Stampa din ir-riflessjoni

Assemblea Djoċesana

Sala, Skola ta’ Santa Monica, Fleur-de-Lys, B’Kara

10 ta’ Ottubru 2014

Riflessjonijiet dwar il-Ministeri lajkali

Minn Fr Mark Sultana

 

Is-Sinodu Djoċesan (1999–2003) kien esperjenza ekkleżjali qawwija ta’ mixja flimkien – kif tfisser il-kelma stess. Kien espressjoni ta’ Knisja-komunjoni, korresponsabbli, parteċipattiva, li tagħmel dixxerniment biex taqra s-sinjali taż-żminijiet, fi spirtu ta’ djalogu mas-soċjetà, u li twassal għal azzjoni evanġelizzatriċi u missjunarja bħala Knisja ta’ aħwa u qaddejja. U, għall-grazzja ta’ Alla, nistgħu ngħidu li din il-mixja tkompliet tul dawn l-aħħar 11-il sena permezz ta’ proċess ta’ dixxerniment twil li kien jinvolvi konsultazzjoni wiesgħa u ħafna ħidma fil-kwiet.

Illum ninsabu f’mument ġdid. Dan mhux biss żmien ta’ bidla, imma huwa bidla ta’ żmien. Forsi nħossu li “id-dinja nisranija qiegħda bil-mod il-mod issir sterili, u se tispiċċa bħala art sfruttata sal-qiegħ li ssir ramel”.[1] Imma m’għandniex inċedu għall-biża’. M’għandniex inċedu għas-sens ta’ diżillużjoni, għall-qtigħ ta’ qalb! Ukoll jekk naraw li hemm min ma jqisniex iktar kredibbli jew rilevanti.

Għandna fiduċja sħiħa fil-Providenza ta’ Alla. B’hekk insiru sinjal profetiku li jxandar lil Alla li jipprovdi u li jieħu ħsieb kull ħlejqa fid-dinja.[2] Barra minn hekk, nagħrfu li kollox hu don. Naghrfu li l-istorja hi f’idejn Alla s-Sid tagħna lkoll. Izda hu importanti mmens li nistaqsu kontinwament: x’qiegħed jitlob minna Alla?

Għandna diversi sinjali ta’ żminijietna bħas-sens qawwi ħafna ta’ tiftix fil-ħajja ta’ bosta, il-bżonn għat-talb u għas-skiet fil-ħajja personali ta’ ħafna, l-għatx għal sinjali ta’ tama, għall-inkuraġġiment, għall-akkumpanjament u għal sens ta’ awtentiċità (li hi qdusija), il-bżonn ta’ riflessjoni fuq ir-rwol u l-ħidma tan-nisa fil-Knisja.

L-esperjenza taghna mal-Mulej Gesu’ tinbuttana l quddiem u theġġiġna biex nagħrfu u nilqgħu sfidi ġodda li dejjem jitolbu kemm kuraġġ u kemm umiltà biex, b’mod profetiku u b’tama sħiħa, nilqgħu bħala nsara. U meta jiġina li naqtgħu xi ftit qalbna, nagħmlu tagħna l-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda: bl-umiltà ta’ żerriegħa ċkejkna, inħallu f’idejn il-Mulej meta u kemm tagħti frott il-ħidma tagħna.[3] Il-Mulej Ġesù qam mill-mewt! Għalhekk ma tonqosna qatt it-tama!

Tajjeb li nagħrfu r-rikkezza ta’ żmienna. Forsi ftit kien hemm żminijiet meta tant persuni mgħammda kienu qed jagħmlu esperjenza ta’ fidi u ta’ formazzjoni li qabel kienu miftuħa aktarx biss għall-membri tal-kleru jew għal dawk li ħaddnu l-ħajja konsagrata. U dawn l-istess persuni jixtiequ, u jistgħu, jagħtu ħafna!

Fi ħdan il-Knisja – li hi “is-sagrament universali ta’ salvazzjoni”[4] li bih Kristu “juri u jagħmel li sseħħ l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin”[5] – ahna, l-insara imgħammdin kollha msejħin biex naqdu lil ħutna kollha. Din is-sejħa għandha l-għerq tagħha fis-sagrament tal-Magħmudija. Fost il-komunità tal-imgħammdin, il-Mulej isejjħilna biex naqdu lilu u lil ħutna f’servizz ekkleżjali bħala ministri ordnati u bħala lajċi mghammda u bħala persuni li ħaddnu l-ħajja konsagrata. Ilkoll ahna meħtieġa għall-bini tal-Knisja lokali. Fil-qadi tal-ħidmiet rispettivi tagħna aħna lkoll għandna rwoli, kariżmi u ministeri kumplimentari għal xulxin.

F’dan id-dawl, is-Sinodu Djoċesan wasal biex jipproponi li:

Bħala Knisja għandna nkomplu niskopru l-għana tal-ministeri u tal-ministerjalità.  Hekk, il-Knisja tissaħħaħ fil-komunjoni u din issir l-istil tal-ħajja u l-ħidma tagħha meta fl-atteġġjament tal-membri tagħha tkun aktar estroverta u għalhekk tħares ’il barra minnha nnfisha. Tkompli tissaħħaħ fil-komunjoni ta’ rwoli, kariżmi u ministeri differenti li jikkollaboraw flimkien. Dan iwassal u jgħin biex bħala Knisja flimkien niskopru għadd ta’ ministeri fil-komunità. Dawn … jingħataw minn min għandu rwol li jmexxi ministeri rikonoxxuti skont il-qasam li fih huma msejħin biex jagħtu għajnuna (p.eż katekeżi, letturi, ministeri tat-tqarbin, djakonija mal-anzjani u l-morda, akkoljenza, ministeru fost il-familji, fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, eċċ).  Tajjeb li jitnieda proċess ta’ edukazzjoni tal-komunità nisranija dwar il-ministeri fi ħdan il-Knisja.[6]

Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u tat-Tradizzjoni tal-Knisja, speċjalment fejn dawn jitkellmu dwar il-qadi, il-Knisja li hi hawn f’Malta qegħda mhux biss tirrifletti dwar dawn il-kariżmi li bihom hija mżejna, imma, frott ħafna dixxerniment, qegħda tipproponi l-introduzzjoni ta’ ministeri partikulari fiha – ministeri li jkunu ta’ għajnuna lill-Poplu kollu ta’ Alla, u għalhekk ta’ għajnuna lill-Isqfijiet u lis-saċerdoti wkoll. Dawn il-ministeri ġodda huma l-Ministeri lajkali, u d-Djakonat permanenti (li se jitkellem dwaru Fr Hector).

Bil-preżenza fostna ta’ dawn il-ministeri, nemmnu li l-Knisja lokali tkun tista’ taqdi aħjar il-missjoni afdata lilha mill-Mulej innifsu. Dan li qed jiġi propost huwa wkoll f’rabta ma’ dak li l-Ispirtu Qaddis nebbaħ lill-Knisja lokali matul l-esperjenza ekkleżjali tas-Sinodu Djoċesan.

Aħna lkoll msejħin biex nifhmu aħjar it-tifsira tal-ministerjalità fi ħdan il-Knisja. Il-ministri kollha tal-Knisja, mingħajr eċċezzjoni, mhumiex qegħdin biex jaħkmu fuq ħaddieħor, imma biex joffru s-servizz tagħhom b’qalb kbira u ġeneruża, u mingħajr distinzjoni. Il-ministri kollha tal-Knisja huma ispirati mill-kelma qawwija u l-eżempju li jkaxkar ta’ Sidna Ġesù li qal lid-dixxipli tiegħu: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-Bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.[7]

Il-ministerjalità tinftiehem biss fil-perspettiva awtentika ta’ Knisja-komunjoni. Knisja li hija komunjoni ta’ ministeri ordnati u lajkali hija magħmula minn imgħammdin li huma dixxipli; ahna bħala tali, imsejħa li nkunu bnedmin ta’ Alla u bnedmin ma’ u għall-oħrajn.[8] Il-ministeru dejjem għandu x’jaqsam mal-karattru relazzjonali tal-Knisja; jaqdi l-komunjoni u l-missjoni tal-Knisja. Għalhekk ħadd ma jista’ jaħdem waħdu! Il-Ministri lajkali (u d-djakni permanenti), huma msejħa biex ikunu f’komunjoni mal-Isqfijiet tagħna u mas-saċerdoti tagħna li huma sagramentalment responsabbli għall-komunjoni u għall-kolleġġjalità fil-Knisja lokali.

Il-Ministri lajkali jridu jiftehmu fid-dawl tar-rieda tal-Knisja li tipprovdi Operaturi pastorali kompetenti u kwalifikati, biex jakkumpanjaw adolexxenti, żgħażagħ, familji, għarajjes, persuni li qed jesploraw il-possibilità tal-fidi, persuni li qed jesploraw il-fidi, persuni li jixtiequ jikbru fil-fidi, persuni anzjani, u oħrajn.

Għandna bżonn iżjed insara li jistgħu jimxu maġenb persuni għaddejja minn dlamijiet u disorjentamenti f’hajjithom, insara li jafu jakkumpanjaw lil oħrajn fil-vjaġġ tagħhom, insara li jkunu kapaċi li jagħmlu sens mil-lejl li hu implikat u preżenti fil-ħarba ta’ tant minn ħutna mill-Knisja.

Hu proprju għalhekk li huwa importanti li nġibu l quddiem formazzjoni xierqa li ssawwar persuni li jistgħu jidħlu fil-lejl mingħajr ma jkunu mirbuħa mid-dlam u jintilfu; kapaċi jisimgħu l-ħolm tan-nies bla ma jħallu li huma wkoll jiġu mqarrqa; jaqsmu fid-diżappunti tagħhom bla ma huma stess jaqtgħu qalbhom u jitnikktu; jissimpatizzaw mat-tifrik li hemm fl-oħrajn mingħajr ma jħallu lilhom infushom jinħallu u jitħassru fl-identità proprja tagħhom.[9]

Għalhekk jeħtieġ li niffurmaw persuni kapaċi li jagħtu xhieda b’mod li jsaħħru l-qalb, persuni li jkunu dixxipli missjunarji, li jagħrfu l-preżenza u l-ħidma ta’ Alla llum, li jkunu jafu kif ifissru, bil-kuraġġ, it-tieqa kbira u mimlija dawl tal-ħajja tal-Knisja. Jeħtieġ niffurmaw persuni li jgħixu u jirrakkontaw dawn l-għejun b’mod li jerġgħu jagħtu l-ħajja lis-seħer ta’ sbuħithom.

F’din il-ħidma,

“[i]l-lajċi jeħtieġ li jkomplu jieħdu sehem aktar sħiħ u wiesa’ bil-pariri u l-ħidma tagħhom, kulħadd skont il-kariżma u l-kompetenza ta’ kull wieħed u waħda, ukoll fuq livell djoċesan, bħala membri attivi u maturi tal-Knisja f’Malta.  Hawn tajjeb li jintwera apprezzament għall-ħidma ġeneruża u siewja ta’ ħafna lajċi li fl-imgħoddi u fil-preżent impenjaw u qed jimpenjaw ruħhom fil-ħajja u l-ħidma tal-Knisja fuq livell parrokkjali jew djoċesan”.[10]

Il-Knisja f’Malta trid tipproponi lill-Operaturi pastorali kollha biex jikbru dejjem iktar:

(i) personalment, spiritwalment, professjonalment;

(ii) ikunu familjari mal-proċess/kontenut pastorali;

(iii) jimxu flimkien b’viżjoni ta’ Knisja waħda;

(iv) ikun hemm aktar komunjoni u tagħrif u użu aħjar tal-bosta ħidmiet u servizzi li l-Knisja toffri.

Tajjeb li l-Operaturi pastorali kollha ikunu magħrufa mis-Segretarjat rispettiv.

Fost dawn il-lajċi,

“l-inkorporazzjoni [tagħhom] fi Kristu tagħmilhom mhux biss operaturi tal-evanġelizazzjoni tad-dinja imma anki kollaboraturi mar-rgħajja tagħhom fis-servizz tal-komunità ekkleżjali għall-iżvilupp u l-vitalità tal-istess komunità,  billi jħaddmu ministeri l-aktar varji, skont il-grazzja u l-kariżmi li l-Mulej jogħġbu jqassam fosthom”.[11] “Dawn il-ministeri huma servizzi rikonoxxuti leġittimament jiġifieri jagħmlu parti mill-istruttura u organizazzjoni tal-komunità ekkleżjali”.[12]

Il-Ministri lajkali huma rġiel u nisa lajċi li jkunu fost l-Operaturi pastorali tad-djoċesi. Fil-każ tal-ministeri lajkali, is-servizz ekkleżjali li joffru ikollu dawn l-aspetti:

(i) l-awtorizzazzjoni tal-ġerarkija ekkleżjastika biex jaqdu pubblikament fil-Knisja lokali għal żmien definit;

(ii) rwol ta’ tmexxija fil-ministeru partikulari f’sens ta’ koordinazzjoni u direzzjoni f’qasam pastorali partikolari;

(iii) kollaborazzjoni fil-ministeru pastorali tal-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni;

(iv) preparazzjoni xierqa u formazzjoni adegwata skont il-livell ta’ responsabiltà li ser jingħataw.[13]

Dawn il-Ministeri huma lajkali għax isibu l-għajn tagħhom fis-Sagramenti tal-Inizjazzjoni. Huma ekkleżjali għax jaqdu l-komunjoni u l-missjoni tal-Knisja u għax huma mifhuma fid-dawl tad-dixxerniment u l-awtorizzazzjoni tal-Knisja, u l-komunjoni u l-korresponsabbiltà mal-ġerarkija. Huma ministeri għax huma parteċipazzjoni fit-tria munera ta’ Kristu li hu qassis, profeta u ragħaj. Għalhekk, il-Ministeri lajkali jistgħu jiftiehmu biss fid-dawl ta’ sejhat li l-Mulej jagħmel lill-persuni, fejn kull sejħa hi għal missjoni pastorali speċifika li tiġi rikonoxxuta, ikkonfermata, u mgħixa fi ħdan il-Knisja lokali.

It-terminu Ministeru lajkali huwa ġeneriku. Jista’ jirrreferi għal rwoli u aspetti differenti: per ezempju katekeżi, fost il-familji, maż-zgħażagħ, ħidma pastorali fl-iskejjel, fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, eċċ.[14] Huwa l-Arċisqof li jiddeċiedi liema għandhom ikunu l-Ministeri lajkali rikonoxxuti u x’għandha tkun il-formazzjoni speċifika għal kull Ministeru lajkali. L-oqsma li jidhru l-aktar urġenti huma l-iskejjel, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, il-familja, u l-katekeżi.

Il-Ministru lajkali jassumi reponsabbiltà ta’ tmexxija f’xi qasam pastorali dejjem f’relazzjoni ta’ kollaborazzjoni, koorperazzjoni u kumplimentarjetà mar-ragħajja ordnati u ma’ oħrajn fil-komunità nisranija.

Dawn il-Ministeri lajkali, flimkien ma’ ħafna ħidma pastorali ta' persuni lajċi, huma minnhom infushom distinti mill-ministeru ordnat u jikkollaboraw ma' dawn il-ministri ordnati.

Il-lajċi jistgħu jagħrfu sejħa biex jikkoperaw mar-Rgħajja f’servizz intiz għall-izvilupp u l-ħajja tal-komunità ekklezjali. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ diversi tipi ta’ ministeri skont il-grazzja u l-kariżmi li l-Mulej jagħtihom.[15]

Il-kelma ‘ministeru’, uzata għal xi ħidmiet pastorali tal-lajċi, m’għandhiex tintuza biex iddgħajjef jew tikkomprometti n-natura speċifika tal-ministeru ordnat. Il-Ministeru lajkali hu ezerċitat skont il-vokazzjoni lajkali:

Ir-Ragħajja tal-Knisja għandhom jagħrfu u jġibu ’l quddiem il-ministeri, l-uffiċċji u l-funzjonijiet tal-lajċi nsara, għax dawn għandhom il-pedament sagramentali tagħhom fil-Magħmudija u l-Konfermazzjoni u, għal ħafna lajċi, fiż-żwieġ ukoll.[16]

Is-sejħa għall-Ministeru lajkali tagħti direzzjoni speċifika lil parti mill-ħajja tad-dixxipulat tal-persuna. Din issir fi hdan il-Knisja. Hija l-Knisja Lokali sħiħa u, b’mod partikolari, l-parroċċa li twelled l-Operaturi pastorali u l-Ministri Lajkali. Il-Ministeru lajkali jitnissel u jiżviluppa fil-ħajja tad-dixxiplu ta’ Kristu.

Għalhekk, il-Ministeru lajkali hu kkaratterizzat minn:

a.     sejħa personali li toħroġ mis-Sagramenti tal-Inizjazzjoni;

b.     dixxerniment ekkleżjali u rikonoxximent ta’ kariżma;

c.      formazzjoni serja skont il-ministeru;

d.     awtorizazzjoni pubblika ekkleżjali għal żmien definit.

Qabel ma jibda l-proċess tal-iskrutinju u dixxerniment dwar il-persuna li tkun ressqet talba biex tiġi mogħtija ministeru, id-djoċesi trid tara li dik il-persuna jkollha l-preparazzjoni u formazzjoni kollha meħtieġa.[17] Imbagħad, il-Ministru lajkali jrid ikun awtorizzat (jew ikkummissjonat b’mandat) mill-Arċisqof. Din l-awtorizazzjoni hi “l-proċess li permezz tiegħu persuni mħejjija sewwa jingħataw responsabbiltajiet għall-ministeru ekklezjali mill-awtorità ekklezjali kompetenti”.[18] Din l-awtorizazzjoni – li hi att pubbbliku – tesprimi kemm ir-rwoli u r-responsabbiltajiet u l-accountability tal-ministru lajkali, u kemm ir-rikonoxximent ċar u s-sostenn tal-ħidma tal-ministru lajkali.

Fl-istess waqt, l-għana ta’ rwoli u servizzi varji ħafna ta’ lajċi għandu jkun imħares u nkuraġġit u m’huwiex ristrett għall-ministeri lajkali. It-terminu Ministru lajkali bl-ebda mod mhu titlu jew grad.[19] Bħal kull mgħammed, il-Ministru lajkali hu msejjaħ li jaqdi u mhux li jkun moqdi. Hu msejjaħ li joffri d-doni u r-rwol ta’ tmexxija għall-ġid tal-Knisja, għall-iżvilupp tal-ħajja tagħha, u għall-ħidma missjunarja tagħha fid-dinja.[20]

Hu importanti ħafna li mhux biss ikun hemm it-tħejjija tal-Ministri lajkali imma li titħejja wkoll il-komunità biex tilqa’ din ir-realtà u tifhem dak li jkun qed jiġri fi ħdanha. Trid issir l-attenzjoni kollha meħtiega biex dan ikun proċess li jġib żvilupp u mhux wieħed li jdgħajjef dak li diġa` jeżisti, jew li jinħoloq sens ta’ ġerarkija ġdida jew ta’ elitiżmu.

Irid ikun hemm, kemm jista’ jkun, żvilupp organiku: jagħmel ħafna sens li wieħed jibda l-Ministeru lajkali billi joffri sehemu fil-qasam partikolari u, mbagħad, minn hem, ikompli miexi ‘l quddiem f’din il-ħidma li titlob karattru u kapaċitajiet. L-esperjenza li wieħed jagħmel fil-qasam partikolari tgħinu biex iservi l-ministeru tiegħu aħjar.

Għall-bidu, il-Ministeri lajkali għandhom jiġu istitwiti biss fuq il-livell djoċesan u f’parroċċi kbar jew unitajiet fejn tassew jinħass ħafna l-bżonn mill-kappillani u l-komunitajiet parrokkjali. Għandu jsir dixxerniment kontinwu u ssir evalwazzjoni dwar kif marret l-ewwel fażi tal-introduzzjoni tal-Ministeri lajkali f’Malta. Il-Ministeri lajkali m’għandhomx ikunu jew isiru sistema li fiha jridu sempliċement jidħlu l-parroċċi jew l-unitajiet kollha b’istess mod. Għandu jkun hemm dixxerniment kontinwu kemm tal-ħidma u l-operat tal-Ministri lajkali u kemm tal-bżonnijiet speċifiċi li l-Ispirtu t’Alla jindika minn żmien għal żmien. Għandu jkun hemm ukoll superviżjoni adegwata ta’ din il-ħidma ministerjali li ssostniha u li tara li l-Ministri lajċi jkomplu jirċievu l-formazzjoni kif mitlub minnhom anke wara l-għoti tal-ministeru.

F’dawn is-snin ta’ preparazzjoni ta’ quddiemna, għandna nisħqu fuq mentalità ekkleżjali li tenfasizza il-bżonn ta’ mixja kontinwa ta’ dixxipulat fi ħdan il-ħajja u l-ħidma tal-parroċċi u tal-istrutturi u gruppi ekkleżjali tagħna. Għaldaqstant, xi karatteristiċi neċessarji biex il-Knisja tkun iżjed ippreparata għall-Ministeri lajkali huma: l-aċċent fuq il-mixja tal-fidi u d-dixxipulat; l-esperjenza tas-sejħat li jagħmel il-Mulej u l-fatt li jagħmel sejħat varji; ħajja u ħidma pastorali li tkun tfisser l-akkumpanjament ta’ persuni fil-mixja tal-fidi; u sens missjunarju ikbar. L-introduzzjoni tal-Ministeri lajkali (u tad-Djakonat permanenti) tista’ tgħin f’din id-direzzjoni. Nitolbu lill-Mulej li nilqgħu dejjem l-istedina tiegħu li ssejħilna l barra minna nfusna lejn laqgħa mieghu stess li hi dejjem laqgħa wkoll ma’ dawk li hu jindirizzana lejhom. Is-sejħa tiegħu tfisser dixxipulat u missjoni; tfisser traxxendenza lejn oħrajn – ġibda missjunarja b’mod partikolari lejn dawk li huma fil-periferiji eżistenzjali tal-ħajja.[21]

 

[1] Ara John Henry Newman, Letter of the 26th January 1833 to his mother, in The Letters and Diaries of John Henry Newman, Vol. iii, Oxford 1979, 204.

[2] Ara Mt 6, 25-29.

[3] Ara Mk 4, 26-29.

[4] Lumen Gentium, 48.

[5] Gaudium et Spes, 45.

[6] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni, 17.

[7] Mk 10:43-45.

[8] Ara Viżjoni ta’ Knisja-Komunjoni, 48.

[9] Ara d-diskors tal-Papa Frangisku lill-Isqfijiet tal-Brazil f’Rio de Janeiro nhar is-Sibt 27 ta’ Lulju 2013.

[10] Lajċi Nsara 12.

[11] Evangelii Nuntiandi 73.

[12] Lajċi Nsara 21.

[13] USCCB, Co-Workers in the Vineyard of the Lord, 2005, 10.

[14] Ara USCCB, Co-Workers in the Vineyard of the Lord, 2005, 11.

[15] Evangelii Nuntiandi 73.

[16] Christifideles Laici 23.

[17] Fil-Liġi Kanonika, huwa stipulat li “il-lajċi li huma assenjati għal servizz speċjali fil-Knisja, kemm permanenti kif ukoll għal xi żmien, għandhom id-dover li jakkwistaw il-formazzjoni meħtieġa li r-rwol li għandhom jitlob minnhom, biex b’hekk ikunu jistgħu, b’kuxjenza, b’żelu u b’diliġenza, jaqdu dan ir-rwol” (Kan. 231, 1).

[18] USCCB, Co-Workers in the Vineyard of the Lord, 2005, 54.

[19] Ara USCCB, Co-Workers in the Vineyard of the Lord, 2005, 11.

[20] Ara USCCB, Co-Workers in the Vineyard of the Lord, 2005, 25.

[21] Ara d-diskors tal-Papa Frangisku lill-Isqfijiet tac-CELAM f’Rio de Janeiro nhar il-Hadd 28 ta’ Lulju 2013.