

Il-ġrajja ta’ Fatima tibda fix-xahar ta’
Mejju, 1917. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Żmien
ta’ ħerba, mwiet u biża’. Il-Papa Benedittu XV talab lit-tfal
kollha tad-dinja biex jitolbu għall-paċi.

Fit-13
ta’ Mejju, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona Portugall,
tlitt itfal kienu jirgħu in-ngħaġ fil-Cova da Iria. Dawn kienu
Luċija ta’ ħdax-il sena, Franġisku u l-kuġin tagħha, ta’ disa’
snin, u Ġaċinta, oħtu, ta’ sebgħa. Luċija kienet imħassba dwar
ħuha li kien suldat mibgħut għall-gwerra.
F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew
ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq
fis-sema u semgħu ir-ragħad ikarwat. Dan beżżagħhom ħafna għax
l-ajru kien tasew bnazzi! Huma ħaffu jniżżlu n-ngħaġ minn fuq
il-gholja u saquhom lejn post għall-kenn.

Imbagħad, waqt li kienu jħarsu mistagħġba,
lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq
balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa
bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet
lis-Sinjura mnejn kienet ġiet. ``Mis-sema,’’ weġbitha s-Sinjura.
Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar,
għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq
mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura li hi u Ġaċinta kellhom imorru
l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma hu kien jeħtieġlu jgħid iżjed
Rużarju.
Franġisku resaq ‘il-quddiem konfuż dwar
x’kien qed jiġri, għax hu la kien qed jara u lanqas jisma’ lill-Madonna.
Is-Sinjura qalet lil Luċija li Franġisku ried jitlob iżjed, u
jgħid iżjed Rużarju, imbagħad hu wkoll ikun jista’ jaraha.

Luċija staqsietha jekk il-gwerra kinetx ser
iddum ma tispiċċa. It-tfal iddawlu b‘raġġi minn idejn il-Madonna.
Qaltilhom li dak il-ħin ma setgħetx tkellimhom dwar il-gwerra,
imma setgħet tgħidilhom li huma kellhom ibatu ħafna. "Għidu
r-Rużarju kuljum u offruh għall-paċi," temmet tgħidilhom.
Imbagħad id-dehra għebet.
Wara nofsinhar, fi triqthom lejn id-dar,
ftiehmu bejniethom li ma jgħidu lil ħadd b’dak li kienu raw.
Iżda meta waslu d-dar Ġaċinta, u mbagħad Franġisku, qalu lil
ommhom.
Meta ommhom qalet bil-biċċa lil omm Luċija,
iż-żewġ nisa bdew jeħduha magħha u jgħidulha ma tivvintax iżjed
gideb. Imma Luċija baqgħet tinsisti: ``Mama’’, tassew li
rajna sinjura sabiħa.’’
Omm Luċija ma tatx permess lil bintha biex
tarġa’ żżur il-post tad-dehra. Iżda meta t-13 ta’ Ġunju wasal
qalb l-omm irtabet u ħallietha tmur.
Xi rġiel waqqfu lil Luċija fit-triq u
offrewlha l-flus biex ma tmurx fil-Cova. Iżda hi qaltilhom li ma
ridetx flus u kompliet triqtha b’ċorma tfal bniet mexjin
warajha.

Kien armajn nofsinhar fil-Cova da Iria meta
Luċija rat l-istess dawl għammiexi li kienet rat qabel l-ewwel
dehra. ``Ġaċinta, Frangisku’’, bdiet tgħajjat, ``is-Sinjura
ġejja!’’
Is-Sinjura qalet lit-tfal biex jerġgħu jmorru
hemm fit-13 tax-xahar ta’ wara, u biex igħidu ħames posti
Rużarju kuljum. Il-Madonna talbet ukoll lil Luċija biex
titgħallem taqra.
Is-Sinjura qalet lil Luċija li Ġaċinta u
Franġisku kellhom imorru l-ġenna fi żmien qasir, iżda hi,
Luċija, kien se jkollha tistenna, għaliex `Ġesu jrid ixerred
id-devozzjoni lejn il-Qalb Immakolata Tiegħi permezz tiegħek.
Hija tkun ir-refuġju tiegħek.’

Waqt li kienu jħarsu għarkubbtejhom it-tfal
setgħu jaraw il-Qalb Bla Tebgħa tal-Madonna mdawra
bix-xewk….simbolu tad-dnubiet ta’ l-umanita.
Is-sħaba għebet fis-sema u Luċija qamet
bilwieqfa f’daqqa waħda. It-tifla firxet idejha quddiemha,
donnha biex tipprova żżomm id-dehra għal ftit ieħor.
Kull fejn tmur Luċija bdiet issib min
jistaqsiha dwar id-dehra tat-13 ta’ Ġunju. L-aħbar ta’ dik
il-ġrajja kienet xterdet malajr.
Rosa, omm Luċija, kienet tassew inkwetata.
Lil bintha bdiet issejħilha giddieba. Il-Kappillan tal-post
ħaseb li t-tfal setgħu raw xi ħaga, forsi l-ħidma
tax-xitan. Min-naħa tiegħu l-gvern ma kienx iħares bil-ħlewwa
lejn ħrejjef dwar mirakli.
Il-qassis tant żera’ dubji f’moħħ Luċija li
din qalet lit-tnejn l-oħra li ma kinetx fi ħsiebha tmur fil-Cova
fit-13 tax-xahar ta’ wara.

Iżda mqanqla mid-dmugħ ta’ Ġaċinta w
Franġisku, Luċija marret fil-Cova fit-13 ta’ Lulju. Folla kbira
kienet inġemgħet madwar il-balluta, kulħadd lest biex jiddieħek
bit-tfal.
Iżda meta tfaċċat is-sħaba u nħasset żiffa
friska. Luċija fehmet li s-Sinjura kienet preżenti. It-tifla
talbet lill-irġiel biex jinżgħu l-brieret filwaqt li hi w
it-tfal l-oħra niżlu għarkubbtejhom u bdew jitolbu. Ir-raġġi
tax-xemx kienu għebu.
Is-Sinjura qalet lil Luċija biex ikomplu
jitolbu għall-paċi u jerġgħu jmorru fil-Cova x-xahar ta’ wara.
Luċija talbitha biex twettaq miraklu ħalli jarawħ l-oħrajn u
jemmnu. Imma s-Sinjura qalitilha biex jissoktaw igħidu r-Rużarju
għall–konverżjoni tal-midinbin u wegħditha li xi morda kellhom
ifiequ.

Ħafna nies mill-folla talbu lit-tfal
igħidulhom x’kienu raw u semgħu. Iżda ħadd mit-tfal ma ried
jitkellem għax is-Sinjura kienet talbithom biex ma jgħidu xejn
minn dak li kienet qaltilhom għax kien għad mhux il-waqt.

Kien ‘fl-1941 li Luċija rrevelat parti
mill-messaġġ tal-Madonna lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Raġġi
ta’ dawl minn idejn is-Sinjura kienu nifdu l-art li nfetħet u
wriet dehra li twerwer tal-fjammi eterni ta’ l-infern.
Il-Madonna kienet qalet li jekk ir-Russja ma
tikkonvertix saċerdoti kellhom jiġu torturati u knejjes
desakrati. Id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa Tagħha kienet
mezz li jbiegħed gwerra qerrieda oħra. It-Tqarbin fl-ewwel Sibt
tax-xahar għal ħames xhur wara xulxin kellu jgħin biex tiġi
l-paċi.
Id-dehriet ta’ Fatima kienu suġġett
kontroversjali. Is-saċerdoti kienu qed jiġu akkużati li qed
jippruvaw iqarrqu bil-poplu. Fost l-egħdewwa tal-Knisja kien
hemm l-Ordni tal-Mażuni li ħeġġet lis-Sindku biex ifittex jeqred
dawk ix-xnigħat.

Luċija, missierha w zijuha ssejħu fl-uffiċċju
tas-sindku u dan ordna lil Luċija biex twaqqaf il-qerq tagħha.
Iżda Luċija qaltlu: `Jien ma jiena nqarraq b’ħadd. Ma ngħid xejn
ħlief dak li qaltli s-Sinjura’
Madwar 20,000 ruħ kienu nġabru fil-Cova
fit-13 t’Awissu, minkejja l-ordni tas-Sindku. Iżda b’għaġeb ta’
kulħadd it-tfal ma dehrux.
Missier Luċija ma damx ma tarrfilhom għaliex,
Is-Sindku kien daħħal it-tfal f’nasba. Għamel tabirruħu ser
iwassalhom fil-Cova bil-karettun tiegħu, u minflok ħadhom f’daru
u qafilhom hemm.
Fil-Cova, għall-ħabta ta’ nofsinhar,
instemgħet ragħda. Sħaba bajda niżlet għal ftit waqtiet fuq
il-balluta, u mbagħad reġgħet għebet bil-mod il-mod. Il-folla
fehmet li s-Sinjura kienet ġiet u reġgħet marret. Kienu t-tfal
li ma żammewx l-appuntament.
Sadattant is-Sindku, imgħaddab għall-aħħar,
kien qiegħed jitmasħan mat-tfal, jipprova b’ħiltu li jġegħilhom
jiċħdu d-dehriet tal-Madonna u s-sigriet li kienet qaltilhom.
F’telfa kbira ta’ rabja s-Sindku lagħab
l-aħħar karta. Beda jhedded lit-tfal li jgħaddashom fiż-żejt
jagħli. Iżda t-tlitt itfal xorta waħda ma biddlux fehmithom. Sa
fl-aħħar is-Sindku qata’ jiesu u ħelishom.
Ftit jiem wara, fid-19 t’Awissu, is-Sinjura
reġgħet dehret lit-tfal u qaltilhom biex jerġgħu jkunu hemm
fit-13 tax-xahar ta’ wara. `Għidu r-Rużarju kuljum, u fit-13
t’Ottubru jien nagħmel miraklu kbir ħalli kulħadd jemmen.’

Kien hemm fl-arja riħa tassew tfuħ, u t-tfal
qatgħu xi friegħi mis-siġra fejn kienet serrħet il-Madonna u
ħaduhom magħhom id-dar. Dik il-lejla djarhom imtlew bl-istess
fwieħa tas-sema.
L-eluf li kienu hemm waqt id-dehra t’Awissu
malajr xerrdu l-aħbar, u meta wasal it-13 ta’ Settembru l-folla
ħerqana kienet wisq ikbar. Il-morda bdew jitolbu lit-tfal biex
jinterċedu għalihom.
U kienu ħafna l-morda li ġew minn kull rokna
tal-Portugall bit-tama tal-fejqan mirakoluż. Xi wħud kienet
wiegħdet il-Madonna, kellhom ifiequ mill-mard tagħhom.
Hekk kif beda joqrob nofsinhar il-folla fuq
ix-xwiek. Globu ta’ dawl jiddi deher ġej mis-sema. Sħaba bajda
silġ dawret lit-tfal. `Is-Sinjura tinsab hawn!’ għajjtet Luċija.
`Qiegħda naraha!’

F’din id-dehra ħafna minn dawk li kienu
preżenti raw bħal raxxa petali żgħar bojod niżlin mis-sema. Imma
dawn għebu hekk kif messew ma’ l-art. Il-Madonna qalet lit-tfal
biex jissoktaw igħidu r-Rużarju għall-paċi.
Luċija talbitha għall-morda li kienu hemm.
Il-Madonna wiegħdet li xi wħud minnhom kellhom igħaddu
għall-aħjar. L-oħrajn, żiedet tgħid, il-fejqan ma kienx
ikunilhom ta’ ġid għal ruħhom.
Luċija qalet lill-Madonna li n-nies kienu
qegħdin igħajru lilha u lit-tnejn l-oħra giddibin. Is-Sinjura
tenniet il-wegħda tagħha li f’Ottubru tagħmel miraklu li
jġiegħel lil kulħadd jemmen. Imbagħad, taħt għajnejn it-tfal,
għebet bil-mod fis-sema.
L-aħbar li kellu jseħħ miraklu ġriet b’ħeffa
tal-għaġeb. L-Isqof tad-djoċesi tkellem il-biċċa mal-qassisin
tiegħu. Il-ġurnali kienu qegħdin jakkużawhom b’aġitazzjoni
qarrieqa tal-poplu. Il-qassisin bdew jibżgħu li r-Reliġjon
Kattolika kienet ser tiġi redikolata.

Fil-għodwa tat-13 t’Ottubru omm Luċija
qajmitha għall-quddies kmieni, għax kienet qed tibża’ li jekk
il-miraklu ma jseħħx il-folol kienu joqtluha. Imma Luċija żgura
li s-Sinjura żżomm kelmitha.
Kienet ix-xita. Eluf kienu ilhom il-lejl
kollu jterrqu lejn Fatima, jieqfu jistkennu ftit kull fejn isibu
rdoss. Xmajjar ta’ nies kienu jidhru resqin lejn il-Cova da
Iria.
It-tfal stagħġbu mhux ftit meta f’dik
il-għodwa waslu fil-Cova u sabu miġbura folla ta’ iktar minn
70,000 ruħ. Kien għalihom kważi impossibbli li jaslu fejn
il-balluta.


It-tfal kienu għarkubbtejhom jitolbu meta
qassis li kien qrib staqsa lil Luċija x’ħin kienet ġejja
s-Sinjura. Qalilha wkoll li nofsinhar kien diġa’ daqq.

Kulħadd kien jistenna fi skiet l-aktar
profound. Is-Sinjura dehret fil-Cova għall-aħħar darba. Lil
Luċija qaltilha:`Jiena l-Madonna tar-Rużarju Mqaddes. Irrid li
hawnhekk tinbena kappella għall-gieħ tiegħi. Il-gwerra issa
għoddha ntemmet. Għidu r-Rużarju.’ Hija fetħet idejha u bdiet
tielgħa ‘l fuq bil-mod, lejn is-sema.
Imbagħad beda jleħħ il-beraq u sħaba bajda
għattiet il-balluta. `Inżlu għarkubbtejkom,’ għajtet Luċija,
`Is-Sinjura reġgħet ġejja.’

Imbagħad ix-xemx ġibdet ħarset in-nies.
Ix-xita kienet waqfet, is-sħab infetaħ beraħ. Ix-xemx bidet
tagħqad bħal rota ġganteska. Ir-raġġi tagħha bdew jarmu sħana
tal-biża’ u jdawlu s-sema b’dija tal-għaġeb. Imbagħad dehret
tinxteħet ‘l isfel lejn l-art.
Din id-dehra damet għaxar minuti. Matulhom
it-tfal lemħu fix-xemx dehriet tas-Sagra Familja, id-Duluri w
il-Madonna tal-Karmnu. Fl-istess waqt il-folla nhakmet minn
paniku kbir li dam sakemm ix-xemx reġgħet lura għall-post
normali tagħha fis-sema.
Madwar, kollox u kulħadd kien
niexef….il-ħwejjeġ, is-siġar, l-art…kollox. Ma kien fadal ebda
ħjiel tax-xita li kienet ilha nieżla minn bil-lejl. L-entużjażmu
tal-folla kien bla tarf. Ġaċinta kienet twerwret u xi ħadd
mill-folla kien warrabha f’ġenb u ħa ħsiebha.
Imma lil Luċija ma messithiex l-istess xorti
tajba. In-nies bdew jiffullaw fuqha u jġebbdu fiha. Qattgħulha
l-velu ta’ rasha u għamlulha ħwejjiġha trietaq. Kulħadd ried
jieħu tifkira….Qatgħulha saħansitra troffi minn xagħarha!

Minn dak in-nhar, it-13 t’Ottubru 1917,
il-messaġġ ta’ Fatima xtered mad-dinja kollha. Id-drawwa
tar-Rużarju fil-familja saret tradizzjoni. Id-devozzjoni lejn
il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija waslet għal ħafna konverżjonijiet.
It-tfal infushom bdew jagħmlu ħafna
sagrifiċċji wara l-miraklu. Luċija kienet ta’ sikwit issawwat
lilha nfisha bil-ħurrieq bħala penitenza.
F’Diċembru ta’ l-1918 epidemja ta’
l-influenza (magħrufa bħala l-Ispanjola) xterdet ma l-art kollha
u qatlet bosta nies. Franġisku u Ġaċinta t-tnejn intlaqtu
minnha. Luċija ma kinetx titħarrek minn maġenbhom. Wara bosta
jiem Ġaċinta fieqet, iżda Franġisku baqa’ fis-sodda.
Jum wieħed Luċija staqsiet lil Franġisku jekk
kienx qiegħed ibati. Franġisku wieġeb: `Għall-imħabba ta’ Ġesu u
Marija.’ Imbagħad neża’ minn ma’ qaddu ħabel kollu għoqod li
kien jilbes bħala penitenza, imqar fil-mard tiegħu.
Ġaċinta qalet lil Luċija li l-Madonna kienet
żaret lilha u lil Franġisku. Kienet qaltilhom li Franġisku kien
wasal biex imur il-ġenna magħha. Lil Ġaċinta kienet qaltilha
wkoll li kien jeħtiġilha tbati għall-midinbin f’żewġ sptarijiet
qabel ma hija wkoll tħalli d-dinja.

Fil-għodwa tat-2 t’April Franġisku sejjaħ lil
Luċija u talab il-qassis ħalli jkun jista’ jqerr u jitqarben.
Ir-ruħ ħelwa ta’ Franġisku marret lejn
is-sema nhar l-4 t’April 1919. Huwa ndifen fiċ-ċimiteru
tar-raħal, imma aktar tard il-fdalijiet tiegħu tqiegħdu
fit-Tempju tad-Dehriet ġo
Ftit żmien wara Ġaċinta wkoll mardet gravi.
It-tbatijiet tagħha kienu kbar wisq. Il-ġisem ċkejken tagħha
kien mikdud minn ġrieħi w uġigħat ħorox.
Sadattant il-Madonna kienet dehret tliet
darbiet oħra lil Ġaċinta u qaltilha li kienu ser joħduha fi
sptar ġo Lisbona, u li ma kinetx se ddum ma tmur il-ġenna.
Fl-isptar ta’ Lisbona Ġaċinta qalet: `Li
kieku n-nies jafu xi tfisser l-eternita kieku żgur li jbiddlu
ħajjithom.’ Il-Madre tas-sorijiet kienet tikteb kulma tgħid
Ġaċinta.
It-tobba għamlu ħilithom kollha biex isalvaw
il-ħajja ta’ Ġaċinta, u fl-10 ta’ Jannar għamlulha operazzjoni
serja. Imma kien kollu ta’ xejn. Ġacinta għafset id il-Madre u
qaltilha: `Erġajt rajt lill-Madonna. Neħħietli l-uġigħ kollu.’
Ġaċinta rċieviet l-aħħar sagramenti nhar
il-Ġimgħa, 20 ta’ Frar 1920. Il-Madonna kienet żammet kelmitha u
ġiet biex toħodha magħha l-ġenna.
Nota
-
Minħabba li l-ġrajja ta’ Fatima llum għada ma ntemmittx iżda qed
tintiseġ anke fiż-żminijiet tagħna, it-test li ġej kien miżjud
mid-direzzjoni ta’ din il-website. Dan għaliex fi żmien meta s-Soċjetà
tal-M.U.S.E.U.M. ippublikat il-ktejjeb dwar Fatima, Sor Luċija
kienet ħajja.

Wara dawn il-ġrajjiet, Luċija daħlet
Soru Karmelitana fil-Kunvent ta’
Santa Tereża ġo Coimbra.
It-talba ħerqana tagħha kienet dejjem li l-Qalb Bla Tebgħa ta’
Marija sa fl-aħħar tirbaħ….li r-Russja tikkonverti.
Min jaf x’ħasset il-qalb tas-Soru meta matul is-snin tmenin, rat
din il-wegħda tal-Madonna tibda’ titwettaq.
Illum, kważi disgħin sena wara d-dehriet tal-Madonna ġewwa
Fatima, il-ġrajja għada għaddejja. Ta’ kull sena eluf ta’ pellegrini
jmorru f’dan is-Santwarju jiffullaw bi ħġarhom biex ifittxu r-refuġju
u jitolbu l-protezzjoni ta’ l-Omm Ħanina tal-Mulej.
Fost dwn il-pellegrini insibu wkoll żewġ papiet. L-ewwel fit-13
ta’ Mejju ta’ l-1967, il-Papa Pawlu VI qaddes ġewwa Fatima għal
iżjed minn
miljun ruħ.

Warajh kien il-Papa Ġwanni Pawlu II, li
fit-13
ta’ Mejju 1982, qaddes f’dan is-Santwarju biex jiżżi ħajr lill-Madonna
talli kienet ħelsitu
minn
attentat fuq ħajtu li kien sar fit-13 ta’ Mejju tas-sena ta’
qabel – propju l-anniversarju tal-ewwel dehra tal-Madonna.


Imbagħad
huwa
stess reġa’ żar Fatima
fl-1991 u fl-2000. F’kull żjara tiegħu
u tkellem ma’ Sor Luċija. Fl-aħħar żjara tiegħu u fil-preżenza
ta’ Sor Luċija, Ġwanni Pawlu II, iddikjara beati liż-żewġ
viżjonarji żgħar Gaċinta u Franġisku.

Fit-13 ta’ Frar 2005, fl-età ta’ 97 sena,u wara marda twila, Sor
Luċija daħlet fil-ħajja ta’ dejjem fejn żgur sabet liż-żewġ
kuġini żgħar tagħha jistennewha ħalli flimkien iwassluha sa
ħdejn il-Verġni Mbierka u f’riġlejn Binħa Ġesù.
|