KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTIINA TAL-FIDI

DIKJARAZZJONI FUQ L-EWTANASJA

 

Daħla

 

Fost il-problemi kbar li qed jiġu diskussi fi żminijietna, il-problemi tad-drittijiet u tal-valuri tal-persuna tal-bniedem għandhom importanza kbira ħafna. Il-Konċilju Vatikan II reġa’ tenna bis-solennita’ kollha t-tagħlim għoli dwar id-dinjita’ tal-persuna tal-bniedem u, b’mod speċjali, id-dritt tal-bniedem għall-ħajja.  Il-Konċilju għalhekk ikkundanna d-delitti kontra l-ħajja bħalma huma kull xorta ta’ qtil, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasja u s-suwiċidju (Gaudium et Spes, 27).

Fi żmien aktar qrib, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-fidi, fakkret it-tagħlim tal-Knisja fuq l-abort [1] lill-insara kollha.  Il-Kongregazzjoni tqis li issa wasal il-waqt ukoll li tgħid x’inhu t-tagħlim tal-Knisja fuq l-ewtanasja.

Veru li f’dan il-qasam ta’ tagħlim, il-Papiet f’dawm l-aħħar żminijiet fissru x’inhuma l-prinċipji [2], li għad għandhom il-qawwa kollha tagħhom; imma l-progress kollu li sar fix-xjenza medika ħareg għad-dwal aspetti ġodda tal-problema tal-ewtanasja, u dawn l-aspetti tifsir aktar sħiħ fuq livell etiku.

Fis-soċjeta tallum, li qed tistaqsi wkoll x’siwi għandhom l-istess valuri fondamentali tal-bniedem, kull bidla fil-kultura twassal għall-bidla fil-mod li wieħed iħares lejn it-tbatija u l-mewt; barra dan il-mediċina żieded il-ħila li tfejjaq u ttwawwal il-ħajja f’ċerti ċirkostanzi li, xi kull tant, iġibu magħhom problemi morali. Jiġri għalhekk li min isib ruħu f’dawn iċ-ċirkostanzi, jibda jistaqsi b’ħafna qtigħ il-qalb x’tifsir għandha x-xjuħija u l-mewt. Jibda jistaqsi wkoll għandux id-dritt jitlob għalih jew għal haddieħor ‘mewt helwa’, li tqassar it-tbatija u, fil-fehma tiegħu, tkun aktar tixraq id-dinjita’ tal-bniedem.

Għadd ta’ Konferenzi Episkopali għamlu xi mistoqsijiet fuq dan lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Il-Kongregazzjoni wara li ħadet il-parir ta’ għadd ta’ esperti fuq l-aspetti kollha tal-ewtanasja, issa tixtieq twieġeb għall-mistoqsijiet li sarulha permezz ta’ din id-Dikjarazzjoni, biex tgħin lill-isqfijiet ħa jagħtu lill- insara fdati lilhom it-tagħlim veru, u fl-istess ħin tagħtihom fuqhiex x’jaħsbu li jistgħu iwasslu lill-awtoritajiet ċivili dwar ħaġa serja bħal din.

L-osservazzjonijiet li hawn f’dan id-dokument jolqtu l-ewwelnett lil dawk kollha li jemmnu u jittamaw fi Kristu, li bil-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet ta’tifsir ġdid lill-ħajja u l-mewt tan-nisrani, kif jgħid San Pawl: ‘Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej’(Ium 14,8; ara Fil 1,20).

Fost dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra, ħafna għandhom jaqblu magħna li l-fidi t’Alla, il-ħallieq ta’ kollox u Sid il-ħajja – jekk jemmnu dan bħalna – tagħti dinjita’ għolja lill-persuna ta’ kull  bniedem u tiżguralu kull rispett.

Hemm tama li din id-dikjarazzjoni tiġi milqguħa minn ħafna nies ta’ rieda tajba, li, minkejja li ma jħaddnux l-istess filosofija u l-istess ideoloġija tagħna, bdanakollu jħossu ħafna għad-drittijiet tal-persuna,tal-persuna tal-bniedem. Dawn id-drittijiet, f’dawn l-aħħar snin, tħabbru kemm il-darba f’dikjarazzjonijiet ta’ Kungressi internazzjonali [3]. U billi din hi ħaġa li tirrigwarda d-drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem, jiżbalja min jasal biex jiċħad il-valur universali ta’ dawn id-drittijiet bl-argumenti tal-pluraliżmu politiku u tal-liberta’ reliġjuża.

 

 

I

 

Is-siwi tal-ħajja tal-bniedem

 

Il-ħajja tal-bniedem hi l-bażi ta’ kull ġid, u hi l-bidu u l-kundizzjoni meħtieġa ta’ kull ħidma tal-bniedem u tas-soċjeta kollha. Il-kotra tan-nies iqisu l-ħajja bħala ħaġa qaddisa u li ħadd ma għandu d-dritt jagħmel biha li jrid; iżda min jemmen iqis il-ħajja bħala xi ħaġa aqwa: iqisha d-don tal-imħabba ta’ Alla li wieħed irid iħares bl-għaqal kollu ħa tagħti frottha. U hi din il-ħaġa ta’ l-aħħar li twassal għal dawn il-konsegwenzi;

1.    Ħadd ma jista’ jhedded il-ħajja ta’ persuna bla ħtija, mingħajr ma jmur kontra l-imħabba ta’ Alla għal dik il-persuna, mingħajr ma jikser dritt fondamentali, u, għalhekk, mingħajr ma jagħmel delitt mill-akbar [4].

2.    Kull wieħed hu fid-dmir li jgħix ħajtu skond il-pjan ta’ Alla. Il-ħajja tingħata lil kull individwu bħala ġid li jrid  jagħti frott sa minn din id-dinja, iżda li jilħaq il-milja kollha tiegħu biss fil-ħajja ta’ dejjem.

3.    Tneħħi ħajtek għax trid int, jiġifieri toqtol ruħek b’idejk, tagħmel suwiċidju hi ħaġa ħażina bħalma hu ħażin kull xorta ta’ qtil; egħmil bħal dan minn xi ħadd ifisser li dak ix-xi ħadd qed jiċħad is-setgħa ta’ Alla u l-pjan tiegħu ta’ mħabba. Barra dan, is-suwiċidju spiss hu ċaħda tal-imħabba tiegħek innifsek, iċ-ċaħda tal-istint naturali għall-ħajja, il-ħarba mid-dmirijiet ta’ ġustizzja u ta’ mħabba lejn il-proxxmu, lejn għadd ta’ komunitajiet u lejn is-soċjeta’ kollha kemm hi – għalkemm kulħadd jaqbel li xi kull  tant ikun hemm ragunijiet psikoloġiċi li jnaqqsu jew ineħħu għal kollox ir-responsabbilta’ ta’ dak li jsir.

Għandna dejjem nagħżlu sewwa minn xulxin is-suwiċidju u s-sagrifiċċju tal-ħajja, meta jiġifieri, wieħed jagħti ħajtu jew iqiegħdha fit-tiġrif bi skop tassew għoli, bħalma hi l-gloria ta’ Alla, is-salvazzjoni tal-erwieħ u l-qadi tal-aħwa (Ara Ġw. 15,24).

 

II

L-Ewtanasja

Jekk irridu nqisu sewwa l-kwistjoni tal-ewtanasia, irridu qabel xejn infissru sewwa kull kelma li nużaw.

Fl-antik, il-kelma euthanasia, fiha nfisha, etimoloġikament, kienet tfisser mewta ħafifa bla tbatijiet kbar. Illum ħadd ma jiġih f’moħħu dan it-tifsir ewlieni tal-kelma, imma iqisuha li tfisser l-użu ta’ xi mediċini biex tnaqqas it-tbatija  tal-marda jew tal-agunija, xi kull tant, bil-periklu wkoll li ttemm il-ħajja qabel il-waqt. F’dawn l-aħħar żminijiet il-kelma ewtanasja qed tintuża biex tfisser ‘‘qtil bi ħniena’’ jiġifieri tneħħi l-ħajja biex wieħed ma jibqax ibati tbatijiet ħorox li ħadd ma jiflaħ għalihom, jew biex teħles minn ħajja ta’ miżerja – forsi għal ħafna snin – trabi anormali, jew nies mentalment morda, jew nies b’mard li qatt mhu ae jfiqu minnu, li kieku jibqgħu jgħixu jkunu ta’ piż għall-qrabathom u għas-soċjeta kollha.

Jeħtieġ għalhekk nuru ċar x’tifsir għandha l-kelma f’dan id-dokument.

Ewtanasja tfisser kull egħmil jew nuqqas ta’ egħmil li bih innifsu jew fil-fehma ta’ min ikun, iġib il-mewt, biex b’hekk tintemm għal kollox kull tbatija. It-tifsir tal-ewtanasja mela qiegħed fil-fehma u fir-rieda ta’ min jagħmilha u fil-mod kif  jagħmilha.

Jeħtieġ intennu bil-qawwa kollha li xejn u ħadd qatt ma jista’ jippermetti l-qtil ta’ bniedem bla ħtija, kemm jekk għadu fil-ġuf (fetu jew embryon), kemm jekk tarbija jew bniedem fl-aħjar ta’ żmienu, kemm jekk xiħ jew marid b’marda li ma hemm ebda fejqan għalija, u kemm jekk hu wieħed qed imut. Barra dan, ħadd ma jista’ jitlob dan il-qtil la għalih innifsu, la għal min hu fdat lilu biex idur bih, u lanqas jista’ jikkonsenti għal dan kemm bid-dieher, espliċitament, jew impliċitament. U ebda awtorita’ ma tista’ tirrakomanda jew tippermetti ħaġa bħal din. Għax ħaġa bħal din fl-aħħar mill-aħħar ji ksur tal-liġi ta’ Alla, offiża lid-dinjita’ tal-bniedem fil-persuna tiegħu, delitt kontra l-ħajja, attakk lill-umanita’ kollha.

Jista’ jiġri li, minħabba uġigħ fit-tul li wieħed  bilkemm jista’ jiflaħ għalih, għal raġunijiet verament personali jew għal xi raġunijiet oħra, xi nies jaslu biex jemmnu li jistgħu jitlobu l-mewt għalihom jew jiksbuha għal xi ħaddieħor mingħajr ma jiksru ebda liġi. Għalkemm f’każijiet bħal dawn il-ħtija tal-individwu tkun inqas jew tispiċċa għal kollox, b’dan kollu, l-iżball li fih il-kuxjenza tiegħu tkun waqgħet bil-ġudizzju li tagħmel, forsi bla ma tintebaħ, ma jbiddel xejn min-natura ta’ dak li jkun sar, il-qtil jibqa’ qtil, u għalhekk dejjem jibqa’ ħaġa li qatt ma għandha ssir. It-talba ħerqana għall-mewt li xi marid gravi jagħmel xi kull tant, qatt ma għanda titqies bħala talba għall-ewtanasja: aktarx ma tkunx ħlief talba ħerqana għall-għajnuna u għall-imħabba. Il-marid, barra l-kura tat-tabib, ikun irid l-imħabba, dik l-imħabba naturali u soprannaturali li biha jista’ u jmissu jkun imdawwar minn dawk kollha li huma qrib tiegħu, qrabatu u wliedu, it-tobba u l-infermieri.

 

  

III

It-tifsir tat-tbatija għan-nisrani u l-użu ta’ mediċini li

imewwtu l-uġigħ

 

Il-mewt mhux dejjem tiġi b’mod drammatiku, wara tbatijiet li wieħed  bil-kemm jiflaħ għalihom. U lanqas għandna naħsbu biss f’każijiet estremi bħal dawn. Għadd ta’ xhieda li jwettqu ‘l xulxin iwassluna biex nikkonkludu li l-istess natura tieħu ħsieb ittaffi, waqt il-mewt, it-tiġrib ta’ firda, li, għal min hu b’saħħtu, hi tassew tal-biża. Għalhekk marda fit-tul, xjuħija mimlija għomor, il-qagħda ta’ min jibqa’ waħdu u jiġi mitluq minn kulħadd, iwasslu l-bniedem għal dik il-kondizzjoni psikoloġika li tagħmilhielu ħaġa ħafifa jaċċetta l-mewt.

B’danakollu jibqa’ veru li l-mewt, li ta’ spiss titħejja u tkun imsieħba ma’ tbatijiet kbar u fit-tul, hi dejjem ħaġa li naturalment tnikket ħafna nies.

L-uġigħ fiżiku hu ħaġa li minnu l-bniedem ma jistax jeħles; fuq livell bjoloġiku, hu twissija li kulħadd jaqbel hi ta’ siwi kbir; imma l-uġieħ jolqot ukoll l-aspett psikoloġiku tal-bniedem, u għalhekk spiss jisboq is-siwi bjloloġiku tiegħu, u jsir hekk qawwi li wieħed ikun irid jeħles minnu jkun x’ikun.

Iżda, skond it-tagħlim nisrani, it-tbatija, u l-aktar it-tbatija fl-aħħar mumenti tal-ħajja, għandha post  speċjali fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem: hi tisħib fil-Passjoni ta’ Kristu, u għaqda mas-sagrifiċċju tal-fidwa li Hu offra biex jagħmel ir-rieda tal-Missier.

Għalhekk ma għandniex nistgħaġbu li jkun hemm xi nsara li jagħżlu li ma jużawx mediċini li jmewwtu l-uġigħ, biex hekk minn rajhom jilqgħu li jġarrbu xi ftit mit-tbatijiet tal-marda tagħhom, ħalli b’hekk jissieħbu b’qalbhom kollha fit-tbatijiet ta’ Kristu msallab. Iżda ma tkunx ħaġa sewwa li ġġiegħel lil kulħadd jagħmel att ta’ eroiżmu bħal dan. Anzi l-għaqal ta’ kull bniedem, l-istess għaqal nisrani, igħidlek li, għall-kotra l-kbira tal-morda, dejjem jaqbel tuża l-mediċina li itaffu jew imewwtu l-uġigħ, ukoll jekk dawna l-mediċini, bħala effett sekondarju, se jwasslu lill-marid biex ikun nofsu mitluf minn sensih u moħħu ma jibqax aktar ċar biżżejjed. Fil-każ ta’ dawk li ma  jistgħux juru x’iridu, wieħed għandu jissopponi li jkunu jridu l-mediċini li imewwtulhom l-uġigħ, u li dawna jingħatawlhom kif jordna t-tabib.

L-użu ntensiv tal-mediċini li jmewwtu l-uġiegħ, mhux  nieqes minn ħafna diffikultajiet, għaliex il-ġisem jidrahom, u għalhekk wieħed irid iżid id-doża biex il-mediċina tilħaq l-iskop li tmewwet l-uġigħ. Hawn ta’ min ifakkar id-dikjarazzjoni tal-Papa Piju XII, dikjarazzjoni li għad għandha l-qawwa kollha tagħha. Għadd ta’ tobba kienu għamlulu din il-mistoqsija: ‘Ir-reliġjon u l-morali jippermettu lit-tabib u lill-marid jużaw mediċini li jmewwtu l-uġigħ u fl-istess ħin iwasslu lill-marid biex jintilef minn sensih (ukoll meta l-mewt hi fil-qrib u wkoll jekk wieħed jintebaħ li l-użu tal-mediċina se tqassar il-ħajja)?’’ Il-Papa wieġeb: ‘Jekk ma hemmx mezzi oħra, u jekk, fiċ-ċirkostanzi, dan ma jfixkilx il-qadi ta’ dmirijiet oħra reliġjużi u morali, it-tweġiba hi: ‘Iva’ [5]. F’każ bħal dan, wieħed ma jkunx irid il-mewt, u ma jkunx qed ifittixha direttament, għalkemm jagħraf li hemm ir-riskju tagħha; li wieħed ikun irid hu biss it-tnaqqis sewwa tal-uġigħ, u għal dan l-iskop qed juża l-mediċini li hemm.

Iżda jekk dawn il-mediċini li jmewwtu l-uġigħ, se jwasslu lill-marid biex jintilef minn sensih, wieħed irid iqis il-ħaġa sewwa. Il-bniedem msux biss għandu jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet morali tiegħu u l-obbligi lejn il-familja; għandu wkoll ikun jista’ jħejji ruħu sewwa, meta għadu f’sensih, għal laqgħa ma’ Kristu. Għalhekk il-Piju XII iwissi: Mhux sewwa ċċaħħad minn sensih bniedem jekk ma hemmx raġuni serja’  [6].

  

IV

Proporzjon xieraq fl-użu tar-rimedji

 

Hi ħaġa mportanti ħafna llum li, fil-mument tal-mewt, tħares kemm id-dinjita’ tal-persuna tal-bniedem u kemm il-fehma nisranija tal-ħajja minn sura ta’ mġieba ‘teknoloġika’, li tista’ ssir abbuż. Xi nies illum qed jitkellmu fuq ‘id-dritt tal-bniedem li jmut’: dan ma għandux ifisser li l-bniedem għandu d-dritt joqtol ruħu b’idejh jew jitlob lil ħaddieħor joqtlu, għax hekk jogħġbu; dan ifisser li l-bniedem għandu dritt imut fil-paċi, u li, fil-mument tal-mewt, tkun imħarsa d-dinjita’ tiegħu ta’ bniedem u ta’ nisrani. Jekk inħarsu lejn il-ħaġa b’dan il-mod, l-użu ta’ mezzi terapewtiċi jista’ joħloq xi problemi.

F’ħafna każi, is-sitwazzjoni tkun hekk komplikata, li wieħed jasal biex jiddubita kif se japplika l-prinċipji morali għall-każ li jkun. Fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni trid tiġi mill-kuxjenza tal-marid jew ta’ min għandu d-dritt jitkellem f’ismu jew tat-tabib, u trid tittieħed fid-dawl tal-obbligazzjonijiet morali u tal-aspetti kollha tal-każ li jkun.

Kulħadd hu fid-dmir li jieħu ħsieb saħtu jew ifittixha minn għand min jista’ jeħodlu ħsiebha. Dawk li huma fid-dmir li jduru bil-morda għandhom jaqdu dan id-dmir skond il-kuxjenza, u għandhom jagħtuhom ir-rimedji kollha li jeħtieġu u li jiswewlhom.

Imma hu dejjem meħtieġ tagħti lill-marid ir-rimedji kollha li jista’ ikun hemm?

Fl-imgħoddi l-moralisti kienu jghidu li ħadd ma hu obbligat juża meżżi ‘straordinarji’. Din it-tweġiba li bħala prinċipju għada tgħodd, illum m’hijiex ċara biżżejjed minħabba t-tifsir mhux eżatt biżżejjed tal-kelma, u minħabba l-progressi kbar li saru dawn l-aħħar snin l-kura tal-mard. Illum ħafna aktar jitkellmu fuq meżżi ‘proporzjonati’ u meżżi ‘mhux proporzjonati’. Hu x’inhu, wieħed jista’ jasal biex jagħti ġudizzju tajjeb dwar il-meżżi li jista’ juża, jekk iqis is-sura tal-kura li se tingħata, kemm hi komplikata, x’riskju ġġib magħha, kemm se tiswa , u kemm tista’ tagħmel użu minnha: tasal għall-ġudizzju korrett jekk tqis dan kollu u tqabblu wkoll ma’ dak li tistenna li se tagħtik din il-kura meta tqis l-istat tal-marid u l-qawwa morali u fiżika tiegħu.

 

Biex wieħed aktar malajr jagħraf kif japplika dawn il-prinċipji, inżidu dawn il-kjarifikazzjonijiet:

Ø Jekk ma hemmx  rimedji oħra tajba biżżejjed, wieħed bil-permess tal-marid, jista jirrikorri għal dawk il-mezzi li t-teknika medika avanzata tista’ tipprovdi, ukoll jekk dawk il-meżżi għadhom qed jiġu esperimentati, u hemm magħhom ċertu riskju. Jekk il-marid jaċċetta dan ir-rimedju, ikun qed juri wkoll ġenerożita kbira fis-servizz għall-bnedmin kollha.

Ø Wieħed jista’ ma jkomplix juża dawn il-meżżi jekk jara li mhux qed jagħtu r-riżultat li kien qed jistenna minnhom, u jekk il-marid jaċċetta. Meta tiġi biex tittieħed deċiżjoni bħal din, wieħed irid iqis ukoll ix-xewqat raġjonevoli tal-marid u ta’ qrabatu, u tat-tobba li jkunu speċjalisti fil-ħaġa. Dawna, mod partikulari, jistgħu jaslu biex igħidu li ma hemmx proporzjon bejn l-ispejjeż tal-istrumenti u tan-nies meħtieġa u r-riżultat lii wieħed jittama li jkun hemm; jistgħu jaslu wkoll biex igħidu li r-rimedji li se jintużaw iġibu tant tbatija u esawriment lill-marid bla ebda proporzjon mal-ġid li jkun jista’jinkiseb minnhom.

Ø Wieħed dejjem jista’ jagħmel użu biss mill-meżżi normali li toffri l-mediċina. Ħadd għalhekk ma għandu jimponi l-obbligu li tintuża teknika ta’ kura li ġa qed tiġi wżata, imma li fiha riskju u hi iebsa u tqila. Meta wieħed jirrifjuta kura bħal din ma jkunx jagħmel suwiċidju; għall-kuntrarju, ħaġa bħal din għandha titqies bħala aċċettazzjoni ta’ dik li hi l-kondizzjoni tal-bniedem, jew bħala xewqa li ma jużax kura, mhiex proporzjonata mar-riżultat li jistenna minnha, jew bħala xewqa li ma jgħabbix il-familja jew il komunita’ bi spejjeż żejda.

Ø Meta l-mewt hi fil-bieb, minkejja l-meżżi kollha li ġew użati, wieħed, fil-kuxjenza tiegħu, jista’ jiddeċiedi jirrifjuta kull sura ta’ trattament li ma jagħmilx ħaġ’oħra ħlief itawwal il-ħajja b’mod prekarju u kollu tbatija, sakemm tibqa tingħata fil-każ. F’każijiet bħal dawn, it-tabib ma għandux għalfejn joqgħod ilum lilu nnifsu li naqas li jgħin bniedem f’periklu tal-mewt.

 

 

Egħluq

Il-prinċipji ta’ din id-Dikjarazzjoni huma ispirati minn xewqa kbira li tingħata kull għajnuna lill-morda skond il-pjan ta’ Alla li ħalaqna. Il-ħajja hi don ta’ Alla: min-naħa l-oħra mill-mewt ħadd ma jeħles. Jeħtieġ għalhekk li aħna, mingħajr ma nħaffu s-siegħa tal-mewt, inkunu nistgħu nilqgħuha b’sens ta’ responsabbilta u bid-dinjita kollha.  Veru li l-mewt hi t-tmiem tal-ħajja fuq l-art, imma fl-istess ħin tiftħilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk għandna nħejju ruħna għalija fid-dawl tal-valuri tal-bniedem, u bħala nsara fid-dawl tal-fidi.

Dawk imbagħad li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina, ma għandhom qatt jittraskuraw ebda meżż li bih jistgħu jwasslu l-ħila tagħhom lill-morda u lill-moribondi, iżda għandhom jitfakru wkoll li hu wisq aktar meħtieġ li jipprovdulhom il-faraġ ta’ tjieba bla qjies u ta’ mħabba mill-qalb. Qadi bħal dan lill-morda hu wkoll qadi ta’ Kristu l-Mulej, li qal: ‘Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’. (Mt 25,40).

Fl-udjenza mogħtija lill-Prefett tal-Kongregazzjoni, il-Papa Ġwann Pawlu II, approva din id-Dikjarazzjoni, adottata fil-laqgħa ordinarja tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi, u ordna li tiġi ppubblikata.

Ruma, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, 5 ta’ Mejju 1980

 

Jerome Hamer, O.P. Arċisqof tit. Ta’ Lorium. Segretarju

Franjo Kard. Seper. Prefett
 

-----------


[1] Dikjarazzjoni fuq l-Abort, 18 ta’ Novembru 19 74 (AAS 66 (1974) p730-747

[2] Piju XII, Diskors lil dawk li ħadu sehem fil-Kungress Internazzjonali tal- Għaqdiet Kattoliċi tan-Nisa,k 11-9-1947, AAS39 (1947) p 483; Diskors lill-Għaqda tal-Qbiela Kattoliċi Taljan, 29-10-51, ASS 43 (1951) pp 835-854; Diskors lill-membri tal-Uffiċċju internazzjonali tad-dokumentazzjoni tal-mediċina militari, 19-10-53, AAS45 (1953) p. 744-754; Diskors lil dawk li ħadu sehem fid-IX Kungress tas-Soċjeta Anestesioloġika, Taljana 24-2-57, AAS 49 (1957) pp 146; ara wkoll Diskors fuq l-‘animazzjoni’ 24-11-57, AAS 49 (1957) pp. 1027-1033; Pawlu

VI Diskors lil-membri tal-Kumitat Speċjali tal-Gnus Magħquda fuq l-apartheid, 22-5-1974, AAS 66 (2974) p 346 Diskors lill-Isqfijiet tal-Istati Uniti, 5-10-1971 (AAS 71 (1971) pp.1225.

[3] Wieħed jiftakar l-aktar fir-rakkomandazzjoni 79 (1976) fuq id-drittijiet tal-morda u tal-moribondi, tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-XXVI sessjoni ordinarja, ara SIPECA n. 1 Mzu 1977 pp14-15

[4] Thallew barra l-problemi tal-piena kapitali u tal-gwerer, li jitolbu konsiderazzjonijiet oħra, li huma barra mis-suġġett preżenti

[5] Piju XII, Diskors 24-2-57 AAS 49 (1957) p.147.

[6] Piju XII ibid p,145; ara Diskors tad-9-9-1958 AAS 50 (1958) p 694.