X'inhija l-Lectio
Divina u kif issir?
Ara filmati ta' Lectio Divina ...
IL-KOTBA MQADDSA
L-Iskrittura
Mqaddsa hija l-Kelma ta’ Alla miktuba mill-bniedem bl-ispirazzjoni
ta’ l-Ispirtu s-Santu.
(Vatikan II, Dei Verbum 9)
B’din id-dikjarazzjoni
tagħhom, l-Isqfijiet tal-Knisja miġbura fil-Konċilju Vatikan II qed
jgħidulna li l-Bibbja hija l-Kelma, li l-Alla l-Missier lissen
permezz ta’ l-Ispirtu Qaddis (in-Nifs) tiegħu u li l-istess Spirtu
nebbah u igwida lill-bniedem biex jiktibha b’lingwa li nistgħu
nifhmu aħna l-bnedmin.
Minn dan jidher li
l-Kotba Mqaddsa huma qabel xejn opra tat-Trinita Qaddisa:
a.
Imlissna mill-Missier,
b.
il-Kelma nfisha hija l-Iben ta’ Alla li kif naqraw
fil-prologu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann saret bniedem fil-persuna ta’
Ġesù Kristu,
c.
bin-nifs ta’ Alla, li huwa l-Ispirtu s-Santu, li matul
żminijiet differenti nebbaħ bnedmin biex jiktbuha.
IL-LECTIO DIVINA
a.
Il-Lectio Divina jew Qari Divin huwa stedina minn Alla biex
il-bniedem permezz tal-Kotba Mqaddsa, jagħmel esperjenza personali
Tiegħu, jidħol f’relazzjoni diretta Miegħu u jsir jafu iktar mill-qrib.
b.
Għalhekk il-Lectio Divina mhux studju tal-Bibbja (Bible
Study). Ma nagħmlux il-Lectio Divina biex insiru nafu aħjar il-Kotba
Mqaddsa.
c.
Il-Lectio Divina mhux Qari Spiritwali għaliex dan jista’ jsir
anke permezz ta’ bosta kotba oħra fosthom anke kitbiet ta’ diversi
qaddisin waqt li l-Lectio Divina ssir biss permezz tal-Kotba Mqaddsa.
d.
Il-Lectio Divina mhix Laqgħa ta’ Talb (Prayer Group) għaliex
dan jista’ jsir b’diversi modi u meżżi oħra.
L-EVANĠELJU
L-ewwel esperjenza
tagħna ta’ Lectio Divina bħala grupp se nagħmluha permezz
tal-Evanġelju. Iktar ‘il quddiem nistgħu nieħdu kotba oħra
mill-Iskrittura Mqaddsa. Imma tajjeb li aħna wkoll bħall-ewwel
dixxipli nibdew din il-mixja tagħna billi nagħmlu l-esperjenza ta’
l-Imgħallem Ġesù.
Il-kelma Evanġelju
tfisser l-Aħbar it-Tajba. Fil-predikazzjoni ta’ Ġesù nnifsu,
din l-Aħbar it-Tajba kienet, “Is-Saltna ta’ Alla waslet”, anzi,
“Is-Saltna ta’ Alla qegħda fostkom.” Fil-predikazzjoni ta’
Ġesù, is-Saltna ta’ Alla (jew f’San Mattew – Is-saltna tas-Smewwiet)
kellha post prominenti ħafna.
Imma
wara li Ġesù mar lura għand il-Missier, l-Aħbar it-Tajba li ppridkaw
l-Appostli ma kienetx aktar iċċentrata fuq is-Saltna ta’ Alla.
Għall-Appostli, l-Aħbar it-Tajba kienet waħda Kristoloġika (dwar
Kristu). Insibuha fl-ewwel diskors ta’ Pietru, “Lil dan Ġesù
li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.” (Atti 2:36)
L-EVANĠELJU KELMA
MLISSNA MHUX MIKTUBA
Aħna
l-Evanġelju aktarx nafuh bħala test miktub, imma għall-ewwel insara
din l-Aħbar it-Tajba kienet kelma ħajja, ippriedkata minn dawk stess
li kienu jafu lil Ġesù, li iltaqgħu miegħu personalment, kellmuh u
semgħuh jippriedka, u fuq kollox rawh u kellmuh wara l-Qawmien
tiegħu mill-Imwiet. F’xi każi, wara l-Qawmienu tiegħu, saħansitra
kielu miegħu.
Kien
għalhekk importanti li meta l-Ħdax ġew biex jaħtru lil xi ħadd biex
jieħu post Ġuda, fi kliem Pietru nnifsu, il-kwalitajiet li fittxew
kienu dawn:
“Jeħtieġ li
jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li
l-Mulej Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, ibda mill-magħmudija ta’
Ġwanni sa dakinhar li kien meħud minn magħna, ħalli jkun flimkien
magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.” (Atti 1:21-22)
L-EVANĠELJU
ESPERJENZA ĦAJJA
Anzi għall-komunita
tal-bidu nett, it-Tnax, it-Tnejn u Sebgħin, il-grupp tan-Nisa, għal
dawn kollha, l-Evanġelju kien esperjenza ta’ ħajja li huma għamlu
ma’ l-Imgħallem tagħhom.
Ma kienetx storja
li qraw dwarha, imma esperjenza li kienu jgħixu kuljum.
Ma kienetx ġrajja
li qraw dwarha fil-kotba tal-istorja jew f’xi ktieb tar-reliġjon
tagħhom, kif kienu jaqraw dwar il-ġrajjiet ta’ missirijiethom, jew
kif naqrawha aħna llum, imma Persuna ħajja li għix magħhom u kien
kuljum “dieħel u ħiereġ magħhom”. (Atti 1:21)
Għalhekk, għalkemm
għall-ewwel insara, il-kliem li qal Ġesù jew dak li għamel, kien
importanti ħafna, madankollu, l-iktar importanti għalihom kienet
l-esperjenza li kellhom tal-laqgħa tagħhom Miegħu.
Kien importanti li
l-ewwel isiru jafu lilu biex wara japprezzaw kliemu, li wara kollox
ma kienx tiegħu imma tal-Missier li bagħtu. (Ġwanni 14:10)
Anke dawk li lil
Ġesù qatt ma rawh għaliex saru dixxipli wara t-tlugħ tiegħu
fis-sema; kien importanti għalihom li jagħmlu din l-esperjenza
personali tiegħu. Inkella kliemu kien jibqa’ biss kliem sabiħ,
imma xejn iżjed. U bil-kliem sabiħ biss ħadd ma jinbidel.
Irid ikun biss l-Ispirtu li Ġesù jagħti lil kull min jiltaqa’
miegħu, li jibdlilna ħajjitna u jagħtina twelid ġdid. (ara
kliem
Ġesú lil Nikodemu, Ġwanni 3:4-6).
Fost dawn ta’
l-aħħar, ċioe’ li qatt ma raw lil Ġesú personalment matul il-ħajja
tiegħu fuq l-art, kien hemm
l-Appostlu Pawlu. Huwa,
lil Ġesú qatt ma rah wiċċ imb’wiċċ, lanqas fit-triq ta’ Damasku.
“Idda madwaru dawl mis-sema u sama’ leħen” (Att 9:4), imma lil Ġesú
ma rahx. L-istess jgħid Pawlu nnifsu fir-rakkont
tal-konverżjoni tiegħu lis-Sultan Agrippa, “Rajt dawl qawwi, aqwa
mid-dawl tax-xemx ... u smajt leħen ...” (Atti 26:13-14)
Imma minkejja li Pawlu qatt ma ra lil
Ġesú, madankollu l-esperjenza tal-laqgħa tiegħu mal-Mulej, bidlitlu
ħajtu.
Għalhekk, għalina li qed ngħixu llum,
kliem Ġesù lill-Appostlu Tumas, huwa importanti u ta’ kuraġġ,
“Imberkin dawk li ma rawx u emmnu.” (Ġwanni 20:29) Fost dawk
kollha li ma rawx u emmnu, hemm jiena u int.
EVANĠELJU MHUX RAKKONT
Għan-nisrani, l-Evanġelju mhux rakkont
ta’ x’għamel u x’qal l-Ġesú ta’ Nażarett, imma esperjenza ħajja
tal-laqgħa li d-dixxiplu jagħmel mal-Imgħallem tiegħu.
Illum u fil-laqgħat li se jkollna
flimkien, aħna rridu nagħmlu l-istess esperjenza li għamlu huma.
Bħal Pawlu, aħna lil Ġesú qatt ma rajnih wiċc imb’wiċc, u għalhekk
bil-kelma li se jsemmalna (l-istess kelma li semma lil Pawlu) u
bil-qawwa tad-dawl qawwi ta’ l-Ispirtu Tiegħu, (l-istess dawl li
idda fuq Pawlu), naslu biex nagħmlu din esperjenza ħajja.
Huwa importanti għalhekk li fil-Lectio
Divina, il-kelma tinqara b’vuċi li aħna stess nisemgħuha. Dan
huwa rakkomandabbli anke jekk il-Lectio nagħmluha waħedna.
Meta nkunu fil-grupp, min qed ilissen il-kliem tat-test lill-oħrajn
irid jiftakar li huwa/hija mhux qed jaqra l-kelma imma jipproklamha.
Mill-banda l-oħra, min qed jisma’, jrid immur ‘il hinn mill-vuċi
tal-persuna li qed taqra.
NITBATTLU MINNA NFUSNA
Il-proċess kollu tal-Lectio Divina
jitlob minna li nitbattlu minna nfusna. Kemm jista’ jkun
jeħtieg li nwarrbu kull ħsieb minn moħħna, anke dawk l-aktar qaddisa
u spiritwali.
Irridu nersqu għal dan il-Qari Divin,
bla ebda pjanijiet imfassla għalina nfusna. Bla ebda ambizzjoni ta’
kemm se nimxu ‘l quddiem fil-ħajja tar-ruħ. Irridu nersqu bla
ebda pretensjoni u bla ma nistennew xejn, la emozzjonijiet, la
fervur u lanqas tqanqil spiritwali. Jekk le, jista’ jiġri li
meta ma nħossu xejn ġewwa fina, allura naqtgħu qalbna u ma nkomplux.
Niftakru kontinwament li dak li se
jsir fina mhux se jitwettaq jew jitkejjel bl-emozzjonijiet li nħossu
jew ma nħossux. Il-bidla fina se jseħħ permezz tal-fidi li
għandna fil-ħidma tiegħu magħna, anke jekk din il-fidi hija żgħira,
imqar daqs żerriegħa tal-mustarda (Luqa 17:5). Niftakru li
biex il-bidla sseħħ fina, jrid ikollna tama qawwija li minkejja
n-nuqqasijiet tagħna, Huwa kapaċi jibdilna. U fuq kollox niftakru li
l-bidla se sseħħ għaliex nafu li Huwa ħabbna l-ewwel, anke qabel
ħabbejnih aħna. (1Ġwanni 4:20)
L-importanti hu li ngħidulu “Iva”, li
nintelqu f’idejh u ma nirreżistuhx.
MA NAGĦMLU EBDA SFORZ
Fuq kollox huwa importanti li ma
nagħmlu ebda sforz fuq nfusna biex nippruvaw nakkwistaw xi riżultat
jew biex isseħħ fina xi bidla.
Il-bidla tiġi, u tiġi żgur, imma tiġi
minnu, tiġi biss meta jrid Hu u kif irid Hu. Tiġi meta l-inqas
li nistennewha. Forsi lanqas biss nintebħu li l-Kelma qed
tibdilna. Spiss ikunu dawk ta’ madwarna li jibdew jindunaw li
fina qiegħed iseħħ xi ħaġa, li qed tibdilna.
Imma l-bidla ma nippruvawx inġibu
aħna. Kultant inkunu bla sabar u ma nkunux irridu nistennewH.
Imma jekk il-bidla fija inġibha jien flok ma jġibha Hu, allura ċert
li wara ftit taż-żmien tfalli. Ma l-ewwel ostaklu naqtgħu
qalbna u nitilqu kollox.
Niftakru kontinwament – EBDA SFORZ
FUQNA NFUSNA. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn. Anzi aktarx
jiġri l-maqlub. Iktar ma nipprova nġib il-bidla fija, iktar
inkun qiegħed nipprova nasserixxi lili nnifsi u allura nħalli inqas
lilu jaħdem fija. Jekk nikber jien, jiċkien Hu. Forsi
mhux għalhekk Ġwanni l-Għammiedi stqarr il-maqlub? “Jeħtieg jikber
Hu u niċkien jien.” (Ġwanni 3:30) U dan mhux hemm barra
fil-folla tan-nies, imma fija stess.
NAFDAWLU
KOLLOX
Ejjew nintelqu
f’idejH. Aħna bnedmin. Diffiċli nwarrbu minn moħħna
l-ħsibijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna. Kif nista’ jiena, malli
nidħol għal-Lectio Divina nitfi s-swiċċ u ninsa kollox?
Preokkupazzjoni tal-ħajja, ix-xogħol, id-dar, il-familja. Kif
nista’?
Allura, minflok ma
nħalli kollox warajja, fil-bidu tal-Lectio Divina, noffri kollox
lill-Mulej. Npoġġilu kollox f’ħoġru; il-ferħ u n-niket,
il-ġid u l-faqar, is-saħħa u l-mard, il-ħbieb u l-għedewwa, kollox.
“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien
nserraħkom.” (Mattew 11:29)
Niftakru x’kienet
tagħmel il-folla meta tkun miegħu. Tinsa kollox, saħansitra
l-ikel. Niftakru l-miraklu tat-tkatttir tal-ħobż? “X’ħin sar
filgħaxija, id-dixxipli qalulu, ‘Hawn post imwarrab u l-ħin għamel
sewwa. Ibgħathom lin-nies ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.”
(Mattew 14:15)
Dan ifisser li biex
marru wara Ġesù, lanqas biss ħadu ikel magħhom. Fuq kollox,
baqgħu hemm, bla ma iddeċidew minn rajhom li jmorru jfittxu l-ikel.
Kapaċi aħna, meta
nidħlu għal-Lectio Divina nagħmlu l-istess? Ngħid għalija,
jiena ċert li le. Imma jiena ċert ukoll, li jekk nagħtiH
kollox, Huwa kapaċi jbattalni.
TLIET PASSI KIF
TASLILNA L-KELMA
Nafu li lilna,
l-Evanġelju jasal għandna fi tliet passi.
a.
L-ewwel pass wettqu Ġesù nnifsu meta sar bniedem, meta għix
mal-bnedmin u lissen il-Kelma li huwa stess kien irċieva minn għand
il-Missier. Għax Hu ħareġ minn għand il-Missier.
b.
It-tieni pass wettquh l-Appostli meta wara t-tlugħ ta’ Ġesù
fis-sema huma xandru dak li rċevew minn għand l-Imgħallem tagħhom u
taw xhieda tal-ħajja, tal-mewt u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.
c.
It-tielet pass għamluh l-Evanġelisti, li ispirati
mill-Ispirtu s-Santu, kitbu dak li kienu irċevew. U dan biex
kif kiteb l-Evanġelista Ġwanni nnifsu, “Dawn inkitbu biex intom
temmnu li Ġesù huwa l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin
tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.”
(Ġwanni 20:31)
ATTITUDNI MEĦTIEĠA
Biex nersqu
għal-Lectio Divina u nieħdu frott minnha, jeħtieġ li nersqu
b’attitudni tajba.
a.
UMILTA’ – Din tgħini nintebah li jiena fadalli ħafna
x’nitgħallem. Irrid inkun lest naċċetta kemm fadalli
x’nakwista mill-fidi tal-oħrajn u tal-Knisja. Għalhekk
id-domanda li għamel Ġesú lid-dixxipli, “Min jgħidu l-oħrajn li
jien?”, ma kienetx domanda żejda. Il-fidi tal-Knisja f’Ġesú trid
tgħini nikber fil-fidi tiegħi fiH. L-ewwel nipprova nara min
huwa Ġesú għall-oħrajn. Għall-Knisja. Wara, ftit, ftit,
nibda nara min huwa Ġesú għalija.
b.
FIDUĊJA – Irid ikolli fiduċja sħiħa li Alla se jkompli juża
il-Lectio Divina u l-Evanġelju, bħala l-art li fiha se jlaqqani ma
Ibnu, Ġesú Kristu. l-istess kif elfejn sena ilu, il-Palestina kienet
l-art fejn Huwa laqqgħu mad-dixxipli. U dan minkejja d-dnub
tiegħi. “Lili?” “Iva, lilek!”
c.
TALBA – Jrid ikollna l-attitudni li l-Lectio Divina hija
talba. Mhux mezz ta’ talb, imma talba fiha nfisha. Kif għidt
iktar ‘il fuq, dan mhux Prayer Group, imma il-Lectio hija talba.
Jekk it-talb huwa l-għaqda tagħna mal-Missier, allura l-aqwa mod kif
nistggħu nagħmlu dan huwa permezz tal-Iben. “Ħadd ma jmur
għand il-Missier jekk mhux bija.” (Ġwanni 14:6)
INVOLVIMENT
Kull min b’xi mod
jkollu x’jaqsam ma’ Ġesú ma jista’ qatt ma jħossux involut miegħu. U
jekk aħna involuti ma’ Ġesú fil-ħajja tiegħu, kif nistgħu ma
nħossuniex involuti wkoll fil-missjoni tiegħu, dik li huwa ħalla
f’idejn il-Knisja?
Dan ifisser li kull
ħidma tagħna fil-familja, fil-Knisja, fost il-ħbieb, u kull xogħol
pastorali li nwettqu jrid ikun bħala riżultat ta’ l-intimità li
għandna mal-Imgħallem tagħna. Għax aħna involuti Miegħu. U dak
li Hu Tiegħu huwa tagħna. U dak li hu tagħna huwa Tiegħu.
TQASSIM TAL-LECTIO DIVINA
Il-proċess kollu tal-Lectio Divina
nistgħu naqsmuh f’erba passi:
LECTIO - QARI
MEDITATIO – MEDITAZZJONI
ORATIO – TALB
CONTEMPLATIO – KONTEMPLAZZJONI
LECTIO – QARI
Imsejjaħ Lectio – Qari, imma fih irrid
NISMA. Anke jekk il-qari qed nagħmlu jien. Fil-veritá mhux qed
naqra. Lanqas min qed imexxi l-grupp. Dak jew dik huma
biss għodda.
Fil-QARI (LECTIO) – il-parti tiegħi
hija li nisma’ l-istess kif kienu jagħmlu d-dixxipli.
Jinxteħtu f’riġlejh u joqgħodu jixtarru kliemu.
“Marija (oħr Marta u Lażżru) niżlet
bilqiegħa f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.” (Luqa
10:39) F’dawn il-laqgħat tagħna, kapaċi nagħmel bħalha?
Ninsa l-Qari, jagħmlu min jagħmlu u nkun lest Nisma.
Ngħidulu Qari Divin imma iktar huwa Smiegħ Divin.
Għalhekk il-qari jrid isir bilmod,
f’ambjent kwiet u ta’ ġabra, u b’ħafna qima u rispett lejn il-Kelma
mlissna u l-Ispirtu li qed iwassalha.
Alla jitkellem mal-bniedem
fis-silenzju. U dan ma jfissirx biss kwiet u ħemda minn
ħsejjes li nisemġhu b’widnejna, imma jfisser b’mod speċjali silenzju
interjuri li jinkiser saħansitra permezz tal-ħsieb.
Wara l-ewwel qari, ssir pawsa ta’ ftit
minuti fil-ħemda. Imbagħad jista’ jerġa jsir il-qari tat-test kollu
mill-ġdid. F’dan it-tieni qari, forsi ta’ min jagħmel ukoll
pawsiet qosra matul it-test nnifsu.
Fil-qari trid issir attenzjoni
specjali għal xi kelma, frażi jew sentenza li biha Alla jkun qiegħed
jipprova jitkellem magħna.
MEDITATIO – MEDITAZZJONI
Malli niltaqgħu ma’ din il-kelma, jew
frażi jew sentenza li tmissna f’qalbna, nieqfu u nirriflettu fuqha.
Fl-Evanġelju skond San Luqa naqraw li ....
“Marija
(Omm Ġesù), min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ
kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.”
(Luqa 2:19)
“U
ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.”
(Luqa 2:51)
Naqraw ukoll
fil-ktieb tar-Rivelazzjonijiet ...
“U mort ħdejn
l-anġlu u għedtlu jagħtini l-ktejjeb. U qalli: ‘Ħu, u ibilgħu, u
jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel.’ Jien
ħadt il-ktejjeb minn id l-anġlu u blajtu, u ġo ħalqi ħassejtu ħelu
għasel; iżda meta kiltu, mlieni bl-imrar ġo fija.” (Apok 10:9-10)
Spiss dan jista’
jkun l-effett tal-Kelma fina. Għal bidu tiġina ħelwa, imma
meta tibda tibdilna, aktarx inħossuha ċċanfarna u allura forsi
tħalli fina l-imrar għax nirreżistuha.
Jekk il-Lectio
Divina tkun qed issir fi grupp, nistgħu anke naqsmu il-meditazzjoni
tagħna ma’ l-oħrajn. Dejjem fi spirtu ta’ talb, ta’ karità u ta’
umiltà.
ORATIO - TALB
It-tielet pass huwa
it-talb. Dan irid ikun mifhum bħala djalogu ma’ Alla u mhux reċtar
ta’ formoli. U jekk it-talb huwa djalogu, allura jeħtieġ mhux
biss li nitkellem jien imma wkoll li nħalli Lilu jkellimni.
Huwa l-mument fejn nistgħu nġeddu l-konsagrazzjoni tagħna nfusna
lil Alla.
Irid ikun talb li
ġie mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu bil-qawwa tal-Kelma li tkun
tħabbret.
U meta nkunu fi
grupp, trid tkun talba li biha nitkellem ma’ Alla u mhux biex
inwassal messaġġ lill-oħrajn.
CONTEMPLATIO –
KONTEMPLAZZJONI
L-aħhar pass huwa
l-mument fejn irrid nitbattal minni nnifsi u ma nagħmel xejn ħlief
nintelaq f’idejH. Kontemplazzjoni.
Ma rrid nagħmel
xejn. Ma rrid ngħid xejn. Ma rrid naħseb f’xejn.
Bħal tfajjel żgħir
li jintelaq f’ħoġor missieru. Bla ħsieb. Bla inkwiet ta’
xejn. Kollu fiduċja. Propju għaliex iħossu fiż-żgur.
Nistqarr li għalija
din hija l-iktar parti diffiċli. U dan għaliex il-fatt li ma
jkollix kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni ta’ madwari, insibu ta’
theddida. Irrid inkun jien li kontinwament għandi r-riedni f’idejja.
Spiss
jigri li nsib moħħi jtir bija. Imma meta nintebah li b’dan,
kull ma għandi nagħmel huwa li ntajjar il-ħsieb minn moħħi u nerġa
nintelaq f’idejH. Anke jekk il-ħsibijiet tiegħi huma qaddisa u
spiritwali. Irrid inbattal moħħi minnhom ukoll. Inkella nkun
għadni jien li qed immexxi. U l-Kontemplazzjoni huwa l-ħin li
jrid imexxini Hu.
Aktarx
li l-mumenti ta’ Kontemplazzjoni vera, ikunu qosra ħafna, forsi ftit
sekondi kull darba. Imma dan m’għandux jaqtali qalbi.
Anzi għandu jagħmilli kuraġġ għaliex kull darba li mmur lura mid-distrazzjoni
lejn il-Kontemplazzjoni, nkun qiegħed nagħmel deċiżjoni għal Alla.
U dan huwa tajjeb.
Suġġeriment
prattiku huwa li naqbad kelma jew frazi u nirrepetiha, bilmod ħafna.
Per eżempju, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.” Inkella
sempliċiment l-isem, “Ġesú.” Ngħidha bilmod. Ripetutament.
B’pawsa bejn darba u oħra. Bla ma noqgħod naħseb lanqas fuq
il-kelma jew frażi li qed ngħid. L-iskop tal-kelma/frażi
qaddisa huwa biss li tgħini nitbattal minn ħsibijieti kollha.
Ħafna
persuni midħla tal-ħajja kontemplattiva jissuġerixxu l-kelma, “Maranta”,
kelma mill-Aramajk, il-lingwa li biha tkellem Ġesù. Tfisser, “Ejja,
Mulej!”. Madanokollu, fil-ħin tal-kontemplazzjoni, it-tifsira
tal-kelma li nuża mhix importanti. Il-kelma trid isservi biss
biex tbattalni minni nnifsi.
Jekk
nuza din il-kelma, ngħidha bil-mod. Ngħidha sħiħa. U jkun
tajjeb jekk inlissinha sillaba, sillaba, “MA – RA – NA – TA”.
Pawsa qasira ta’ ftit sekondi u nirrepetiha bl-istess mod darba wara
l-oħra. Nibqa’ sejjer hekk u malli nintebaħ li moħħi ġera bija,
immur lura mill-ġdid lejn l-istess kelma, bla ma noqgħod noħodha
kontra tiegħi nnifsi nirrabja minħabba l-inkapaċitajiet tiegħi.
Iktar ma nintebah bl-inkapaċità tiegħi, iktar insir koxju ta’ kemm
għandi bżonn il-Mulej, u allura li dak li se jseħħ fija qed jagħmlu
Hu u mhux jien.
Importanti
ukoll li darba għażilt kelma, ma noqgħodx nibdilha. Nżomm l-istess
kelma kull darba li nagħmel il-Kontemplazzjoni ħalli din issir parti
mis-sistema tiegħi u għalhekk tgħini aktar u aħjar. Jekk
inkun qiegħed nikkontempa fil-privat, allura tajjeb li l-kelma
ngħidha b’mod li jiena nisma’ lili nnifsi nlissinha. Fi grupp
dan mhux possibli għaliex intelfu lil xuxlin.
FIL-PRIVAT
Minn
dan li għidna hawn fuq jidher li il-Lectio Divina hija prattika li
l-aħjar issir fil-privat biex min qed jagħmilha, jimxi bil-pass
tiegħu, f’ambjent u f’ħin li jsibhom iktar addattati għalih/għaliha.
Iżda
l-grupp huwa maħsub li jħajjarna u jħejjijna biex il-Lectio Divina
ssir f’ħajjitna, prattika ta’ kuljum. Ħtiega li ma nkunux nistgħu
ngħaddu ġurnata bla ma nagħmluha.
Meta naslu għal
dan, allura għalina, l-grupp tal-Lectio Divina ma jkollux iktar
skop. Imma sa dakinhar, jalla jkun dan il-grupp li permezz
tiegħu, Alla jdewwaqna ftit minn dik l-esperjenza li tant u tant
insara laqqathom ma’ l-Imgħallem tagħhom. Anke jekk huma,
bħall-Appostlu Pawlu qatt ma jkunu rawh b’għajnejnhom.
|