Uffiċċju  -  Tifħir  -  Nofs il-Jum  -  Għasar  -  Kompieta

 

IL-ĦAMIS TAL-OTTAVA TAL-GĦID

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

          u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej qam tassew, hallelujah.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Dan tassew hu l-jum imwiegħed,

il-jum t’Alla, b’dawl is-sema,

jum li fih id-demm ta’ Kristu

neħħa d-dnub tad-dinja w fdiena.

 

Radd il-fidi lill-mitlufa,

ta mill-ġdid id-dawl lill-għomja;

m’niex se nibżgħu, meta nafu

li l-ħalliel ukoll sab maħfra?

 

Stagħġbu l-anġli xħin lill-ħati

rawh waqt mewtu jdur bl-indiema

lejn Ġesù li, kollu tjieba,

wiegħdu post fil-ġenna miegħu.

 

Faħħru l-kobor tal-misteru

li bih Kristu, l-bniedem-Alla,

ħassar id-dnubiet u ħeles

lill-bnedmin mill-mewt ta’ dejjem!

 

B’dan l-għemil tassew ta’ l-għaġeb

tgħib il-ħtija w terġa’ l-grazzja,

u fejn saltnu l-mewt u l-biża

terġa’ l-ħajja w tfur l-imħabba.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Ħa jgħidu wlied Iżrael: Għal dejjem it-tjieba tiegħu, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

          u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

Ant. 1: Ħa jgħidu wlied Iżrael: Għal dejjem it-tjieba tiegħu, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej kien għalija s-salvazzjoni tiegħi, hallelujah.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

 

Ant. 2: Il-Mulej kien għalija s-salvazzjoni tiegħi, hallelujah.

Ant. 3: Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna, hallelujah.

 

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom,

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Ant. 3: Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta’ l-għaġeb f’għajnejna, hallelujah.

 

V/. Kristu, fil-qawmien tiegħek, hallelujah.

R/. Jifirħu s-smewwiet u l-art, hallelujah.

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu    1 Piet 3:1-17

 

Nixbhu lil Kristu

 

Intom in-nisa oqogħdu għas-setgħa ta' żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-kelma ta' l-Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-kliem imma bl-imġiba tan-nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-rispett. Ħa tkun is-sbuħija tagħkom mhux dik li tidher minn barra bħad-dafra tax-xagħar u t-tiżjin tad-deheb u l-ilbies ilellex - imma dik li hi moħbija f'qalbkom, imlibbsa b'tiżjin li ma jitħassarx; hi l-qalb ħelwa u twajba tagħkom, li hi għażiża wisq quddiem Alla. Hekk dari kienu jiżżejjnu dawk in-nisa qaddisa li kienu jittamaw f'Alla: kienu joqogħdu għas-setgħa ta' żwieġhom. Hekk kienet tagħmel Sara li kienet tisma' minn Abraham u kienet issejjaħlu: "Sidi". U intom sirtu wliedha jekk tagħmlu s-sewwa bla ma tibżgħu minn xejn.

Intom ukoll irġiel, għammru bil-għaqal man-nisa tagħkom; agħtuhom il-ġieħ li ħaqqhom, kemm għax huma aktar dgħajfa minnkom u kemm għax huma wkoll imsejjħa għall-grazzja tal-ħajja. Hekk ma ssibux tfixkil fit-talb tagħkom.

Fl-aħħarnett ngħidilkom, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin imħabba bħal aħwa b'qalb ħanina u umli. La troddux deni b'deni jew tagħjir b'tagħjir; imma għall-kuntrarju, wieġbu bil-barka tagħkom, għax għal dan intom kontu msejjħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta' Alla. 

 “Min irid iħobb 'il-ħajtu,

  u jara jiem ħienja

 ħa jħares ilsienu mill-ħażen u xufftejh mill-qerq;

 ħa jaħrab il-ħażen u jagħmel it-tajjeb,

 ifittex is-sliem u jqis li jiksbu.

 Għax għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti,

 u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom.”

 Imma l-Mulej ħarstu fuq dawk li jagħmlu l-ħażen. Min jista' jagħmlilkom il-ħsara jekk tkunu ħerqana għat-tajjeb? Jekk stess tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom! Tibżgħux minnhom u titħawwdux. Qaddsu lil Sidna Ġesù Kristu f'qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta' Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin. 

 

RESPONSORJU              Lq 6:22. 23a; 1 Piet 3:14a

 

R/. Ħenjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. * Dakinhar ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax ara ħlaskom fis-sema, hallelujah.

V/. Jekk stess tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom. * Dakinhar ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax ara ħlaskom fis-sema, hallelujah.

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Katekeżi ta’ Ġerusalemm

 

(Catech. 20 Mystagogica 2:4-6)

Il-Magħmudija, is-sinjal tal-passjoni ta’ Kristu

 

Wasslukom sal-fonti tal-Magħmudija, bħalma wasslu ‘l Kristu mis-salib sal-qabar li hawn quddiemkom.

Kull wieħed minnkom ġie mistoqsi jemminx fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għamiltu l-istqarrija tal-fidi u għal tliet darbiet inżiltu taħt l-ilma u tliet darbiet ħriġtu minnu, u b’hekk fissirtu simbolikament it-tlitt ijiem li Kristu dam fil-qabar.

Kif is-Salvatur tagħna għadda tliet ijiem u tliet iljieli fi ħdan l-art, hekk intom fl-ewwel darba li nżiltu taħt l-ilma kontu xebh ma’ Kristu fl-ewwel lejl tiegħu fi ħdan l-art, u fl-ewwel darba li ħriġtu minn taħt l-ilma kontu xebħ ma’ Kristu fl-ewwel jum tiegħu fuq l-art. Issa, kif wieħed billejl ma jara xejn imma matul il-jum jara kollox għax hu fid-dawl, hekk meta intom inżiltu taħt l-ilma kontu qiskom fid-dlam tal-lejl u ma rajtu xejn, iżda mbagħad meta ħriġtu minn taħt l-ilma kontu qiskom fid-dawl tal-jum: kontu fl-istess waqt mejta u mwielda mill-ġdid, u l-ilma tal-Magħmudija kien għalikom kemm qabar li fih indfintu u kemm omm li tatkom il-ħajja.

Dak li Salamun darba qal għal ħaġ’oħra, jgħodd ħafna għalikom illum; hu qal: Żmien li titwieled u żmien li tmut. Għalikom bil-maqlub: Żmien li tmut u żmien li titwieled: żewġ ġrajjiet għalikom, imma fi żmien wieħed, għaliex fl-istess waqt li tmutu, titwieldu għall-ħajja ġdida.

Ħaġa ta’ l-għaġeb! La intom tassew mejtin u lanqas midfunin, la tassew imsallbin u lanqas tassew imqajjmin mill-imwiet: fikom kollox sar taħt xbieha, iżda mbagħad is-salvazzjoni ksibtuha tassew.

Kristu kien tassew imsallab, tassew midfun, tassew imqajjem mill-imwiet; u dan kollu għamlu minn rajh, għalina, biex aħna nissieħbu fit-tbatijiet tiegħu taħt ix-xbihat, ħalli mbagħad niksbu tassew is-salvazzjoni.

X’imħabba ta’ l-għaġeb għall-bnedmin! L-idejn u r-riġlejn bla ħtija tal-Mulej ġew minfuda mill-imsiemer: hu bata għalija, u jiena, bla taħbit u bla tbatija, nikseb is-salvazzjoni, għaliex, bla ma batejt u weġġajt, isseħibt fit-tbatijiet ta’ Kristu.

Mela ħadd m’għandu jaħseb li aħna nitgħammdu biss biex jinħafrulna dnubietna, kif kienu jinħafru d-dnubiet bil-Magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista, u biex insiru wlied adottivi ta’ Alla: aħna nafu sewwa li l-Magħmudija mhux biss tnaddafna minn dnubietna u tagħtina d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, imma hi wkoll tiġdid fina tal-passjoni ta’ Kristu. Għalhekk San Pawl jgħid: Ma tafux li aħna li tgħammidna fi Kristu tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija.

 

RESPONSORJU              Apok 7:9

 

R/. Dawna huma l-ħrief ġodda li ħabbru: hallelujah; għadhom kemm waslu qrib l-għejun tal-ħajja. * U mtlew bid-dawl u d-dija, hallelujah.

V/. Quddiem il-Ħaruf huma lebsin ilbiesi twal bojod u bil-friegħi tal-palm f’idejhom. * U mtlew bid-dawl u d-dija, hallelujah.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

          lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

          ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

          il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

          bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

          il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

          l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

          il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

          ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

          u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

          fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

          li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

          li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

          fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

          bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

          erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

          u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

          inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

          kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

          ma jkolli qatt għax ninfixel. 

 

Talba

O Alla, int ġbart flimkien nies minn kull ġens, u lkoll qalb waħda faħħru l-isem tiegħek: agħmel li dawk kollha li ħadu t-twelid ġdid fl-ilma tal-Magħmudija jintrabtu ħaġa waħda bejniethom fl-istess stqarrija tal-fidi u fl-istess imġiba ta’ ħajja qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Feġġ il-jum fis-sebħ u l-ħmura,

mas-smewwiet il-għana jidwi;

taqbeż l-art bil-ferħ u l-hena,

l-għadu mxejjen jara w jagħdab.

 

Is-Sultan il-qawwi jġarraf

is-setgħat tal-mewt li ħakmet;

taħt riġlejh l-infern iqiegħed,

biex irbit l-ilsiera jqaċċat.

 

Xejn ma swiet il-ġebla tqila

bis-suldat mal-qabar għassa;

Kristu qam rebbieh, u ħareġ

mimli glorja w ħajja ġdida.

 

Jidher anġlu f’dija tgħammex,

il-qawmien ta’ Kristu jxandar;

għab is-swied ta’ qalb u l-biża’,

il-Mulej temm it-tbatija.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kristu qam mill-imwiet u dawwal il-poplu tiegħu, li hu fdieh b’demmu, hallelujah.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1: Kristu qam mill-imwiet u dawwal il-poplu tiegħu, li hu fdieh b’demmu, hallelujah.

Ant. 2: Il-Feddej tagħna qam mill-qabar: ngħannu għanja lill-Mulej Alla tagħna, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2: Il-Feddej tagħna qam mill-qabar: ngħannu għanja lill-Mulej Alla tagħna, hallelujah.

Ant. 3: Hallelujah, qam il-Mulej, kif kien qalilkom, hallelujah.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhomħ

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

Glorja.

 

Ant. 3: Hallelujah, qam il-Mulej, kif kien qalilkom, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 Rum 8:10-11

 

Jekk Kristu jgħammar fikom, ukoll jekk il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, imma l-ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustifikazzjoni. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem tagħkom li jmut, bis-saħħa ta’ l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.

 

MINFLOK IR-RESPONSORJU JINGĦAD:

 

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 Ġesù qagħad f’nofs id-dixxipli tiegħu u qalilhom: Is-sliem għalikom, hallelujah.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

Ġesù qagħad f’nofs id-dixxipli tiegħu u qalilhom: Is-sliem għalikom, hallelujah.

  

PREĊI

 

Kristu qam mill-imwiet u jinsab dejjem ħaj fil-Knisja tiegħu. B’xhieda ta’ ġieħ, insejjħulu u ngħidulu:

Ibqa’ magħna Mulej.

Mulej Ġesù, int ġibt rebħa kbira fuq id-dnub u l-mewt:

- kun fostna, int li tgħix għal dejjem.

Il-qawwa tiegħek qatt ma hi mirbuħa:

- ejja f’qalbna bit-tjieba divina tiegħek.

Għin lid-dinja li qiegħda tbati għax m’hix magħquda ħaġa waħda minħabba l-ħafna fehmiet:

- int waħdek tista’ tbiddel il-qlub u tħabbibhom bejniethom.

Wettaqna fil-fidi, lilna li nemmnu fir-rebħa ta’ l-aħħar:

- saħħaħ fina t-tama tal-miġja tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int ġbart flimkien nies minn kull ġens, u lkoll qalb waħda faħħru l-isem tiegħek: agħmel li dawk kollha li ħadu t-twelid ġdid fl-ilma tal-Magħmudija jintrabtu ħaġa waħda bejniethom fl-istess stqarrija tal-fidi u fl-istess imġiba ta’ ħajja qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

F’dan il-ħin li fih l-Imgħallem

divin tagħna kien imsallab,

kull ħsieb fieragħ minna nwarrbu,

nerfgħu talbna lejh bil-ġabra.

 

Min lil Kristu jilqa’ f’qalbu

dlonk jistagħna b’ruħ nadifa;

b’talb qaddis, ikun jitsħoqqlu

jgħammar fih l-Ispirtu s-Santu.

 

Din is-siegħa mbierka temmet

żmien il-jasar taħt il-ħtija;

siegħa hienja li bditilna

żmien il-grazzja ta’ Bin Alla.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

Ant. Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar, hallelujah.

 

  

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Miġburin fiċ-ċokon tagħna,

b’fommna w qalbna nfaħħru ‘l Alla;

niżżuh ħajr u, b’tifħir xieraq;

ngħollu l-isem qaddis tiegħu.

 

F’din is-siegħa li għaddejja,

ġid jiswielna jekk niftakru

li l-bnedmin, b’sentenza inġusta,

taw għall-mewt l-Imħallef tagħhom.

 

Imqanqlin bi mħabba safja,

iżda wkoll bil-biża tiegħu,

nitolbuh jeħlisna dejjem

minn kull ħbit u qerq ta’ l-għadu.

 

Jisma’ talbna l-Missier Alla,

u s-Sultan Ibnu l-waħdieni,

ma’ l-Ispirtu, Faraġ tagħna,

tliet Persuni f’Alla wieħed. Ammen.

 

Ant. Kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna, hallelujah.

  

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Din hi s-siegħa meta d-dija

tal-ħelsien għaġġbet lid-dinja;

is-salib b’dawl qawwi mtela,

keċċa d-dlam u ġieb is-sliema.

 

Din hi s-siegħa meta Kristu

mejjel rasu w, xħin ta ruħu,

qajjem il-mejtin mill-oqbra,

b’xhieda siekta tal-jiem ġodda.

 

Nemmnu fiż-żmien ġdid li żernaq,

qatt il-mewt ma ssaltan iżjed;

nemmnu sħiħ li nfetħu beraħ

il-bibien tal-ħajja hienja.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

  

Ant. Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, hallelujah.

 

Salm 118 (119): 17-24

 

III (Gimel)

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, *

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja, *

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.

 

Barrani jien fuq l-art; *

taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.

Tinfena qalbi l-ħin kollu *

bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.

 

Il-kburin inti ċċanfarhom; *

misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom, *

għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.

 

Mqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi, *

fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa' jaħseb

il-qaddej tiegħek.

Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi, *

huma jagħtuni l-parir tajjeb.

 Glorja.

 

Salm 29 (30)

 

I

 

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni, *

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek; *

sejjaħtlek, u int fejjaqtni.

Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi, *

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu, *

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu, *

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki, *

fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

 Glorja.

 

II

 

Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi: *

"Żgur li qatt ma niċċaqlaq! "

Mulej, bil-pjaċir tiegħek *

fuq muntanja qawwija qegħedtni;

mbagħad ħbejt wiċċek minni, *

u jien tħawwadt għalkollox.

Lilek sejjaħt, Mulej; *

lil Sidi tlabt il-ħniena.

 

X'tieħu int jekk inkun mejjet, *

jekk jiena ninżel fil-qabar?

Se jfaħħrek forsi t-trab? *

Se jxandar il-fedeltà tiegħek?

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; *

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

 

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi, *

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda; *

Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

 Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 1 Kor 12:13

 

Aħna lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

 

V/. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, hallelujah.

R/. Ħa nifirħu u nithennew fih, hallelujah.

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Kien mogħti għal dnubietna u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 Tit 3:4b. 6-7

 

Alla salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u tiġdid mill-Ispirtu s-Santu, li hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skond it-tama li għandna.

 

V/. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, hallelujah.

R/. Ħa nifirħu u nithennew fih, hallelujah.

  

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 ara Kol 1:12-14

 

Inroddu ħajr lill-Missier, li għamilna denji li nissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl; hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.

 

V/. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, hallelujah.

R/. Ħa nifirħu u nithennew fih, hallelujah.

 

Talba

O Alla, int ġbart flimkien nies minn kull ġens, u lkoll qalb waħda faħħru l-isem tiegħek: agħmel li dawk kollha li ħadu t-twelid ġdid fl-ilma tal-Magħmudija jintrabtu ħaġa waħda bejniethom fl-istess stqarrija tal-fidi u fl-istess imġiba ta’ ħajja qaddisa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

L-GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Il-Ħaruf temagħna laħmu,

tana l-lbies tas-salvazzjoni,

qsamna sħaħ il-Baħar l-Aħmar:

ngħannu ‘l Kristu l-prinċep tagħna.

 

Fuq l-altar ta’ salib aħrax

offra għalina ġismu mqaddes;

sqiena demmu, li hu xerrdu

ħalli nistgħu ngħixu b’Alla.

 

F’dik il-lejla li l-Qerriedi

għadda joqtol, konna mħarsa;

ħlisna lkoll minn taħt il-qilla

tal-Fargħun u l-jasar tiegħu.

 

F’dan il-Għid, il-Ħaruf tagħna

li hu Kristu, miet bla ħtija;

ħobż tassew bla ħmira w safi,

li kien mogħti b’sagrifiċċju.

 

Tassew vittma safja w xierqa:

biha d-dell u d-dlam ingħelbu,

biha l-poplu lsir infeda,

biha ngħata ħlas il-ħajja!

 

Kristu qam rebbieħ mill-qabar,

minn qiegħ l-art ħareġ imsebbaħ;

jassar l-għadu darba għal dejjem,

u fetħilna bwieb il-ġenna.

 

Ibqa’ ħares dejjem fina

ferħ il-Għid, Ġesù Messija;

kif għall-grazzja rġajt wellidtna,

fil-qawmien seħibna miegħek.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru ħdejn il-qabar, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

          aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

          u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru ħdejn il-qabar, hallelujah.

Ant. 2: Araw il-post fejn kienu qiegħdu l-Mulej, hallelujah.

 

Salm 113A (114)

 

Meta ħareġ Iżrael mill-Eġittu, *

Ġakobb minn poplu ta' lsien barrani,

Ġuda sar is-santwarju tiegħu, *

Iżrael is-saltna tiegħu.

 

Il-baħar rah u ħarab, *

il-Ġordan reġa' lura.

Qabżu bħal kbiex il-muntanji, *

u bħal ħrief il-għoljiet.

 

Xi ġralek, baħar, biex taħrab? *

Xi ġralek, Ġordan, biex terġa' lura?

Xi ġralkom, muntanji, biex taqbżu bħal kbiex, *

u intom, għoljiet, biex taqbżu bħal ħrief?

Triegħed, art, quddiem is-Sid, *

quddiem Alla ta' Ġakobb,

li jbiddel il-blat f'għadira ilma, *

iż-żonqor f'għajn ta' ilma.

 Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Araw il-post fejn kienu qiegħdu l-Mulej, hallelujah.

Ant. 3: Tibżgħu xejn: morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk, hallelujah.

 

Kantiku       ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja lill-Missier.........

 

Ant. 3: Tibżgħu xejn: morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 1 Piet 3:18. 21b-22

 

 Kristu miet darba minħabba dnubietna; hu, li kien ġust, miet għalina li aħna inġusti, biex iressaqna lejn Alla. Kien mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu. Issa salva lilkom ukoll, mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu li tela’ fis-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla, u għandu taħtu s-setgħat u l-qawwiet ta’ l-anġli.

 

MINFLOK IR-RESPONSORJU JINGĦAD:

 

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Araw idejja u riġlejja, għax jien hu, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

Araw idejja u riġlejja, għax jien hu, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Kollna ferħana nagħtuh it-tifħir u nitolbuh:

Isma’ t-talb tagħna, int li qomt mill-imwiet.

Mulej, ftakar fil-Knisja Mqaddsa tiegħek li int bnejt fuq l-appostli u xerridtha mad-dinja kollha:

- bierek lil dawk kollha li jemmnu fik.

Inti t-tabib tagħna tar-ruħ u l-ġisem:

- ejja żurna u fejjaqna bit-tjieba tiegħek.

Farraġ u għin lil ħutna l-morda:

- eħlishom mit-tbatija kollha tagħhom.

Serraħ lil dawk li huma mtaqqlin bl-hemm u d-dwejjaq:

fil-ħniena tiegħek aħseb f’kull min hu nieqes mill-bżonnijiet tal-ħajja.

Bis-salib u l-qawmien tiegħek int ftaħt it-triq tal-ħajja ta’ dejjem għal kulħadd:

agħti l-hena tas-saltna tiegħek lil ħutna l-mejtin.

 

Missierna

 

Talba

O Alla, int ġbart flimkien nies minn kull ġens, u lkoll qalb waħda faħħru l-isem tiegħek: agħmel li dawk kollha li ħadu t-twelid ġdid fl-ilma tal-Magħmudija jintrabtu ħaġa waħda bejniethom fl-istess stqarrija tal-fidi u fl-istess imġiba ta’ ħajja qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-

ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-

Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

 

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

O Ġesù, Feddej tad-dinja,

inti l-Verb tal-Missier Alla,

dawl minn dawl, li dejjem tishar

fuq il-ħbieb fidili tiegħek.

 

Int li bik issawwru l-ħlejjaq,

u li tagħżel żmien minn ieħor,

lejl ta’ serħ u sliem agħtina,

wara jum tħabrik u ħidma.

 

Int li qridt tad-dlam is-saltna,

għinna nirbħu l-għadu tagħna;

qatta’ x-xbiek li qed jonsbilna,

la tinsiex li b’demmek fdejtna.

 

F’dan iż-żmien qasir li għandna

liebsa t-toqol ta’ ġisimna,

tħalli qatt lil ruħna tongħos

waqt l-irqad meħtieġ tal-ġisem.

 

Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek

fuq il-mewt, Ġesù setgħani;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja lill-Missier....

 

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA                 Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

KANTIKU EVANĠELIKU                 Lq. 2,29-32

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. Hallelujah.

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel. 

Glorja lill-Missier....

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. Hallelujah.

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet; issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu; jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Jew, fi żmien il-Għid

 

Sultana tas-sema, ifraħ, hallelujah,

          għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,

qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal, hallelujah

          itlob ‘l Alla għalina, hallelujah.