Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

SOĊJETÀ  MINGĦAJR ĊERTEZZI MORALI

TITFARRAK U TFARRAK IL-FAMILJI 
  

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech, Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment NadifMarsalforn – Il-Ħamis, 23 ta’ Lulju 2009 

 

Ambjent moralment nadif 

Qegħdin nagħmlu din il-manifestazzjoni biex nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ Marija biex iżomm idejh fuqna u fuq il-poplu tiegħu f’pajjiżna; fl-istess waqt iltqajna biex bil-preżenza tagħna nibagħtu messaġġ lis-soċjetà u ngħidulha li aħna għandna għal qalbna ambjent li huwa moralment nadif. 

Il-frażi “ambjent moralment nadif” tista’ tingħata żewġ tifsiriet. Nistgħu nagħtuha t-tifsira li nittama li aħna lkoll nixtiequ nagħtuha, jigifieri li nixtiequ li l-ambjent ta’ madwarna jkun tassew nadif f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja etika u morali tagħna. 

 

Riskju ta’  soċjetà mingħajr riferiment etiku preċiż 

Però wieħed jista’ jifhem din il-frażi bil-kontra, fis-sens li llum l-bniedem irid ambjent “nadif” minn dak kollu li huwa etiku u morali! Nibża’ li fis-soċjetà tagħna għandna min mhux biss jagħti din l-interpetazzjoni, imma qed jaħdem biex ikollna soċjetà ħielsa minn kull prinċipju etiku u morali. Il-preżenza ta’ dan il-kurrent fis-soċjetà tinkwetani mhux biss bħala ragħaj spiritwali imma wkoll bħala ċittadin tar-Repubblika tagħna! Għax meta soċjetà tfassal sistema li tkun miftuma minn kull forma ta’ riflessjoni u rabta etika, tkun qegħda tibni fuq ir-ramel. 

Illum aħna parti mill-Unjoni Ewropea. Ma nistgħux ma nirrikonoxxux li f’dawn l-aħħar ħamsin sena l-Ewropa għamlet avvanzi kbar. Il fatt li kważi l-membri kollha għandhom l-istess munita jindika l-għaqda ekonomika. Qed isir xogħol biex ikun hemm għaqda ġuridika, fis-sens li l-istituzzjonijiet Ewropej ifasslu u jagħmlu liġijiet li jkunu japplikaw għall-pajjiżi membri. F’dawn il-każi, il-leġiżlatur nazzjonali jissottometti ruħu għal leġiżlazzjoni sovranazzjonali li tinħadem fi Brussel u Strasburg, u għalhekk il-liġijiet mhux dejjem isiru minn dawk li l-poplu jagħżel biex imexxuh bħala nazzjon, imma jiġu ddettati minn ħaddieħor. Hemm ħidma biex ikun hemm għaqda politika, fis-sens li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jkollhom politika li toqrob lejn ta’ xulxin. 

Dan kollu jgħin biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-popli. Imma, imbagħad, ma hemmx impenn biex ikun hemm “unità etika”, fis-sens li tintlaħaq komunjoni ta’ valuri etiċi u morali li huma s-sinsla mhux biss tal-bniedem imma ta’ kull soċjetà! Pjuttost, fid-diskorsi li nisimgħu mill-istituzzjonijiet Ewropej jaslulna messaġġi kuntrarji: biex Alla ma jissemmiex għax Alla jappartjeni lill-ħajja privata taċ-ċittadini Ewropej u mhux lill-ħajja pubblika! 

Ma nistgħux ma nagħtux każ ta’ dawn il-messaġġi għax aħna nagħmlu parti minn din ir-realtà Ewropea! Ma nafx fejn twassalna din id-direzzjoni! Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien jemmen ħafna fl-Ewropa, jgħid li l-Ewropej għandhom quddiemhom l-isfida l-kbira li jibnu kultura u etika tal-unità; jekk dawn ikunu nieqsa, allura kull politika maħsuba biex iġġib l-għaqda, hija desitnata li llum jew għada tisfaxxa! Jekk l-Ewropa, f’isem il-valur tat-tolleranza u r-rispett universali, tagħmel għażla favur l-indifferentiżmu etiku u x-xettiċiżmu dwar il-valuri fundamentali, hija tkun qed tħejji t-triq biex jerġgħu joħorġu l-iskeletri tal-waħx li kellna fl-istorja Ewropea tal-imgħoddi! Għaliex jekk ma jkollnix regola tal-ħajja – jekk ma niffissawx dawk il-punti fermi li fuqhom nistgħu inserrħu, naqgħu fir-relattiviżmu. 

 

Pressjoni fuq pajjiżna 

Hija indikattiva f’dan ir-rigward il-kampanja li qed tagħmel Brigitta Ohlsson, membru tal-partit tal-Liberali fl-Iżvezja (Swedish Liberal People's Party), biex tiġbor miljun firma permezz tal-internet ħalli mbagħad tagħmel pressjoni mal-Unjoni Ewropea biex pajjiżi bħal Malta jintroduċu l-liġi tal-abort. Din mhix l-ewwel darba li kien hemm pressjoni anke fil-parlament Ewropew biex isiru liġijiet li ma għandhom ebda riħa ta’ etika u morali, anzi jmorru kontra dak li huwa moralment nadif! 

 

Il-messaġġ  ta’ Santa Briġida lill-Ewropa 

Illum il-Knisja qed tagħmel il-festa ta’ Santa Briġida tal-Iżvezja! Għaxar snin ilu, meta l-Knisja kienet qed tiċċelebra s-Sinodu dwar il-Knisja fl-Ewropa, il-Papa Ġwanni Pawlu II ippropona tliet kompatruni ġodda lill-Ewropa: Santa Briġida tal-Iżvezja, Santa Katerina ta’ Siena, u Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein)! Bħalissa ninsabu fis-sajf u minn ġimgħa għall-ohra nagħmlu l-festi patronali tagħna – festi li, għalkemm jeħdulna ħafna enerġija, huma ċelebrazzjonijiet tajba u sbieħ, basta jsiru bil-qies! Għalhekk, billi llum hi l-festa ta’ Santa Briġida, inqisu sinjal mill-Providenza li niffesteġġjaw waħda mill-kompatruni l-ġodda tal-Ewropa. Insejħilhom ġodda għax sa għaxar snin ilu, il-patruni tal-Ewropa kienu San Benedittu – li wettaq l-ewwel ħidma biex iseħħ l-għaqda fl-Ewropa, – u  l-aħwa San Ċirillu u San Metodju – li kienu pijunieri fl-evanġelizzazzjoni tad-dinja Slava u tal-Ewropa tal-Lvant. 

Għalkemm Santa Briġida kienet tgħix fis-seklu 14 (1303-1373), il-Papa Ġwanni Pawlu xorta ħass li kellu jipproponiha ħalli l-poplu tal-Ewropa tal-lum jispira ruħu minnha fl-impenn soċjali u politiku tagħna. Aħna l-Insara ma nistgħux nirrinunzjaw għas-sehem tagħna fil-politika. Huwa minnu li Santa Briġida hija mistika u waqqfet ordni reliġjuż tas-Salvatur, imma kif jistqarr fl-Ittra Apostolika “Spes aedificandi”, il-Papa jipreżentaha lill- lill-Ewropa bħala lajka li għexet il-ħajja Nisranija fil-familja! Briġida hija ta’ eżempju kif l-imħabba konjugali hija triq li twassal għall-qdusija. Briġida kienet miżżewġa u kellhom tmien ulied, waħda minnhom hija qaddisa: Santa Katerina. Huwa interessanti li lill-Ewropa li ma għadhiex temmen fil-familja, il-Papa joffri bħala patruna tal-Ewropa mara-omm li għexet fil-familja. Ftit xhur ilu, l-Olandiż Arie Hoekman, membru tal-United Nations Population Fund  stqarr li t-tkissir tal-familja tradizzjonali huwa rebħa għal min għandu għal qalbu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem! Jista’ jkollna viżjoni aktar mċajpra minn din? Huwa f’dan il-kuntest li l-Papa jistieden lill-Ewropa, sajma minn dak kollu li huwa etiku u morali, biex ikollha aktar fiduċja fiċ-ċittadini li, fuq l-eżempju ta’ Santa Briġida u żewgha Ulf, jistgħu jgawdu l-familja mibnija fuq iż-żwieġ. 

 

Dimensjonijiet tal-familja 

Fl-Ittra Apostolika li semmejt, il-Papa isemmi erba’ dimensjonijiet tal-familja fejn Santa Briġida tat il-kontribut tagħha. 

Kienet familja li temmen fit-talb intens. Sfortunatament illum l-familja ma għandhiex ħin għat-talb! Mentri t-talb jiddisponi lill-bniedem biex jitkellem ma’ Alla, hu jikxef l-ordni morali nwaqqaf minnu. Fil-talb il-familja mhux biss tinfetaħ u tingħaqad ma’ Alla, imma tingħaqad flimkien. Permezz tat-talb, il-bniedem jitgħallem iqiegħed lil Alla f’ħajtu u jgħix f’riferiment għalih. 

Il-familja ta’ Santa Briġida kienet tagħti importanza lill-qari tal-Kelma t’Alla. Aħna għadna ħerġin minn Missjoni Djoċesana. Nixtieq li d-diskorsi, l-esperjenzi u l-inizjattivi li kellna matul dik is-sena mbierka, is-Sena Pawlina, inkomplu naħdmu fuqhom biex verament il-familji tagħna jkunu mibnija fuq l-Evanġelju. 

Fiz-żwieg u fil-familja, il-mortifikazzjoni kellha valur għal Santa Briġida. Forsi llum mhux moda nitkellmu mis-sens taċ-ċaħda; pjuttost aktar aħna konxji mil-libertajiet u d-drittijiet li għandna jew naħsbu li għandna. Imma għandna wkoll id-dmirijiet. Huwa pożittiv li llum għandna aktar libertà, imma din iġġib magħha r-responsabilità personali. Waħda mir-raġunijiet għaliex il-familji tagħna għaddejjin minn mumenti tqal, hija proprju għaliex għandna soċjetà mehdija fil-pjaċir, u ma tridx tisma bil-mortifikazzjoni! 

Ir-raba plier tal-familja ta’ Santa Briġida kienet il-karità li kienet tagħmel ġenerożament ma’ min kien fil-bżonn. Il-familji tagħna llum pjuttost qed jingħalqu fihom infushom; qed jingħalqu għall-“hajja” – kemm fi ħdan l-istess familja kif ukoll barra mill-familja. Dak li qed iseħħ fil-liġi tal-familja Ewropea għandu jħasseb lil min iħobb tassew il-familja! Imma billi ma għandniex fiduċja fil-bniedem li huwa kapaċi jgħix l-esperjenza taż-żwieġ u l-familja – esperjenza profondament umana u qaddisa, – is-soċjetà bilfors ikollha toħloq għodda ġuridika biex taparsi toffri rimedju – mentri fil-fatt b’dawn il-miżuri tkun qed ddawwar il-ħabel ma’ għonqha stess! 

 

Il-familja l-ewwel skola 

Fil-kuntest ta’ ambjent Ewropew moralment imniġġeż, aħna mhux biss għandna nilqgħu kontra kull kurrent li jista’ jfarrak il-familja – li hija lqugħ naturali li kull persuna suppost ikollha biex timbena bħala persuna, – imma rridu nkunu wkoll proattivi u nibagħtu l-messaġġ kollu tama tagħna – tama msejsa fuq dak li tgħidilna r-raġuni imma wkoll fuq dak li jgħallimna Kristu u l-Knisja tiegħu. Santa Briġida kella mħabba kbira lejn il-Papa u l-Knisja 

Jien ma nistax ma napprezzax ir-rispett li l-poplu tagħna għandu lejn il-Missier tagħna l-Papa u l-Maġisteru tiegħu; imma hemm bżonn nirriflettu aktar dwar it-tagħlim tal-Knisja u nippruvaw napplikawh fil-ħajja tagħna, ħalli l-familja tagħna mhux biss tkun l-ewwel esperjenza ta’ Knisja, imma tkun ukoll skola ta’ virtujiet umani u soċjali. Għax jekk nieħdu ħsieb il-familja, inkunu nħejju ġenerazzjoni li ħmistax jew għoxrin sena oħra nkunu nistgħu nafdawlha l-poter politiku ta’ pajjiżna. Uħud minnhom forsi wkoll jagħtu kontribut f’oqsma Ewropej. Nappella lill-familja biex titfa’ ħarsitha ’l quddiem billi llum nedukaw lil uliedna f’dawn il-valuri umani u Kristjani, u hekk inkun qegħdin inħejju ġenerazzjoni politika ġdida għall-futur. 

Inqiegħed lill-familji kollha tagħna taħt il-ħarsien ta’ Marija, Omm Kristu u Omm tagħna lkoll. Marija, il-mara li afdat fil-Kelma li saret bniedem, tista’ turina d-direzzjoni biex nassiguraw li jkollna ambjent moralment nadif. Amen.

 

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta