Uffiċċju  -  Tifħir  -  Nofs il-Jum  -  Għasar  -  Kompieta

IL-ĦAMIS

TAR-XXVIII ĠIMGĦA MATUL IS-SENA

Salmodija tal-Ħamis tar-IV gimgha

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/.  Mulej, iftaħli xufftejja.

R/.  U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

Glorja lill-Missier,

u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

          U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant.  Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi.

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I.    Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

 

Il-ħabbȃr tal-jum fl-għelieqi

leħnu jsemma’ biex nistenbħu;

u mis-sema Kristu jsejjaħ

l-erwieħ tagħna lejn il-ħajja.

 

Hu jwissina biex inqumu

minn-ngħas tqil li fih waqajna,

biex b’qalb safja w ħajja sewwa

nistennew il-miġja tiegħu.

 

Sbiħ il-jum dalwaqt ixerred

dija u ġmiel ta’ dawl fuq artna;

inħabirku b’għemil tajjeb,

u bit-tama tad-dawl veru.

 

Lil Ġesù, bis-sogħba f’qalbna,

nitolbuh biex iseddaqna:

ma torqodx il-qalb jekk tishar

b’fehma safja w tibqa’ titlob.

 

Kristu, qajjem l-erwieħ tagħna,

mill-irbit tal-lejl eħlisna,

ħoll tad-dnub qadim il-ktajjen,

u d-dawl ġdid agħtina ngawdu.

 

Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu,

Sultan twajjeb, jintradd lilek,

lill-Missier, u lill-Ispirtu

Difensur u Faraġ tagħna. Ammen.

 

II.    Matul il-jum

 

Nerfgħu qalbna lejk, o Alla,

li ma tehda qatt taħfrilna:

naddafhielna minn kull tebgħa,

għaliex int ħanin u twajjeb.

 

Fuq din l-art nitniehdu w nolfqu,

barranin u tturufnati:

int il-port, id-dar, il-paċi,

inti waħdek l-hena tagħna.

 

Għajn tal-ħajja, kbira l-barka

ta’ min jiġi w jixrob minnek!

Verità, henjin għajnejhom

dawk li jsibu d-dawl ta’ wiċċek!

 

Kun int stess li, b’nar imħabbtek,

tħeġġeġ fina x-xewqa tiegħek;

għinna ntuk minn issa l-glorja

bit-tifkira ta’ foħritek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1:  Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

 

Salm 43 (44)

 

I

 

O Alla, b'widnejna aħna smajna, *

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom, *

li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; *

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, *

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, *

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, *

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb. 

Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, *

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, *

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, *

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

F'Alla niftaħru l-ħin kollu; *

ismek infaħħru għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 1:  Ma kienx bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-dija ta’ wiċċek.

Ant. 2:  Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.

 

II

 

Imma issa warrabtna u ċekkintna, *

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

Ġegħeltna nduru lura minn quddiem l-għadu;  * 

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, *

u fost il-ġnus xerridtna.

 

Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; *

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, *

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

Ġibtna fi lsien il-ġnus, *

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

 

L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, *

il-mistħija tgħattili wiċċi,

għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir, *

quddiem l-għadu li jitħallas minni.

Glorja.

 

Ant. 2:  Ma jwarrabx wiċċu minnkom il-Mulej jekk idduru lejh.  

Ant. 3:  Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.

 

III

 

Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, *

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

Ma dorniex mill-fehma tagħna, *

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, *

u b'dell il-mewt għattejtna.

Li kieku nsejna isem Alla tagħna, *

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

ma kienx Alla b'dan jintebaħ, *

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, *

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

 

Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? *

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

Għaliex taħbi wiċċek minna? *

Għaliex tinsa d-dwejjaq u t-tagħkis tagħna?

 

Għax fit-trab ninsabu mitluqa, *

mixħuta ma' l-art minn tulna.

Qum! Ejja biex tgħinna! *

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

Glorja.

 

Ant. 3:  Stenbaħ, Mulej! La twarrabniex għal dejjem.   

 

V/.  Ħa jiddi wiċċek, Mulej, fuq il-qaddej tiegħek.

R/.  Għallimni l-kmandamenti tiegħek.

 

LEZZJONI I

 

Qari mill-Ktieb tal- Profeta Żakkarija                Żak 8:1-17. 20-23

 

Wegħdiet ta’ salvazzjoni għal Sijon

 

Il-kelma tal-Mulej tal-eżerċti waslet hekk :

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

"Jien għajjur fuq li għajjur għal Sijon,

għajjur għaliha b'korla li ma bħalha."

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Mill-ġdid indur lejn Sijon, u niġi ngħammar f'nofs Ġerusalemm. Mbagħad lil Ġerusalemm jibdew ixandruha bħala l-Belt fidila, u l-muntanja tal-Mulej ta' l-eżerċti bħala l-Muntanja qaddisa."

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Il-pjazez ta' Ġerusalemm għad jerġgħu joqogħdu fihom ix-xjuħ, irġiel u nisa, kulħadd bil-bastun f'idu, minħabba fil-kobor ta' għomru. U l-pjazez tal-belt jimtlew bit-tfal subjien u bniet jilagħbu fil-wesgħat tagħhom."

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Jekk illum din hija ħaġa tal-għaġeb f'għajnejn il-fdal ta’ dan il-poplu, se tkun tal-għaġeb f'għajnejja wkoll?" - din hi l-kelma tal-Mulej tal-eżerċti.

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti:

"Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi

mill-lvant u mill-punent,

u nġibhom lura biex jgħammru f'nofs Ġerusalemm;

u huma jkunu l-poplu tiegħi,

u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust."

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Ħa jitwettqulkom idejkom, intom li f'dawn il-jiem smajtu dawn il-kelmiet li qalu l-profeti li kien hemm fi żmien it-tqegħid tas-sisien tat-tempju tal-Mulej tal-eżerċti għall-bini tas-santwarju.

Għax qabel dak iż-żmien

ma kienx hemm salarju għall-bniedem

jew ħlas għall-bhima,

u anqas min kien ħiereġ u dieħel

ma kellu rasu mistrieħa mill-għadu,

wara li jiena xħett in-nies kollha

wieħed kontra l-ieħor.

Imma issa jiena m'għadnix

bħalma kont fl-imgħoddi

għall-bqija ta' dan il-poplu,”

jgħid il-Mulej tal-eżerċti,

“għax jiena niżra' s-sliem,

id-dielja tagħti l-frott tagħha,

u l-art tagħti l-għemejjel tagħha,

u s-smewwiet in-nida tagħhom;

u dan kollu nagħtih lill-bqija ta' dan il-poplu

biex ikun tagħhom.

U jiġri li bħalma intom, ja dar ta' Ġuda u dar ta' Iżrael, kontu saħta fost il-ġnus, hekk jiena nsalvakom, u tkunu barka. Tibżgħu xejn: ħa jitwettqulkom  idejkom!"

Għax hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Bħalma kont ħsibt li nagħmlilkom id-deni meta missirijietkom kebbsuli l-korla tiegħi u l-ħsieb ma biddiltux," jgħid il-Mulej tal-eżerċti, "hekk f'dawn il-jiem erġajt għamilt il-ħsieb li nagħmel il-ġid lil Ġerusalemm u lid-dar ta' Ġuda. La tibżgħux!

"Dawn huma l-ħwejjeġ li għandkom tagħmlu: Għidu s-sewwa lil xulxin; fil-bibien ta' beltkom għamlu ħaqq li jġib is-sliem; tbejjtux deni għal xulxin fi qlubkom; ħalf bil-gideb la tagħmlux: għax dan hu kollu li jiena nobgħod," jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "Għad jiġu popli u nies li jgħammru fi bliet kbar, u nies ta' belt imorru għand dawk ta' belt oħra u jgħidulhom: 'Imxu, ejjew immorru għand il-Mulej nitolbuh ħniena, u nfittxu l-Mulej tal-eżerċti; ngħid għalija, sejjer jien ukoll.'”.  U kotra ta' popli u ġnus qawwija jiġu jfittxu l-Mulej tal-eżerċti f'Ġerusalemm u jitolbu l-ħniena tal-Mulej."

Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: "F'dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: 'Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!' "

 

RESPONSORJU              Żak 8:7. 9a; Atti 3:25a

 

R/.  Hekk jgħid il-Mulej: Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi mill-lvant u mill-punent. * Ħa jitwettqulkom idejkom, intom li f’dawn il-jiem smajtu dawn il-kelmiet li qalu l-profeti.

V/.  Intom ulied il-profeti u werrieta tal-patt li Alla għamel ma’ missirijietkom. * Ħa jitwettqulkom idejkom, intom li f’dawn il-jiem smajtu dawn il-kelmiet li qalu l-profeti.

 

LEZZJONI II

 

Qari mit-Trattati ta’ l-isqof Santu Wistin fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann

 

(Tract. 26:4-6)

Ara, jien se nsalva l-poplu tiegħi

 

Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jiġbdux lejja. Taħsibx li int se tinġibed kontra qalbek: ruħek tiġbidha l-imħabba. U ma għandniex nibżgħu li se jċanfruna għall-kliem qaddis tal-Iskrittura dawk in-nies li jqisulna kull kelma li ngħidu waqt li huma ‘l bogħod ħafna biex jifhmu dak li hu tassew ta’ Alla. Nies bħal dawn m’hux se jġagħluna nistħu, jekk jgħidulna: “Kif nista’ nemmen minn rajja, meta jien miġbud biex nemmen?” Għal kliem bħal dan, jien inwieġeb: “Mhux biss ir-rieda tiegħek tmexxik, imma jiġbdek ukoll dak li jgħaxxqek”.

X’jiġifieri tinġibed b’dak li jgħaxxqek? Qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek. Hemm għaxqa tal-qalb li ħelu għaliha hu biss il-ħobż tas-sema. U jekk poeta wasal biex jgħid: “Kull bniedem jinġibed mill-għaxqa ta’ qalbu, mhux għax imġiegħel imma għax qed isib l-għaxqa tiegħu, kemm aktar nistgħu ngħidu aħna li jinġibed minn Kristu l-bniedem li jsib l-għaxqa tiegħu fil-verità, li jsib l-għaxqa tiegħu fl-hena, li jsib l-għaxqa tiegħu fil-ġustizzja, li jsib l-għaxqa tiegħu fil-ħajja ta’ dejjem, u dan għaliex Kristu hu dan kollu?

Jew għandna ngħidu li s-sensi kollha ta’ ġisimna jsibu dejjem f’xi ħaġa l-għaxqa tagħhom, waqt li ruħna ma għandha xejn x’jgħaxxaqha? U jekk ir-ruħ ma għandha xejn x’jgħaxxaqha, għaliex jingħad li għad-dell ta’ ġwenħajk jistkennu wlied il-bnedmin, jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, tisqihom ix-xmara ta’ l-hena tiegħek, għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, għax fid-dawl tiegħek naraw id-dawl?

Min iħobb jaf x’qed ngħid. Min jixtieq xi ħaġa, min hu bil-ġuħ, min hu fil-baħħ ta’ din id-dinja, min hu bil-għatx u mxennaq għall-għajn tas-saltna ta’ dejjem, min hu dan kollu, jaf x’qed ngħid. Iżda jekk hu biered min qed inkellem, dan ma jafx x’qed ngħid.

Uri zokk tari lil nagħġa, u tiġbidha lejk. Uri ftit lewżiet lil tifel, u tiġbdu lejk: tiġbdu b’dak li qed jiġri għalih biex jieħdu; tiġbdu b’dak li jħobb; tiġbdu bla ma tagħmillu ħsara f’ġismu; tiġbdu għax qalbu tintrabat ma’ dak li jrid. Aħna ninġibdu minn kull ma nħobbu fuq l-art minħabba li nsibu fih l-għaxqa ta’ qalbna u l-hena ta’ ruħna, għax veru li “kull bniedem jinġibed mill-għaxqa ta’ qalbu”. Issa jekk dan hu minnu, għaliex, mela, ma jiġbidnix Kristu, li l-Missier urihulna? U x’tixtieq aktar ir-ruħ mill-verità? Għal liema ħaġa r-ruħ għandha ġuħ kbir, għalfejn tixtieq tkun b’saħħitha għalkollox biex tista’ ttiegħem sewwa, jekk mhux biex tiekol u tixrob l-għerf, il-ġustizzja, il-verità, l-eternità?

Il-Mulej jgħid: Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja issa, għax huma jkunu mxebbgħin għal li ġej. Agħtih li jħobb, nagħtih li jixtieq; għad jara dak li issa jemmen fih bla ma jarah; għad jiekol dak li għandu l-ġuħ tiegħu; għad jixba’ b’dak li għandu l-għatx tiegħu, għax jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

 

RESPONSORJU              Ġw 6:44. 45                  

 

R/.  Ħadd ma jista jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja: * Kull min jisma’ mill-Missier u jitgħallem minnu, jiġi għandi.

V/.  Hemm miktub fil-profeti: Kulħadd ikun mgħallem minn Alla. * Kull min jisma’ mill-Missier u jitgħallem minnu, jiġi għandi.

 

Talba

Nitolbuk, Mulej, li l-grazzja tiegħek tqanqalna u tieqaf magħna, u tħeġġiġna biex inkunu l-ħin kollu medhija b’għemejjel tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Issa li l-Mulej bagħtilna

dil-ġurnata, għotja tiegħu,

nitolbuh biex jieqaf magħna

u jħarisna f’kull ma nagħmlu.

 

Jgħinna nrażżnu sewwa lsienna

jekk inħossu x-xewk tal-ħajja;

ma nħallux li l-frugħa taqbad

ħars għajnejna fix-xbiek tagħha.

 

Jibqgħu nodfa ħsibijietna,

ħielsa mill-bluhat qarrieqa;

it-trażżin fix-xorb u l-ikel

jitfi x-xegħla tas-suppervja.

 

Alla jtina l-grazzja ntemmu

dil-ġurnata bil-qdusija,

biex il-lejla b’qalb ferħana

niżżu ħajr fit-tjieba tiegħu.

 

Glorja lill-Missier, lill-Iben,

lill-Ispirtu s-Santu, Alla:

bħalma msebbaħ kien mill-bidu,

hekk jissebbaħ issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:  Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

 

Salm 142 (143):1-11

 

Mulej, isma' t-talba tiegħi, †

agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; *

weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.

Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, *

għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.

 

Għax l-għadu għamel għalija, *

ma' l-art tefagħni taħt riġlejh;

fid-dlam xeħetni ngħammar, *

bħal min imut għal dejjem.

Ruħi tinfena minn ġewwa, *

qalbi titniehed ġewwa fija.

Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, †

naħseb f'kull ma int għamilt, *

għemil idejk dejjem fi ħsiebi.

Lejk immidd idejja, *

ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.

 

Fittex weġibni, Mulej! *

Ruħi tinsab bla saħħa.

La taħbix wiċċek minni, *

li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.

Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, *

għax fik jien nittama.

Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, *

għax lejk jien nerfa' ruħi.

 

Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, *

għax inti l-kenn tiegħi. 

Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek,

għax int Alla tiegħi, *

L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.

 

F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, *

oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1:  Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, Mulej.

Ant. 2:  Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

 

Kantiku       Iż 66:10-14a

 

Ifirħu lil Ġerusalemm, u thennew biha, *

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll *

li qsamtu swied il-qalb magħha!

Hekk intom terdgħu u tixbgħu *

minn sider il-faraġ tagħha;

 

Għax dan jgħid il-Mulej: †

“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, *

       u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus. 

It-trabi  tagħha fuq id-dirgħajn jintrefgħu, *

u jżiegħlu bihom fuq l-irkubbtejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha, †

hekk jiena nfarraġ lilkom, *

u f’Ġerusalemm titfarrġu”.

 

Taraw u tifraħ qalbkom, *

U għadamkom bħal ħaxix iħaddar.

Glorja.

 

Ant. 2:  Il-Mulej jifrex fuq Ġerusalemm is-sliem bħal xmara.

Ant. 3:  Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

 

Salm 146 (147A)

 

Faħħru l-Mulej, †

għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; *

għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.

 

Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej, *

jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.

Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, *

hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.

Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; *

kollha jsejjħilhom b'isimhom.

Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira; *

bla tarf id-dehen tiegħu.

Jerfa' l-imsejknin il-Mulej, *

u jniżżel sa l-art il-ħżiena.

 

Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr; *

doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.

Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, †

iħejji għall-art ix-xita, *

u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.

Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, *

u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.

Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, *

anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.

Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża' tiegħu, *

u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.

Glorja.

 

Ant. 3:  Hu ħelu u xieraq it-tifħir ta’ Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA                 Rum 8:18-21

 

It-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa d-dehra ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa, mhux minn rajh iżda minħabba dak li xeħtu taħtha, bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir, u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Sa minn kmieni fil-għodu, * Naħseb fuqek, Mulej. Sa minn.  

V/. Għax int kont għajnuna għalija. * Naħseb fuqek, Mulej. Glorja. Sa minn.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Mulej, għarraf lill-poplu tiegħek bis-salvazzjoni, u agħtina l-maħfra ta’ dnubietna.  

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Mulej, għarraf lill-poplu tiegħek bis-salvazzjoni, u agħtina l-maħfra ta’ dnubietna. 

 

PREĊI 

 

Infaħħru lil Alla, li hu waħdu s-salvatur tal-poplu tiegħu, u minn qalbna ngħidulu:

Mulej, inti l-ħajja tagħna.

O Alla Missier, inti tajtna twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet:

- aħna nberkuk, Missier, għal din il-ħniena kbira tiegħek.

Int ħlaqt il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħek u ġeddidtu fi Kristu:

- agħmel li nieħdu sura xbieha ta’ Ibnek.

Biegħed minn qlubna, Mulej, is-susa ta’ l-għira u tal-mibegħda:

- sawwab fihom l-imħabba bl-Ispirtu s-Santu mogħti lilna.

Ipprovdi llum ix-xogħol lill-ħaddiema u l-ħobż lil min hu bil-ġuħ:

- henni lill-imnikktin u agħti l-grazzja u s-saħħa lil kulħadd.

 

Missierna

 

Talba

Agħtina grazzja, Mulej, li nagħrfu sewwa l-misteru tas-salvazzjoni tagħna, u agħmel li nkunu meħlusa minn idejn l-għedewwa tagħna, biex naqduk bil-fedeltà u bla biża’ tul ħajjitna kollha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħeġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. 1  Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

 

Salm 118 (119):153-160

 

XX (Res)

 

Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni, *

għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.

Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; *

agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.

 

'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni, *

għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.

Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.

 

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni; *

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom, *

għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.

 

Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.

Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek; *

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.

Glorja.

 

Ant. 1  Il-Mulej jgħid: Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Ant. 2  Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

 

Salm 127 (128)

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej, *

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; *

hieni int, u riżqek tajjeb!

Martek tkun bħal dielja għammiela *

fl-irkejjen ta' darek;

wliedek bħal xitel taż-żebbuġ *

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem *

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon! *

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek! *

Sliem għal Iżrael!

Glorja.

 

Ant. 2  Ibierkek il-Mulej, u jalla tara s-sliem tul ħajtek kollha.

Ant. 3  Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik ma’ l-għedewwa tiegħek.

 

Salm 128 (129)

 

Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti *

- ħa jgħid hekk Iżrael –

ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, *

imma ma rnexxilhomx jegħlbuni.

Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, *

raddiet twal bis-swat għamluli.

Imma ġust hu l-Mulej, *

u qatta' minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.

 

Ħa jinfixlu u jmorru lura *

dawk kollha li jobogħdu 'l Sijon.

Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, *

li jinxef qabel ma jikber,

li bih il-ħassâd ma jimliex idu, *

anqas ħadd jorbtu f’qatet quddiemu.

U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: †

"Il-Barka ta' Alla fuqkom! *

Inberkukom f'isem il-Mulej!"

Glorja.

 

Ant. 3  Il-Mulej Alla nnifsu jitqabad għalik mal-għedewwa tiegħek.

 

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA                 1 Ġw 3:23-24

 

Dan hu l-kmandament ta’ Alla: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u li nħobbu ‘l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

V/.  Mulej, int tmexxi lill-bniedem ġust.  

R/.  Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb.

 

Talba

O Alla, f’din is-siegħa tal-ġurnata inti bgħatt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma u jitolbu; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex, fit-tjieba tiegħek, tagħti lilna wkoll sehem minn din il-grazzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA                 Għerf 1:1-2

 

Ħobbu l-ġustizzja, intom il-ħakkiema ta’ l-art; aħsbu fil-Mulej kif inhu sewwa u fittxuh b’qalb safja. Għax hu jinstab minn min ma jġarrbux, u juri lilu nnifsu lil min ma jitlifx it-tama fih.

 

V/. Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb.

R/. Għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ.

 

Talba

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, li għalik ma hemm xejn mudlam jew fid-dell, ixħet fuqna d-dija tad-dawl tiegħek, biex nitgħallmu sewwa l-liġi u l-kmandamenti tiegħek, u nibqgħu dejjem miexja fi triqtek b’qalb kbira u fidila. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA                 Lhud 12:1b-2

 

Inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u, b’qalbna qawwija, nibqgħu niġru t-triq li għandna quddiemna, waqt li nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna, hu, li għall-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

 

V/.  Jien lill-Mulej nistenna.

R/.  Ruħi f’kelmtu tittama.

 

Talba

Agħmel, Mulej, li aħna nimtlew b’dak is-sabar li Ibnek il-waħdieni wriena f’ħajtu, biex meta jżurna t-tiġrib u l-għawġ nibqgħu sħaħ sa l-aħħar.  Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Mulej Alla, Sid tal-glorja,

li bid-dawl tal-jum sebbaħtna,

f’riġlejk nersqu w bit-talb tagħna

lilek noffru dan il-għasar.

 

Din ix-xemx, li qed tħallina,

sejra ddawwal popli oħra,

waqt li fuqna ftit ħin ieħor

jiġi l-lejl bi dlamijietu.

 

F’dan il-ħin għażiż ta’ ġabra,

nitolbuk, Mulej, bil-qima:

la tħallix id-dlam ikiddna

wara l-għeja tal-ġurnata;

 

Imma żommna dejjem nishru

sa ma jgħib il-jum tad-dinja,

ħalli mbagħad, bil-grazzja tiegħek,

nithennew bid-dawl ta’ wiċċek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta dejjem hi saltnatkom

mal-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:  Il-Mulej hu t-tjieba u l-kenn tiegħi: fih nittama.

 

Salm 143 (144)

 

I

 

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, †

li jħarriġli idejja għat-taqbida *

u subgħajja għat-taqtigħa.

Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, *

kenn tiegħi u ħellies tiegħi,

tarka tiegħi, fih jien nistkenn; *

hu li jrażżan il-popli taħti.

 

Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih, *

jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?

Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem; *

bħal dell li jgħaddi huma jiemu.

 

Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel; *

miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.

Agħmel il-beraq u xerridhom; *

faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.

Midd idek mill-għoli, *

aħtafni mill-ilma kotran;

eħlisni minn id il-barrani, †

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

Glorja.

 

Ant. 1:  Il-Mulej hu t-tjieba u l-kenn tiegħi: fih nittama.

Ant. 2:  Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

 

II

 

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, *

fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.

Int li tagħti r-rebħa lis-slaten, *

li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.

 

Mis-sejf tal-ħażin ħarisni; *

eħlisni minn id il-barrani,

li b'fommu jgħid il-gideb, *

u b'lemintu jixhed il-qerq.

 

Ħa jkunu wliedna f'żgħożithom *

bħal xitel imlaħħaq sewwa;

uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa, *

iżejjnu l-irkejjen tal-palazzi.

Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawwra, *

u jagħtu kull xorta ta' ġid.

L-imrieħel bl-eluf iwelldu, †

għaxriet ta' eluf fir-raba' tagħna; *

ħa jkunu tqal il-bhejjem tagħna.

Ebda selħa fis-swar, u ebda ħarba, *

anqas għajat ta’ niket fil-pjazez tagħna.

 

Hieni l-poplu li għandu dan kollu! *

Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!

Glorja.

 

Ant. 2:  Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu.

Ant. 3:  Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

Kantiku       Apok 11:17-18; 12:10b-12a

 

Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox, †

li int u li kont, *

talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek u bdejt issaltan.

 

Il-ġnus imtlew bil-korla, †

Imma ġiet il-korla tiegħek * 

u wasal iż-żmien li jsir ħaqq  mill-mejtin 

u jingħata l-ħlas mistħoqq, *

lill-qaddejja tiegħek il-profeti,

lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar. 

 

Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa, 

u s-Saltna ta' Alla tagħna, * 

u s-setgħa tal-Messija tiegħu, 

għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna, *

li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.

 

U huma ħarġu rebbieħa fuqu

bis-saħħa ta’ demm il-Ħaruf *

u bis-saħħa tax-xhieda li taw, 

u xejn ma għożżew ħajjithom, *

hekk li ħadu saħansitra l-mewt.

Għalhekk ifirħu, smewwiet, *

u intom li tgħammru fihom. 

Glorja.

 

Ant. 3:  Ġiet is-salvazzjoni u s-saltna ta’ Alla tagħna.

 

LEZZJONI QASIRA                 ara Kol 1:23

 

Żommu sħaħ fil-fidi, sodi bla ma titħarrku mit-tama tal-Evanġelju li intom smajtu, u li tħabbar lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: * Xejn ma jonqosni. Il-Mulej.

V/.  F’mergħat kollhom ħdura jqegħedni. * Xejn ma jonqosni. Glorja. Il-Mulej.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej xabba’ lil dawk li huma bil-ġuħ tal-ġustizzja u mlielhom b’kull ġid.   

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Il-Mulej xabba’ lil dawk li huma bil-ġuħ tal-ġustizzja u mlielhom b’kull ġid.  

 

PREĊI

 

Kristu hu d-dawl tal-ġnus u l-ferħ tal-bnedmin kollha. Nersqu quddiemu u b’devozzjoni kbira ngħidulu:

Mulej, agħtina d-dawl, is-sliem u s-salvazzjoni.

Kristu, inti d-dawl etern u l-Verb tal-Missier, li ġejt fid-dinja biex issalva l-bnedmin kollha:

- mexxi l-katekumeni tal-Knisja tiegħek u kun id-dawl tagħhom.

Mulej, tqisilniex ħtijietna:

- għax għandek hemm il-maħfra.

Inti trid li l-bnedmin jitkixxfu u jistħarrġu fuq il-qawwiet moħbija tal-ħolqien biex jaħkmu d-dinja aħjar:

- agħmel li kull tħabrik xjentifiku u kull ħidma artistika jservu għall-glorja tiegħek u għar-riżq u l-hena ta’ kulħadd.

Ħares lil dawk li ddedikaw ħajjithom għas-servizz ta’ ħuthom fid-dinja:

- għinhom ħa jseħħilhom itemmu x-xogħol tagħhom bla xkiel u twegħir.

Mulej, int il-Qaddis, li tiftaħ u ħadd ma jagħlaq:

- daħħal fid-dawl tiegħek lil ħutna kollha li raqdu bit-tama tal-qawmien għall-ħajja.

 

Missierna

 

Talba

Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għal dan it-talb umli tagħna ta’ filgħaxija, biex nagħmlu l-frott bl-opri tajba tagħna billi nibqgħu sħaħ sa l-aħħar.  B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

IL-ĦAMIS

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Wara dan il-versett tal-bidu tkun Ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

 

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant.  Fil-kwiet immur nistrieħ.

  

Salm 15 (16)

 

Il-Mulej is-sehem ta’ wirti

Alla qajjem lil Ġesù billi ħall l-irbit tal-mewt. (Atti 2:24)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq: *

messni sehem tassew għal qalbi.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

  Glorja.

 

Ant.  Fil-kwiet immur nistrieħ.

  

LEZZJONI QASIRA                 1 Tess 5:23

 

Alla tas-sliem iqaddiskom f’kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa, fl-ispirtu, fir ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

  

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u nistrieħu fis-sliem.

 

KANTIKU EVANĠELIKU                            Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u nistrieħu fis-sliem.

 

 

Talba 

Mulej Alla tagħna, agħtina l-heda u l-mistrieħ wara t-taħbit u l-għeja ta’ llum, biex bl-għajnuna tiegħek niksbu saħħa ġdida, ħalli ningħataw b’ruħna u ġisimna għall-qadi tiegħek. Bi Kristu Sidna. R/. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

O Verġni glorjuża u mbierka.