SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 5

“Ma rridx li ma tkunux tafu, ħuti, dan il-misteru”  (Rum 11, 25)

 minn Fr Martin Micallef OFMCap 

Kurżita li tispikka fl-Ittri ta’ San Pawl huwa l-mod ta’ kif huwa juża l-kelma “Kristu” bħalikieku dan hu isem propjru ta’ xi ħadd. Bħala Lhudi, Pawlu kien jaf tajjeb li l-kelma “Kristu” ma kienetx isem propjru, u li din kienet it-traduzzjoni mill-Grieg (Christos) tal-kelma “Messija”, li fil-Lhudi tfisser “il-Midluk.” Dan it-terminu kien jintuża fil-kitbiet tal-Lhud u jirreferi għal xi ħadd magħżul minn Alla sabiex iwettaq xi missjoni mitluba minnu. Xi drabi għalhekk, il-kelma “il-Midluk” kienet tintuża għas-sultan ta’ Iżrael (ara 1 Sam 24,6; 2 Sam 23,1; Salm 2,2). F’xi drabi intużat ukoll f’kitbiet oħra barra mit-Testment il-Qadim biex tirreferi għas-sultan mistenni mil-linja Davidika. Ma kienx hemm qbil bejn il-Lhud dwar x’kellu jkun u min kellu jkun il-Messija. Ħaġa waħda kienet tidher ċara: li l-“Messija” kellu jiġi magħżul minn Alla sabiex iwettaq il-pjanijiet għall-poplu tiegħu.

Fl-Ittri ta’ San Pawl naraw li l-mod kif dan l-Appostlu juża l-kelma “Kristu” juri li din il-kelma kisbet il-karattru ta’ isem, u li għalhekk it-tifsira oriġinali tagħha bħala “il-Midluk” kienet intilfet. Iżda l-fatt li dan l-Appostlu juża din il-kelma tant spiss juri li għalih it-twemmin li Ġesù hu l-Messija ta’ Alla kienet xi ħaġa importanti. Bħala l-Messija, Ġesù kien il-mibgħut ta’ Alla fuq din l-art, li ġie biex permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu li seħħew “skont l-Iskrittura”, huwa jwettaq il-wegħdiet li Alla kien għamel mal-poplu tiegħu fi żmien l-imgħoddi.

Hawn nistgħu nistaqsu ’l għala Pawlu, li qies lilu nnifsu magħżul sabiex jippriedka lill-Pagani, insista daqshekk magħhom li huma għandhom isiru jafu u jagħrfu lil Ġesù bħala “il-Messija”? F’kelma oħra, ’l għala l-Appostlu Missierna ma xandarx lil Ġesù bħala “il-Mulej” jew “l-Iben ta’ Alla” - żewġ titli li huwa juża wkoll imma mhux daqs kemm uża l-kelma “Messija” – li setgħu jagħmlu aktar sens mal-Pagani milli l-kelma “Kristu”?

Nistgħu naslu biex nibdew inwieġbu għal din il-mistoqsija jekk inżommu f’moħħna li Pawlu ried juri li hemm kontinwità f’dak li Alla għamel fil-passat u li għadu jagħmel fil-preżent mal-maħbubin tiegħu. Dan ifisser ukoll li l-Evanġelju li xandar Pawlu ma kienx ġdid. Pawlu ma xandarx reliġjon ġdida kif forsi jaħsbu xi wħud. Dak Alla li kien sejjaħ lill-poplu ta’ Iżrael sabiex ikun il-poplu l-maħbub tiegħu kien qed jaħdem b’dan l-istess poplu sabiex iwettaq il-pjanijiet tiegħu. Għalhekk l-Appostlu Pawlu jagħraf lil Ġesù “li skont it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David” (Rum 1, 3) u li huwa l-Messija ta’ Iżrael “skont il-ġisem” (Rum 9, 5), u għalhekk huwa r-rappreżentant leġittimu tal-poplu tiegħu.

Iżda issa permezz tal-qawmien ta’ Kristu id-definizzjoni ta’ “poplu ta’ Alla” kienet imbidlet. Permezz ta’ din il-ġrajja ta’ salvazzjoni, il-Lhud m’għadhomx aktar l-ulied veri jew uniċi ta’ Abraham, il-Missier tagħhom “skont il-ġisem” (Rum 4, 1). L-ulied veri issa huma dawk il-Lhud u l-Pagani li emmnu li Alla qajjem lil Ġesù mill-imwiet.

Fil-ħsieb ta’ Pawlu, dan hu l-istess Alla li għadu jaħdem u li ma nesiex il-wegħdiet li kien għamel lill-poplu tiegħu. Għalhekk fil-bidu ta’ l-Ittra lir-Rumani, l-Appostlu Missierna, jfakkarna li l-Evanġelju “hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Pagani” (Rum 1, 16). Dan hu prinċipju fundamentali għaliex Alla l-ewwel wera lilu nnifsu lil-Lhud u wiegħed li jtemm il-wegħdiet tiegħu fid-dinja permezz tagħhom. Għalhekk aktar tard f’din l-akbar Ittra li kiteb San Pawl, huwa jxebbah lil Iżrael ma’ siġra taż-żebbuġ li xi friegħi minnha tqaċċtu u li ġew imlaqqmin f’siġra taż-żebbuġ selvaġġa. Dan il-lingwaġġ simboliku jkompli jurina r-rwol ċentrali ta’ Iżrael fil-pjan ta’ Alla. Il-passat ma ġiex abbandunat iżda fl-istess ħin issa kien ħa sfumatura oħra.

Huwa b’dan f’moħħna li nistgħu nkomplu nifhmu ’l għala Pawlu kważi dejjem jirreferi għal Ġesù bħala “Kristu” minflok bħala “Ġesù.” Dan kien mod li bih huwa seta juri aspett importanti ta’ l-identità ta’ Ġesù. It-titlu ta’ “Kristu” jfakkarna fil-kontinwità bejn il-passat u l-preżent, bejn dak li Alla wettaq fil-passat u dak li kien għadu qed jagħmel.

Fl-istess ħin, Pawlu kellu wkoll bżonn ta’ titli oħra sabiex jirreferi għal Ġesù, speċjalment f’kuntesti pagani li fihom huwa kellu jħabbar lil Kristu. Mill-ġdid dawn it-titli Pawlu silithom mill-isfond Lhudi li fih kien trabba imma li kellhom ukoll tifsira fid-dinja pagana. Fost dawn hemm it-titlu ta’ “Mulej,”

Hekk, per eżempju, f’Rum 10, 9 jgħid li “Ġesù hu l-Mulej” (ara wkoll 1 Kor 12, 3). Fid-dinja Lhudija, dan kien titlu mogħti lil xi ħadd li kien fl-awtorità, bħal ngħidu aħna is-Sultan (ara Salm 110, 1), għalkemm dan it-titlu kien ukoll wieħed li jituża b’sens ta’ rispett lejn xi ħadd bħal fil-każ ta’ Ġen 19, 2. Fil-Grieg, il-kelma “Mulej/Sidi”, Kyrios, ġiet użata sabiex titraduċi l-isem Lhudi ta’ Alla, YAHWEH, li kien wisq qaddis biex jiġi ippronunzjat.

Għal Pawlu, it-titlu “Mulej” huwa wieħed li japplika għal dak li huwa taħt Alla, u li jistħoqqlu kull tifħir: Ġesù Kristu. Fil-fatt, il-proklamazzjoni ta’ Ġesù bħala “Mulej” huwa mod li bih tingħata glorja u tifħir lil Alla (ara Fil 2,11).