Waqfa qasira tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta
fl-1 ta' Settembru 1990
Kważi kollha nafu li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel żewġ żjarat uffiċċjali f’pajjiżna, waħda f’Mejju 1990 u l-oħra f’Mejju 2001. F’din it-tieni żjara kien iddikjara Beati lil tliet Maltin; is-saċerdot Dun Ġorġ Preca, il-kjeriku Nazju Falzon u s-soru Adeodata Pisani.
Madankollu aktarx li ftit huma dawk fostna li jafu jew jiftakru li fl-1 ta’ Settembru 1990, propju tliet xhur wara l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu f’pajjiżna, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fi triqtu lejn it-Tanżanija, kien għamel waqfa qasira ta' madwar tletin minuta f’pajjiżna minħabba li l-ajruplan li kellu jinżel hawn għal raġunijiet tekniċi.
Il-waqfa, ippjanata minn qabel kienet imħabbra f’Ċirkulari Nru 235 tas-27 ta’ Awwissu 1990 u li kienet iffirmata mill-Kaċillier tal-Kurja Monsinjur Philip Calleja u l-Vigarju Ġenerali Moninjur Annetto Depasquale. F’din iċ-ċirkulari, l-Arċidjoċesi ta’ Malta talbet li fl-1 ta’ Settembru, mit-8.15 ta’ filgħodu, li kien il-ħin ippjanat għall-inżul tal-Qdusija Tiegħu f’Malta, tindaqq mota ta’ kwarta u biex jittellgħu l-bnadar tal-Papa. Fuq kollox il-poplu kien mistieden jitlob biex iż-Żjara Pastorali tal-vigarju ta’ Kristu fil-pajjiżi ta’ l-Afrika tkun ta’ ġid kbir u tħalli ħafna riżultati sbieħ fil-ħajja tal-Knisja żagħżugħa li tgħix f’dawn l-artijiet.
Dakinhar il-Papa lanqas biss niżel minn fuq l-ajruplan imma minflok kienu telgħu jagħtuh merħba u jitkellmu miegħu l-Arċisqof ta’ Malta Ġużeppi Merċieca, l-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi, il-President Ċensu Tabone, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u l-Viċi Prim Ministru Guido DeMarco.
Qabel ma ħalla pajjiżna l-Papa kien ħareġ fit-taraġ ta’ l-ajruplan flimkien mal-President u ma’ l-Arċisqof u minn hemm sellem lill-ħaddiema tal-ajruport u lill-persuni oħra li kienu preżenti.
Iż-żewġ ritratti rari ta’ dik l-okkażjoni li qed nuru ma’ dan ir-rapport kienu meħuda mill-fotografu tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Nirringrazzjaw lil dan id-Dipartiment li pprovdilna dawn ir-ritratti u tana l-permess biex nippublikawhom fuq dan is-sit.