
|
Traduzzjoni ta’ Artiklu (Aġenzija Zenit)
Il-Knisja fl-Arġentina: “assolutament illegali” tippermetti żwieġ gay
Il-Kardinal Bergoglio jikkritika lill-Gvern għax ma ħax passi kontra sentenza ġudizjarja.
|
25 ta’ Novembru 2009
Nieves San Martin
Buenos Aires, l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 2009 ( Zenit.org): Sentenza ta’ mħallef, li tat il-permess biex isir żwieġ bejn żewġ irġiel, wasslet lill-Arċidjoċesi ta’ Buenos Aires, fl-Arġentina biex tippublika komunikat li fih tkellmet dwar din is-sentenza bħala waħda “assolutament illegali”. Il-Kardinal Bergoglio ddikjara li l-Awtorita’ Eżekuttiva “naqset b’mod gravi mid-dmir tagħha” meta ma ħaditx passi kontra din id-deċiżjoni.
Fit-13 ta’ Novembru, l-Imħallef Gabriela Seijes tat sentenza li biha ordnat lir-Reġistru Ċivili biex jagħmel żwieġ bejn żewġt irġiel li kienu ppreżentaw rikors, meta l-uffiċċju pubbliku kien ċaħħadhom mid-data biex iseħħ iż-żwieġ. Din is-sentenza qajmet ħafna reazzjonijiet.
Wara l-kritika minn oqsma ekkleżjali minħabba l-fatt li l-awtoritajiet ta’ Buenos Aires naqsu li jieħdu passi, nhar it-Tlieta l-Arċisqof tal-belt kapitali Arġentina, il-Kardinal Jorge Mario Bergoglio laqa’ lil Mauricio Macri, il-kap tal-Gvern lokali f’udjenza privata fuq talba ta’ Macri stess.
Il-Kurja tal-Arċisqof ħarġet komunikat fejn spjegat li din il-laqgħa kienet saret fuq talba ta’ Macri u qalet li matulha “l-Kardinal Bergoglio saħaq li meta dan ma kienx ħa passi kontra d-deċiżjoni tal-imħallef fil-mod kontroversjali amministrattiv taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, huwa naqas b’mod gravi milli jwettaq dmiru fit-tmexxija u l-ħarsien tal-liġi”.
Il-komunikat saħaq ukoll li “l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi nazzjonali ma jistgħux ikunu modifikati minn imħallef tal-prima istanza. F’dan il-każ huwa d-dmir tar-rappreżentant tal-Awtorita’ Eżekuttiva li jieħu l-miżuri kollha biex ikun ċert mil-legalita’ tal-att; f’dal-każ dan kien assenti, u allura kien hemm id-dmir li jittieħdu passi”.
Qabel ma saret din il-laqgħa, fis-16 ta’ Novembru , il-Kurja ta’ Buenos Aires kienet ħarġet dikjarazzjoni ffirmata mill-Kardinal Bergoglio u mill-isqfijiet awżiljarji, li fiha qalu li s-sentenza tal-imħallef “tirrifletti distakk serju mil-liġijiet li jiggvernawna”.
Huma kkritikaw il-fatt li l-membru tal-Awtorita’ Eżekuttiva “ma kienx ta permess biex jittieħdu passi kontra din is-sentenza assolutament illegali, ħalli jippromwovi dibattitu aktar fit-tul u aktar fil-fond dwar kwestjoni hekk importanti. Dan juri b’mod ċar nuqqas gravi ta’ serjeta’ u preċedent leġiżlattiv serju għal pajjiżna u għall-Amerika Latina kollha”.
“Il-kriżi tal-valuri li qed taħkem lis-soċjeta’ tagħna tnissi l-oriġni stess tal-kelma ‘żwieġ’ li tmur lura lejn is-sistemazzjoni tal-qedem fid-Dritt Ruman, fejn it-terminu “matrimonium” kien marbut mad-dritt ta’ kull mara li jkollha wlied rikonoxxuti mil-liġi”.
Spjegaw li “l-kelma ‘żwieġ’ (matrimonio) talludi għal dik il-kwalita’ leġittima ta’ ‘omm’ (madre) li l-mara takkwista bl-għaqda fiż-żwieġ. Spiss ikun hemm min, b’mod żbaljat, jassoċja t-terminu ‘żwieġ’ mas-sagrament kattoliku li jġib l-istess isem, mingħajr ma jikkunsidra l-fatt li din l-kelma u r-realta’ li trid tesprimi tbierku mid-Dritt Ruman żmien sew qabel ma l-Kristjaneżmu deher fl-istorja tal-umanita’”.
Affermaw li “din id-deċiżjoni tista’ tkun kunsidrata kontra diversi trattati internazzjonali b’ġerarkija kostituzzjonali sa mill-1994, bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (art.16), il-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi (art.23) u l-Konvinzjoni Amerikana tad-Drittijiet Umani (art.17), li jwasslu biex wieħed jikkonkludi li huwa biss żwieġ bejn persuni ta’ sess differenti li huwa kostituzzjonali”.
“Li tisħaq dwar l-eterosesswalita’ taż-żwieġ ma jfissirx li tkun qed tiddiskrimina, imma jfisser li tkun qed tassumi element oġġettiv taż-żwieġ”.
Fit-18 ta’ Novembru, is-Segretarjat Nazzjonali għall-Familja ppublika komunikat li fih qal “li ż-żwieġ dejjem jinbena fuq is-sisien tar-rabta bejn raġel u mara, imma li huwa wkoll vera istituzzjoni msejħa biex twettaq funzjoni soċjali li xejn ma jista’ jieħu postha: tiffaċilita u tippromwovi l-komunita’ fil-ħajja magħżula mir-raġel u martu, tikkostitwixxi ambitu adegwat għall-prokreazzjoni u għall-edukazzjoni tal-ulied u allura hi l-qalb tal-familja, li hi ċellula fundamentali tas-soċjeta’. Għalhekk, iż-żwieġ imur ‘l hemm mill-interess partikulari tar-raġel u martu u jinteressa wkoll b’mod ġenerali. U minn dan joħroġ il-fatt, li minn meta l-bniedem beda jara l-affarijiet hekk, hu sar oġġett ta’ regolamentazzjoni soċjali”.
Wieħed jistaqsi: “Hi ħaġa loġika li tpoġġi fuq l-istess keffa l-kundizzjonijiet li l-koppja magħmula minn raġel u mara tista’ toffri lill-ulied ma’ dawk li toffri dik magħmula minn żewġ persuni tal-istess sess?”
“Żgur li ma tistax tirraġuna hekk. Hi l-ewwel koppja biss u mhux it-tieni waħda li tista’ ġġibhom fid-dinja frott tar-rabta personali ta’ bejniethom. Hi l-ewwel koppja biss u mhux it-tieni waħda li tista’ tagħti lit-tfal il-figura tal-missier u tal-omm u mudelli awtentikament maskili u femminili, li ma jistgħux jgħaddu mingħajrhom għall-iżvilupp sħiħ tagħhom”.
Is-Segretarjat saħaq fuq il-ħtieġa li “wieħed ma jissimplifikax dan is-suġġett fuq il-bażi li tista’ tinħoloq diskriminazzjoni. Mhux il-modi kollha ta’ kif jiġi ttrattat argument huma negattivi, imma dawk li jirriżultaw arbitrarji u li jagħmlu ħsara lill-garanzija tal-ugwaljanza u allura lill-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Il-Kostituzzjoni tagħna u l-liġijiet huma mimlija distinzjonijiet ġusti u raġonevoli li bl-ebda mod ma jbaxxu lil min ma jidħolx fihom.”
Anki l-Kummissjoni Nazzjonali Ġustizzja u Paċi saħqet li “din id-deċiżjoni turi nuqqas kbir ta’ serjeta’ politika li qed tippreżenta preċedent leġiżlattiv serju” “f’suġġett ta’ importanza fundamentali bħalma hi l-istituzzjoni tal-familja li tibni s-soċjeta’ tagħna.”
U kompliet iżżid li “d-difiża ta’ sitwazzjonijiet partikulari tista’ tintlaħaq b’modi oħra, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li ċċaqlaq mis-sisien l-ordni ġuridiku familjari tas-soċjeta’ tagħna ”.
“ Fi żmien ta’ inċertezza li qed tinħass minn ħafna fl-Arġentina frott ta’ problemi serji ta’ vjolenza u nuqqas ta’ sigurta’, ta’ abbuż mid-droga, ta’ solitudni u diqa ta’ qalb, nappellaw li l-istituzzjoni tal-familja u r-rabtiet insostitwibbli li tiġġenera bħala fattur fl-edukazzjoni u fil-qasam affettiv, jiġu msaħħin”.
Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.
 |