżert’ tad-dinja
s-sinjal tas-salvazzjoni,
jiġifieri s-Salib ta’ Kristu,
bħala għajn ta’ konverżjoni u
ta’ tiġdid għall-komunità kollha
u għad-dinja stess” (il-Papa
Franġisku, Omelija
fil-Konċelebrazzjoni Ewkaristika
mal-Missjunarji tal-Ħniena,
10 ta’ April 2018). Il-ġmiel
tal-laqgħa mal-Mulej għandu
jitlaħħam f’impenn ta’ ħajja
għall-qadi tal-Poplu ta’ Alla
li, spiss miexi fil-wied mudlam
tat-taħbit, it-tbatijiet u
d-dnub tiegħu, għandu bżonn ta’
Ragħajja mdawlin u li jiddu bħal
Mosè. Fil-fatt, “fi tmiem
l-esperjenza meraviljuża
tat-Trasfigurazzjoni,
id-dixxipli niżlu minn fuq
il-muntanja (ara v. 9)
b’għajnejhom u qlubhom
ittrasfigurati minħabba l-laqgħa
mal-Mulej. Hija l-mixja li
nistgħu nagħmlu aħna wkoll.
L-iskoperta ta’ Ġesù li ssir
dejjem aktar ħajja, mhix għan
fih innifsu, imma ġġegħelna
‘ninżlu minn fuq il-muntanja’,
imġeddin mill-qawwa tal-Ispirtu
Divin, biex nieħdu passi ġodda
ta’ konverżjoni u biex inkunu
xhieda bla ma naqtgħu
tal-karità, bħala regola
tal-ħajja ta’ kuljum. B’hekk,
ittrasformati mill-preżenza ta’
Kristu u mill-ħeġġa tal-Kelma
tiegħu, insiru sinjal konkret
tal-imħabba li tagħti l-ħajja,
li Alla għandu għal ħutna
kollha, speċjalment għal min
ibati, għal min jgħix
fis-solitudni u mwarrab,
għall-morda u għall-għadd kbir
ta’ rġiel u nisa li, f’diversi
nħawi tad-dinja, huma umiljati
mill-inġustizzja,
mill-prepotenza u l-vjolenza”
(il-Papa Franġisku, Angelus,
6 ta’ Awwissu 2017).
Għeżież
saċerdoti, jalla l-ġmiel ta’ dan
il-jum, ikkonsagrat lill-Qalb
Imqaddsa ta’ Ġesù, ikattar fina
x-xewqa tal-qdusija. Il-Knisja u
d-dinja għandhom bżonn ta’
saċerdoti qaddisin! Il-Papa
Franġisku, fl-Eżortazzjoni
Appostolika l-ġdida fuq
il-qdusija, Gaudete et
Exsultate, fakkarna f’dawk
is-saċerdoti appassjonati
fix-xandir tal-Vanġelu, u
afferma li “l-Knisja
m’għandhiex bżonn ta’ tant
burokrati u funzjonarji, imma
ta’ missjunarji mqanqla,
imkebbsa bil-ħeġġa li jwasslu
l-ħajja vera. Il-qaddisin
jgħaġġbuna, jaqbduna fuq sieq
waħda, għax ħajjithom issejħilna
biex noħorġu mill-medjokrità
trankwilla u li lluppjatna”
(il-Papa Franġisku, Gaudete
et exsultate, n. 138).
Jeħtieġ li nwettqu, qabelxejn
ġewwa fina, din il-mixja ta’
trasfigurazzjoni: nitilgħu fuq
il-Muntanja, inħallu lill-Mulej
jibdilna, biex imbagħad insiru
dawl għad-dinja u għall-persuni
fdati f’idejna. Ħa tkun Marija
Santissma, il-Mara tad-dawl u
Omm is-saċerdoti, li timxi
magħkom u tħariskom dejjem.
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|