IT-TMINTAX IL-ĦADD MATUL IS-SENA

 

Salmodija tal-Ħadd tat-II ġimgħa

 

L-1 GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla, għajn tal-ħlejjaq kollha,

kif temmejt l-għemejjel tiegħek,

inti mlejt id-dinja kollha

b’ġabra ta’ kull ġmiel u żîna.

 

Rajt li kollox tajjeb ħafna

u lis-seba’ jum qaddistu;

fih waqaft mill-ħidma tiegħek,

u ridt lilna nqaddsuh f’ġieħek.

 

F’dan il-jum li int innifsek,

ħtart għalik, Mulej naddafna

minn ħtijietna, biex noffrulek

tifħir xieraq kif jistħoqqlok.

 

Żejjen b’kull virtù lil ruħna,

il-ġid tiegħek sawwab fina,

biex kif jasal jum l-Imħallef,

lesti jsibna, fis-sliem miegħek.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Musbieħ għal riġlejja kelmtek, Mulej, hallelujah.

 

 Salm 118 (119):105-112

 

XIV (Nun)

 

Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, *

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti, *

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

 

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; *

agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.

Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, *

u għallimni d-digrieti tiegħek.

 

Ħajti dejjem fit-tiġrif, *

imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.

Il-ħżiena nasbuli x-xibka, *

imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; *

huma l-għaxqa ta' qalbi.

Inħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, *

għal dejjem u sa l-aħħar.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Musbieħ għal riġlejja kelmtek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Mulej, int timlieni bil-ferħ quddiemek, hallelujah.

 

Salm 15 (16)

 

Ħarisni, o Alla, *

għax fik jien nistkenn.

 

Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi; *

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; *

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

 

L-hemm tagħhom ikattru *

dawk li jaħtru allat oħra.

Ma nsawwabx bħalhom id-demm b'sagrifiċċju, *

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, *

inti żżomm f'idejk xortija.

Il-kejl tani art li tgħaxxaq, *

messni sehem tassew għal qalbi.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma; *

mqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi, *

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, *

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, *

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; †

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, *

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Mulej, int timlieni bil-ferħ quddiemek, hallelujah.

Ant. 3: Fl-isem ta’ Ġesù, sew fis-sema sew fl-art, kulħadd jinżel għarkubbtejh, hallelujah.

 

Kantiku (Fil 2, 6-11)

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla, *

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

imma tneżża’ minn kollox, billi ħa n-natura ta’ lsir, †

 sar jixbah lill-bniedem *

 u deher minn barra bħala bniedem:

Ċekken lilu nnifsu, †

billi obda sal-mewt, *

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet, *

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù, †

fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, *

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr: †

“Ġesù Kristu hu l-Mulej *

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”

 

Ant. 3: Fl-isem ta’ Ġesù, sew fis-sema sew fl-art, kulħadd jinżel għarkubbtejh, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Kol 1:2b-6a

 

 Il-grazzja lilkom u s-sliem minn Alla, il-Missier tagħna! Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu għalikom, għax smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù, u l-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, minħabba t-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, u li intom diġà smajtu biha meta tħabbritilkom il-kelma tas-sewwa tal-Bxara t-tajba. Din il-Bxara qiegħda tikber u tagħti l-frott fid-dinja kollha, bħalma għamlet s’issa fostkom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha, * Ikun imfaħħar isem il-Mulej. Minn tlugħ.

V/. Ogħla mis-smewwiet hu sebħu. * Ikun imfaħħar isem il-Mulej. Glorja. Minn tlugħ.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Billi nġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn dawn in-nies”.

 

Sena B

Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Sena Ċ

Ħarsu rwieħkom minn kull regħba għax ħajtek ma tiddependix mill-ġid li jkollok.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Billi nġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn dawn in-nies”.

 

Sena B

Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

 

Sena Ċ

Ħarsu rwieħkom minn kull regħba għax ħajtek ma tiddependix mill-ġid li jkollok.

 

PREĊI

 

Alla jgħin u jħares lill-poplu li hu għażel b’wirtu, biex iżommu dejjem fl-hena. Niżżuh ħajr u, biex ma ninsew qatt it-tjieba tiegħu, intennulu:

 Fik, Mulej, inqiegħdu t-tama tagħna.

Missier ħanin, nitolbuk għall-Papa u għall-Isqof tagħna:

- ħarishom u qaddishom bil-qawwa tiegħek.

Agħmel li l-morda jagħrfu li għandhom sehem mis-sofferenzi ta’ Kristu:

- ħa jħossu dejjem li jaqsmu miegħu wkoll fil-faraġ.

Ħares bit-tjieba lejn min ma għandux saqaf fejn jistkenn:

- agħmel li jsibu dar xierqa ta’ bnedmin li huma.

Bierek ir-raba’ tagħna b’kotra ta’ frott sħiħ u bnin:

- ipprovdi lil kulħadd il-ħobż ta’ kull jum.

Bit-tjieba kbira tiegħek ilqa’ lil ħutna l-mejtin:

- qegħedhom għal dejjem fid-dar tiegħek tas-sema.

 

Missierna

 

Talba

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kull ma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

 

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA L-I GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

 

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

 

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

 

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 4

 

Radd ta’ ħajr

 

Il-Mulej wera tjieba kbira ma’ dak li hu qajjem mill-imwiet. (S. Wistin)

 

Weġibni, meta nsejjaħlek, *

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, *

ħenn għalija u isma' talbi.

 

Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? *

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; *

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

 

Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; *

aħsbu f'qalbkom bil-lejl, u isktu! 

Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, *

u ittamaw fil-Mulej.

 

Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" *

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

Int nissilt l-hena f'qalbi, *

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, *

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant.1: Ħenn għalija, Mulej, u isma’ talbi.

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Salm 133 (134)

 

It-talb ta’ filgħaxija fit-tempju

 

Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar. (Apok 19:5)

 

Ejjew, bierku l-Mulej, †

qaddejja kollha tal-Mulej, *

intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.

Erfgħu idejkom lejn it-tempju, *

u bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Ibierkek il-Mulej minn Sijon, *

hu li għamel is-sema u l-art!

Glorja.

 

Ant.2: Bierku l-Mulej fil-ljieli.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Dewt 6:4-7

 

Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum ; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom, sew meta tkun f'darek, sew meta timxi barra t-triq, sew meta tkun se timtedd, u sew meta tqum.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Ejja żurna, Mulej, f’dan il-lejl li ġej fuqna, biex għada mas-sebħ inqumu bil-qawwa tiegħek, u nifirħu bil-qawmien ta’ Kristu Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. R/. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

 

 

 

IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA

 

V/. Mulej, iftaħli xufftejja.

R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

 

Salm 94 (95)

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr,

ngħannulu b'għajat ta' ferħ.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F'idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b'idejh saret.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!

"La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba,

bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;

u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu,

u triqati ma jagħrfux.'

Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:

Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!"

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

 U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. Aħna l-poplu tal-Mulej u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu: ejjew nadurawh.

 

 

 

 

UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

 

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.

 

INNU

 

I. Billejl jew kmieni ma’ sbiħ il-jum

Fis-sigħat tal-lejl ninġabru

biex, kif jgħallem il-Profeta,

nerfgħu qlubna ‘l fuq lejn Alla

ħa nfaħħruh għall-kobor tiegħu.

 

Nagħtu glorja ‘l-Missier għoli,

‘l Ibnu w lill-Ispirtu s-Santu,

Trinità qaddisa w hienja t’Alla

t’Alla wieħed jista’ kollox.

 

Iżda l-poplu t’Alla ħeles,

l-anġlu għadda minn quddiemhom

bla ma messhom, għaliex lemaħ

is-sinjal tad-demm fi djarhom.

 

F’dak il-lejl ta’ qerda ġarrab

niket kbir l-Eġittu kollu;

Iżrael, bid-demm li nxtered

mill-ħaruf, sab l-hena tiegħu.

 

Iżrael tassew hu aħna;

fik, Mulej, insibu l-hena,

għax demm Kristu l-ħarsien tana

mill-għedewwa w minn kull ħażen.

 

Sultan twajjeb, int mexxina

lejn is-saltna mbierka tiegħek,

fejn ninġabru lkoll madwarek

b’għana ta’ tifħir għal dejjem. Ammen.

 

II Matul il-jum

Insellmulek, jum ta’ glorja,

jum ir-rebħa ta’ min fdiena,

jum ta’ ferħ, qaddis u mbierek,

 jum ewlieni.

 

F’dan il-jum, li dawwal l-għomja,

Kristu ġieb fix-xejn lill-għadu,

qered b’mewtu l-mewt, u ġedded

 kollox f’Alla.

 

Alla l-ġust fl-imgħoddi xeħet

kollox taħt id-dnub, biex jagħti

maħfra w grazzja lil min jemmen

 f’Ġesù Ibnu.

 

Meta d-dinja kienet miexja

fit-telfien bi ħtija tagħha,

Kristu, l-għerf u l-qawwa t’Alla,

 miet għalina.

 

Iżda qam rebbieħ mill-qabar,

u, fil-ferħ tal-ħajja l-ġdida,

refa’ lejn is-sema n-nagħġa

 li ntilfitlu.

 

Reġgħet l-art fis-sliem ta’ l-anġli,

reġgħu fostna l-ħaqq u s-sewwa,

b’ġieħ u sebħ ta’ min fetħilna

 triq il-hena.

 

Ma’ l-għanjiet ħelwin tas-sema

tinseġ innu ommna l-Knisja;

aħna wliedha ntennu magħha:

 Hallelujah.

 

Lill-Missier ħanin infaħħru,

radd ta’ ħajr lil Ibnu Sidna,

glorja w qawwa lill-Ispirtu,

 issa w dejjem. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Mulej, Alla tiegħi, bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, bid-dawl, bħal mantell, inti mkebbeb, hallelujah.

 

Salm 103 (104)

 

I

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! *

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, *

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda, *

waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, *

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, *

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.

 

Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, *

b'mod li qatt ma titħarrek;

bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; *

u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.

 

Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; *

malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.

Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; *

posthom, li int tajthom, jieħdu.

Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżejtilhom, *

biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.

 

L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, *

u huma jiġru qalb l-għoljiet.

Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', *

u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.

Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, *

minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.

Glorja.

 

Ant. 1: Mulej, Alla tiegħi, bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes, bid-dawl, bħal mantell, inti mkebbeb, hallelujah.

Ant. 2: Il-Mulej ħareġ il-ħobż mill-art, u nbid li jferraħ qalb il-bniedem, hallelujah.

 

II

 

Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, *

u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.

Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, *

u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem,

biex joħroġ il-ħobż mill-art, *

inbid li jferraħ qalb il-bniedem,

żejt li jsebbħilhom wiċċhom, *

u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.

 

Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, *

iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.

Fihom ibejjtu l-għasafar, *

iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.

Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, *

l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.

 

Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, *

u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.

Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; *

fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.

Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, *

jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.

Malli titla' x-xemx jinġabru, *

fl-għerien tagħhom jitgeddsu.

U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, *

u jibqa' jaħdem sa filgħaxija. 

 Glorja.

 

Ant.2: Il-Mulej ħareġ il-ħobż mill-art, u nbid li jferraħ qalb il-bniedem, hallelujah.

Ant.3: Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna, hallelujah.

 

III

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! †

Kollha bl-għerf għamilthom; *

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, †

li fih jimraħ ħut bla għadd; *

bhejjem żgħar u bhejjem kbar.

Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu; *

fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha *

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru; *

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; †

jekk teħdilhom nifishom, imutu, *

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat l-ispirtu tiegħek, jinħolqu, *

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! *

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; *

kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.

Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, *

indoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, *

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.

 

Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, †

u jgħibu l-ħżiena, *

 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.

 Glorja.

 

Ant. 3: Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew ħafna, hallelujah.

 

V/. Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw.

R/. Henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.

 

LEZZJONI 1

 

Bidu tal-Ktieb tal-Profeta Għamos Għam 1:1-2:3

 

Il-ħaqq tal-Mulej għall-ġnus

 

Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja ta' Tekuwa, dwar dak li ra għal Iżrael fi żmien Għużżija, sultan ta' Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam, bin Ġowas, sultan ta' Iżrael, sentejn qabel it-theżhiża ta’ l-art.

Hu qal:

 "Il-Mulej iriegħed minn Sijon,

u jsemma' leħnu minn Ġerusalemm;

tnikket il-ħdura tar-raba’ tar-rgħajja

u nixfet il-quċċata tal-Karmel.

Dan jgħid il-Mulej:

"Għal tliet dnubiet ta' Damasku,

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għax dirsu ‘il Gilgħad bi xtabi tal-ħadid;

nibgħat in-nar fid-dar ta' Ħażajel

u jeqred il-palazzi ta' Benħadad;

nkisser l-istaneg ta' Damasku

u neqred lil dawk li jgħammru f'wied Awen

u 'l dak li jżomm ix-xettru f'Bet-għeden;

u l-poplu tas-Sirja jittieħed f'Kir’,

jgħid il-Mulej.

Dan jgħid il-Mulej:

‘Għal tliet dnubiet ta' Gaża,

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ

biex jagħtuh f'idejn Edom;

nibgħat in-nar fuq is-swar ta' Gaza,

u jeqred il-palazzi tagħha kollha;

neqred lil dawk li jgħammru f'Asdod

u 'l dak li jżomm ix-xettru f'Askalon;

u ndawwar idejja għal fuq Ekron,

u jintemmu l-fdal tal-Filistej’,

jgħid il-Mulej Alla.

Dan jgħid il-Mulej:

"Għal tliet dnubiet ta' Tir,

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ

biex jagħtuh f'idejn Edom,

u ma ftakrux fil-patt ta' l-aħwa;

nibgħat in-nar fuq is-swar ta' Tir,

u jeqred il-palazzi tagħha."

Dan jgħid il-Mulej;

‘Għal tliet dnubiet ta' Edom

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għaliex għamel għal ħuh bis-sejf,

u warrab kull ħniena,

u żamm għadbu għal dejjem,

u l-qilla tiegħu wettaqha sa l-aħħar;

għalhekk nibgħat in-nar f'Teman

u jeqred il-palazzi ta' Bosra."

Dan jgħid il-Mulej:

"Għal tliet dnubiet ta' wlied Għammon,

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għaliex ċarrtu beraħ ħdan in-nisa tqal ta' Gilgħad,

biex iwessgħu trufijiet arthom;

inqabbad in-nar fuq is-swar ta' Rabba,

u neqred il-palazzi tagħha

b'għajat f'jum it-taqbida,

u b'tempesta f'jum ir-riefnu,

u s-sultan tagħhom imur fl-eżilju,

hu u l-prinċpijiet tiegħu miegħu’,

jgħid il-Mulej.

Dan jgħid il-Mulej:

"Għal tliet dnubiet ta' Mowab,

- erbgħa anzi - ma nreġġax lura kelmti,

għaliex ħarqu rmied l-għadam tas-sultan ta' Edom;

nibgħat in-nar f'Mowab,

u jeqred il-palazzi ta' Kirjot,

u Mowab imut fost l-għajat

u l-għagħa u d-daqq tat-tromba;

neqred minn nofsha 'il min jaħkimha,

u miegħu noqtol il-prinċpijiet tagħha kollha’,

jgħid il-Mulej.

 

RESPONSORJU Salm 9:8b. 9; Għam 1:2a

 

R/. Il-Mulej iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu; hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, * Jiġġudika l-popli bis-sewwa.

V/. Il-Mulej iriegħed minn Sijon u jsemma’ leħnu minn Ġerusalemm, * Jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

LEZZJONI II

 

Bidu ta’ l-Ittra hekk imsejjħa ta’ Barnaba

 

It-tama tal-ħajja bidu u tmiem tal-fidi tagħna

Sliem għalikom, ulied bniet u subjien, f’isem il-Mulej li ħalaqna, sliem għalikom. Tassew kbir u għani d-don tal-ġustifikazzjoni li Alla takom, u għalhekk nifraħ fuq li nifraħ, aktar milli għal kull ħaġa oħra, għall-hena u l-ġieħ li bihom intom imżejjna fi rwieħkom. Daqshekk fil-fond għamlet għeruq f’ruħkom il-grazzja ta’ l-Ispirtu li rċevejtu. Għalhekk nifirħilkom aktar bil-qalb, għaliex inqawwi fija t-tama tas-salvazzjoni, meta nara msawwab fikom minn Alla, fl-għana bla qjies tiegħu, l-Ispirtu bil-kotra. Daqshekk għaġġbitni d-dehra tagħkom, li kont ili tant nixtieq. Jiena żgur, anzi nħoss li minn dak iż-żmien li kellimtkom l-aħħar jien tgħallimt ħafna; il-Mulej mexa miegħi fit-triq tal-ġustizzja, u għalhekk inħossni mġiegħel inħobbkom aktar minn ħajti stess, għax kbira ħafna hi l-fidi u l-imħabba tagħkom minħabba t-tama tal-ħajja li Alla wegħedna. Qed jiġini l-ħsieb li, jekk l-interess tiegħi għalikom iwassalni biex ngħidilkom xi ħaġa minn dak kollu li tgħallimt, dan se jkun ta’ siwi kbir għalija, għaliex inkun qed naqdi nies li qegħdin jgħixu ħajja verament spiritwali; għalhekk iddeċidejt li niktbilkom fil-qasir, biex flimkien mal-fidi tagħkom ikollkom ukoll tagħlim sħiħ. Tlieta huma l-veritajiet ewlenin li għallimna l-Mulej: it-tama tal-ħajja ta’ dejjem hi l-bidu u t-tmiem tal-fidi tagħna; il-qdusija hi l-bidu u t-tmiem ta’ kull ġustizzja; l-imħabba hi x-xhieda ta’ l-għemejjel kollha tal-qdusija, magħmulin b’ferħ u hena. Permezz tal-profeti l-Imgħallem għarrafna bl-imgħoddi u bl-issa, u tana li ngawdu wkoll l-ewwel frott tal-ġejjieni. U meta naraw li kollox isir bl-ordni, kif qal, aħna nersqu lejh bil-biża’ tiegħu aktar għonja u aktar imħeġġa. Jiena, mhux bħala mgħallem fuqkom iżda bħala wieħed minnkom, ngħidilkom xi ftit ħsibijiet tiegħi ħa jferrħukom fil-qagħda li fiha ninsabu f’dawn iż-żminijiet. Ħżiena huma l-jiem, u min jagħmel il-ħażin qiegħed minn fuq, għalhekk aħna jeħtiġilna naraw sewwa u nimmeditaw tajjeb dak li jitlob minna l-Mulej. Il-biża’ ta’ Alla u s-sabar jgħinu l-fidi tagħna; ir-rassenjazzjoni u l-kontroll tagħna nfusna jgħinu wkoll: sakemm dawn il-virtujiet jibqgħu bla mittiefsa f’dak kollu li hu ta’ Alla, magħhom ikollhom l-għerf, il-fehma, ix-xjenza u t-tagħlim. Permezz tal-profeti kollha l-Mulej uriena ċar li hu ma jeħtieġx sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr, u sagrifiċċji tal-ħruq u offerti, meta qal: X’inhuma għalija l-ħafna sagrifiċċji tagħkom, jgħid il-Mulej. Offerti ta’ kbiex maħruqa għandi, kif ukoll xaħam ta’ għoġiela msemmna; jiena ma rridx id-demm tal-barrin u tal-ħrief u tal-bdabad. Meta tiġu għandi u tidhru quddiemi min talabhulkom dan, li tirfsu fil-btieħi tat-tempju tiegħi?Tkomplux tiġuni b’offerti fiergħa, id-dħaħen tagħkom ma naħmilhomx, il-festi tal-qamar ġdid, u s-sibt.

 

RESPONSORJU Gal 2:16; Ġen 15:6

 

R/. Aħna nafu li l-bniedem ma jkunx ġustifikat ħlief bil-fidi f’Ġesù Kristu. * Aħna lkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġustifikati fil-fidi fi Kristu.

V/. Abraham emmen lill-Mulej, u l-Mulej għaddulu b’ġustizzja. * Aħna lkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġustifikati bil-fidi fi Kristu.

 

INNU LILEK, O ALLA, INFAĦĦRU.

 

Lilek, o Alla, infaħħru: * lilek b’Mulej nistqarru.

Lilek Missier ta’ dejjem, * id-dinja kollha tqimek.

Lilek l-anġli kollha, *

Lilek is-smewwiet u l-qawwiet kollha tagħhom,

Lilek il-kerubini u s-serafini *

Ixandruk bla heda:

 

Qaddis, * Qaddis, * Qaddis *

Il-Mulej Alla ta’ l-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

Il-ġemgħa glorjuża ta’ l-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Lilek ifaħħru *

il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollhom bjuda.

Mad-dinja kollha * il-Knisja mqaddsa tistqarr fik:

il-Missier * ta’ kobor bla qjies

l-Iben tiegħek miqjum, * veru u waħdieni

u l-Ispirtu s-Santu, * id-Difensur

 

Kristu, * inti s-Sultan glorjuż.

Inti minn dejjem * Bin il-Missier.

Int, biex teħles lill-bniedem, *

 ma stmerrejtx tinżel f’ġuf ta’ Verġni.

Int ħriġt rebbieħ fuq is-setgħa tal-mewt, *

 u ftaħt is-saltna tas-smewwiet għal min jemmen.

Int qiegħed fil-leminija ta’ Alla, *

 fis-sebħ tal-Missier.

Aħna nemmnu *

 li int għad terġa’ tiġi bħala mħallef.

Nitolbuk għalhekk li tgħin lill-qaddejja tiegħek, *

 li int fdejt b’demmek il-għażiż.

Agħmel li nissieħbu mal-qaddisin tiegħek *

 fil-glorja ta’ dejjem.

 

Salva lill-poplu tiegħek, Mulej, *

bierek lill-wirt tiegħek.

Kun ir-ragħaj tagħhom, *

erfagħhom għal dejjem.

Minn jum għall-ieħor * aħna nberkuk;

u nfaħħru ismek għal dejjem, *

u għal dejjem ta’ dejjem.

Agħmel, Mulej, li llum *

inħarsu ruħna minn kull dnub.

Ħenn għalina, Mulej, * ħenn għalina.

Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, *

kif fik hi t-tama tagħna.

Fik, Mulej, jien nistkenn: *

ma jkolli qatt għax ninfixel.

 

TALBA

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kull ma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

V/. Inbierku l-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Jinfirxu d-dellijiet ma’ sbiħ il-għodwa,

u qajla qajl id-dawl jaqtagħhom fl-iswed,

filwaqt li nerfgħu qlubna ‘l fuq lejn Alla

li jista’ kollox.

 

Biex hu mill-għoli tiegħu jħenn għalina,

ibiegħed minna l-hemm jagħtina s-saħħa,

u b’tjieba ta’ missier, jilqagħna għandu

id-dar tas-sema.

 

Ħa tisma’ talbna t-Trinità Qaddisa,

Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu;

u lilha d-dinja kollha trodd bla heda

tifħir u glorja. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

 

Salm 117 (118)

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa tgħid dar Aron: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: *

"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."

 

Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; *

u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.

La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; *

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, *

u nħares b'wiċċi minn quddiem

lejn l-għedewwa tiegħi.

 

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

milli tittama fil-bnedmin.

Aħjar tiskenn fil-Mulej *

 milli tittama fil-kbarat.

 

Il-ġnus kollha dawwruni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Dawwruni, minn kull naħa rassewni; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

Bħan-naħal daru miegħi,

bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; *

imma f'isem il-Mulej irbaħthom.

 

B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; *

imma l-Mulej tani l-għajnuna.

 

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; *

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!

Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, *

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.

 

 Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, *

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej, *

imma ma telaqnix għall-mewt.

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; *

ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.

 

Dan hu bieb il-Mulej; *

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni *

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja *

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: *

ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! *

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f'isem il-Mulej! *

Inberkukom minn dar il-Mulej.

 

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. *

Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom

sa ħdejn l-altar.

 

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr, *

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, *

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

 

Glorja.

 

Ant. 1: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Ninsġu għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna, hallelujah.

 

Kantiku (Dan 3:52-57)

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna, *

ta’ min ifaħħrek u jgħolik fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ, *

ta’ min ifaħħru sewwa u jgħollih fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, †

li ħarstek tinfed l-abbissi, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek, *

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema, *

ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

 

Bierku għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *

faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem.

 Glorja.

 

Ant. 2: Ninsġu għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna, hallelujah.

Ant. 3: Faħħru lill-Mulej għall-kobor tiegħu bla tarf, hallelujah.

 

Salm 150

 

Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu, *

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!

Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu, *

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!

 

Faħħruh bid-daqq tat-tromba, *

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!

Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, *

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, †

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali! *

Kull ma jieħu nifs,ħa jfaħħar il-Mulej!

 Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru lill-Mulej għall-kobor tiegħu bla tarf, hallelujah.

  

LEZZJONI QASIRA Eżek 36:25-27

 

Inroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida, u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam. U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi u li żżommu l-preċetti tiegħi u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Lilek infaħħru, o Alla, * Ismek inxandru. Lilek.

V/. Għemilek ta’ l-għaġeb inħabbru, * Ismek inxandru. Glorja. Lilek.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet il-Mulej xebba’ ħamest elef raġel.

 

Sena B

 Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema.

 

Sena Ċ

 Fittxu għalikom infuskom teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn lanqas il-kamla ma tħassar.

 

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *

f’dar David, qaddej tiegħu,

bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

biex isalvana mill-għedewwa tagħna *

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *

li jagħtina

li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *

naqduh bla biża’

tul ħajjitna kollha, *

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *

għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,

biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *

bil-maħfra ta’ dnubiethom,

ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *

li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,

ħa jdawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *

ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:

 

Sena A

 B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet il-Mulej xebba’ ħamest elef raġel.

 

Sena B

 Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema.

 

Sena Ċ

 Fittxu għalikom infuskom teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn lanqas il-kamla ma tħassar.

 

PREĊI

 

Is-Salvatur tagħna niżel fid-dinja biex ikun Alla magħna. Inroddulu ħajr, u ngħidulu:

Kristu, Sultan glorjuż, kun id-dawl u l-ferħ tagħna.

Mulej Ġesù, dawl li ġejt iżżurna mill-għoli, inti l-bidu tal-qawmien li nittamaw:

- iġbidna warajk, biex ma nkunux fid-dell tal-mewt, imma nimxu fid-dawl tal-ħajja.

Ħallina naraw tjubitek li int xerridt fil-ħlejjaq kollha:

- hekk nilmħu l-glorja tiegħek f’kollox.

Mulej, la titlaqniex illum taħt is-setgħa tal-Ħażin:

- għinna negħlbu d-deni bl-għemil it-tajjeb.

Int kont ikkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu kif tgħammidt fil-Ġordan:

- mexxina llum bil-grazzja ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħek.

 

Missierna

 

Talba

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kull ma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

INNU

 

Spirtu s-Santu, li int Alla

wieħed mal-Missier u l-Iben,

ejja xxerred ġewwa fina,

ħalli bik ilkoll timliena.

 

Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,

nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;

int kebbisna b’nar imħabbtek,

u nxerduh fl-oħrajn madwarna.

 

Kun id-dawl li jtina l-għarfa

tal-Missier u l-Iben tiegħu:

żomm qawwija l-fidi tagħna

fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.

 

F’Nofsinhar

 

INNU

 

Mexxej qawwi, Alla veru,

Inti kollox tqassam sewwa:

jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;

f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.

 

Iżda itfi l-għadab fina,

taffi s-sħana ta’ kull deni,

agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,

ġib is-sliem tassew fi qlubna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

INNU

 

Alla, int, li fik innifsek

m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:

lil kull siegħa tal-ġurnata

tqis id-dawl li jkun imissha.

 

Ibagħtilna lejla tajba,

fejn il-ħajja qatt ma tonqos,

imma tersaq lejn il-glorja,

li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.

 

Ant.1 Il-Mulej iqegħedni f’mergħat kollhom ħdura, hallelujah.

 

Salm 22 (23)

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, †

xejn ma jonqosni; *

f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; *

hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa *

minħabba l-isem tiegħu.

 

Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, †

ma nibżax mill-ħsara, *

għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, *

huma jwennsuni.

 

Int tħejji mejda għalija *

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi, *

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena *

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej *

sakemm indum ħaj!

 

 Glorja.

 

Ant.1 Il-Mulej iqegħedni f’mergħat kollhom ħdura, hallelujah.

Ant.2 Kbir hu isem il-Mulej f’Iżrael, hallelujah.

 

Salm 75 (76)

 

I

 

Magħruf hu Alla f'Ġuda, *

kbir hu ismu f'Iżrael.

F'Salem hemm l-għarix tiegħu, *

u l-għamara tiegħu f'Sijon.

Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark, *

it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.

 

Int kollok dija u glorja, *

aktar mill-aqwa muntanji.

L-irġiel ta' qalbhom qawwija *

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda, *

idejhom tmewwtulhom.

Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb, *

f'telfa jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.

 Glorja.

 

Ant.2 Kbir hu isem il-Mulej f’Iżrael, hallelujah.

Ant.3 Twerwret l-art u tbikkmet, meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, hallelujah.

 

II

 

Tal-biża' int; int, min jiqaflek, *

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?

Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek; *

twerwret l-art u tbikkmet,

meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, *

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.

 

Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk; *

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.

Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom; *

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

 lilu, li hu tal-biża';

lil dak li jifni l-kbarat, *

li jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.

 Glorja.

 

Ant.3 Twerwret l-art u tbikkmet, meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, hallelujah.

  

Fid-Disgħa ta’ filgħodu

 

LEZZJONI QASIRA Rum 5:1-2. 5

 

Issa li għandna l-ġustifikazzjoni bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih nidħlu għal din il-grazzja li fiha ninsabu issa. Aħna niftaħru minħabba t-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. U t-tama ma tqarraqx bina, għaliex l-imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

V/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

R/. F’kull żmien inxandar il-fedeltà tiegħek.

 

 

F’Nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA Rum 8:26

 

L-Ispirtu jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem.

 

V/. Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi.

R/. Agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.

 

Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar

 

LEZZJONI QASIRA 2 Kor 1:21-22

 

Hu Alla li jwettaq sew lilkom u sew lilna fi Kristu, u li kkonsagrana għalih innifsu; hu li mmarkana wkoll bis-siġill tiegħu u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna.

 

V/. Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

R/. Il-Mulej hu l-kenn tiegħi.

 

Talba

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kull ma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

V/. Inbierku l-Mulej

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

IT-II GĦASAR

 

V/. O Alla, ejja eħlisni.

R/. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

INNU

 

Riesaq il-lejl, Mulejja,

bil-wegħda tal-mistrieħ;

ġa beda s-sema jħammar

fi nżul ix-xemx sabiħ!

 

Dalwaqt jixirfu l-kwiekeb

fil-għoli tas-smewwiet;

dalwaqt il-ħajja torqod,

kull ħoss imut fis-skiet.

 

Inti, li dejjem tgħammar

fis-sebħ ta’ jum bla tmiem,

fid-dlam tal-lejl ħarisna,

xerred fi qlubna s-sliem.

 

Jagħtuk kull ġieħ il-ħlejjaq,

Mulej, għax int ħanin,

u tridna lkoll madwarek

fix-xirka tal-henjin. Ammen.

 

Jew

 

Alla wieħed, tliet Persuni,

dawl qaddis li jdawwal kollox,

wara nżul ix-xemx minn fuqna

imla ‘l qalbna bid-dawl tiegħek.

 

Faħħarnik, Mulej, fil-għodu;

isma’ talbna fil-għaxija;

nitolbuk li l-glorja tagħna

tkun li ntuk tifħir għal dejjem.

Lill-Missier u ‘l Kristu, Ibnu,

u ‘l-Ispirtu, li ġej minnhom,

Alla wieħed ta’ kull setgħa,

nitolbuh li jbierek talbna. Ammen.

  

SALMODIJA

 

Ant. 1: Kristu l-Mulej hu l-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, hallelujah.

 

Salm 109 (110):1-5, 7

 

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: *

"Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek *

mirfes taħt riġlejk."

 

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon: *

 aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa, *

 sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.

 

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: *

"Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek!" 

Sidi fuq il-leminija tiegħek, *

jidrob is-slaten f'jum il-qilla tiegħu.

 

Mill-wied jixrob fi triqtu, *

għalhekk jerfa’ 'l fuq rasu.

 Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *

 u lill-Ispirtu s-Santu.

 Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *

u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Ant. 1: Kristu l-Mulej hu l-Qassis għal dejjem bħal Melkisedek, hallelujah.

Ant. 2: Alla tagħna hu fis-smewwiet; hu jagħmel kull ma jogħġbu, hallelujah.

 

Salm 113 B (115)

 

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, †

iżda lil ismek sebbaħ, *

għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *

"Fejn hu Alla tagħhom?"

Fis-smewwiet hu Alla tagħna; *

hu jagħmel kull ma jogħġbu.

 

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, *

xogħol ta' idejn il-bniedem.

Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *

għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;

għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *

għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;

għandhom l-idejn, u ma jmissux; †

għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; *

ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.

Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *

u dawk kollha li jittamaw fihom.

 

Iżrael ittama fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dar Aron ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; *

hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

 

Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; *

ibierek 'il dar Iżrael, ibierek 'il dar Aron.

Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej, *

kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.

 

Ikattarkom ħafna l-Mulej, *

lilkom u 'l uliedkom.

Imberkin intom mill-Mulej, *

li għamel is-sema u l-art.

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; *

imma l-art hu taha lill-bnedmin.

M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, *

anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;

imma aħna li nbierku l-Mulej, *

minn issa u għal dejjem.

 

Glorja lill-Missier......

 

Ant. 2: Alla tagħna hu fis-smewwiet; hu jagħmel kull ma jogħġbu, hallelujah.

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, iż-żgħar u l-kbar, hallelujah.

 

Kantiku ara Apok 19:1-2. 5-7

 

Hallelujah

Is-salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa

 Huma ta’ Alla tagħna, *

(R/. Hallelujah)

 Għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Hallelujah

Faħħru lil Alla tagħna,

 Intom il-qaddejja kollha tiegħu, *

(R/. Hallelujah)

 intom li tibżgħu minnu, iż-żgħar u l-kbar!

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax ħa s-saltna l-Mulej,

 Alla tagħna li jista’ kollox, *

(R/. Hallelujah)

 Nifirħu u nithennew, u nagħtuh glorja.

R/. Hallelujah (hallelujah).

 

Hallelujah

Għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, *

(R/. Hallelujah)

 u l-għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.

R/. Hallelujah (hallelujah).

Glorja.

 

Ant. 3: Faħħru lil Alla tagħna, intom il-qaddejja kollha tiegħu, iż-żgħar u l-kbar, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA 2 Tess 2:13-14

 

 Aħna għandna niżżuħajr lil Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa bil-qdusija ta’ l-Ispirtu u l-fidi fil-verità. Għal dan Alla sejjħilkom permezz ta’ l-Evanġelju tagħna, biex intom ikollkom sehem fil-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

RESPONSORJU QASIR

 

R/. Kbir Sidna l-Mulej, * U ta’ qawwa kbira. Kbir.

V/. Bla tarf l-għerf tiegħu. * U ta’ qawwa kbira. Glorja. Kbir.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Kulħadd kiel u xaba’ u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnaxil qoffa.

 

Sena B

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.

 

Sena Ċ

Ħuti, jekk tassew tixtiequ ssiru għonja, ħobbu dak li hu għana tassew.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. *

Iva, minn issa ‘l quddiem

kull nisel jibda jsejjaħli hienja.

 

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *

qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien *

fuq dawk li jibżgħu minnu.

 

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, *

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *

u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, *

għax ftakar fil-ħniena tiegħu

- bħalma wiegħed lil missirijietna - *

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

 

Glorja.

 

Ant. tal-kantiku ta’ Marija:

 

Sena A

Kulħadd kiel u xaba’ u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnaxil qoffa.

 

Sena B

Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.

 

Sena Ċ

Ħuti, jekk tassew tixtiequ ssiru għonja, ħobbu dak li hu għana tassew.

 

PREĊI

 

Infaħħru lil Kristu u nagħtuh ġieħ, għax hu jista’ jsalva għalkollox lil dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom. Nitolbuh bil-qawwa ta’ din il-fidi, u ngħidulu:

Mulej, ftakar fil-poplu tiegħek.

Xemx tal-ġustizzja, fit-tmiem ta’ dan il-jum insejjħu l-isem qaddis tiegħek fuq il-bnedmin kollha:

- xerred fuq kulħadd il-ġid tad-dawl tiegħek li qatt ma jgħib.

Ħares il-patt li għamilt magħna b’demmek l-għażiż:

- qaddes il-Knisja tiegħek u żommha bla tebgħa.

Mulej, aħna l-ġemgħa tiegħek:

- ftakar fina li nġbarna fil-post fejn int tgħammar.

Mexxi fit-triq tas-sliem u r-riżq lil min jinsab fil-vjaġġ:

- wasslu ferħan u b’wiċċ il-ġid fil-post mixtieq.

Ħu fi ħsiebek lil ħutna l-mejtin:

- agħtihom il-maħfra tiegħek u l-glorja ta’ dejjem.

 

Missierna

 

Talba

Ieqaf, Mulej, mal-qaddejja tiegħek, u xerred dejjem tjubitek fuq kull min jitolbok; ġedded u ħares kull ma jogħġob lilek f’dawk li, b’ġieħ tagħhom, jagħrfuk bħala ħallieq u mexxej. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Għeluq

Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.

 

 

 

 

TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM

WARA T-II GĦASAR TAL-ĦDUD U

TAS-SOLENNITAJIET

 

V. O Alla, ejja eħlisni.

R. Mulej, fittex għinni.

Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.

 

Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah.

Wara dan il-versett tal-bidu tkun ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ-ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil-Quddiesa.

 

ATT PENITENZJALI

 

l.. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr:

Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox,

u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb,

bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti:

iħabbtu fuq sidirhom

ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi.

Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,

lill-Anġli u l-Qaddisin kollha,

u lilkom, ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn galina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen.

 

Jew

II. Issir l-istedina gĦall-penitenza.

 

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad:

V. Ħenn għalina, Mulej

R. Għax dnibna kontra tiegħek.

V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek.

R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

 

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

Jew

III. Issir l-istedina għall-penitenza.

Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna.

Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn:

Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena.

R. Kristu ħniena.

Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena.

R. Mulej, ħniena.

Tingħata l-assoluzzjoni:

Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox,

jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R. Ammen.

 

INNU

 

Wara dan il-jum li tajtna,

nitolbuk, ħallieq ta’ kollox,

biex fit-tjieba kbira tiegħek

tgħasses fuqna u tieqaf magħna.

 

Fik u bik jistrieħu qlubna,

jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek,

sabiex għada minn filgħodu

jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek.

 

Bierek jiemna b’saħħa tajba,

żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna,

u bid-dija tiegħek dawwal

dlam il-lejl li riesaq fuqna.

 

Isma’ talbna, Missier twajjeb,

w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,

li ta’ dejjem hi saltnatkom

ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Ammen.

 

SALMODIJA

 

Barra Ż.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajk, tistkenn; ma tibżax mill-biza’ tal-lejl.

 

Ż.GĦ.:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Salm 90

 

Għad-dell tal-Għoli

 

Araw, tajtkom is-setgĦa li tirfsu fuq is-sriep u skorpjuni (Lq 10, 19).

 

Int li tgħix għad-dell tal-Għoli, *

li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,

għid lill-Mulej: †

“Dell tiegħi u qawwa tiegħi int, *

Alla tiegħi, jien fik nittama.”

 

Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, *

u mill-mard tal-mewt.

Bir-rix tiegħu jgħattik, *

u taħt ġwenħajh tistkenn.

Ma tibzax mill-biża’ tal-lejl, *

anqas minn vleġġa li tittajjar bin-nhar,

minn pesta li tixtered fid-dlam, *

jew minn marda li ġġib ħerba f’nofs in-nhar.

 

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, *

u għaxart elef fuq lemintek

imma lejk id-deni ma jersaqx, *

għax tarka u korazza l-fedelta’ tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, *

tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.

Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, *

għamilt il-Għoli għamara tiegħek.

 

Ebda deni ma jiġrilek, *

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, *

u jħarsuk fi triqatek kollha.

Fuq idejhom jerfgħuk, *

li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, *

ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu: *

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; †

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegĦu, *

neħilsu u nerfagħlu ġiehu;

u b’għomor twil nimlieh, *

nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Glorja.

 

Barra Z.GĦ.:

Ant. Taħt ġwenħajh tistkenn; ma tibżax mill-biża’ tal-lejl.

 

Z.GĦ:

Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

LEZZJONI QASIRA Apok 22, 4-5

 

Jaraw wiċċ il-Mulej, u jkollhom ismu fuq ġbinhom. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u

ma jkunux jeħtieġu dwal ta’ msiebaħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun

jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem.

 

RESPONSORJU QASIR

 

Barra żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk.

 

F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad:

Ant. Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; Ħa nifirħu u nithennew fih! Hallelujah.

 

Fi żmien il-Għid:

R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk.

V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32

 

Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel

 

Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek *

imur fis-sliem, skond kelmtek;

għaliex għajnejja raw *

is-salvazzjoni tiegħek,

li int Ħejjejt *

għall-popli kollha:

dawl biex idawwal il-ġnus, *

u glorja tal-poplu tiegħek Israel.

 

Glorja.

 

Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u

nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah).

 

Talba

Nitolbu, Mulej, illum iċċelebrajna l-misteru tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet;

issa nitolbuk il-grazzja li nistrieħu fis-sliem tiegħek u li tbiegħed minnha kull

deni, biex nerġgħu nqumu u nfaħħruk ferħana. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Jew, fis-solennitajiet barra l-Ħdud:

Nitolbu. Żur, Mulej, lil din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis tal-għadu;

jgħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek, biex iħarsuna u jżommuna fis-sliem; u

xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. R. Ammen.

 

Wara t-talba tingħad il-barka:

Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb.

R. Ammen.

 

Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna.

 

Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,

int bieb illi jagħti għas-sema,

int kewkba tal-baħar, Marija!

Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,

għajnuna tal-poplu l-maħtur,

li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek

fis-siegħa li lqajt it-tislima

li tak Gabrijel, u bqajt xebba,

kif qabel, hekk wara t-tnissil.

Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.

 

jew

 

Is-sliem, o Sultana

tas-sema, Sidt l-anġli;

int l-għerq u l-bieb safi

mnejn ġie dawl id-dinja.

O Verġni glorjuża,

ta’ ġmiel u sbuħija,

is-sliem għalik! Itlob

lil Kristu għalina.

 

jew

 

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;

ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.

Lilek ingħajjtu,

għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.

Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu

f’dan il-wied ta’ dmugħ.

 

Ejja, mela, avukata tagħna,

dawwar lejna

dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;

u wrina, wara dan it-turufnament,

lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.

O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.

 

jew

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.