MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

BENEDITTU XVI

GĦAT-TMIENJA U GĦOXRIN JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 

2013

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha!” (ara Mt 28:19)

 

 

Għeżież ħbieb żgħażagħ,

 

Insellmilkom ilkoll bi mħabba u ferħ kbir.  Jiena ċert li ħafna minnkom ġejtu lura mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid iktar “b’għeruqkom imniżżla u ħajjitkom mibnija fuq Ġesù Kristu, sħaħ fil-fidi” (ara Kol 2:7).  Din is-sena fid-Djoċesijiet tagħna ċċelebrajna l-ferħ li aħna Nsara, u bħala tema ħadna: “Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4:4).  U issa qed nitħejjew għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss, li sa jsir f’Rio de Janeiro, il-Brażil, f’Lulju 2013.

 

Qabel xejn, nistedinkom għal darb’oħra biex tieħdu sehem f’din il-ġrajja importanti.  L-istatwa famuża ta’ Kristu Salvatur li hemm tħares fuq dik il-belt sabiħa Brażiljana sa tkun simbolu elokwenti għalina.  Id-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu huma sinjal ta’ kemm jixtieq iħaddan miegħu lil dawk kollha li jiġu għandu, u qalbu tirrappreżenta l-imħabba kbira tiegħu għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda minnkom.  Ħallu lil Kristu jiġbidkom lejh!  Għixu din il-laqgħa flimkien maż-żgħażagħ l-oħrajn kollha li sa jinġabru flimkien f’Rio għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss!  Ilqgħu l-imħabba ta’ Kristu u intom issiru x-xhieda li tant teħtieġ id-dinja tagħna.

 

Nistedinkom tħejju għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro billi timmeditaw sa minn issa t-tema ta’ din il-laqgħa: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha!” (ara Mt 28:19).  Dan hu l-mandat missjunarju għoli li Kristu ta lill-Knisja kollha, u l-lum, elfejn sena wara, jibqa’ urġenti daqs qatt qabel.  Dan il-mandat għandu jsib eku qawwi fil-qlub tagħkom.  Din is-sena ta’ tħejjija għal-laqgħa ta’ Rio qed taħbat mas-Sena tal-Fidi, li bdiet bis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet iddedikat għall-“Evanġelizzazzjoni l-Ġdida għat-Trasmissjoni tal-Fidi Nisranija”.  Jien kuntent li intom ukoll, għeżież żgħażagħ, intom involuti f’din il-ħidma missjunarja tal-Knisja kollha.  L-aktar rigal prezzjuż li tistgħu tagħtu lill-oħrajn hu li xxandrulhom lil Kristu.

 

1. Sejħa urġenti

L-istorja turina kemm żgħażagħ, bl-għotja ġeneruża tagħhom infushom, taw kontribut kbir lis-Saltna ta’ Alla u l-iżvilupp ta’ din id-dinja billi xandru l-Vanġelu.  Mimlija entużjażmu, huma wasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ l-Imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu; huma użaw il-mezzi u l-possibbiltajiet li kienu disponibbli dak in-nhar, li kienu bil-wisq inferjuri għal dawk li għandna l-lum.  Eżempju wieħed li qed jiġini f’moħħi hu l-Beatu José de Anchieta.  Dan kien Ġiżwita żagħżugħ Spanjol tas-seklu sittax li mar bħala missjunarju fil-Brażil qabel ma kien għalaq l-għoxrin sena u sar appostlu kbir tad-Dinja l-Ġdida.  Imma jiġuni f’moħħi wkoll dawk fostkom li b’ġenerożità kbira qed jiddedikaw ruħhom għall-missjoni tal-Knisja.  Xhieda mill-isbaħ ta’ dan rajtha fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid, b’mod partikulari fil-laqgħa mal-voluntiera.

 

Ħafna żgħażagħ il-lum qed jistaqsu serjament jekk il-ħajja hix xi ħaġa tajba, u jħossuha ħaġa iebsa li jsibu triqthom.  B’mod ġenerali, imma, iż-żgħażagħ iħarsu lejn id-diffikultajiet tad-dinja tagħna u jistaqsu lilhom infushom: Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel jien?  Id-dawl tal-fidi jdawwal dan id-dlam.  Hu jgħinna nifhmu li kull ħajja umana m’hemmx prezzha, għax kull wieħed u waħda minna hu l-frott ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Alla jħobb lil kulħadd, anki lil dawk li tbiegħdu minnu jew ma jagħtux kasu.  Alla jistenna bis-sabar.  Tabilħaqq, Alla tana lil Ibnu biex imut u jqum mill-ġdid ħalli jeħlisna b’mod sħiħ mill-ħażen.  Kristu bagħat lid-dixxipli tiegħu biex iwasslu dan il-messaġġ hieni ta’ salvazzjoni u ħajja ġdida lill-bnedmin kollha kull fejn jinsabu.

 

Il-Knisja, hija u tissokta din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni, qiegħda torbot ukoll fuqkom.  Għeżież żgħażagħ, intom l-ewwel missjunarji fost sħabkom!  Fi tmiem il-Konċilju Vatikan II – li din is-sena qed infakkru l-ħamsin anniversarju tiegħu – il-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI għadda messaġġ liż-żgħażagħ tad-dinja.  Kien jibda hekk: “Lilkom, żgħażagħ tad-dinja, il-Konċilju jrid jindirizza l-aħħar messaġġ tiegħu.  Għax intom li ħa tirċievu l-musbieħ minn idejn ta’ qabilkom u li ħa tgħixu fid-dinja fi żmien l-ikbar bidliet li qatt seħħu fl-istorja.  Intom li, fuq l-aħjar eżempju u bit-tagħlim tal-ġenituri u l-għalliema tagħkom, sa tiffurmaw is-soċjetà ta’ għada.  Issa jew issalvaw jew tintilfu magħha”.  U għalaq b’dan il-kliem: “Bl-entużjażmu tagħkom araw li tibnu dinja aħjar minn dik li għandna l-lum!” (Messaġġ liż-Żgħażagħ, 8 ta’ Diċembru 1965).

 

Għeżież ħbieb, din l-istedina għadha tiswa l-lum ukoll.  Ninsabu għaddejjin minn perjodu partikulari ħafna ta’ l-istorja.  L-avvanzi teknoloġiċi tawna possibbiltajiet ġodda għall-interazzjoni bejn popli u nazzjonijiet.  Imma l-globalizzazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet tkun pożittiva u tista’ tgħin lid-dinja tikber fl-umanità tagħha biss jekk tkun mibnija fuq l-imħabba u mhux fuq il-materjaliżmu.  L-imħabba hi l-unika ħaġa li tista’ timla l-qlub u tiġbor flimkien il-persuni.  Alla hu mħabba.  Meta ninsew lil Alla, aħna nitilfu t-tama u ma nibqgħux kapaċi nħobbu lill-oħrajn.  Għalhekk hu tant meħtieġ li nagħtu xhieda tal-preżenza ta’ Alla biex l-oħrajn jistgħu jduquha.  Is-salvazzjoni ta’ l-umanità tiddependi minn dan, u l-istess is-salvazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.  Kull min jifhem dan jista’ biss jistqarr ma’ San Pawl: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu!” (1 Kor 9:16).

 

2. Siru dixxipli ta’ Kristu

Is-sejħa missjunarja tasal għandkom ukoll għal raġuni oħra, u dan għax hi meħtieġa għall-mixja personali tagħna fil-fidi.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II kiteb li “il-fidi tissaħħaħ meta tingħata lil oħrajn!” (Redemptoris Missio, 2).  Meta intom ixxandru l-Vanġelu, intom stess tikbru għax tkunu tniżżlu iktar għeruqkom fi Kristu u timmaturaw bħala Nsara.  L-impenn missjunarju hu dimensjoni essenzjali tal-fidi.  Ma nistgħux nemmnu tassew jekk ma nevanġelizzawx.  Ix-xandir tal-Vanġelu jista’ jkun biss ir-riżultat ta’ dak il-ferħ li jiġi mil-laqgħa tagħna ma’ Kristu u meta nsibu fih il-blata li fuqha ħajjitna tista’ tinbena.  Meta intom tħabirku biex tgħinu lill-oħrajn u xxandrulhom il-Vanġelu, imbagħad ħajjitkom stess, spiss maqsuma f’ħafna biċċiet minħabba l-għadd ta’ attivitajiet tagħkom, issib l-għaqda tagħha fil-Mulej.  Tkun tibnu wkoll lilkom infuskom, u hekk tikbru u timmaturaw bħala bnedmin.

 

Xi jfisser tkun missjunarju?  Ifisser fuq kollox li tkun dixxiplu ta’ Kristu.  Ifisser tisma’ dejjem mill-ġdid l-istedina tiegħu biex timxi warajh u tfittex lilu: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29).  Id-dixxiplu hu persuna dejjem attenta għall-kelma ta’ Ġesù (ara Lq 10:39), xi ħadd li jagħraf f’Ġesù l-Imgħallem li ħabbna tant li ta ħajtu għalina.  Għalhekk kull wieħed u waħda minnkom għandu jħalli lill-Kelma ta’ Alla tagħġnu fiha ta’ kuljum.  Dan jagħmilkom ħbieb tal-Mulej Ġesù, biex tkunu kapaċi tmexxu żgħażagħ oħra lejn il-ħbiberija miegħu.

 

Inħeġġiġkom taħsbu fid-doni li intom irċivejtu minn għand Alla biex min-naħa tagħkom tistgħu tgħadduhom lil oħrajn.  Tgħallmu kif taqraw mill-ġdid l-istorja personali tagħkom.  Kunu konxji mill-wirt sabiħ li għaddewlkom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilkom.  Kemm nies mimlijin bil-fidi kienu kuraġġjużi biżżejjed li għaddew il-fidi lil ta’ warajhom qalb tant provi u persuni li ma fehmuhomx!  Ejjew ma ninsew qatt li aħna ħoloq f’katina kbira ta’ rġiel u nisa li għaddew il-verità tal-fidi u li issa qed jorbtu fuqna biex inkomplu ngħadduha lil oħrajn.  Li tkun missjunarju jitlob l-għarfien ta’ dan il-wirt, li hu l-fidi tal-Knisja.  Għandkom tkunu tafu fiex temmnu, biex hekk tistgħu xxandruh.  Kif ktibt fl-introduzzjoni tal-YouCat, il-katekiżmu għaż-żgħażagħ li tajtkom fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid, “hemm bżonn li l-fidi tagħkom tkunu tafuha bl-istess preċiżjoni li biha speċjalista tat-Tekonoloġija ta’ l-Informatika jaf kif jaħdem kompjuter minn ġewwa.  Jeħtieġ tifhmuha bħalma mużiċista tajjeb jaf il-biċċa li qed idoqq.  Iva, hemm bżonn li jkollkom għeruqkom imniżżla fil-fidi iżjed mill-ġenerazzjoni tal-ġenituri tagħkom, biex hekk tistgħu taffrontaw l-isfidi u t-tentazzjonijiet ta’ żmienna b’qawwa u determinazzjoni” (Daħla).

 

3. Morru!

Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu fuq missjoni b’dan il-kmand: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva” (Mk 16:15-16).  Tevanġelizza jfisser twassal il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni lill-oħrajn u turihom li din il-Bxara t-Tajba hi persuna: Ġesù Kristu.  Meta niltaqa’ miegħu, meta niskopri kemm iħobbni Alla u li jien mifdi minnu, nibda nħoss mhux biss ix-xewqa, imma wkoll il-ħtieġa li dan Alla nurih lill-oħrajn.  Fil-bidu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni naraw kif Indrì, dritt wara li ltaqa’ ma’ Ġesù, telaq iħaffef biex isib lil ħuh Xmun (ara 1:40-42).  L-evanġelizzazzjoni tibda dejjem minn laqgħa mal-Mulej Ġesù.  Dawk li jmorru għand Ġesù u jduqu minn imħabbtu, minnufih ikunu jridu jaqsmu ma’ oħrajn il-ġmiel ta’ din il-laqgħa u l-ferħ li jkun tnissel mill-ħbiberija miegħu.  Iktar ma nsiru nafu lil Kristu, iktar inkunu rridu nitkellmu dwaru.  Iktar ma nitkellmu ma’ Kristu, iktar inkunu rridu nitkellmu dwaru.  Iktar ma nħallu lil Kristu jirbaħna, iktar inkunu rridu niġbdu oħrajn lejh.

 

Bil-Magħmudija, li ddaħħalna f’ħajja ġdida, l-Ispirtu s-Santu jidħol jgħammar fina u jħeġġeġ lil moħħna u qalbna.  L-Ispirtu jurina kif insiru nafu lil Alla u kif nidħlu fi ħbiberija dejjem iżjed profonda ma’ Kristu.  Hu l-Ispirtu li jħeġġiġna nagħmlu t-tajjeb, naqdu lill-oħrajn u nagħtu minna nfusna.  Permezz tal-Konfirmazzjoni aħna niġu msaħħa bid-doni ta’ l-Ispirtu biex nistgħu nagħtu xhieda tal-Vanġelu b’mod dejjem iżjed matur.  Hu l-Ispirtu ta’ l-imħabba, u allura, hu l-forza li tqanqal il-missjoni tagħna.  L-Ispirtu jimbuttana biex noħorġu minna nfusna u “immorru” nevanġelizzaw.  Għeżież żgħażagħ, ħallu l-imħabba ta’ Alla tmexxikom hi.  Ħallu dik l-imħabba tirbaħ fuq it-tendenza li tibqgħu magħluqin fid-dinja tagħkom bil-problemi tagħkom u dak li mdorrijin tagħmlu.  Sibu l-kuraġġ biex “toħorġu” minnkom infuskom biex tistgħu “tmorru” għand l-oħrajn u turuhom it-triq li biha jistgħu jiltaqgħu ma’ Alla.

 

4. Iġbru l-ġnus kollha

Kristu Rxoxt bagħat lid-dixxipli tiegħu biex imorru jagħtu xhieda quddiem il-ġnus kollha tal-preżenza tiegħu li tifdi, għax Alla, fl-imħabba kotrana tiegħu, jixtieq li kulħadd isalva u li ħadd ma jintilef.  Bis-sagrifiċċju ta’ mħabbtu fuq is-salib, Ġesù fetaħ it-triq għal kull bniedem biex isir jaf lil Alla u jidħol f’komunjoni ta’ mħabba miegħu.  Hu fforma komunità ta’ dixxipli biex iwasslu l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, li hu l-Vanġelu, sa truf l-art kollha u biex jilħqu lill-bnedmin f’kull żmien u post.  Ejjew nagħmluha tagħna din ix-xewqa ta’ Alla!

 

Għeżież żgħażagħ, iftħu għajnejkom u ħarsu madwarkom.  Kemm żgħażagħ m’għadhomx jaraw sens għal ħajjithom!  Morru!  Kristu għandu bżonn tagħkom ukoll.  Ħallu mħabbtu taħfinkom fiha u tiġbidkom lejha hi.  Kunu għas-servizz ta’ din l-imħabba immensa, biex hekk tista’ tilħaq lil kulħadd, speċjalment lil dawk li huma “imbiegħda”.  Xi wħud huma mbiegħda ġeografikament, imma oħrajn huma mbiegħda minħabba li fil-mod kif jgħixu m’hemmx post għal Alla.  Xi nies għadhom ma rċevewx personalment il-Vanġelu, waqt li oħrajn irċivewh, imma jgħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti.  Ejjew niftħu qlubna għal kulħadd.  Ejjew nidħlu fi djalogu bis-sempliċità u r-rispett.  Jekk dan id-djalogu jinżamm fi ħbiberija vera, jagħti l-frott.  Il-“ġnus” li aħna mistednin immorru għandhom m’humiex biss il-pajjiżi l-oħra tad-dinja.  Huma wkoll l-oqsma differenti ta’ ħajjitna, bħalma huma l-familji, il-komunitajiet, il-postijiet ta’ studju u xogħol, gruppi ta’ ħbieb u postijiet fejn inqattgħu l-ħin liberu tagħna.  Il-proklamazzjoni hienja tal-Vanġelu tidħol fir-realtajiet kollha ta’ ħajjitna, bla eċċezzjoni.

 

Nixtieq nenfasizza fuq żewġ oqsma fejn l-impenn missjunarju tagħkom kull ma jmur hu meħtieġ iżjed.  Għeżież żgħażagħ, l-ewwel wieħed hu l-qasam tal-komunikazzjoni soċjali, speċjalment id-dinja ta’ l-internet.  Kif semmejtilkom f’okkażjoni oħra, “nitlobkom tintroduċu l-valuri li fuqhom bnejtu ħajjitkom fil-kultura ta’ dan l-ambjent ġdid tal-komunikazzjonijiet u t-tekonoloġija ta’ l-informatika. […] Taqa’, b’mod partikulari, fuq iż-żgħażagħ, li għandhom kważi rabta spontanja mal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, ir-responsabbiltà għall-evanġelizzazzjoni ta’ dan il-‘kontinent diġitali’” (Messaġġ għall-43 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, 24 ta’ Mejju 2009).  Tgħallmu użaw il-medja b’mod għaref.  Kunu konxji tal-perikli moħbija li hemm fiha, speċjalment ir-riskju tal-vizzju, u li tifxlu d-dinja vera ma’ dik virtwali, u li l-laqgħat u djalogi personali u diretti jeħdulhom posthom il-kuntatti fuq l-internet.

 

It-tieni qasam hu dak ta’ l-ivvjaġġar u l-migrazzjoni.  Il-lum iżjed u iżjed żgħażagħ qed jivvjaġġaw, xi kultant għall-istudju u x-xogħol, u drabi oħra għall-gost.  Jiġu f’moħħi wkoll il-movimenti ta’ migrazzjoni li jinvolvu miljuni ta’ nies, spiss ta’ etajiet żgħar, li jmorru f’reġjuni jew pajjiżi oħra għal raġunijiet finanzjarji jew soċjali.  Hawn ukoll nistgħu nsibu opportunitajiet providenzjali biex naqsmu l-Vanġelu ma’ oħrajn.  Għeżież żgħażagħ, tibżgħux tagħtu xhieda tal-fidi tagħkom f’dawn l-ambjenti.  Hi rigal prezzjuż għal dawk li tiltaqgħu magħhom meta tikkomunikaw il-ferħ ta’ din il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.

 

5. Agħmlu dixxipli!

Nistħajjel li xi drabi sibtuha iebsa biex tistiednu lil sħabkom għal esperjenza ta’ fidi.  Intom rajtu kemm żgħażagħ, speċjalment f’ċerti punti fil-vjaġġ ta’ ħajjithom, jixtiequ jsiru jafu lil Kristu u jgħixu l-valuri tal-Vaġelu, imma fl-istess waqt tħossukom m’intomx denji jew kapaċi.  X’nistgħu nagħmlu?  L-ewwel, il-fatt li intom qrib ta’ Kristu u l-istess xhieda tagħkom fihom infushom huma mod kif Alla jista’ jmiss il-qlub.  Li xxandar lil Kristu m’hix biss kwistjoni ta’ kliem, imma xi ħaġa li tinvolvi l-ħajja kollha ta’ dak li jkun u tittraduċi ruħha f’sinjali ta’ mħabba.  Hi l-imħabba li Kristu sawwab fi qlubna li tagħmel minna evanġelizzaturi.  B’riżultat ta’ dan, l-imħabba tagħna trid issir iżjed u iżjed bħal dik ta’ Kristu nnifsu.  Irridu nkunu dejjem imħejjija, bħas-Samaritan it-Tajjeb, biex inkunu attenti għal dawk li magħhom niltaqgħu, biex nisimgħu, biex nifhmu u ngħinu.  B’dan il-mod, lil dawk li qed ifittxu l-verità u s-sens f’ħajjithom nistgħu nwassluhom fid-dar ta’ Alla, il-Knisja, fejn hemm it-tama u s-salvazzjoni (ara Lq 10:29-37).  Għeżież ħbieb, tinsew qatt li l-ewwel att ta’ mħabba li tistgħu tagħmlu għall-oħrajn hu li taqsmu magħhom l-għajn li minnha ġejja t-tama tagħna.  Jekk ma nagħtuhomx lil Alla, inkunu tajniehom ftit wisq!  Ġesù ordna lill-Appostli tiegħu: “Morru għamlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19-20).  Il-mod prinċipali li għandna biex bih “nagħmlu dixxipli” hu permezz tal-Magħmudija u l-katekeżi.  Dan ifisser li mmexxu lin-nies li qed nevanġelizzaw lejn laqgħa ma’ Kristu l-ħaj fuq kollox fil-kelma tieħgu u fis-sagramenti.  B’dan il-mod jistgħu jemmnu fih, jistgħu jsiru jafu lil Alla u jgħixu fil-grazzja tiegħu.  Nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom jistaqsi lilu nnifsu: Qatt kelli l-kuraġġ li nipproponi l-Magħmudija lil żgħażagħ li qatt ma rċivewha?  Qatt stedint lil xi ħadd biex jaqbad mixja ħalli jiskopri l-fidi Nisranija?  Għeżież ħbieb, tibżgħux tipproponu laqgħa ma’ Kristu lil sħabkom ta’ l-istess età tagħkom.  Itolbu lill-Ispirtu s-Santu għall-għajnuna.  L-Ispirtu jurikom it-triq li permezz tagħha tagħrfu u tħobbu lil Kristu b’mod iżjed sħiħ, u kif tkunu kreattivi fit-tixrid tal-Vanġelu.

 

6. Sħaħ fil-fidi

Meta tħabbtu wiċċkom mad-diffikultajiet fil-missjoni ta’ l-evanġelizzazzjoni, forsi tiġikom it-tentazzjoni li bħall-profeta Ġeremija tgħidu: “‘Aħ, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir’.  U l-Mulej weġibni: ‘Tgħidx “Għadni żgħir”.  Inti tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kull ma nordnalek’” (Ġer 1:6-7).  Meta tħossukom li m’intomx denji, kapaċi u intom dgħajfin wisq biex ixxandru u tagħtu xhieda tal-fidi, la tibżgħux.  L-evanġelizzazzjoni m’hix l-inizjattiva tagħna, u ma sserraħx fuq it-talenti tagħna.  Hi tweġiba fidila u ubbidjenti għas-sejħa ta’ Alla, u għalhekk m’hix mibnija fuq il-qawwa tagħna imma fuq dik ta’ Alla.  San Pawl dan kien jafu mill-esperjenza: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna” (2 Kor 4:7).

 

Għal din ir-raġuni, inħeġġiġkom biex iżżommu t-talb u s-sagramenti bħala l-pedament ta’ ħajjitkom.  L-evanġelizzazzjoni awtentika titwieled fit-talb u tgħix bit-talb.  Jeħtieġ l-ewwel nitkellmu ma’ Alla biex nistgħu nitkellmu dwar Alla.  Fit-talb aħna nafdaw lill-Mulej in-nies li għandhom ġejna mibgħuta, u nitolbuh imiss lil qalbhom.  Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħmilna l-istrumenti tiegħu għas-salvazzjoni tagħhom.  Nitolbu lil Kristu jqiegħed kliemu fuq xofftejna u jagħmilna sinjali ta’ mħabbtu.  B’mod iżjed ġenerali, nitolbu għall-missjoni tal-Knisja kollha, kif Ġesù nnifsu espliċitament talabna: “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Mt 9:38).  Sibu fl-Ewkaristija l-għajn tal-ħajja tagħkom tal-fidi u x-xhieda Nisranija, billi tattendu regolarment għall-Quddiesa ta’ kull nhar ta’ Ħadd u kull meta tistgħu matul il-ġimgħa.  Ersqu ta’ spiss lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Din hi laqgħa speċjali ħafna mal-ħniena ta’ Alla li fiha jilqagħna, jaħfrilna u jġeddilna qalbna fl-imħabba.  Agħmlu sforz biex tirċievu s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni jekk mhux diġà rċivejtuh, u ħejju ruħkom għalih b’għożża u impenn.  Il-Konfirmazzjoni, bħall-Ewkaristija, hi sagrament ta’ missjoni, għax tagħtina l-qawwa u l-imħabba ta’ l-Ispirtu s-Santu biex nistqarru l-fidi tagħna bla biża’.  Inħeġġiġkom ukoll biex tipprattikaw l-adorazzjoni Ewkaristika.  Il-ħin li tqattgħu tisimgħu u titkellmu ma’ Ġesù preżenti fis-Sagrament Imqaddes isir għajn ta’ entużjażmu missjunarju ġdid.

 

Jekk timxu f’din it-triq, Kristu nnifsu jagħmilkom kapaċi li tibqgħu għal kollox fidili lejn il-kelma tiegħu u li tagħtu xhieda fidila u qalbiena tiegħu.  Xi darba tafu tiġu msejħa tagħtu prova tal-perseveranza tagħkom, partikularment meta l-Kelma ta’ Alla tħabbat wiċċha ma’ ċaħda jew oppożizzjoni.  F’ċerti partijiet tad-dinja, xi wħud minnkom qed ibatu għall-fatt li ma tistgħux tagħtu xhieda pubblika tal-fidi tagħkom fi Kristu minħabba nuqass ta’ libertà reliġjuża.  Xi wħud diġà ħallsu b’ħajjithom il-prezz tal-fatt li huma parti mill-Knisja.  Nitlobkom tibqgħu sħaħ fil-fidi, fiduċjużi li Kristu jinsab maġenbkom f’kull tiġrib.  Lilkom jgħidilkom: “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.  Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (Mt 5:11-12).

 

7. Mal-Knisja kollha

Għeżież żgħażagħ, jekk tridu tibqgħu sħaħ fl-istqarrija tal-fidi Nisranija kull fejn tiġu mibgħuta, għandkom bżonn tal-Knisja.  Ħadd ma jista’ jagħti xhieda tal-Vanġelu waħdu.  Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu għal missjoni flimkien.  Hu tkellem magħhom fil-plural meta qalilhom: “Agħmlu dixxipli”.  Ix-xhieda tagħna nagħtuha dejjem bħala membri tal-komunità Nisranija, u l-missjoni tagħna tagħmel frott permezz tal-komunjoni li ngħixu fil-Knisja.  Hu mill-għaqda ta’ bejnietna u l-imħabba tagħna lejn xulxin li l-oħrajn jagħrfu li aħna dixxipli ta’ Kristu (ara Ġw 13:35).  Jien irrodd ħajr lil Alla għall-ħidma sabiħa ta’ evanġelizzazzjoni li qed jagħmlu l-komunitajiet Insara tagħna, il-parroċċi tagħna u l-movimenti ekkleżjali tagħna.  Il-frott ta’ din l-evanġelizzazzjoni hu tal-Knisja kollha kemm hi.  Kif qal Ġesù: “Wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad” (Ġw 4:37).

 

Hawn ma nistax nonqos milli nesprimi l-gratitudni tiegħi għar-rigal kbir tal-missjunarji, li jiddedikaw ruħhom kompletament għax-xandir tal-Vanġelu fl-irkejjen l-iżjed imbiegħda tad-dinja.  Irrodd ħajr ukoll lill-Mulej għas-saċerdoti u l-persuni ta’ ħajja kkonsagrata, li jingħataw kollhom kemm huma biex Ġesù Kristu jiġi mxandar u maħbub.  Hawn nixtieq inħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ li huma msejħa minn Alla biex jimpenjaw ruħhom b’ħeġġa għal dawn il-vokazzjonijiet: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35).  Lil dawk li jħallu kollox biex jimxu warajh, Ġesù wegħdihom ħlas għal mitt darba iżjed flimkien mal-ħajja ta’ dejjem (ara Mt 19:29).

 

Niżżi ħajr lil Alla wkoll għal dawk l-irġiel u nisa lajċi li jagħmlu minn kollox biex jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum bħala missjoni kull fejn isibu ruħhom, id-dar u fuq ix-xogħol, biex Kristu jiġi maħbub u moqdi u biex is-Saltna ta’ Alla tikber.  Jiġuni f’moħħi b’mod speċjali dawk kollha li jaħdmu fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, is-saħħa, in-negozju, il-politika u l-finanzi, u f’għadd ta’ oqsma oħra ta’ l-appostolat tal-lajċi.  Kristu għandu bżonn ta’ l-impenn tagħkom u tax-xhieda tagħkom.  Tħallu xejn – sew jekk huma diffikultajiet u sew jekk nuqqas ta’ komprensjoni – jaqtagħlkom qalbkom milli twasslu l-Vanġelu ta’ Kristu kull fejn issibu ruħkom.  Kull wieħed u waħda minnkom hu biċċa prezzjuża fil-mużajk kbir ta’ l-evanġelizzazzjoni!

 

8. “Hawn jien, Mulej!”

Fl-aħħar nett, għeżież żgħażagħ, nitlob minnkom ilkoll li tisimgħu, fil-profond ta’ qalbkom, is-sejħa li qed jagħmlilkom Ġesù biex ixxandru l-Vanġelu.  Kif turina l-istatwa kbira ta’ Kristu Salvatur f’Rio de Janeiro, qalbu hi miftuħa bl-imħabba għal kull persuna, u dirgħajh huma miftuħa beraħ biex jilħqu lil kulħadd.  Kunu intom stess il-qalb u d-dirgħajn ta’ Ġesù!  Morru u agħtu xhieda ta’ mħabbtu!  Kunu ġenerazzjoni ġdida ta’ missjunarji, imqanqla mill-imħabba u qalb miftuħa għal kulħadd!  Imxu fuq l-eżempju tal-missjunarji kbar tal-Knisja, bħal San Franġisk Saverju u bosta oħrajn.

 

Fl-għeluq tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid, jiena berikt numru ta’ żgħażagħ minn kontinenti differenti li kienu sejrin fuq missjoni.  Huma kienu qed jirrappreżentaw lil dawk iż-żgħażagħ kollha li, bil-kliem tal-profeta Isaija jidwi fuq fommhom, lill-Mulej qalulu: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Is 6:8).  Il-Knisja tafda fikom u tirringrazzjakom għall-ferħ u l-enerġija li tagħtu.  It-talenti tagħkom qegħduhom b’ġenerożità għas-servizz tax-xandir tal-Vanġelu!  Aħna nafu li l-Ispirtu s-Santu jingħata lil dawk li jiftħu qalbhom għal din it-tħabbira.  U la tibżgħux: Ġesù, il-Feddej tad-dinja, jinsab magħna kuljum sa l-aħħar taż-żmien (ara Mt 28:20).

 

Din is-sejħa, li jien qed nagħmel liż-żgħażagħ tad-dinja kollha, tagħmel ħoss partikulari għalikom, għeżież żgħażagħ ta’ l-Amerika Latina!  Matul il-Ħames Konferenza Ġenerali ta’ l-Isqfijiet ta’ l-Amerika Latina, f’Aparecida fl-2007, l-Isqfijiet nedew “missjoni kontinentali”.  Iż-żgħażagħ jagħmlu l-maġġoranza tal-popolazzjoni fl-Amerika ta’ Isfel u huma riżorza importanti u prezzjuża għal-Knisja u għas-soċjetà.  Kunu fuq quddiem nett fost il-missjunarji!  Issa li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ qed jirritorna fl-Amerika Latina, jien nitlobkom, lilkom iż-żgħażagħ ta’ dan il-kontinent, biex tittrasmettu l-ħeġġa tal-fidi tagħkom lil sħabkom li ġejjin mid-dinja kollha!

 

Jalla l-Verġni Mbierka, Kewkba ta’ l-Evanġelizzazzjoni Ġdida, li aħna wkoll nitolbuha taħt it-titli ta’ Sidtna Marija ta’ Aparecida u Sidtna Marija ta’ Guadalupe, issieħeb lil kull wieħed u waħda minnkom fil-missjoni tagħkom bħala xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Lilkom ilkoll, bi mħabba partikulari, nagħtikom il-Barka Appostolika tiegħi.

 

Mill-Vatikan, 18 ta’ Ottubru 2012

 

BENEDICTUS PP XVI

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard