1 Għasar   -  1 Kompieta  -  Sejħa  -  Uffiċċju  -  Tifħir  -  Nofs il-Jum  -  Għasar  -  Kompieta

L-ERBGĦA U TLETIN JEW L-AĦĦAR ĦADD TAS-SENA

SIDNA ĠESÙ KRISTU,

SULTAN TAL-ĦOLQIEN KOLLU

 

Solennità

 

Salmodija tal-Ħadd tal-1 ġimgħa

L-1 Għasar

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inti l-Prinċep kbir ta’ dejjem,

is-Sultan tal-ġnus u l-popli,

inti waħdek hu l-Imħallef

tal-fehmiet u l-qlub, o Kristu.

 

Mixħutin quddiemek, l-anġli

jadurawk fil-qtajjatagħhom;

aħna wkoll, b’għajat ta’ glorja,

nistqarruk is-Sultan għoli.

 

O Sultan tas-sliem, ġib taħtek

il-fehmiet li għadhom iebsa,

iġma’, Kristu, f’merħla waħda

lil min tbiegħed minn imħabbtek.

 

Għax għalhekk fuq l-għuda mqaddsa

ftaħt dirgħajk u xerridt demmek;

u ma ftaħtx lil ġenbek b’lanza

ħlief biex turi n-nar ta’ qalbek.

 

 

Hu għalhekk li fuq l-artali

f’xebħ ta’ ħobż u nbid tinħeba,

biex mill-qalb minfuda ssawwab

fuq kulħadd is-salvazzjoni.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li bi mħabbtek tħaddan kollox;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Prinċep tas-sliem jissejjaħ, u t-tron tiegħu jibqa’ sħiħ għal dejjem.

 

Salm 112 (113)

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *

faħħru isem il-Mulej.

Ikun imbierek isem il-Mulej, *

minn issa u għal dejjem! 

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *

ikun imfaħħar isem il-Mulej!

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

 

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †

li qiegħed fl-għoli? *

Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet

     u lejn l-art.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *

u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu, *

mal-kbarat tal-poplu tiegħu.

Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, *

jagħmilha omm ferħana b'uliedha.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqag!al dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 1:  Prinċep tas-sliem jissejjaħ, u t-tron tiegħu jibqa’ sħiħ għal dejjem.

Ant. 2:  Is-saltna tiegħu hi saltna ta’ dejjem; lilu jaqdu s-slaten kollha, u minnu jisimgħu.

 

Salm 116 (117)

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *

sebbħuh, popli lkoll!

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *

il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. 2:  Is-saltna tiegħu hi saltna ta’ dejjem; lilu jaqdu s-slaten kollha, u minnu jisimgħu.

Ant. 3:  Alla ta lil Kristu l-ġieħ u s-setgħa ta’ sultan, biex kull poplu u tribù u lsien jaqduh għal dejjem.

 

Kantiku    (Apok 4:11; 5:9-10, 12)

 

Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi *

        l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, 

 għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * 

        ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu.

 

 Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb *

        u  tikser is-siġilli tiegħu, 

 għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla *

        bnedmin minn kull tribù u lsien, 

 minn kull poplu u ġens,

 u għamilthom għal Alla tagħna  Saltna u Qassisin *

        li għad isaltnu fuq l-art.

 

 Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi †

        l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, *

        l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."

  Glorja.

Ant. 3:  Alla ta lil Kristu l-ġieħ u s-setgħa ta’ sultan, biex kull poplu u tribù u lsien jaqduh għal dejjem.

 

LEZZJONI QASIRA                                                      ara Ef 1:20-23

 

Alla qajjem lil Kristu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, ‘il fuq minn kull saltna u setgħa, minn kull qawwa u ħakma, ‘il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej. U hu qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi l-ġisem tiegħu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Tiegħek il-kobor u s-setgħa. * Tiegħek, Mulej, is-saltna. Tiegħek il-kobor.

V/.  Int taħkem fuq kollox. * Tiegħek, Mulej, is-saltna. Glorja. Tiegħek il-kobor.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb  għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb  għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.

 

PREĊI

 

Kristu hu s-Sultan tal-ħolqien; hu qabel kollox, u kollox bih qiegħed iżomm. Nersqu bil-qima quddiem il-kobor tiegħu u ngħidulu:

Tiġi saltnatek, Mulej.

Kristu, Sultan u Ragħaj tagħna, iġbor f’merħla waħda n-nagħaġ tiegħek mid-dinja kollha:

- qegħedhom fil-mergħat tiegħek ħa jsibu ikel kotran li jsalvahom.

Mexxej u Salvatur tagħna, ħu ħsieb kulħadd fil-poplu tiegħek:

- salva l-qawwija u d-dgħajfa, l-imxerrda u l-mitlufa, l-imbiegħda u ‘l min tilef it-tama.

Imħallef ġust, qegħedna fil-lemin tiegħek meta tagħti s-saltna lil Alla l-Missier:

- agħtina s-saltna mħejjija għalina sa mill-ħolqien tad-dinja.

Prinċep tal-paċi, eqred l-armi tal-gwerra minn fuq l-art kollha:

- tkellem fuq is-sliem mal-ġnus u l-popli.

Int li ħadt il-ġnus b’wirtek, iġbor l-umanità, bit-tajjeb kollu tagħna, fil-Knisja tiegħek, is-saltna li tak il-Missier:

- agħmel li l-bnedmin kollha jagħrfu fik ir-Ras tagħhom fl-għaqda ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Kristu, inti l-kbir fost dawk li raqdu u l-ewwel li qomt mill-imwiet:

- sieħeb lil ħutna l-mejtin fil-glorja tal-qawmien tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

         

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1:  Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

  Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1:  Ħenn għalija, Mulej, u ismatalbi.

Ant.2:  Bierku l-Mulej fil-ljieli.

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2:  Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA     Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom  fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se  timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU                                                      Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.  R/.  Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda 

mill-antifoni tal-Madonna.

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/.  Mulej, iftaħli xufftejja.

R/.  U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

          U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant.  Ġesù Kristu hu s-Sultan tas-slaten: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

Ġesù, Sultan ta’ l-għaġeb,

rebbieħ fuq l-għajb tal-ħtija,

ħlewwa li qatt ma tfissret,

xewqa tal-qlub mifdija.

 

Sultan li rbaħt b’setegħtek

ir-rebħa tar-rebħiet;

Ġesù, minnek il-grazzja,

int l-għaxqa tas-smewwiet.

 

Fis-sema jgħannu l-qtajja’

il-ġieħ tiegħek bla tmiem;

Ġesù, ferraħt id-dinja,

u f’qlubna ġibt is-sliem.

 

Issaltan int bil-paċi

li wisq tixtieq ir-ruħ,

u tħaffef biex tiksibha,

għaliha tħoss il-ġuħ.

 

Ġesù, tax-xebba mbierka

int ġmiel ta’ warda tfuħ:

nagħtuk kull ġieħ u glorja,

imla bis-sliem lir-ruħ. Ammen.

 

 

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Il-Mulej għamilni sultan fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħu, biex inxandar id-digriet tiegħu.

 

Salm 2

 

Għaliex jixxewwxu l-ġnus, *

u l-popli jreddnu għal xejn?

Is-slaten ta' l-art iqumu, †

u l-kbarat jiftiehmu bejniethom *

kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:

"Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, *

u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom!"

 

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, *

il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.

Mbagħad ikellimhom bil-herra, *

bil-qilla tiegħu jkexkixhom:

"Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, *

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!"

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; *

hu qalli: "Ibni int, jien illum nissiltek.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b'wirtek, *

u truf l-art bi priża tiegħek.

B'virġa tal-ħadid int tkissirhom, *

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom."

 

U issa, slaten, ifhmu sewwa; *

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

Aqdu lill-Mulej bil-biża', *

u bir-rogħda riġlejh busu,

li ma jagħdabx u intom tinqerdu, *

għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.

Hienja dawk kollha *

li jistkennu fih!

 

Glorja.

 

Ant. 1:   Il-Mulej għamilni sultan fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħu, biex inxandar id-digriet tiegħu.

Ant. 2:  Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

Salm 71 (72)

 

I

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, *

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, *

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, *

tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.

Hu jħares id-dritt ta' l-imsejknin tal-poplu, *

isalva l-fqajrin u jrażżan 'il min jgħakkishom.

Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; *

kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.

 

Jinżel bħax-xita fuq ir-raba' maħsud, *

bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.

Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja, *

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar, *

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; *

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali; *

is-slaten ta' Xeba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha, *

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

  Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

  u lill-Ispirtu s-Santu.

  Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

  u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 2: Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu.

Ant. 3: Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art; il-popli kollha jgħolluh bit-tifħir.

 

II

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, *

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; *

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; *

demmhom għażiż quddiem għajnejh.

 

Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, *

jingħata lilu deheb ta' Xeba!

Ħa jitolbu għalih dejjem, *

u jberkuh il-jum kollu!

Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, *

jogħla sal-qċaċet ta' l-għoljiet.

Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, *

iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba'.

 

Ismu jibqa' jissemma għal dejjem; *

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art; *

il-popli kollha jsejjħulu hieni. 

Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, *

li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

Imbierek għal dejjem l-isem imsebbaħ tiegħu; *

timtela l-art kollha bis-sebħ tiegħu! Amen! Amen!

  Glorja lill-Missier......

 

Ant. 3: Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art; il-popli kollha jgħolluh bit-tifħir.

 

V/.  Jien għamilt minnek dawl għall-ġnus.

R/.  Biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.

 

 

 

 

LEZZJONI 1

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi      Apok 1:4-6. 10.12. 18; 2:26. 28; 3:5b. 12. 20-21

 

Bin il-bniedem jidher fil-kobor tiegħu

 

Grazzja lilkom u sliem mingħand Dak li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, u minn-naħa tas-seba’ spirti li qegħdin quddiem it-tron tiegħu, u wkoll mingħand Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Darba, f’jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta’ tromba. U jien dort biex nara min kien qiegħed ikellimni u, kif dort, rajt seba’ kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri kien hemm wieħed qisu iben ta’ bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b’sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb; rasu u xuxtu, bajda bħas-suf, ileqqu daqs is-silġ, u għajnejh kienu ġamra nar; kellu saqajh donnhom tal-metall imsoffi ġo forġa, u leħnu bħall-ħoss ta’ ħafna ilmijiet; f’idu l-leminija kellu seba’ kwiekeb, u minn fommu kien ħiereġ sejf misnun miż-żewġ naħat; wiċċu kien jiddi bħax-xemx fl-ewwel tagħha.

Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet f’riġlejh. Iżda hu medd idu fuqi u qalli: “Tibżax: jiena hu l-ewwel u l-aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-mejtin.

Lir-rebbieħ, lil dak li jħares sa l-aħħar l-opri tiegħi, nagħtih setgħa fuq il-ġnus, l-istess kif jien ukoll ħadt is-setgħa mingħand Missieri; u nagħtih ukoll il-Kewkba ta’ filgħodu. U mhux talli ma nħassarlux ismu minn ktieb il-ħajja, imma nistqarrlu ismu quddiem Missieri u quddiem l-Anġli tiegħu. Ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-Tempju ta’ Alla tiegħi, minn fejn qatt iżjed ma joħroġ; u fuqu nonqox isem Alla tiegħi, isem il-Belt ta’ Alla tiegħi, Ġerusalemm il-ġdida li nieżla mis-sema mingħand Alla tiegħi, u wkoll l-isem il-ġdid tiegħi.

Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi, l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu”.

 

 

 

RESPONSORJU                                                      Mk 13:26-27; Salm 97(98):9b

 

R/.  Jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. Mbagħad jibgħat l-anġli biex * Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

V/.   Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa. * Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

 

 

LEZZJONI II

 

Qari mill-Ktejjeb fuq it-talb, ta’ Oriġene. saċerdot

 

Tiġi saltnatek

 

          Is-Salvatur Sidna qalilna li s-saltna ta’ Alla ma tiġix b’mod li nistgħu nħarsu lejha, anqas ma ngħidu ‘Hawn hi’, jew ‘Hemm hi’; is-saltna ta’ Alla qiegħda fina, għax il-kelma qiegħda ħdejna, f’fommna u f’qalbna. Ladarba hu hekk, ma hemmx dubju li min jitlob biex tiġi s-saltna ta’ Alla jkun jitlob sewwa għal dik is-saltna ta’ Alla li għandu ġo fih, biex tikber u tagħmel il-frott u sseħħ. Alla jsaltan f’kull wieħed mill-qaddisin, u kull qaddis joqgħod għall-liġijiet spiritwali ta’ Alla li jgħammar fih qisu f’belt amministrata tajjeb. Il-Missier ukoll ikun fih, u Kristu jsaltan flimkien mal-Missier f’dik ir-ruħ perfetta, kif qal hu: Niġu għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu.

          Jekk aħna nibqgħu miexja dejjem ‘il quddiem, is-saltna ta’ Alla, li qiegħda fina, isseħħ għalkollox, meta jseħħ dak li qal l-Appostlu, jiġifieri, meta Kristu jġib l-għedewwa kollha taħtu u mbagħad jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, sabiex Alla jkun kollox f’kollox. Għalhekk mela, bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna, intennu bla waqfien dik it-talba divina li l-Verb għallimna, u ngħidu lil Missierna li hu fis-smewwiet: Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek.

          Irridu nqisu wkoll li, bħalma l-ġustizzja u l-ħażen ma għandhomx x’jaqsmu bejniethom, u kif ma hemmx xirka bejn id-dawl u d-dlam u ebda ftehim bejn Kristu u Beljar, hekk is-saltna ta’ Alla ma tistax toqgħod mas-saltna tad-dnub.

          Mela jekk irridu li Alla jsaltan fina, jeħtieġ li b’ebda mod ma nħallu d-dnub isaltan f’dan il-ġisem tagħna li jmut, iżda mmewwtu l-membri tagħna u dak kollu li hu ta’ l-art, biex nagħmlu l-frott ta’ l-Ispirtu; hekk Alla jimxi ġewwa fina bħallikieku f’Għeden spiritwali, u jsaltan fuqna hu waħdu flimkien ma’ Kristu, li joqgħod fina fil-leminija tal-qawwa ta’ Alla li nixtiquha fina; u joqgħod sa ma l-għedewwa kollha tiegħu, li jinsabu fina, isiru mirfes taħt riġlejh, wara li fina jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa.

          Tassew, dan kollu jista’ jiġri f’kull wieħed minna sa ma jinqered l-aħħar għadu, il-mewt, biex Kristu jgħid fina: Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek? Infittxu mela li, minn issa stess dan il-ġisem tagħna li jitħassar jilbes il-qdusija u n-nuqqas ta’ taħsir, ħa jxejjen lill-mewt u jikseb l-immortalità tal-Missier, u Alla jsaltan fina li nkunu mtlejna bil-ġid tat-tiġdid u l-qawmien għall-ħajja.

 

RESPONSORJU                                            Apok 11:15b; Salm 21(22):28b-29a

 

R/.  Is-saltna tad-dinja saret ta’ Sidna u l-Messija tiegħu; * U hu se jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.  

V/.  Quddiem il-Mulej jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus, għax tal-Mulej hi s-saltna. * U hu se jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

          Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

          Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

          Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

          bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

          Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

          l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

          il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

          ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

          u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

          fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

          li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

          li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

          fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

          bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

          erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

          u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

          inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

          kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

          ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

 

TALBA

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej.

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Int kont qabel ma tnissel

u twieled il-ħolqien:

inti s-Sultan tas-slaten,

inti s-Sid tas-sidien.

 

Minn żmien għall-ieħor, Kristu,

il-ġnus mexxejthom int:

ġarraft il-qawwa mkabbra,

il-ħaqq u l-jedd weżint.

 

Billi l-kobor ta’ nislek

fil-faqar tagħna ħbejt,

u bħal ħaddiem u fqajjar

qalb il-fqajrin imxejt,

 

ma fehmitekx id-dinja,

daħħlitek fit-tiġrib,

b’sultan tad-daħk għaddietek,

sammritek fuq salib.

 

Iżd’int mill-għuda mbierka

li fuqha kont mislub

ħaddant id-dinja ħatja

u sirt Sultan tal-qlub.

 

Ħa tqimek, mela, d-dinja,

għax int Sultan ħanin,

u tibqa’ l-ħniena tiegħek

sa kemm itulu s-snin. Ammen.  

 

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:  Araw il-bniedem li jismu Fergħa; ġej biex jaħkem, u jitkellem fuq is-sliem mal-ġnus.

 

Salm 62 (63), 2-9

 

Alla, Alla tiegħi int; *

lilek ħerqan infittex.

Ruħi bilgħatx għalik, †

għalik imxennaq jiena, *

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. 

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *

ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,

meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax int kont għajnuna għalija, *

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

Miegħek tingħaqad ruħi, *

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

Ant. 1:   Araw il-bniedem li jismu Fergħa; ġej biex jaħkem, u jitkellem fuq is-sliem mal-ġnus.

Ant. 2:   Is-setgħa tiegħu tasal sat-trufijiet ta’ l-art; u dan ikun is-sliem.

 

Kantiku           (Dan 3,57-88.56)

 

Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku, smewwiet, il-Mulej.

Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *

bierku, setgħat kollha, il-Mulej.

Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *

bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.

 

Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *

bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.

Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *

bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.

Bierku, nida u borra, il-Mulej; *

bierku, silġ u bard, il-Mulej.

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *

bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *

bierku, beraq u sħab, il-Mulej.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej, *

ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *

bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.

Bierku, għejun, il-Mulej; *

bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.

Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *

bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.

Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *

bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.

 

Bierek, Iżrael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *

bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.

Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *

bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.

Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh għal dejjem.

Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *

infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, fil-wisakollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.

 

Ant. 2:   Is-setgħa tiegħu tasal sat-trufijiet ta’ l-art; u dan ikun is-sliem.

Ant. 3:   Il-Mulej tah is-setgħa u l-ġieħ u s-saltna, biex kull poplu u tribù u lsien jaqduh.

 

Salm 149

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħuħ

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhomħ

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu, *

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *

u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,

biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *

u jagħtu l-kastig lill-popli,

jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *

bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,

jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.

 

Ant. 3:   Il-Mulej tah is-setgħa u l-ġieħ u s-saltna, biex kull poplu u tribù u lsien jaqduh.

 

LEZZJONI QASIRA                                                                       Ef 4:15-16

 

Waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba, nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu, li fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu, permezz ta’ l-għekiesi kollha li jservuh skond il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  Mulej, il-ħbieb tiegħek kollha * Ixandru l-glorja ta’ saltnatek. Mulej.

V/.  Fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. * Ixandru l-glorja ta’ saltnatek. Glorja. Mulej.

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

    Il-kbir fost il-mejtin u l-prinċep tas-slaten tad-dinja għamilna saltna għal Alla Missieru, hallelujah.

    

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqagħal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

    Il-kbir fost il-mejtin u l-prinċep tas-slaten tad-dinja għamilna saltna għal Alla Missieru, hallelujah.

 

PREĊI 

 

Kristu hu s-Sultan tal-ħolqien; hu qabel kollox, u kollox bih qiegħed iżomm. Nersqu bil-qima quddiem il-kobor tiegħu u ngħidulu:   

Tiġi saltnatek, Mulej.

Kristu Salvatur, int Alla Sidna, is-Sultan u r-Ragħaj tagħna:

- irgħa l-poplu tiegħek u agħtih il-ħajja.

Inti r-Ragħaj it-tajjeb u tajt ħajtek għan-nagħaġ tiegħek:

- mexxina int, u xejn ma jkun jonqosna.

Feddej tagħna, il-Missier għamlek sultan fuq l-art kollha:

- ġedded kollox bis-setgħa u l-qawwa tiegħek.

Sultan tal-ħolqien kollu, int ġejt fid-dinja ħa tixhed għall-verità:

- wassal lil kulħadd biex jagħraf li int l-ewwel u qabel kollox.

Mgħallem u mudell tagħna, int daħħaltna fis-saltna tiegħek:

- agħmel li ngħaddu din il-ġurnata bil-qdusija, bla tebgħa u bla għajb quddiemek.

 

Missierna

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

Ant. Il-Mulej l-imħallef tagħna, il-Mulej il-leġislatur tagħna, il-Mulej is-sultan tagħna; hu jsalvana.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, u l-Mulej ikun sultan fuq l-art kollha.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant. Kbira tkun saltnatu, u s-sliem bla qjies.

 

Salm 117 (118)

 

I

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

          u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-kbarat.

Glorja.

 

II

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi, †

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

 

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

          iżda ma telaqnix għall-mewt.

Glorja.

III

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

 

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; *

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni, bil-friegħi f'idejkom, *

sa ħdejn l-artal.

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Glorja.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

Ant. Il-Mulej l-imħallef tagħna, il-Mulej il-leġislatur tagħna, il-Mulej is-sultan tagħna; hu jsalvana.

 

 

 

 

 

LEZZJONI QASIRA                                                                   ara Kol 1:12-13

 

Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż.

 

V/.  Isaltan il-Mulej għal dejjem.

R/.  Ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu.

 

 

F’Nofsinhar

 

Ant. Minn Ġerusalemm joħroġ ilma ġieri, u l-Mulej ikun sultan fuq l-art kollha.

 

LEZZJONI QASIRA                                                                        Kol 1:16b-18

 

Kollox bih u għalih kien maħluq, hu qabel kollox, u kollox fih qiegħed iżomm. Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja; hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.

 

V/.  Għannu lis-sultan tagħna, għannu.  

R/.  Għax hu s-sultan ta’ l-art kollha.

 

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

Ant. Kbira tkun saltnatu, u s-sliem bla qjies.

 

LEZZJONI QASIRA                                                                 Kol 1:19-20

 

Fih għoġobha tgħammar il-milja kollha tad-divinità, bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu, u bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

 

V/.  Għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan.

R/.  Għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.

 

 

 

 

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

Inbierku l-Mulej

R/.  Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/.  O Alla, ejja eħlisni.

R/.  Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Inti l-Prinċep kbir ta’ dejjem,

is-Sultan tal-ġnus u l-popli,

inti waħdek hu l-Imħallef

tal-fehmiet u l-qlub, o Kristu.

 

Mixħutin quddiemek, l-anġli

jadurawk fil-qtajja tagħhom;

aħna wkoll, b’għajat ta’ glorja,

nistqarruk is-Sultan għoli.

 

O Sultan tas-sliem, ġib taħtek

il-fehmiet li għadhom iebsa,

iġma’, Kristu, f’merħla waħda

lil min tbiegħed minn imħabbtek.

 

Għax għalhekk fuq l-għuda mqaddsa

ftaħt dirgħajk u xerridt demmek;

u ma ftaħtx lil ġenbek b’lanza

ħlief biex turi n-nar ta’ qalbek.

 

Hu għalhekk li fuq l-artali

f’xebħ ta’ ħobż u nbid tinħeba,

biex mill-qalb minfuda ssawwab

fuq kulħadd is-salvazzjoni.

 

Glorja lilek, Kristu Sidna,

li bi mħabbtek tħaddan kollox;

mal-Missier u ma’ l-Ispirtu,

ġieħ jintraddlek, issa w dejjem. Ammen.

 

 

SALMODIJA

 

Ant. 1:   Hu joqgħod għal dejjem fuq it-tron ta’ David fis-saltna tiegħu, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

      aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Ant. 1:  Hu joqgħod għal dejjem fuq it-tron ta’ David fis-saltna tiegħu, hallelujah.

Ant. 2:  Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għall-nisel il-ħakma tiegħek.

 

Salm 144 (145)

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, *

u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.

Kuljum irrid inbierkek, *

u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.

 

Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, *

bla tarf il-kobor tiegħu.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, *

u s-setgħa tiegħek ixandru.

 

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,  *

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.

Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; *

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, *

jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej, *

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, *

tjubitu fuq kull ma għamel.

Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej; *

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, *

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,

biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, *

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, *

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.

  Glorja.

 

Ant. 2:  Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għall-nisel il-ħakma tiegħek.

Ant. 3:  Fuq il-libsa u fuq ġenbu għandu miktub: Sultan tas-slaten u Sid is-sidien. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem!

 

Kantiku     ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah  (hallelujah).

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

intom li tibżgħu minnu,iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah  (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah  (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah  (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3:  Fuq il-libsa u fuq ġenbu għandu miktub: Sultan tas-slaten u Sid is-sidien. Lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem!

 

LEZZJONI QASIRA                                                                1 Kor 15:25-28

 

 Jeħtieġ li Kristu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered, il-mewt; għaliex Alla qiegħed kollox taħtu, jidher ċar li barra dak li qegħedlu kollox taħtu. U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, mbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt dak li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/.  It-tron tiegħek, o Alla, * Għal dejjem ta’ dejjem. It-tron.

V/.  Xettru tas-sewwa hu x-xettru ta’ saltnatek. * Għal dejjem ta’ dejjem. Glorja. It-tron.

 

 

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Lil Kristu ġiet mogħtija kull setgħa fis-sema u fl-art, hallelujah.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Lil Kristu ġiet mogħtija kull setgħa fis-sema u fl-art, hallelujah.

 

PREĊI

 

Kristu hu s-Sultan tal-ħolqien; hu qabel kollox, u kollox biex qiegħed iżomm. Nersqu bil-qima quddiem il-kobor tiegħu u ngħidulu:

Tiġi saltnatek, Mulej.

Kristu, Sultan u Ragħaj tagħna, iġbor f’merħla waħda n-nagħaġ tiegħek mid-dinja kollha:

- qegħedhom fil-mergħat tiegħek ħa jsibu ikel kotran li jsalvahom.

Mexxej u Salvatur tagħna, ħu ħsieb kulħadd fil-poplu tiegħek:

- salva l-qawwija u d-dgħajfa, l-imxerrda u l-mitlufa, l-imbiegħda u ‘l min tilef it-tama.

Imħallef ġust, qegħedna fil-lemin tiegħek meta tagħti s-saltna lil Alla l-Missier:

- agħtina s-saltna mħejjija għalina sa mill-ħolqien tad-dinja.

Prinċep tal-paċi, eqred l-armi tal-gwerra minn fuq l-art kollha:

- tkellem fuq is-sliem mal-ġnus u l-popli.

Int li ħadt il-ġnus b’wirtek, iġbor l-umanità, bit-tajjeb kollu tagħha, fil-Knisja tiegħek, is-saltna li tak il-Missier:

- agħmel li l-bnedmin kollha jagħrfu fik ir-Ras tagħhom fl-għaqda ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Kristu, inti l-kbir fost dawk li raqdu u l-ewwel li qomt mill-imwiet:

- sieħeb lil ħutna l-mejtin fil-glorja tal-qawmien tiegħek.  

 

Missierna

Talba

 

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, 

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, 

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. 

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, 

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, 

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Amen.

 

Jew

II. Issir l-istedina għall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, 

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Amen.

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU                                                      Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Amen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. 

R. Amen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda 

mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.