Ċelebrazzjoni tal-40
Anniversarju tal-Kummissjoni
Ekumenika Djoċesana.
Il-Ġimgħa,
5
ta’ Mejju,
2017
Djalogu
jew djalogi?
Stil ta’ Ħajja
Maria Voce
President
tal-Moviment tal-Fokolari
Eminenzi,
Eċċellenzi,
Awtoritajiet
reliġjużi u ċivili,
Sinjuri,
Ħuti,
L-ewwelnett
nirringrazzja lir-Rev. Professur
Hector Scerri u lill-Kummissjoni
Ekumenika Djoċesana
għall-istedina tagħhom. Insellem
ukoll lill-membri tal-Kunsill
Ekumeniku Malti. Ninnota b’ferħ
kemm hu ħaj hawn Malta l-impenn
għall-kawża ekumenika u kemm
nies ħadmu u ddedikaw ruħhom
matul is-snin biex jintisġu
rapporti kostruttivi bejn Insara
ta’ Knejjes u komunitajiet
ekkleżjali differenti, li huma
bosta fil-gżira.
Nixtieq noffri
l-preżentazzjoni tat-tema: ‘Djalogu
jew djalogi? Stil ta’ ħajja’
biex flimkien magħkom ilkoll
niċċellebraw bi gratitudni l-40
sena li ilha mwaqqfa
l-Kummissjoni Ekumenika
Djoċesana.
Fid-dinja
globalizzata u interdipendenti
tallum, id-djalogu jidher bħala
t-triq waħdanija biex l-umanità
tista’ tgħix.
Il-bnedmin, jew
jiġġieldu kontra xulxin sakemm
jeqirdu lil xulxin, inkella
jiddjalogaw bejniethom; huwa
biss il-ftuħ għal xulxin u
d-djalogu li jnisslu u jwasslu
għall-ħajja, għax is-sisien ta’
kull azzjoni jkun l-għarfien li
l-bnedmin huma aħwa ta’ xulxin,
ulied Alla. Inħoss li l-Ispirtu
s-Santu qed iqanqal lill-Knejjes
tagħna, xi ftit kullimkien, biex
jimxu f’din id-direzzjoni: biex
niddjalogaw ħalli niksbu
mill-ġdid dik l-għaqda li
maż-żmien inkisret, u biex,
bħala nsara, nagħtu quddiem
id-dinja dik xhieda komuni skont
it-talba ta’ Ġesù:
“Missier ħa jkunu lkoll ħaġa
waħda, biex id-dinja temmen”
(ara Ġw 17).
Premessa
Nitlobkom
tippermettuli nagħmel din il-premessa.
L-esperjenzi u
r-riflessjonijiet tiegħi huma
kollha frott tal-laqgħa tiegħi
ma’ Chiara Lubich, fundatriċi
tal-Moviment tal-Fokolari u
mal-kariżma tagħha. Iltqajt
magħha meta kont għadni
żagħżugħa qed nistudja l-liġi
f’università
f’Ruma, u tant kont milquta
mill--għixien awtentiku tagħha
għal Alla u għal ħutha
l-bnedmin, li mill-ewwel li
ħassejt li għandi nimxi warajha
fit-triq komunitarja
tal-fokolar.
Il-kariżma ta’
Chiara Lubich,
li hi magħrufa fil-Knisja
Kattolika u li ħafna mexxejja tà
Knejjes oħra jħeġġu għaliha,
welldet
spiritwalità,
li spiss hi definita bħala
spiritwalità
tal-unita’ jew
spiritwalità
ta’ komunjoni. Meta fl-1997
saret it-Tieni Assemblea
Ekumenika Ewropea fi Graz, din
l-ispiritwalità
ġiet imsejħa wkoll
spiritwalità
ekumenika.
Il-lejla qed
nitkellem bħala xhud għax, matul
is-snin li għext qrib Chiara u
fit-tmien snin li ili President
tal-Moviment tal-Fokolari, rajt
tinxtered din il-kariżma li Alla
waqqaf biex tagħti s-sehem
tagħha ħalli jseħħ it-Testment
ta’ Ġesù.
L-esperjenza
ekumenika personali
Ġejja minn
familja Kattolika tradizzjonali,
min-naħa t’Isfel tal-Italja,
fejn l-għadd ta’ nsara mhux
Kattoliċi kien relattivament
ftit. Fil-pajjiż fejn kont
noqgħod jien, meta kont tisma’
lil xi ħadd jitkellem dwar dawn
l-insara, ġeneralment kien ikun
b’mod negattiv. Bħaż-żgħażagħ
l-oħra ta’ żmienni, jien ukoll
kbirt b’ċertu attaġġament ta’
nuqqas ta’ fiduċja fihom u kont
konvinta li għandi nevithom.
Meta ltaqt
mal-kariżma tal-unità
ta’ Chiara Lubich rajt jinfetaħ
quddiemi orizzont għal kollox
ġdid: Alla hu mħabba, Alla hu
Missier ta’ kulħadd, u l-Iben
tiegħu Ġesù,
il-Kelma li saret bniedem,
għallimna l-kejl tal-imħabba
trinitarja, imħabba universali,
imħabba li ma tagħmilx
preferenzi. Dan kollu bidel
ħajti ta’ taħt fuq.
Fis-snin ’60,
meta Chiara kienet bdiet kuntatt
ma’ xi nsara membri tal-Fraternità
tal-Ħajja Komuni
fil-Ġermanja,
l-esperjenza tagħha fetħet din
ir
realtà
għalija wkoll.
Konna tassew
milquta meta skoprejna kemm
l-Insara tar-Riforma jisħqu fuq
l-għixien tal-Kelma: jafu
bl-amment parti sew
mill-Iskrittura u japplikawha
għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum,
kif nippruvaw nagħmlu anki aħna
fil-Moviment tal-Fokolari.
L-innijiet tagħhom mhux biss
jesprimu għaqda profonda ma’
Alla, imma jelevaw lir-ruħ. Bdew
jaqgħu l-preġudizzji u bdejna
niskopru li aħna aħwa fi Kristu.
Bil-mod il-mod
bdejna nsiru nafu aktar lil
xulxin. Fl-1965 il-Moviment
tal-Fokolari u din
il-Fraternita’ li semmejtilkom –
bi qbil mal-awtoritajiet
ekkleżjastiċi taż-żewġ naħat -
iddeċidew li jwaqqfu l-belt
żgħira ta’ Ottmaring
fil-Ġermanja, fejn sallum stess
Kattoliċi tal-Moviment
tal-Fokolari u Evanġeliċi ta’
din il-Bruderschaft
(il-Fraternita’) jagħtu xhieda
komuni, li qed tħalli l-frott,
filwaqt li kull wieħed minnhom
jibqa’ ankrat mal-spiritwalità
tiegħu u mal-Knisja tiegħu.
Hawnhekk, kuljum issir nofs
siegħa ta’ talb flimkien
għall-għaqda fost l-insara u dan
ilu jsir għal aktar minn 50
sena.
Waqt il-Konċilju
Vatikan II, li kien wassal
il-Knisja Kattolika biex tidħol
uffiċjalment fil-moviment kbir
ekumeniku, l-aktar permezz
tad-digriet fuq l-ekumeniżmu,
Unitatis
Redintegratio,
Chiara Lubich
kienet għamlet kuntatt ma’ xi
osservaturi minn Knejjes oħra,
fosthom il-Kanonku Anglikan
Bernhard Pawley,
it-teologu Riformat-Svizzeru
Lukas Vischer,
it-teologu Russu-Ortodoss
Borovoy
u oħrajn. Dawn baqgħu milquta
mill-awtentiċità
tal-ħajja mgħixa skont
l-Evanġelju u xtaqu li l-kariżma
tal-unità
tinfirex ukoll fost il-Knejjes
rispettivi tagħhom.
Fi Chiara u fina
lkoll kompliet tikber
il-konvinzjoni li Alla waqqaf
il-kariżma tal-unità
mhux biss għall-Kattoliċi, imma
għall-Insara kollha. Kien
il-Kardinal Agostino Bea -
President tas-Segretarjat
għall-Promozzjoni tal-Għaqda
fost l-Insara - segretarjat li
kien għadu kemm twaqqaf u li
llum jissejjaħ Kunsill Pontfiċju
għall-Promozzjoni tal-Għaqda
fost l-Insara - li ħeġġeġ u
saħħaħ lil Chiara fl-ewwel
kuntatti ekumeniċi tagħha.
Hekk bdew
sensiela ta’ laqgħat, dawk
l-hekk imsejħa Ġimgħat
Ekumeniċi, fejn Insara minn
Knejjes differenti jiltaqgħu
kull sena u jaqsmu bejniethom
l-esperjenzi dwar l-għixien
tal-Kelma, speċjalment dwar
il-Kmandament il-Ġdid ta’ Ġesù:
“Bħalma ħabbejtkom jien, hekk
ukoll ħobbu intom lil xulxin”
(Ġw 13,34).
Kibret il-ħtieġa
li nsiru nafu sew lil xulxin, li
naqsmu bejnietna d-doni
tar-rikkezza spiritwali li kull
wieħed minna jġorr f’qalbu.
Bdejna niskopru
ħaġa wara l-oħra. U kif jisħaq
Papa Franġisku fl-eżortazzjoni Evangelii
gaudium:
“Hawn m’aħniex
nitkellmu biss fuq li niksbu
tagħrif fuq l-oħrajn biex insiru
nafuhom aħjar, imma li nilqgħu
dak li l-Ispirtu żera’ fihom
bħala don għalina wkoll”.
Mill-1978
sal-1988, għext esperjenza
tassew qawwija fil-belt antika
ta’ Kostantinopli, li llum hi
Istanbul fit-Turkija, waqt li
kont responsabbli tal-fokolar
hemmhekk.
Fit-13 ta’ Ġunju
1967 – dalwaqt ikunu għaddew 50
sena minn din id-data – Chiara
Lubich kienet mistiedna biex
tiltaqa’mal-Patrijarka ekumeniku
ta’ dak iż-żmien, il-Patrijarka
Athenagoras I. Hu kien sama’ bi
Chiara mingħand wieħed reliġjuż.
Din kienet l-ewwel laqgħa minn
25 oħra li Chiara kellha ma’ din
il-persuna daqshekk kariżmatika.
Athenagoras stqarr li hu kien
dixxiplu ta’ Chiara u xtaq li
f’Kostantinopli jkun hemm
fokolar.
Meta kont
fit-Turkija, sirt naf aktar
mill-qrib il-ġmiel u r-rikkeżża
tal-ortodossija, speċjalment dik
Griega. Skoprjet l-imħabba
għall-Missirijiet il-Knisja, il-fedeltà
lejn it-tradizzjoni, li
mingħajrha din il-Knisja ma
setgħetx tibqa’ sħiħa fis-sekli
diffiċli tal-passat. Sirt naf
personalment lill-Patrijarka
Demetrios I, is-suċċessur
tal-Patrijarka Athenagoras, li
ġie jżurna waqt manifestazzjoni
tal-Moviment tal-Fokolari u anki
lill-Metropolita Bartolomeo, li
illum hu l-Patrijarka ta’
Kostantinopli. Inħossha tassew
grazzja li nbniet rabta ta’
stima u ta’ ħbiberija fraterna
ma’ dan tal-aħħar. Japprezza
ħafna l-ispiritwalità
ta’ Chiara Lubich u qed ikompli
jmexxi fuq il-wirt spiritwali
li ħallew dawk li ġew qablu.
Mhux b’kumbinazzjoni aċċetta li
jirċievi l-ewwel lawrja honoris
causa fil-kultura tal-unità,
li l-Istitut
Universitarju tagħna Sophia
offrilu f’Ottubru 2015,
f’Loppiano, qrib Firenze.
Ma’ mexxejja ta’
Knejjes
Fl-aħħar snin,
fil-vjaġġi li għamilt bħala
President tal-Moviment
tal-Fokolari, kelli l-pjaċir li
nsir naf personalment diversi
mexxejja ta’ Knejjes oħra;
fosthom l-Arċisqof ta’
Canterbury, Dr.
Rowan Williams
tal-Knisja Anglikana; l-Isqof
Munib A. Younan,
il-President tal-Federazzjoni
Dinjija Luterana f’Ġerusalemm;
is-segretarju ġenerali
tal-Kunsill Ekumeniku
tal-Knejjes: ir-Rev.
Olav Fykse Tveit,
u personalitajiet oħra.
Kienu laqgħat ta’
impatt spiritwali qawwi, ma’
bnedmin t’Alla, li f’dinja
mifnija b’kunflitti u b’għeluq
ġdid, għandhom tant għal qalbhom
il-kawża tal-għaqda fost
l-insara. Kull darba kienet
okkażjoni ta’ kuraġġ ġdid biex
inkomplu miexja ‘l quddiem
f’kollaborazzjoni reċiproka
filwaqt li npoġġu dejjem aktar
l-ispiritwalità
tagħna ta’ komunjoni
għas-servizz tal-unità.
Ma’ membri ta’
Knejjes differenti li jagħmlu
parti mill-Moviment
Insara minn
Knejjes differenti xtaqu jieħdu
sehem fl-ispiritwalità
tal-unità
u diversi ħassewhom imsejħa
għall-vokazzjonijiet speċifiċi
tal-Moviment. Dawn baqgħu
jagħmlu parti mill-Knisja
tagħhom, u spiss skoprew
mill-ġdid l-għeruq rikki
spiritwali tagħhom u komplew
jissaħħu fihom.
Bejnietna
(Kattoliċi, Anglikani, Luterani,
Riformati, Ortodossi u membri
tal-Knejjes Orjentali Ortodossi)
hemm bosta diversitajiet
marbuta mal-kulturi tagħna,
mal-postijiet mnejn niġu,
mal-mod kif naħsbu u nesprimu
ruħna. L-istorja tal-Knejjes
tagħna mmarkatna u f’ċertu sens
ikkundizzjonatna. B’danakollu,
f’kull laqgħa tagħna jew
fil-ħajja tagħna flimkien,
nisperimentaw li jekk inwettqu
dik l-imħabba lejn xulxin li Ġesù
jitlob minna
f’San Ġwann 15,13 meta jgħid li
“Ħadd m’għandu mħabba akbar
minn dik: li wieħed jagħti ħajtu
għal ħbiebu”, aħna nkunu nistgħu
naqsmu kollox, nistgħu nitolbu,
nistgħu nbatu u nifirħu
flimkien. U jseħħ dak il-buzzett
ta’ poplu wieħed nisrani.
Iva, aħna konxji
li l-unità
hi rigal t’Alla li Ġesù
talab għalih lill-Missier;
mhijiex xi ħaġa li nistgħu
nagħmluha aħna. Iżda meta nħobbu
lil xulxin il-ħin kollu, jista’
jkun hemm dawk
il-kundizzjonijiet li jwasslu
biex Ġesù
stess ikun jista’
jgħammar fostna kif wiegħed
fl-Evanġelju: “Fejn tnejn jew
tlieta huma miġbura f’ismi, hemm
ninsab jien f’nofshom”
(Mt 18.20).
Djalogu
jew
djalogi?
Id-djalogu
mhuwiex biss dak li jsir fuq
livell ta’ laqgħat bejn nies ta’
diversi denominazzjonijiet, ta’
reliġjonijiet differenti jew
nies mingħajr ebda twemmin
reliġjuż. Id-djalogu ma jsirx
bejn il-kulturi, imma bejn
il-persuni. Jew aħjar,
id-djalogu ngħixuh.
Fl-Evanġelju
nisimgħu li Ġesù
ddjaloga kemm il-darba
mal-appostli, man-nies li kien
jiltaqa’ magħhom, ma’ ommu
Marija, imma qabel kollox
iddjaloga mal-Missier. U l-kliem
li sama’ mingħand il-Missier,
tahom lilna u daħħalna fil-ħajja
tat-Trinità.
Hu kkomunikalna l-istil
tal-ħajja tiegħu. Aħna wkoll
imsejħin biex ngħixu l-ħajja
tagħna skont it-Trinità:
Ġesù
għallimna ngħidu: “kif fis-sema
hekk hawn fl-art”.
Nifhmu allura li
s-sisien tad-djalogu hu Alla,
Alla Mħabba u missier tagħna
lkoll, li jagħmilna lkoll ulied
fl-Iben, ilkoll aħwa, ilkoll
familja waħda.
Sa mill-bidunett,
Chiara għamlet it-talba ta’ Ġesù
“Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” – li
nistgħu ngħidu li hi “ Ħalli
l-bnedmin kollha jkunu familja
waħda” - il-motto ta’ ħajjitha u
stednet miljuni ta’ nies
fid-dinja kollha biex jimpenjaw
ruħhom ħalli dan iseħħ. “Ħa
jkunu lkoll ħaġa waħda” hu
l-għan speċifiku tal-Moviment
tal-Fokolar, jiġifieri
il-Moviment twieled u jgħix
għal dan.
Dan id-djalogu,
mgħejx fid-dimensjonijiet bla
għadd tiegħu, hu aspett
fundamentali għall-Moviment
tal-Fokolari, xi ħaġa li ma
nistgħux ngħaddu mingħajrha;
anzi hu t-triq waħdanija b’tama
ta’ suċċess għal dawk li jridu
jagħtu sehemhom biex isseħħ
il-fratellanza universali.
Id-djalogu hu stil ta’ ħajja,
kultura ġdida, li l-Moviment
jista’ u jrid joffri lill-irġiel
u n-nisa tallum.
Aħna
ġejna mħarrġa
biex inħarsu lejn Alla bħala
Missier ta’ kulħadd, u allura
biex inħarsu lejn kull persuna
li niltaqgħu magħha bħala iben
jew bint Alla, u allura bħala
ħija jew oħti. Dan urietulna
Chiara stess, forsi mingħajr ma
kienet konxja ta’ dak li kien
ifisser, meta fl-1947 kitbet
lil sħabha u qaltilhom:
“Il-ħarsa
tagħkom għandha tkun dejjem fuq
il-Missier wieħed ta’ tant
ulied. Imbagħad ħarsu lejn
il-kreaturi bħala wlied
tal-Missier wieħed. Il-ħsieb u
l-qalb iridu jmorru dejjem aktar
‘l hemm minn kull limitu
tan-natura umana, u jeħtieġ
nagħmluha drawwa li nimmiraw
il-ħin kollu lejn l-għan li
l-bnedmin ikunu lkoll aħwa ta’
xulxin b’Missier wieħed: Alla”.
Jekk dan hu
s-sisien, mela l-metodu
tad-djalogu li Chiara tgħallimna
ma jistax ma jkunx l-imħabba!
Huwa djalogu bejn aħwa, mela
djalogu bejn persuni, mhux bejn
ideoloġiji jew sistemi t’
ħsieb. Huwa djalogu li hemm
bżonn ikun sostnut u sostanzjat
mill-ħniena, mill-kumpassjoni,
mill-imħabba, kif insibu miġbur
fir-Regola tad-Deheb, li nsibuha
f’kull kultura u reliġjon:
insibuha fl-Evanġelju ta’ San
Mattew, kapitlu 7, vers 12: “Dak
kollu li tridu li l-bnedmin
jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll
intom lilhom”.
Fl-1970 Chiara
fakkritna:
“Mingħajr
l-imħabba ma jkollniex id-dawl
t’Alla, u d-djalogu, kull
djalogu jsir sterili, ma jagħtix
frott; isir diskursata, tpaċpiċ,
kliem. Le! Id-djalogu jrid ikun
imħabba; fil-ħajja tagħna aħna
ma nistgħux ħlief inħobbu għax
huwa biss id-dawl tal-Ispirtu
s-Santu fina li jista’ jgħinna
biex inwieġbu, biex inkunu nafu
niddjalogaw, biex nagħtu tweġiba
eżatta, biex nibnu”.
Meta npoġġu
l-imħabba u l-ħniena, bħala bażi
tad-djalogu, dawn mhux biss
iwassluna biex naraw lil min
ikun ħdejna f’dawl ġdid, imma
jwassluna biex niskopru d-diversità
bħala don,
tkun liema
diversità
tkun.
Chiara kienet
qalet: “Dak li jinsab maġenbi
ġie maħluq biex ikun don
għalija u jien ġejt maħluqa biex
inkun don għal min hu maġenbi.
Fuq l-art, kollox hu maħluq
f’rabta ta’ mħabba ma’ kollox:
kull ħaġa ma’ kull ħaġ’oħra.
Iżda jeħtieġ li nkunu Mħabba
biex nagħrfu l-fil tad-deheb
bejn il-ħlejjeq”.
Fi żmienna
l-mezzi ta’ komunikazzjoni qed
iwasslu biex il-kuntatti
jiżdiedu, imma qed isiru qosra,
jgħaddu malajr, huma nieqsa
mis-sens, u jkissru jew inaqqsu
r-rabtiet. Huwa biss meta
l-imħabba tidħol fir-rabta jiena-int,
li tingħeleb id-dimensjoni li hi
biss naturali u li l-kuntatti
jkunu jistgħu jinbidlu
f’relazzjonijiet, jiġifieri tkun
tista’ tintiseġ xibka bejn
persuni li huma aħwa tassew.
L-arti
tal-imħabba
Chiara Lubich
għexet din hi l-imħabba u
wasslet lil dawk li jieħdu
l-ispirazzjoni tagħhom minnha
biex jittieħdu minnha wkoll.
L-imħabba ta’
Kristu mhijiex imħabba
kwalunkwe, imma hi arti; Chiara
tkellmet dwar “l-arti
tal-imħabba” u ġabritha f’xi
punti fundamentali:
Inħobbu lil
kulħadd:
jiġifieri ma nammettux
diskriminazzjoni. Inħobbu mhux
biss lil dawk li jiġu minna u
lil ħbiebna, imma lil kulħadd:
lil bojod u suwed, lil dawk
ta’ pajjiżna u lill-barranin,
lill-ħbieb u lill-għedewwa,
lis-sinjuri u lill-foqra, lil
min hu importanti u lit-tallab,
lil min jistqarr ir-reliġjon
tagħna, li min għandu reliġjon
oħra u anki lil min ma jemmenx.
Inħobbu dejjem:
din hi mħabba li ma tammettix
waqfien, ma tieqafx, ma
tintefiex, ma tonqosx. Imma
tqanqlek biex tħobb il-ħin
kollu.
Inħobbu aħna
l-ewwel:
din l-imħabba dejjemlesta li
tieħu l-inizjattiva, ma
tistenniex li tkun maħbuba jew
li jkun hemm tweġiba għaliha.
“Insiru ħaġa
waħda mal-oħrajn”:
f’dan il-kliem Chiara ġabret
punt ieħor. Fihom hemm dak li
jgħid San Pawl: “Sirt kollox ma’
kulħadd” ( ara 1Kor 9,22) u dan
ifisser li tidħol b’mod profond
fir-ruħ tal-persuna l-oħra;
tismagħha sew, tifhem
il-problemi u l-ħtiġijiet
tagħha; taqsam magħha
t-tbatijiet li jkollha. Nistgħu
ngħidu li b’ċertu mod issir
il-persuna l-oħra. U hekk
il-proxxmu jħossu mifhum,
aċċettat, megħjun.
Ġesù
abbandunat
Kif ser nagħmlu
biex ngħixu din l-arti li
ma sserraħx fuq sentimenti jew
proponimenti tajba, imma sserraħ
fuq l-għixien tal-imħabba
bil-kejl li jitlob Ġesù,
jiġifieri li wieħed ikun lest li
jagħti ħajtu. Hemm xi ċavetta,
xi sigriet li jwassalna nkunu
dejjem aktar kapaċi ngħixu dan
il-kejl?
Nafu li Ġesù,
fil-passjoni u l-mewt tiegħu, ma
ħassx biss tbatija fiżika, imma
ġarrab quċċata tat-tbatija
fl-għajta: “Alla tiegħi, Alla
tiegħi, għaliex tlaqtni?”
(Mt 27,46).
Iżda Ġesù
ntelaq mill-ġdid fil-Missier
meta qal: “F’idejk nerħi ruħi”
(Lq 23,46); hu għeleb dik
it-tbatija kbira u b’hekk wassal
lill-bnedmin fi ħdan il-Missier
u għall-għaqda ta’ bejniethom.
Kif nistgħu
ngħixu dan il-misteru ta’ Ġesù
abbandunat-rxoxt? Kif ser
jirnexxilna nkomplu meta
fil-mixja ekumenika ma naqblux
fuq il-kwestjoni tal-verità?
Hubertus
Blaumeiser,
it-teologu
Ġermaniż espert fl-ekumeniżmu u
membru tal-Moviment jgħid: “L-unità
fil-verità
ma tistax tkun imposta minn
“fuq”. U lanqas ma tista’ tkun
imbuttata minn xi forma ta’
ultimatum. Hu f’dan is-sens
li l-Konċilju Vatikan II
irrinunzja intenzjonalment għal
kundanni duttrinali. L-uniku mod
biex twitti t-triq għall-unità
fil-verità
hu li toqgħod għarkupptejk
quddiem l-oħrajn f’attaġġament
tal-ħasil ta’ riġlejn aktar
milli dak tal-ħasil tal-moħħ.
Xi drabi dan jista’ jfisser li
jkollok titlef wiċċek biex
forsi ssibu f’riġlejn l-oħrajn,
u dan ifisser ħafna paċenzja u
umiltà.
U qabel kollox irid ikollok
xewqa kbira li trid il-ġid
lill-oħrajn”.
Fl-ittra tiegħu
lill-Filippin, l-appostlu Pawlu
kiteb hekk:
“Aħsbu
bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:
hu li għad li kellu n-natura ta’
Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu
li hu daqs Alla, iżda xejjen
lilu nnifsu billi ħa n-natura
ta’ lsir; sar jixbaħ
lill-bnedmin”
(Fil 2,5-7).
B’din l-imġiba
nkunu nistgħu nittrażmettu l-verità
ta’ Kristu b’mod li jitwemmen.
Kristu tbattal minn kollox, biex
jagħti lilu nnifsu b’imħabba
għalina. Ma nistgħux
nikkontradixxu din il-verità
bil-mod kif inġibu ruħna.
Blaumeiser
ikompli jgħid: “Żgur li
l-ekumeniżmu hu mixja ma’ Ġesù:
mill-mewt għall-qawmien. Kristu
ġġenera l-Knisja meta fuq
is-salib ħa fuqu d-dnubiet
tagħna lkoll u ħass l-abbandun
mill-Missier, u minn dak
l-abbiss fawwar l-Ispirtu”.
Fl-għajta tiegħu
tal-abbandun, Ġesù
ġabar it-tbatijiet kollha
tal-bnedmin, il-firdiet kollha
tad-dinja, il-wirt kollu
tad-dnub tagħna. Għalhekk,
għalina, il-laqgħa mat-tbatija,
mal-problemi,
mad-diffikultajiet, jistgħu
jsiru laqgħat ma’ Ġesù
abbandunat
u rxoxt. Huwa hu li jwassalna
biex infittxu lil xulxin, biex
inħobbu lil xulxin, biex
nittamaw, biex nibqgħu hemm anki
meta il-ħidma, bħal dak
tal-għaqda bejn l-insara, tista’
tidher iebsa u forsi naħslu
naqtgħu qalbna.
L-unità
titwieled hemm,
fejn flimkien ma’ Ġesù,
nippenetraw fil-pjaga tal-firda:
meta ma nħallux
id-delużjonijiet, il-feriti jew
fallimenti li jista’ jkun hemm,
jaqtgħulna qalbna.
L-unità
tista’ tikber jekk meta
niltaqgħu mad-diffikultajiet ma
nħarbux minnhom, imma flimkien
ma’ Ġesù
Msallab nibqgħu nipperseveraw,
u nilqgħu lil xulxin ukoll meta
dan jista’ jweġġa’. Hekk tista’
sseħħ bidla u jista’ jkun hemm
qawmien.
Ġesù
f’nofsna
Fil-25 ta’ Jannar
li għadda, fi tmiem il-Ġimgħa
ta’ talb għall-għaqda fost
l-insara, Papa Franġisku qal:
“Kif jgħallimna Ġesù,
huwa biss meta nitilfu ħajjitna
għall-imħabba tiegħu li nirbħuha
tassew
(ara
Lq
9, 24).
Hi r-rivoluzzjoni li Pawlu
għex, imma hi r-rivoluzzjoni
Nisranija ta’ dejjem: ma ngħixux
iżjed għalina nfusna,
għall-interessi tagħna u biex
nidhru aħna, imma ngħixu bħal
Kristu, għal Kristu u skont hu,
ngħixu bl-imħabba tiegħu u
fl-imħabba tiegħu”. Qal
ukoll:
“Rikonċiljazzjoni
awtentika bejn l-Insara tista’
sseħħ meta nagħrfu d-doni ta’
xulxin u nkunu kapaċi, b’umiltà
u ħlewwa, nitgħallmu minn xulxin
– nitgħallmu minn xulxin –, bla
ma noqogħdu nistennew
lill-oħrajn jitgħallmu qabilna”.
Il-Papa temm
jgħid:
“Jekk ngħixu din il-mewt għalina
nfusna minħabba f’Ġesù, l-istil
qadim ta’ ħajjitna jsir ħaġa
tal-passat u, kif ġralu San
Pawl, nidħlu f’għamla ġdida ta’
ħajja u ta’ komunjoni”.
Chiara Lubich
issejjaħ dan il-mod ġdid ta’
ħajja u ta’ komunjoni: “Ġesù
f’nofsna”. Dan il-kliem
jirreferi għall-wegħda ta’ Ġesù
li jkun preżenti fost dawk
magħqudin f’ismu, jiġifieri
fl-imħabba tiegħu (Mt 18,20).
Qed nitkellmu dwar preżenza ta’
Ġesù
li nistgħu tassew
nisperimentawha – aħna
sperimentajnieha ta’ spiss – kif
sperimentawha, per eżempju,
id-dixxipli ta’ Emmaus li qalu:
“Ma kenitx imkebbsa qalbna huwa
u jkellimna fit-triq?” Din
il-preżenza tal-Irxoxt fost dawk
li huma tiegħu hi deċiżiva
għall-ekumeniżmu.
F’Novembru
tal-1996, f’laqgħa li Chiara
kellha ma’ aktar minn 1000
anglikani u kattoliċi flimkien,
fil-Logan Hall f’Londra, kien
hemm esperjenza ta’ dan it-tip
li qanqlet lil Chiara biex
tgħid: “Jekk Kristu hu fostna,
ukoll jekk aħna minn Knejjes
differenti, min jista’
jifridna?”
Minn dan il-waqt
ta’ realta’ ekumenika fl-għixien
tal-Kristjaneżmu, Chiara bdiet
titkellem dwar tip ġdid ta’
ekumeniżmu, li sejħitlu
ekumeniżmu jew djalogu
“tal-poplu”. B’din l-espressjoni
hi wriet b’mod ċar li kull
nisrani hu msejjeħ biex jgħix
l-għaqda, biex jagħti sehmu
billi jħobb lill-proxxmu tiegħu
fl-ambjent fejn jgħix, u mhux
biss fl-ambjent ekkleżjali.
Meta nħobbu lil xulxin, ikun
Kristu stess li jgħaqqadna, hi
liema hi l-Knisja tagħna.
Flimkien
għall-Ewropa
Esperjenza ta’
din ix-xorta hi l-istorja
affaxinanti ta’ “Flimkien
għall-Ewropa”. Naf li anki
hawn Malta saru xi attivitajiet
marbuta mal-ġrajjiet kbar li
mmarkaw il-mixja ta’ din ir-realtà.
“Flimkien
għall-Ewropa”
hi komunjoni u
kollaborazzjoni bejn aktar minn
300 moviment u komunità
minn Knejjes
differenti, li jinsabu mifruxa
mal-kontinent kollu. L-għaqda
ta’ bejniethom, fl-ispirtu
tal-“ekumeniżmu tal-poplu”,
twassalna biex naraw buzzett ta’
Ewropa magħquda, li ma tagħmilx
uniformità
mid-diversità
kbira tagħha, iżda li tagħti
valur lill-varjetà
ta’ identitajiet. “Flimkien
għall-Ewropa” hija forza li
tgħaqqad, speċjalizzata
fil-bini ta’ pontijiet bejn
l-identitajiet differenti.
Fl-okkażjoni ta’ tmiem il-kariga
tiegħu bħala President
tal-Kunsill Pontifiċju
għall-Promozzjoni tal-Għaqda
fost l-Insara, il-Kardinal
Walter Kasper qal li “Flimkien
għall-Ewropa” hi t-tama
kbira tiegħu għall-ekumeniżmu.
Ser nitkellem
biss fuq tliet waqtiet li fuqhom
hi mibnija din ir-realtà
u li jwassluk biex tifhem din
it-tama.
L-ewwel wieħed hu
l-konverżjoni mitluba
mill-Evanġelju, pass li kull
membru jrid jagħmlu personalment
meta jiġi f’kuntatt ma’ kariżma
u jingħaqad ma’ komunità
jew moviment. Din il-konverżjoni
hi importanti anki mil-lat
ekumeniku. L-Unitatis
Redintegratio,
id-digriet tal-Konċilju Vatikan
II dwar l-ekumeniżmu, f’numru 7
jgħid: “M’hemmx ekumeniżmu li
jistħoqqlu dan l-isem mingħajr
il-konverżjoni minn ġewwa”.
F’laqgħa li saret
fis-sena 2000, il-150 mexxejja
ta’ xi 60 għaqda minn Knejjes
differenti għexu mument bażiku
ieħor meħtieġ għall-komunjoni. Ġesù
talab: “Missier, ħa jkunu lkoll
ħaġa waħda...biex id-dinja
temmen”(Ġw
17, 21);
mela l-għaqda bejn l-Insara hi
meħtieġa biex in-nies jiltaqgħu
ma’ Alla.
F’atmosfera
spiritwali profonda, dawk
preżenti għal din il-laqgħa
ħassewha din ir-responsabbiltà
u wasslithom b’mod l-aktar
spontanju għal rikonċiljazzjoni.
Wara talba komuni, f’daqqa
waħda qam wieħed kattoliku u
quddiem kulħadd talab maħfra
għall-preġudizzji li kellu
kontra l-Luterani. Wara ftit ħin
ta’ skiet, qam Luteran, ħafer
lil dan il-Kattoliku, anki
f’isem l-Evanġeliċi preżenti, u
mbagħad bid-dmugħ f’għajnejh
talab maħfra lill-Pentikostali
talli ma kienx tkellem tajjeb
dwarhom. U hekk għamlu oħrajn
għal nofs siegħa sħiħa, b’mod
spontanju, mingħajr tmexxija ta’
ħadd. Dik in-nofs siegħa kienet
esperjenza ta’ fejqan u
ħelsien għal min jaħfer u għal
min ikun maħfur.
Dakinhar saret
ħaġa ovvja għal kulħadd li
mingħajr rikonċiljazzjoni vera
ma nistgħux nagħmlu l-mixja lejn
l-unità.
U din ir-rikonċiljazzjoni għadha
sallum tikkaratterizza
l-komunjoni bejn il-movimenti.
Tant hu hekk li
wieħed mill-iskopijiet ewlenin
tal-manifestazzjoni “Flimkien
għall-Ewropa” li saret
is-sena l-oħra fi Munich, bi
tħejjija għat-tifkira tal-500
mitt sena mir-Riforma, kien
propju li joffri esperjenza ta’
vera rikonċiljazzjoni li twassal
għall-għaqda fost il-Knejjes u
fis-soċjetà.
Numru
sabiħ ta’ isqfijiet kienu
preżenti għal din il-ġrajja.
It-tielet mument
bażiku kien il-patt tal-imħabba
lejn xulxin, mhux biss bejn
individwi imma wkoll bejn
il-Movimenti u l-komunitajiet.
Dan il-patt sar fit-8 ta’
Diċembru 2001 u ma kienx parti
mill-programm tal-laqgħa li
għaliha kien hemm 700 diriġenti
ta’ Movimenti u komunitajiet ta’
knejjes differenti. Dan seħħ
grazzi għall-esperjenza qawwija
tal-preżenza ta’ Ġesù
kif insibu f’San Mattew 18,20. U
bl-intenzjoni li kull wieħed
jieħu r-responsabbiltà
li jagħti sehmu
għall-għaqda fost l-insara billi
jpoġġi l-kmandament il-ġdid ta’
Ġesù
bħala l-bażi
għal dak kollu li jsir taħt
it-titlu ta’ “Flimkien
għall-Ewropa”. Dan il-patt
jiġġedded f’kull laqgħa li
jkollha x’taqsam ma’
“Flimkien għall-Ewropa”.
Dikjarazzjoni ta’
Ottmaring
Wara dak li ġara
f’Lund fil-31 ta’ Ottubru 2016
meta Papa Franġisku u l-Isqof
Munib Younan,
President
tal-Federazzjoni Dinjija
Luterana kkommemoraw flimkien
il-bidu tal-500 sena
tar-Riforma, din is-sena ħassejt
li kelli nagħti spinta ġdida
lill-impenn ekumeniku li
jikkaratterizza l-Moviment
tagħna.
F’Lund assistejna
għal ġest importanti li sar
minn dawk li jinsabu fl-ogħla
kariga ta’ responsabbiltà.
Il-firma tad-Dikjarazzjoni li
saret miż-żewġ naħat titlob li
tikber il-fiduċja reċiproka u li
jkun hemm xhieda komuni
tal-messaġġ evanġeliku biex nuru
l-imħabba t’Alla lill-bnedmin.
Iżda jekk il-ġrajja ta’ hemmhekk
ma twassalx għall-ħajja konkreta
fil-komunità,
allura din tibqa’ biss tifkira
storika li ma tħalli ebda effett
fuq is-sitwazzjonijiet tallum.
Fi Frar kelli
l-opportunità
li nkun ġimgħa fil-belt żgħira
ta’ Ottmaring fil-Ġermanja
flimkien mal-Kunsill Ġenerali
kollu tal-Moviment tal-Fokolari.
Kif ġa semmejt
fil-bidu, f’Ottmaring hemm
xhieda ekumenika permanenti ta’
żewġ komunitajiet li ilhom
jgħixu hemm sa mill-1968; waħda
twieldet fil-Knisja Kattolika u
l-oħra fl-ambitu evanġeliku;
it-tnejn li huma b’partiċipanti
ta’ Knejjes differenti. U xtaqt
li propju hemmhekk nistieden
lill-membri u lill-ħbieb kollha
tal-Moviment għal diskursata
mill-qalb.
Id-Dikjarazzjoni
ta’ Ottmaring li
ppubblikajt f’dawk il-ġranet
tixtieq tgħinna naħsbu b’mod
ekumeniku: tfakkarna li kull
wieħed minn ħutna li niltaqgħu
miegħu, sew jekk hu fil-Knisja
tagħna u anki jekk jagħmel parti
minn xi Knisja oħra, dan hu
parti mill-ġisem ta’ Kristu,
parti minn dak il-ġisem li
Kristu ta ħajtu għalih.
Il-Moviment tal-Fokolari qed
jieħu dan l-impenn assolut u
jrid li jwasslu biex jinfed
f’kull dimensjoni tal-ħajja
tal-bniedem tallum.
L-ekumeniżmu hu
neċessità
għal kull żmien. Jeħtieġ li
javanza. Għax iwieġeb għal dik
il-ħtieġa ta’ Alla li kulħadd
iħoss, forsi wkoll mingħajr ma
jinduna. Jekk in-nies ikollhom
l-okkażjoni li jiltaqgħu ma’
Ġesu’ preżenti fost l-insara li
jinħabbu bejniethom, titwieled
fihom il-fidi, jibdlu l-mod kif
iġibu ruħhom, ifittxu l-paċi u
soluzzjonijiet ta’ ġustizzja, u
jimpenjaw ruħhom għas-solidatjetà
fost il-ġnus.
Id-dinja tkun
tista’ tiltaqa’ ma’ Alla biss
jekk aħna l-insara nkunu
magħqudin bejnietna. Inkella
nkunu qed nagħmlu ommissjoni
gravi.
It-text
tad-Dikjarazzjoni ta’ Ottmaring
bgħatnieh ukoll lir-responsabbli
tal-Knejjes biex nagħtu aktar
tama fil-mixja lejn l-unità.
Eminenzi,
Eċċellenzi,
Awtoritajiet
reliġjużi u ċivili, Sinjuri,
Ħuti,
Grazzi, grazzi
tassew,li
tajtuni l-okkażjoni li nkun
magħkom u li smajtuni b’qalb
miftuħa.
Nawgura minn
qalbi lill-Kummissjoni Ekumenika
Djoċesana u flimkien magħkom
nirringrazzja lil Alla
għas-sehem li tat, flimkien
mal-Kunsill Ekumeniku ta’ Malta,
matul dawn l-40 sena biex
jissaħħaħ l-ispirtu tal-għaqda
fost l-insara.
Flimkien, nitolbu
lil Maria, Omm il-Bnedmin kollha
u Omm il-Knisja, li tkun magħna,
li tgħinna u tagħmlilna l-kuraġġ
fil-mixja ekumenika sabiex
isseħħ it-talba ta’ Ġesù
“ Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”
(Ġw
17,21).
|