SENA PAWLINA – Ħsibijiet fuq San Pawl n.2

“Dawn l-Ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom”  (2 Pt 3,16)

minn Fr Martin Micallef OFMCap

Hemm tlettax-il Ittra li jagħmlu parti mit-Testment il-Ġdid li huma attribwiti lil San Pawl. Ma’ dawn kien hemm ukoll l-erbgħatax-il waħda, l-Ittra lil-Lhud, li tradizzjonalment ukoll kienet attribwita lil Pawlu. Nistgħu iżda ngħidu li l-Appostlu San Pawl kiteb dawn it-tlettax-il Ittra? U jekk le, kif nistgħu niddeċiedu liema huma l-Ittri awtentiċi tiegħu?

 L-ewwel referenza għal ġabra ta’ Ittri ta’ San Pawl insibuha diġà fit-Testment il-Ġdid meta l-awtur tat-Tieni Ittra ta’ San Pietru jikteb hekk: “Hekk ukoll fl-Ittri kollha tiegħu … Dawn l-Ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom” (2 Pt 3,16). L-inċertezza dwar l-Ittri liema huma l-Ittri vera li kiteb San Pawl mhijiex xi ħaġa ġdida. Lura fit-Tieni Seklu diġà naraw li għalkemm kien hemm tentattivi sabiex jinġabru l-listi ta’ l-Ittri ta’ San Pawl, dawn il-listi kienu jvarjaw. Fil-fatt f’dokument importanti li jmur lura lejn tmiem it-Tieni Seklu, magħruf bħala “l-Kanone Muratorjan”, insibu lista ta’ disa’ mill-Ittri, jiġifieri, l-Ittri kollha minbarra dawk imsejħin bħala “l-Ittri Pastorali” (1 u 2 Timotju u Titu) u Filemon. Lista oħra, għalkemm b’ordni differenti, nsibuha wkoll fil-kitbiet ta’ Marċjone, li għalkemm dan spiċċa bħala eretiku, il-kitbiet tiegħu taw imbuttatura kbira sabiex jiġi ffurmat il-Kanone ta’ l-Iskrittura, jiġifieri il-lista tal-Kotba li l-Knisja tqishom bħala Ispirati.

 Meta neżaminaw l-Ittri Pastorali, ninnutaw li l-istil u l-vokabularju ta’ dawn it-tliet Ittri huma differenti ħafna mill-bqija ta’ l-għaxar Ittri l-oħra attribwiti lil San Pawl. Dawn l-Ittri jidhru li huma indirizzati lejn sitwazzjonijiet differenti minn dawk li nsibu fl-Ittri l-oħra. Fil-fatt min kiteb dawn l-Ittri jidher li hu mħasseb dwar jekk Timotju u Titu humiex leali lejn it-tradizzjoni li huma kienu rċevew, u jekk dawk li kienu jokkupaw xi awtorità fil-Knisja kienux qed iġibu ruħhom tajjeb. Minn dawn l-Ittri jidher ukoll li l-Knisja kienet strutturata tant differenti minn dak li naqraw fl-Ittri l-oħra. Minħabba raġunijiet bħal dawn u oħrajn ukoll, ftit huma dawk l-Istudjużi ta’ l-Iskrittura li llum iżommu li San Pawl kiteb l-Ittri Pastorali, għalkemm ma nistgħux neskludu li f’dan l-Ittri nsibu xi partijiet li huma ġenwini.

 Ħafna mill-Ittri ta’ San Pawl għandhom kredenzjali tajbin sabiex jgħinuna niddentifikawhom bħala Ittri awtentiċi li jmorru lura għal dan l-Appostlu. Forsi l-aħjar post minn fejn nistgħu nibdew hija l-Ittra lill-Galatin miktuba b’passjoni kbira u li fiha jidher il-karattru veru ta’ San Pawl. Imbagħad għandna l-Ittra lir-Rumani li tixbah ħafna lil Ittra lill-Galatin, kemm fl-istil u l-vokabularju tagħha. Wara jiġu l u 2 Korintin u Filippin li jittrattaw kwestjonijiet differenti, iżda li minnhom nistgħu nagħrfu l-istil ta’ San Pawl. Hekk ukoll l-1 Ittra lit-Tessalonkin. L-Ittra qasira lil Filemon ukoll hija aċċettata minn ħafna bħala waħda mill-Ittri awtentiċi ta’ l-Appostlu San Pawl.

 Wara dan mhemmx aktar qbil fost l-istudjużi ta’ l-Iskrittura. Dawn ma jaqblux bejniethom jekk Pawlu kitibx it-2 Ittra lit-Tessalonkin, Kolossin u Efesin. Il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-Istudjużi huma mibnija fuq argumenti b’saħħithom ħafna, bħal ngħidu aħna argumenti fuq l-użu ta’ vokabularju, stil differenti u żvilupp teoloġiku fil-ħsieb. Minħabba f’hekk, ħafna jaħsbu li dawn l-Ittri setgħu nkitbu minn xi ħadd ieħor f’isem San Pawl, xi ħaġa li llum ma timmaġinax li tagħmilha, imma li f’dak iż-żmien kienet issir.

Jekk kien hemm xi ħadd li pprova jimita lil Pawlu u tana dawn l-Ittri dan għamlu b’għanijiet tajba. Jista’ jagħti l-każ li xi wħud mill-Ittri li semmejna nkitbu minn xi nsara li kienu qrib San Pawl u li wara mewtu xtaqu jkomplu jinterpretaw il-messaġġ tiegħu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom. Hekk kif beda għaddej iż-żmien, l-insara bdew jaffaċjaw sitwazzjonijiet ġodda li ġabu magħhom diffikultajiet ġodda. Aktar ma l-Knisja bdiet tikber aktar beda jinħass il-bżonn li jkun hemm regoli u dixxiplina sabiex l-affarijiet jimxu aħjar kif insibu fl-Ittri Pastorali. Fuq kollox il-fatt li l-Insara setgħu kitbu f’isem Pawlu dawn l-Ittri jkompli jurina kemm il-persuna ta’ San Pawl u l-ħsieb tiegħu kienu dominanti fil-Knisja tal-Bidu.

 Għandna mbagħad Ittri li Pawlu kiteb u li ntilfu. Hekk per eżempju, f’1 Kor 5,9-11, San Pawl jagħmel referenza għall-Ittra li kien kiteb diġà u li fil-fatt din l-Ittra ma teżistiex. Huwa jgħid hekk: “Ktibtilkom fl-Ittra li ma tagħmluhiex maż-żienja …” L-espressjoni “ktibtilkom fl-Ittra” turi li l-Appostlu kien diġà kiteb Ittra oħra lill-Insara ta’ Korintu qabel ma kiteb dik li llum insejħulha bħala l-Ewwel Ittra lill-Korintin. Għandna wkoll l-Ittra lill-Kolossin li fiha nsibu referenza għall-Ittra indirizzata lill-Knisaja fil-Laodiċija (Kol 4,16), imma fil-fatt din l-Ittra qatt ma waslet għandna.

 Forsi kwestjonijiet bħal dawn ftit li xejn tajna kashom, u meta nisimgħuhom jistgħu ifixkluna. Jekk San Pawl ma kitibx it-13-il Ittra li nsibu fit-Testment il-Ġdid, kif mela l-Knisja setgħet taċċettahom bħala parti mill-Kelma ta’ Alla? Hekk forsi jirraġunaw xi wħud meta jisimgħu argumenti bħal dawn. Iżda fl-aħħar mill-aħħar l-importanti hu li l-Knisja minn dejjem għożżiet dawn l-Ittri li kienu jinqraw fil-laqgħat ta’ l-Ewlenin Insara. Fuq kollox il-Knisja għarfet ukoll li dawn l-Ittri huma kollha Ispirati, jiġifieri, għandhom lil Alla l-Imbierek bħala l-awtur veru tagħhom. Minħabba f’hekk aħna wkoll għandna nibqgħu ngħożżuhom u naraw x’qegħdin jgħidulna fiż-żminijiet li fihom qegħdin ngħixu illum.