SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n. 3

“Twelidt fil-poplu ta’ Iżrael, mit-tribu ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud” (Fil 3,5) 

minn Fr Martin Micallef OFMCap

Pawlu twieled u trabba bħala Lhud tajjeb. Biżżejjed għalina jekk naqraw dak li huwa kiteb fl-Ittra tiegħu lill-Filippin, fejn jistqarr kif ta’ tmint ijiem għamlulu ċ-ċirkonċiżjoni, biex b’hekk daħal jagħmel parti mill-poplu ta’ Iżrael skond ma kienet titlob il-Liġi, u li kien “mit-tribu ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud, Fariżew fl-osservanza tal-Liġi” (Fil 3,5).

Bħala Lhudi Pawlu kien jemmen li hemm Alla wieħed biss (ara Dewt 6,4), li ismu huwa YHWH u li dan wera lilu nnifsu lil Mosè fis-siġra taqbad ta’ l-għollieq (ara Eż 3,14-15). Minħabba li l-Lhud dejjem emmnu li Alla ħa bosta inizjattivi fl-istorja, huma fissru t-twemmin tagħhom fih permezz ta’ bosta rakkonti. Hekk juru r-rakkonti tal-ħolqien li fihom Alla huwa ippreżentat bħala dak li ħalaq kollox tajjeb. Iżda minħabba li l-bniedem dineb billi m’obdiex lil Alla, il-bniedem ġie kkastigat. Alla mbagħad għażel lil Abraham u wegħdu nisel kbir, jiġifieri, il-poplu ta’ Iżrael.

Alla ħareġ lil dan il-poplu mil-jasar ta’ l-Eġittu. Dan hu l-istess Alla li wera lilu nnifsu lil Mosè fuq is-Sinaj, u hemmhekk daħal f’Patt mal-poplu ta’ Iżrael (Eż 19,3-6). Min-naħa tiegħu, Alla kien wiegħed li ser jieħu ħsieb lil Iżrael, filwaqt li dan il-poplu wiegħed ubbidjenza lejn il-Kmandamenti ta’ Alla, kif imfissra fil-Liġi tiegħu. Wara li mexxiehom fid-deżert, il-Mulej tahom Art li huwa kien wegħedhom, fejn hemmhekk huwa kompla jikkomunika magħhom permezz tal-Profeti.

Il-Mulej Alla baqa’ jieħu ħsieb u jmexxi lil dan il-poplu, iżda huma min-naħa tagħhom wrew ruħhom bħala poplu ta’ ras iebsa u li dinbu tant drabi. Kien għalhekk li Alla ippermetta li dan il-poplu jitkaxkar fl-Eżilju mill-għedewwa tagħhom, liema ġrajja ġiet interpretata bħala kastig ta’ Alla (ara Isa 30,1-5; 8-14). Iżda l-Mulej ħafer lil dan il-poplu u ġabu lura mill-eżilju biex b’hekk wera ruħu bħala Alla ħanin u twajjeb.

Minkejja li l-poplu baqa’ jidneb, Alla baqa’ juru lilu nnifsu bħala Alla fidil lejn il-wegħdiet tiegħu għax ried li dak li kien wiegħed jitwettaq tassew: dawk il-Lhud li jibqgħu ubbidjenti lejn il-Liġi kellhom jiġu ippremjati, biex b’hekk il-poplu ta’ Iżrael jerġa’ jikseb il-paċi u l-ġid taħt il-ħakma tan-nisel tas-Sultan David (ara Isa 11,1-9).

It-tmiem ta’ din l-istorja kellu jistenna żmien futur. Dan iż-żmien kellu jasal biss meta Alla jerġa’ jwaqqaf mill-ġdid is-saltna tiegħu fuq l-art. Dak in-nhar ma jkunx hemm aktar ribelljoni kontra Alla filwaqt li l-ħolqien kollu kellu jkun ubbidjenti lejn Alla. It-tmiem għalhekk kien ifisser kastig jew premju. Għal dawk li kienu diżubidjenti lejn il-Kmandamenti ta’ Alla, Jum il-Mulej kellu jfisser jum ta’ ġudizzju u ta’ rabja (ara Ġoel 2,2).

Dan hu t-twemmin Lhudi li Pawlu trabba fih u li tgħallem sa minn ċkunitu. Meta Pawlu ġie ikkonfrontat minn Kristu Rxoxt fit-triq ta’ Damasku dan ma kienx ifisser li huwa ma baqgħax Lhudi jew li kien abbanduna t-twemmin tiegħu. Pawlu ma kkonvervix mill-Ġudaiżmu. Minflok, huwa ġie msejjaħ lejn twemmin li jistqarr lil Ġesù Kristu bħala l-Messija Imwiegħed, u għalhekk twemmin li juri kif kienu qed jitwettqu l-wegħdiet kollha ta’ Alla fil-persuna ta’ Ġesù Kristu rxuxtat.

Il-fidi ta’ Pawlu ġiet iffurmata f’dan il-kuntest tat-twemmin Lhudi li fih huwa trabba. Huwa kompla jemmen f’Alla ta’ Missirijietu, filwaqt li baqa’ jistmerr kull qima mogħtija lil idoli, tant illi meta huwa mar ixandar l-Evanġelju lill-Pagani, huwa kellu jipperswadihom sabiex “iduru lejn Alla u jitilqu lil idoli biex jaqdu lil Alla ħaj u veru” (1 Tess 1,9). Huwa f’dan il-kuntest ta’ twemmin f’Alla wieħed biss u veru, li l-messaġġ tiegħu dwar Ġesù Kristu, bħala l-Iben Mibgħut tal-Missier, seta’ jagħmel sens.

Għal Pawlu, il-qawmien ta’ Ġesù kienet tfisser ġrajja li qalbet ta’ taħt fuq l-effetti tad-dnub li aħna writna bid-dnub ta’ l-ewwel ġenituri tagħna (ara Rum 5,15-21). Għal Pawlu issa kien żernaq żmien ġdid (ara 2 Kor 5,17). Bħala konsegwenza ta’ dan, Pawlu baqa’ jemmen ukoll li Alla kien wera lilu nnifsu lil Mosè u li l-Liġi li kienet ġiet mogħtija lil Iżrael permezz ta’ Mosè kienet waħda qaddisa, ġusta u tajba (ara Rum 7,12). Iżda Pawlu issa emmen ukoll li Alla wera ruħu b’mod aktar sħiħ f’Ibnu Ġesù Kristu (ara 2 Kor 3,10; 4,4). U jekk fl-imgħoddi Alla kien tkellem permezz tal-profeti, issa l-kliem tagħhom kellu jiġi interpretat fid-dawl tal-persuna ta’ Ġesù Kristu.

Għal Pawlu, mela, Alla ma kienx abbanduna l-poplu tiegħu. Kif jikteb fl-Ittra lir-Rumani: “tagħhom hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet; tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom, li skond il-ġisem, ħareġ Kristu” (Rum 9, 4-5). Pawlu jinsisti li Alla kien żamm il-wegħdiet tiegħu (Rum 9,6). Il-wegħdiet li huwa kien għamel ma’ Abraham issa kienu ġew imwettqa fil-persuna ta’ Ġesù Kristu.

Skond Pawlu, kien permezz ta’ Ġesù Kristu li issa infetħu toroq kbar u wisa ta’ kif għandna naqraw u nifhmu l-Iskrittura, li sa dak iż-żmien li fih għex Pawlu kienet tikkonsisti biss f’dak li aħna l-Insara llum insejħulu t-Testment il-Qadim. Dan hu l-kontribut kbir li ta Pawlu fl-ewwel snin tat-twelid tal-Knisja, meta huwa kiteb l-Ittri tiegħu qabel ma nkitbu l-Evanġelji. Kien Pawlu li beda jagħti kontenut lit-twemmin tagħna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu meta huwa għaqqad it-teoloġija li huwa kien tgħallem ma’ dak li Ġesù Kristu kiseb għalina bil-mewt u l-qawmien tiegħu.