
klikkja fuq
ir-ritratt ...
Ħajr lil Antoinette
Degabriele
għat-typing tad-dokument. |
ITTRA APPOSTOLIKA
TAL-PAPA ĠWANNI
PAWLI II
LIŻ-ZGĦAŻAGĦ
TAD-DINJA
FL-OKKAŻJONI
TAS-SENA
INTERNAZZJONALI
TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Għeżież ħbieb,
1. Xewqat tajba
għas-Sena
Internazzjonali
taż-żgħażagħ
"Kunu dejjem lesti
biex tagħtu tweġiba
lil kull min
jitlobkom il-għala
tat-tama li
għandkom."1
B'dan il-kliem
inkellem lilkom
iż-żgħażagħ fil-bidu
ta' din is-sena 1985
li l-Ġnus Magħquda
ħabbruha bħala
s-Sena
Internazzjonali
taż-Żgħażagħ;
ħaġa li tfisser
ħafna l-ewwel nett
għalikom
iż-żgħażagħ, imma
wkoll għan-nies
kollha ta' kull
żmien – individwi,
kommunitajiet u
s-soċjetà kollha
tal-bnedmin. Din hi
wkoll ħaġa ta'
tifsir speċjali
għall-Knisja, li
hija dik li tħares
dawk li huma
l-veritajiet u
l-valuri
fondamentali u
fl-istess ħin hi
l-ministru
tad-destin li għandu
l-bniedem u
l-familja kollha
tal-bnedmin f'Alla
nnifsu.
Il-bniedem hu t-triq
ewlenija u fl-istess
ħin it-triq ta'
kuljum tal-Knisja2,
u għalhekk mhijiex
xi ħaġa tqila biex
wieħed jifhem
għaliex il-Knisja
tagħti importanza
speċjali
liż-żmien
taż-żogħżija,
għaliex tqisu
ż-żmien li hu
l-muftieħ tal-ħajja
ta' kull bniedem.
Intom iż-żgħażagħ
intom iż-żogħżija
tan-nazzjonijiet u
tas-soċjetajiet, ta'
kull familja u
tal-bnedmin kollha;
intom ukoll
iż-żogħżija
tal-Knisja. Ilkoll
inħarsu lejkom,
għaliex aħna lkoll,
bikom, b'xi mod,
nerġgħu dejjem
insiru żgħażagħ.
Għalhekk iż-żogħżija
mhijiex xi ħaġa
tagħkom biss,
tagħkom personali,
xi ħaġa
tal-ġenerazzjoni
tagħkom biss; hi
taż-żmien kollu li
minnu jrid jgħaddi
l-bniedem fil-mixja
ta' ħajtu, u
fl-istess ħin hi
ġid speċjali ta'
kulħadd. Hi ġid
tal-familja kollha
tal-bnedmin.
Fikom hemm it-tama,
għax intom
tal-ġejjieni kif
il-ġejjieni hu
tagħkom. Għaliex
it-tama hi dejjem
marbuta
mal-ġejjieni;
tittama jiġifieri
tistenna "l-ġid li
jrid jiġi". Bħala
virtù nisranija
t-tama hi marbuta
mal-ħsieb li għad
niksbu dak il-ġid
ta' dejjem li Alla
wiegħed lill-bniedem
f'Ġesù Kristu3.
U fl-istess ħin, din
it-tama,
bħala virtù
nisranija u bħala
virtù umana, hija l-mistennija
tal-ġid li
l-bniedem jista'
jagħmel bit-talenti
li tagħtih
il-Provvidenza ta'
Alla.
F'dan is-sens
il-ġejjieni hu ħaġa
tagħkom iż-żgħażagħ,
kif darba kienet
ħaġa ta' dawk li
llum huma l-kbar, u
kien proprju
flimkien magħhom li
saret dak li hi
d-dinja llum.
Ir-responsabbiltà
tad-dinja kif inhi
llum, f'dak li hi
fiha nfisha u
fis-suriet kollha
tagħha ta' kull
xorta, hija l-ewwel
nett tal-kbar.
Ir-responsabbiltà
tagħkom hi dwar
dak li għad tkun
id-dinja flimkien
magħkom, imma dan
għad irid jiġi.
Meta ngħidu li
l-ġejjieni hu
tagħkom inkunu
qegħdin naħsbu fuq
dak li minnu jgħaddi
l-bniedem, u dan hu
dejjem xi ħaġa
fil-ġejjieni. Meta
ngħidu li l-ġejjieni
jiddependi minnkom
inkunu qegħdin
naħsbu fuq valuri
morali, fuq x'titlob
ir-responsabbiltà
morali,
responsabbiltà li
ġġiegħelna naraw
fil-bniedem, bħala
persuna – u
lill-komunitajiet u
lis-soċjetajiet li
huma magħmulin minn
bnedmin – il-valur
fondamentali ta'
kulma jagħmel, ta'
kulma jiddeċiedi,
ta' kulma jaħseb u
ta' kulma jibda.
Din id-dimensjoni hi
wkoll id-dimensjoni
proprja tat-tama
nisranija u umana. U
f'din id-dimensjoni
l-ewwel u l-aqwa
xewqa li ttenni
l-Knisja b'fommi,
lilkom iż-żgħażagħ,
hi, li f'din is-sena
dedikata
liż-żgħażagħ, intom
"tkunu tistgħu
tagħtu tweġiba lil
kull min jitlobkom
il-għala tat-tama
tagħkom"1.
2. Kristu jkellem
liż-żgħażagħ
Dawn il-kelmiet li
darba nkitbu
mill-Appostlu San
Pietru lill-ewwel
ġenerazzjoni ta'
nsara, huma marbutin
mal-Evanġelju kollu
ta' Kristu. Din
ir-rabta forsi
narawha aħjar jekk
nikkunsidraw
il-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ li
jsemmu l-Evanġelisti5.
Fost il-ħafna
siltiet
mill-Iskrittura, din
is-silta ta' min
ifakkarha f'dan
il-waqt.
Għall-mistoqsija:
"Mgħallem tajjeb,
x'għandi nagħmel
biex nikseb il-ħajja
ta' dejjem?", Ġesù
l-ewwel wieġeb
bil-mistoqsija:
"Għaliex qiegħed
issejjaħli 'tajjeb'?
Ħadd ma hu tajjeb
ħlief Alla biss".
Imbagħad żied jgħid:
"Inti l-kmandamenti
tafhom. 'La toqtolx,
la tiżnix, la
tisraqx, la tixhidx
fil-falz, la tiħux
bil-qerq dak li hu
ta' ħaddieħor,
weġġah 'il missierek
u 'l ommok'"6.
B'dan il-kliem Ġesù
fakkar liż-żagħżugħ
xi kmandamenti
ewlenin
tad-Dekalogu.
Iżda
l-konversazzjoni ma
waqfitx hawn, għax
iż-żagħżugħ wieġeb:
"Mgħallem, jien dan
kollu ili nħarsu
minn żogħżiti".
Imbagħad
l-Evanġelista jżid:
"Ġesù xeħet fuqu
ħarsa ta' mħabba
u qallu: 'Ħaġa
waħda tonqsok: mur,
bigħ li għandek,
agħtih lill-fqar, u
jkollok teżor
fis-sema: imbagħad
ejja, u imxi
warajja'."7
F'dan il-mument
l-atmosfera
tal-laqgħa titbiddel.
L-evanġelista
jikteb: "Għal dan
il-kliem ir-raġel
qarras wiċċu, u
telaq b'qalbu sewda
għax kellu ħafna
ġid."8
Hemm siltiet oħra
fl-Evanġelju fejn
naraw lil Ġesù
jiltaqa' ma'
żgħażagħ – ta' min
isemmi b'mod
speċjali ż-żewġ
darbiet li Ġesù
qajjem mill-imwiet
żewġ żgħażagħ,
il-bint ta' Ġajru9
u lil bin l-armla
ta' Najn10
– iżda nistgħu
ngħidu mingħajr
biża' li niżbaljaw
li l-laqgħa
maż-żagħżugħ hija
l-aktar waħda sħiħa
u l-aktar waħda
mimlija tagħlim.
Nistgħu ngħidu wkoll
li din il-laqgħa
għandha karattru
universali u 'l fuq
minn kull żmien,
jiġifieri, b'xi mod
għandha li hi ta'
dejjem u tibqa'
tul il-mijiet
tas-snin u f'kull
nisel. Kristu
jkellem b'dan il-mod
kull żagħżugħ, ġuvni
jew xebba,
kullimkien
fid-dinja, f'kull
nazzjon, ta' kull
ġens u kultura.
Kull wieħed u waħda
minnkom jista'
jkun dak
iż-żagħżugħ, li
miegħu Kristu
jitkellem. Fl-istess
ħin il-ġrajja kollha
ta' din
il-konversazzjoni,
il-kliem kollu li
ntqal matulha, kemm
minn Ġesù u kemm
miż-żagħżugħ, kollu
għandu tifsir, u
kollu għandu
l-importanza proprja
tiegħu. Nistgħu
ngħidu li dan
il-kliem għandu fih
verità tassew għolja
dwar il-bniedem, u
fuq kollox,
verità dwar
iż-żogħżija. Dan
il-kliem hu verament
ta' piż kbir
għaż-żgħażagħ.
Ħalluni għalhekk
norbot il-ħsibijiet
ta' din l-ittra
tiegħi mal-ġrajja
ta' din il-laqgħa,
mal-kliem
tal-Evanġelju
dwarha. Forsi b'dan
il-mod ikun eħfef
għalikom tiżviluppaw
il-konversazzjoni
tagħkom ma' Kristu
– konversazzjoni li
għandha importanza
fondamentali u
essenzjali għal kull
żagħżugħ u għal kull
żagħżugha.
3. Iż-żogħżija hi
tezor speċjali
Nibdew b'dak li
nsibu fl-aħħar silta
tal-Evanġelju.
Iż-żagħżugħ telaq
minn ħdejn Ġesù
b'qalbu sewda "għaliex
kellu ħafna ġid".
Dan il-kliem żgur
ifisser li
ż-żagħżugħ kellu jew
kien werriet ta'
ħafna ġid materjali.
Forsi biss xi
żgħażagħ huma f'din
il-qagħda, iżda din
mhijiex il-qagħda
proprja
taż-żgħażagħ.
Għalhekk kliem
l-evanġelista
jġiegħelna nħarsu
lejn il-ħaġa mod
ieħor; iż-żogħżija
hi fiha nfisha
teżor speċjali
tal-bniedem, ta'
żagħżugħ jew
żagħżugħa – hemm jew
ma hemmx ġid
materjali – u spiss
iż-żgħażagħ jgħixu
żogħżithom qisha xi
teżor speċjali,
spiss, imma mhux
dejjem u mhux bi
drawwa, għax
fid-dinja ma jonqsux
nies li għal xi
raġuni jew oħra ma
jgħixux żogħżithom
qisha xi teżor. Imma
din il-ħaġa narawha
għaliha.
Iżda hemm raġunijiet
– u huma raġunijiet
bil-fatti li
jġiegħeluna nqisu
ż-żogħżija xi teżor
speċjali li wieħed
igawdi f'mument
partikulari
tal-ħajja. Hu żmien
li jingħażel sewwa
minn żmien
it-tfulija (huwa
żmien li fih wieħed
iħalli tfulitu), kif
jingħażel sewwa
wkoll miż-żmien li
fih il-bniedem
jilħaq il-kobor sħiħ
tiegħu bħala
bniedem. Żmien
iż-żogħżija huwa
ż-żmien li fih
il-bniedem jara
bil-qawwa kollha hu
x'inhu bħala
bniedem, u x'inhuma
l-kwalitajiet u
l-kapaċitajiet
kollha tiegħu. Huwa
u jħares fih innifsu
u jara lilu nnifsu
jikber bħala
bniedem, iż-żagħżugħ
(jew iż-żagħżugħa),
bil-mod il-mod u
ftit ftit, jintebaħ
x'inhi l-ħila
proprja tiegħu bħala
bniedem, ħila li ma
hemmx oħra bħalha u
li tiġbor fiha
l-pjan tal-ħajja
kollha tiegħu
fil-ġejjieni. Ħajtu
jaraha bħala dan
il-pjan li qiegħed
iseħħ, bħallikieku
hu nnifsu qiegħed
jilħaq il-kobor
kollu tiegħu bħala
bniedem.
Din il-ħaġa wieħed
jista' jħares lejha
u jfissirha f'aktar
minn sura waħda:
iżda biex infissruha
fi ftit kliem,
nistgħu ngħidu li hi
s-sura u l-mod ta'
dak it-teżor li hi
ż-żogħżija. Dan
it-teżor hu l-għana
u l-ġid li tagħraf,
torganizza u tagħżel
x'deċiżjonijiet
personali se tieħu,
tintebaħ bihom minn
qabel u tkun
responsabbli
tagħhom,
deċiżjonijiet li se
jkunu importanti
għall-ġejjieni
fil-ħajja
strettament
personali tiegħek.
Fl-istess ħin dawn
id-deċiżjonijiet
għandhom ukoll
importanza soċjali
kbira. Iż-żagħżugħ
tal-Evanġelju kien
qiegħed proprju
f'dan il-waqt ta'
ħajtu, kif naraw
mill-mistoqsija li
għamel lil Ġesù.
Għalhekk l-aħħar
kelmiet dwar
il-"ħafna ġid" –
jiġifieri għana –
nistgħu nifhmuh
ukoll fis-sens li
l-istess żogħżija
hija teżor ta' għana
u ġid.
Iżda jkollna nagħmlu
din il-mistoqsija:
Dan it-teżor
taż-żogħżija bilfors
ibiegħed il-bniedem
minn Alla? Żgur li
l-evanġelista dan ma
jgħidux; anzi, jekk
ngħarblu sewwa
l-kliem
tal-Evanġelju, naslu
għall-konklużjoni
oħra. Id-deċiżjoni
li jitbiegħed minn
Kristu għalkollox,
iż-żagħżugħ wasal
għaliha minħabba
l-ġid materjali,
minħabba dak li
kellu. U mhux
minħabba dak li
kien. Dak li
kien jiġifieri għax
kien żagħżugħ –
it-teżor moħbi
taż-żogħżija –
wasslu għand Ġesù u
ġiegħelu wkoll
jagħmel dawk
il-mistoqsijiet li
juru ċar ħafna
t-tħassib tiegħu
dwar il-pjan ta'
ħajtu kollha kemm
hi. X'għandi
nagħmel? "X'għandi
nagħmel biex nikseb
il-ħajja ta'
dejjem?" X'għandi
nagħmel biex
ħajti jkollha s-siwi
u t-tifsir sħiħ
tagħha?
Iż-żogħżija ta' kull
wieħed u waħda
minnkom, ħbieb, hi
teżor li jidher
proprju f'dawn
il-mistoqsijiet.
Il-bniedem tul ħajtu
kollha jagħmel dawn
il-mistoqsijiet.
Iżda fi żmien
iż-żogħżija dawn
il-mistoqsijiet
isiru bil-qawwa
kollha u jridu
tweġiba malajr,
u jsiru bla heda. U
din hi ħaġa tajba.
Dawn il-mistoqsijiet
juru b'liema
dinamiżmu, b'liema
ħeġġa qiegħed
jiżviluppa l-bniedem
bħala bniedem: huwa
d-dinamiżmu proprju
taż-żogħżija. Intom
xi kultant tagħmlu
dawn il-mistoqsijiet
u ma għandkomx sabar
tistennew tweġiba, u
fl-istess ħin intom
stess tifhmu li
t-tweġiba ma tistax
tingħata bil-għaġġla
u fuq fuq.
It-tweġiba trid tkun
tassew tiswa, tkun
ċara u tgħodd għal
dak li jkun. Hija
tweġiba li għandha
x'taqsam mal-ħajja
kollha ta' dak li
jkun, tħaddan
ħajtu kollha bħala
bniedem.
Dawn il-mistoqsijiet
essenzjali jaħmluhom
b'mod speċjali dawk
iż-żgħażagħ li minn
tfulithom sabu
ruħhom magħfusin
mit-toqol
tat-tbatija:
minħabba xi nuqqas
jew difett fiżiku,
minħabba xi marda
jew xi handicap
jew minħabba
l-qagħda diffiċli
tal-familja jew
tal-ambjent soċjali
li fih jgħixu. Jekk
moħħhom imbagħad
fl-istess ħin
jiżviluppa b'mod
normali,
il-mistoqsija dwar
it-tifsir u s-siwi
tal-ħajja ssir
għalihom mistoqsija
essenzjali ħafna u
b'mod speċjali
traġika wkoll,
għaliex
il-mistoqsija
tagħhom hi mill-bidu
nett immarkata
bis-sinjali
tat-tbatija
tal-ħajja. U kemm
hemm żgħażagħ minn
dawn fil-kotra kbira
taż-żgħażagħ
fid-dinja kollha;
fin-nazzjonijiet u
s-soċjetajiet
kollha; fil-familji!
Kemm minnhom kellhom
jgħixu minn
tfulithom f'xi
istitut jew f'xi
sptar, f'qagħda li
ma jistgħu jagħmlu,
tista' tgħid, xejn,
qagħda li twassalhom
biex iħossu li huma
ma jiswew xejn
għall-bnedmin
tad-dinja!
Nistgħu għalhekk
ngħidu li ż-żogħżija
ta' dawn hi wkoll
teżor moħbi? Lil min
se nagħmlu din
il-mistoqsija? Lil
min se jagħmlu huma
din il-mistoqsija
essenzjali? Milli
jidher din
il-mistoqsija tista'
ssir biss lil
Kristu, għax hu biss
jista' jweġibha, u
ma hemmx ħaddieħor
li jista' jidħol
għal kollox floku.
4. Alla hu mħabba
Kristu jwieġeb
liż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, u
jgħidlu: "Ħadd ma hu
tajjeb ħlief Alla
biss". Smajna ġà dak
li kien staqsa
ż-żagħżugħ:
"Mgħallem tajjeb,
x'għandi nagħmel
biex nikseb il-ħajja
ta' dejjem?" Kif
għandi nġib ruħi
biex ħajti jkollha
t-tifsir tagħha,
it-tifsir sħiħ u
l-qawwa kollha
tagħha? Nistgħu
nagħmlu din
il-mistoqsija bi
kliem tal-lum. U
jekk nagħmluha b'dan
il-mod it-tweġiba
ta' Kristu tkun din:
Alla biss fl-aħħar
mill-aħħar hu
l-pedament ta' kull
ġid; Alla biss
tajjeb; u dan
ifisser li hu biss
hu l-bidu u t-tmiem
ta' kull ġid; hu
l-"Alpha u l-Omega,
il-bidu u t-tmien"11.
Fih biss kull ġid
jitwettaq għal
kollox u jikseb
il-verità sħiħa
tiegħu. Mingħajru
– jiġifieri jekk
inwarrbu 'l Alla –
il-ġid kollu maħluq
jibqa' qisu mdendel
f'vojt u baħħ bla
qjies; ma jibqax
aktar jidher b'mod
ċar, ma jibqa'
jfisser xejn.
Id-deni jibda jidher
qisu ġid, u l-ġid
jitwaarrab fil-ġenb.
Dan ma narawhx
mill-esperjenza
taż-żminijiet
tagħna, kull fejn
Alla ġie mwarrab
mill-valuri,
mill-fehmiet u
mill-ħidma
tal-bniedem?
Għaliex Alla biss hu
tajjeb? Għaliex
hu Mħabba.
Kristu jagħti din
it-tweġiba bi kliem
l-Evanġelju, u fuq
kollox bix-xhieda
tal-ħajja u tal-mewt
tiegħu. "Għax Alla
hekk ħabb id-dinja
li ta lil Ibnu
l-waħdieni"12.
Alla hu tajjeb
proprju għaliex "hu
mħabba"13.
Kif għidt,
il-mistoqsija dwar
is-siwi tal-ħajja,
dwar it-tifsir
tal-ħajja, hi parti
mit-teżor proprju
taż-żogħżija. Toħroġ
mill-qalba
tal-għana u
tat-tħassib li
hu marbut mal-pjan
ta' ħajja li kull
bniedem irid ifassal
u jagħmel. Aktar u
aktar imbagħad hi
importanti din
il-mistoqsija, meta
ż-żagħżugħ hu
mġarrab hu nnifsu
mit-tbatija, jew
meta hu milqut
f'laħam il-ħaj
mit-tbatija
tal-oħrajn, meta
jħoss ruħu mħawwad
fuq li mħawwad huwa
u jara kemm hemm
deni fid-dinja, u,
fl-aħħar nett meta
jsib ruħu wiċċ imb
wiċċ mad-dnub, wiċċ
imb wiċċ mal-ħażen
tal-bniedem (mysterium
iniquitatis)14.
It-tweġiba ta'
Kristu hi din: "Alla
biss hu tajjeb";
Alla biss hu mħabba.
Din it-tweġiba
tidher iebsa, iżda
hi fl-istess ħin
soda u vera wkoll
għax tagħti
soluzzjoni ċerta u
żgura. Kemm
nitlob, għeżież
ħbieb żgħażagħ
tiegħi, kemm nitlob
li tilqgħu t-tweġiba
ta' Kristu qisha
magħmula lilkom
stess; kemm nitlob
li ssibu dik it-triq
tar-ruħ li
twassalkom biex
tifhmuha, tilqgħuha
u tagħmluha.
Hekk ġab ruħu Ġesù
fil-konversazzjoni
tiegħu maż-żagħżugħ;
hekk iġib ruħu
fid-djalogu ma' kull
wieħed u waħda
minnkom. Meta
tgħidulu: "Mgħallem
tajjeb", hu
jistaqsikom,
"Għaliex qiegħed
issejjaħli tajjeb?
Ħadd ma hu tajjeb
ħlief Alla biss".
Għalhekk, għax jiena
tajjeb, jien
nagħti xhieda għal
Alla. "Min ra
lili ra l-Missier15.
Hekk jitkellem
Kristu, l-imgħallem
u l-ħabib, Kristu
msallab u rxoxt;
dejjem l-istess
il-bieraħ, illum u
għal dejjem16.
Dan hu l-qofol,
il-punt essenzjali
tat-tweġiba għal
dawk il-mistoqsijiet
li intom iż-żgħażagħ
tagħmlulu mit-teżor
li hemm fikom, li
għandu għeruqu
f'żogħżitkom.
Iż-żogħżija tagħkom
tiftħilkom
quddiemkom ħafna
prospettivi
differenti;
tgħabbikom bid-dmir
li tagħmlu pjan għal
ħajjitkom kollha.
Għalhekk
il-mistoqsija dwar
x'inhuma l-valuri;
għalhekk
il-mistoqsija dwar
xi tfisser il-ħajja,
x'inhi l-verità,
x'inhu t-tajjeb u
x'inhu l-ħażin. Meta
Kristu huwa u
jweġibkom u
jgħidilkom biex
tirriferixxu dan
kollu lil Alla, hu
jkun jurikom li
l-bidu u l-pedament
ta' dan kollu jinsab
fikom stess. Dan
għaliex kull wieħed
minnkom hu,
mill-ħolqien,
sura u xbieha ta'
Alla17.
Din is-sura u
xbieha ta' Alla
li intom, twassalkom
biex tagħmlu dawk
il-mistoqsijiet li
għandkom tagħmlu
lilkom infuskom.
Dawn il-mistoqsijiet
juru kemm il-bniedem
ma jistax jifhem
lilu nnifsu mingħajr
Alla, u lanqas
jista' mingħajr Alla
jilħaq il-kobor
sħiħ tiegħu bħala
bniedem. Ġesù
Kristu ġie fid-dinja
l-aktar biex kull
wieħed minna
jintebaħ b'dan.
Mingħajru hi ħaġa
ħafifa ħafna li
tintesa għal kollox
din id-dimensjoni
fondamentali
tal-verità dwar
il-bniedem. "Id-dawl
ġie fid-dinja"18,
iżda "d-dlamijiet ma
għarfuhx"19.
5. Il-mistoqsija
dwar il-ħajja ta'
dejjem.......
X'għandi nagħmel
biex ħajti tkun
tiswa, biex ikollha
tifsir? Dan huwa
l-kliem
tal-mistoqsija
ħerqana li toħroġ
minn fomm
iż-żagħżugħ
tal-Evanġelju huwa u
jistaqsi: "X'għandi
nagħmel biex nikseb
il-ħajja ta'
dejjem?"
Bniedem li jagħmel
il-mistoqsija b'dan
il-mod, in-nies
tal-lum jifhmuh?
M'aħniex nies illum
li l-fehma tagħhom,
dwar il-ħajja hi
mibnija tista' tgħid
kollha kemm hi
fuq id-dinja u
l-progress
fid-dinja?
Ħsibijietna huma
kollha fid-dinja.
Jekk bi ħsibijietna
mmorru 'l hemm
mid-dinja,
ħsibijietna jkunu
dwar titjir
fl-ispazju, dwar kif
se nibgħatu sinjali
lejn pjaneti oħra,
dwar strumenti li
jintbagħtu
jistħarrġu pjaneti
oħra.
Din hi llum
iċ-ċiviltà tagħna.
Ix-xjenza flimkien
mat-teknoloġija
sabu, b'mod
tal-għaġeb, x'ħila u
x'setgħa għandu
l-bniedem fuq
il-materja li waslet
biex taħkem sa
fil-fond
tal-ħsibijiet,
tal-fakultajiet,
tal-inklinazzjonijiet
u tax-xewqat kollha
tiegħu.
Fl-istess ħin,
meta aħna nqiegħdu
ruħna quddiem
Kristu, meta
niftħu qalbna miegħu
u nagħmlulu
l-mistoqsijiet ta'
żogħżitna, malajr
nintebħu li l-mistoqsijiet
li rridu nagħmlulu
mhux se jkunu
differenti minn
dawk taż-żagħżugħ
tal-Evanġelju:
"X'għandi nagħmel
biex nikseb il-ħajja
ta' dejjem"? Kull
mistoqsija oħra dwar
it-tifsir u s-siwi
tal-ħajja, quddiem
Kristu, ma tkunx
biżżejjed, ma tkunx
tiswa.
Kristu mhuwiex biss
l-"Imgħallem
tajjeb", li jurina
fuq l-art it-triq
tal-ħajja; hu
xhud ukoll
tad-destin ta'
dejjem li l-bniedem
għandu f'Alla. Hu
xhud
tal-immortalità
tal-bniedem.
L-Evanġelju li
Kristu xandar
b'fommu ġie mwettaq
darba għal dejjem
bis-salib u
l-qawmien
mill-imwiet
fil-misteru
tal-Għid: "Kristu
qam mill-imwiet u ma
jmutx aktar; il-mewt
ma għadhiex taħkem
fuqu"20.
Bil-qawmien tiegħu
mill-imwiet, Kristu
sar ukoll għal kull
żmien "sinjal li
jmeruh"21,
quddiem kull ħsieb u
kull fehma li ma
jistgħux iwasslu
l-bniedem 'l hemm
mill-mewt.
Quddiem il-mewt dawn
il-fehmiet u dawn
il-ħsibijiet
m'għandhomx tweġiba
dwar il-valur u
t-tifsir tal-ħajja.
Quddiem dawn
il-fehmiet u
ħsibijiet, quddiem
dan il-mod kif
wieħed iħares lejn
id-dinja, quddiem
dawn l-ideoloġiji,
Kristu jtenni
dejjem: "Jien hu
l-qawmien u l-ħajja"22.
Għalhekk, ġuti
għeżież, jekk tridu
tkellmu 'l Kristu u
tilqgħu l-verità
sħiħa tax-xhieda
tiegħu, tridu
min-naħa l-waħda "tħobbu
d-dinja – Alla
hekk ħabb id-dinja
li ta lil ibnu
l-waħdieni"23
– u fl-istess ħin
tridu jkollkom
qalbkom miftuma għal
kollox minn dik
ir-"realtà" tlellex
u ssaħħar li hi
"d-dinja". Jeħtieġ
tiddeċiedu li
tagħmlu l-mistoqsija
dwar il-ħajja ta'
dejjem. Għaliex
"is-sura ta' din
id-dinja għad
tgħaddi"24
u kull wieħed u
waħda minna jrid
jgħaddi minn din
id-dinja. Meta
l-bniedem jitwieled,
għandu ġà
quddiemu li xi
darba jrid imut u
jħalli d-dinja li
naraw; iżda
fl-istess ħin
il-bniedem iħoss fih
innifsu li qiegħed
jgħix biex jirbaħ
lilu nnifsu, u
għandu wkoll fih
innifsu kulma
jeħtieġ biex jirbaħ
id-dinja.
Kulma għandu
l-bniedem fih
innifsu biex bih
jirbaħ id-dinja –
minkejja li huwa
fid-dinja – jsib
it-tifsira tiegħu
fil-fatt li hu
maħluq sura u xbieha
ta' Alla, sura u
xbieha li hi
fil-bniedem sa
mill-bidu tiegħu.
Kulma għandu
l-bniedem biex
jirbaħ id-dinja,
mhux biss iwassluh
biex jistaqsi
dwar il-ħajja ta'
dejjem, imma
jwasslu wkoll biex
ma jkunx jista' ma
jistaqsix dwar
il-ħajja ta' dejjem.
Il-mistoqsija dwar
il-ħajja ta' dejjem
ilha ssir
mill-bniedem, mhux
biss fi ħdan
ir-reliġjon
nisranija, iżda
wkoll barra
mir-reliġjon
nisranija. Jeħtieġ
ikollkom dik
il-ħeġġa tal-qalb
biex tagħmlu din
il-mistoqsija, li
kellu ż-żagħżugħ
tal-Evanġelju.
Ir-reliġjon
nisranija tgħallimna
li aħna nifhmu
x'inhu ż-żmien ta'
issa fid-dawl
tal-ħajja ta' dejjem
u tas-Saltna ta'
Alla. Mingħajr dan
id-dawl, il-ħajja
tal-bniedem f'dan
iż-żmien, għalkemm
mogħnija b'kull ġid,
għalkemm żviluppata
mill-aħjar f'kollox,
fl-aħħar mill-aħħar
ma twasslux ħlief
biex ikun jaf li se
jmut żgur.
Hemm qisha
oppożizzjoni bejn
iż-żogħżija u
l-mewt, għax
il-mewt tidher 'il
bogħod ħafna
miż-żogħżija. Veru.
Iżda ż-żogħżija
tfisser pjan ta'
ħajja sħiħa, pjan
imfassal bi kriterji
ta' valuri veri u
ta' tifsir veru –
għalhekk
fiż-żogħżija huwa
meħtieġ ukoll li
wieħed jistaqsi
x'se jkun it-tmiem.
L-esperjenza
tal-bniedem waħidha
tasal biex tgħid dak
li nsibu
fl-Iskrittura:
"Il-bnedminn
għandhom imutu darba
biss"25,
u l-kittieb,
imnebbaħ minn Alla,
jżid: "u wara dan
isir il-ġudizzju"26.
Imma Kristu jgħid:
"Jiena hu
l-qawmien u l-ħajja.
Kull min jemmen
fija, ukoll jekk
imut, igħix, u kull
minn igħix u jemmen
fija ma jmut qatt"27.
Għalhekk staqsu lil
Kristu dak li
staqsih iż-żagħżugħ
tal-Evanġelju:
"X'għandi nagħmel
biex nikseb il-ħajja
ta' dejjem?"
6. .......dwar
il-moralità u
l-kuxjenza
Għal din
il-mistoqsija Ġesù
wieġeb: "Inti
l-kmandamenti
tafhom", u
semmihomlu. Dawn
il-kmandamenti Mosè
rċevihom fuq
l-għolja tas-Sinaj,
meta seħħ il-patt
bejn Alla u Israel.
Kienu miktuba fuq
twavel tal-ġebel28
u kienu kuljum juru
lil-Lhud liema
kienet triqthom29.
Iż-żagħżugħ li mar
ikellem lil Kristu,
il-kmandamenti kien
jafhom bl-amment, u
kollu ferħan seta'
jgħid: "Dan kollu
ili nħarsu sa minn
żogħżiti"30.
Għandi naħseb li
meta kull wieħed u
waħda minnkom,
għeżież żgħażagħ,
tiltaqgħu ma'
Kristu,
jagħmlilkom l-istess
mistoqsija: "Inti
l-kmandamenti
tafhom?" Din
il-mistoqsija żgur
jagħmililkom,
għaliex
il-kmandamenti huma
parti mill-patt ta'
Alla mal-familja
kollha tal-bnedmin.
Il-kmandamenti huma
l-ewwel pedament ta'
kif għandna nġibu
ruħna, jgħidulna
x'inhu s-siwi
morali tal-għemil
tal-bniedem,
huma marbutin b'mod
"organiku" mas-sejħa
tal-bniedem
għall-ħajja ta'
dejjem, u
mat-twaqqif
tas-Saltna ta' Alla
fil-bniedem u fost
il-bnedmin. Fi kliem
ir-Rivelazzjoni ta'
Alla lill-bniedem
hemm il-liġi
ewlenija tal-imġiba,
li tagħha l-aqwa
parti huma t-twavel
tal-għaxar
kmandamenti, li
nkitbu fuq l-għolja
tas-Sinaj u laħqu
l-perfezzjoni
fl-Evanġelju:
fid-diskors
tal-muntanja31
u fil-kmandament
tal-imħabba32.
Din il-liġi
tal-imġiba hi wkoll
miktuba mod ieħor.
Hi miktuba
fil-kuxjenza morali
ta' kull bniedem
tant li dawk li ma
jafux
bil-kmandamenti,
jiġifieri bil-liġi
li Alla ta
lill-bnedmin, "huma
liġi għalihom
infushom"33.
Hekk jikteb San Pawl
fl-Ittra
lir-Rumani, u
minnufih iżid: "Dawn
juru b'għemilhom li
l-liġi hi miktuba
f'qalbhom u dan
tixhdu wkoll
il-kuxjenza u
r-raġuni tagħhom"34.
Dawn huma
kwistjonijiet ta'
importanza kbira
għaż-żogħżija
tagħkom, u
għall-pjan ta' ħajja
li jrid joħroġ
minnha.
Dan il-pjan ta'
ħajja jkollu quddiem
u l-ħajja ta' dejjem
l-ewwel nett jekk
iqis il-verità
tal-għemil li bih
irid iseħħ. Din
il-verità tal-għemil
għandha l-pedament
tagħha fiż-żewġ
suriet li bihom
taslilna l-liġi
morali: dik miktuba
fuq it-twavel
tal-liġi ta' Mosè u
fl-Evanġelju, u dik
qisha minquxa
fil-kuxjenza morali
ta' kull bniedem.
Il-kuxjenza, jikteb
San Pawl, tagħti
xhieda ta' din
il-liġi. U din
il-kuxjenza, kif
naqraw fl-Ittra
lir-Rumani,
"issa takkuża u issa
tapprova għemilhom"35.
Kulħadd jara kemm
dan il-kliem jaqbel
mal-verità li hemm
fina: kull wieħed
minna sa minn
tfulitu jisma' leħen
il-kuxjenza tiegħu.
Mela meta Kristu,
fil-konversazzjoni
tiegħu maż-żagħżugħ,
semmielu
l-kmandamenti: "La
toqtolx, la tiżnix,
la tisraqx, la
tixhedx fil-falz, la
tiħux bil-qerq dak
li hu ta' ħaddieħor,
weġġah 'il missierek
u 'l ommok"36,
il-kuxjenza tajba
ġewwa fih tagħtu
tweġiba għall-għemil
li jkun għamel:
tapprova jew
takkuża. Iżda
jeħtieġ li
l-kuxjenza ma
titbiegħedx mit-triq
it-tajba; jeħtieġ li
l-pedament
tal-prinċipji
fondamentali
tal-morali ma jiġux
imħassra b'xi sura
ta' "relattiviżmu" u
"utilitariżmu"
morali.
Għeżież żgħażagħ,
ħbiebi! It-tweġiba
li Kristu jagħti
liż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, hi
tweġiba li hu jagħti
lil kull wieħed u
waħda minnkom.
Kristu jrid
jistħarreġ
il-qagħda morali
tagħkom, u
jistaqsikom dwar
il-qagħda
tal-kuxjenza
tagħkom. Din hi
l-aqwa mistoqsija
għall-bniedem,
l-aktar waħda
importanti; hi
mistoqsija
fondamentali
għaż-żogħżija
tagħkom, u għandha
qawwa kbira
għall-pjan ta'
ħajjitkom kollha,
pjan li tridu
tfasslu
f'żogħżitkom. Din
il-mistoqsija
għandha rabta liema
bħalha mal-mod kif
kull wieħed u waħda
minnkom iġġibu
ruħkom quddiem
it-tajjeb u l-ħażin.
Is-siwi tal-pjan ta'
ħajjitkom jiddependi
essenzjalment
mill-kuxjenza
tagħkom, minn kemm
hi vera u tajba, u
tiddependi wkoll
mis-sensibbiltà
tagħha.
Dan hu mument
diffiċli ħafna
għaliex f'kull pass
li jagħmel
il-bniedem bħala
bniedem, il-ħajja
fid-dinja llum u
l-ħajja ta' dejjem
jiltaqgħu dejjem
flimkien.
Kull pass li
l-bniedem jagħmel
bħala bniedem
jagħmlu fuq
il-livell
tal-kuxjenza, fuq
il-livell tal-valuri
morali, għaliex
hawn qiegħda
d-dimensjoni l-aktar
importanti taż-żmien
u tal-ġrajja
tal-bniedem
fid-dinja. Għaliex
il-ġrajja
tal-bniedem ma
sseħħx biss bi
ġrajjiet li b'xi mod
huma "barra" 'l
bniedem, imma qabel
kollox titfassal
"ġewwa" l-bniedem:
hi l-ġrajja
tal-kuxjenzi
tal-bnedmin li
jew jirbħu jew jiġu
mirbuħa. Fuq dan
ukoll jinbena
l-aktar il-kobor
tal-bniedem:
id-dinjità vera
tiegħu bħala
bniedem. Dan huwa
dak it-teżor moħbi
fil-bniedem, li bih
il-bniedem bla
heda jirbaħ lilu
nnifsu f'dak li
għandu x'jaqsam
mal-ħajja ta'
dejjem. Jekk hu
minnu li "l-bnedmin
għandhom imutu darba
biss", u minnu wkoll
li l-bniedem se
jġorr miegħu, 'l
hemm mill-mewt,
it-tajjeb u l-ħażin
kollu li jkun ġabar
tul ħajtu kollha
biex quddiem dak
li hu l-istess
qdusija, jara
l-verità sħiħa li
tibqa' għal dejjem
ta' kollha kemm hi
ħajtu, "u wara dan
isir il-ġudizzju"37.
Dan hu li jiġri
fil-kuxjenza tagħna
għax fil-verità ta'
kull għemil tagħna
fih innifsu, hemm
dejjem, b'xi mod,
id-dimensjoni
tal-ħajja ta'
dejjem. Fl-istess
waqt il-kuxjenza,
permezz tal-valuri
morali tissiġilla,
b'mod li tassew
ifisser, il-ħajja
ta' kull
ġenerazzjoni,
il-ħajja u l-kultura
tal-ambjenti kollha
tal-bniedem,
tas-soċjetajiet,
tan-nazzjonijiet u
tal-familja kollha
tal-bnedmin.
F'dan il-qasam, kemm
hemm x'jiddependi
minn kull wieħed u
waħda minnkom!
7. Ġesù xeħet fuqu
ħarsa ta' mħabba
Aħna u nkomplu
neżaminaw
il-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ
tal-Evanġelju,
ngħaddu issa
għall-aspett ieħor
ġdid u deċisiv.
Iż-żagħżugħ kellu
tweġiba fondamentali
u essenzjali
għall-mistoqsija li
għamel: "X'għandi
nagħmel biex nikseb
il-ħajja ta'
dejjem?" Din
it-tweġiba kienet
taqbel mal-ħajja
kollha li kien għex
sa dakinhar: "Dan
kollu ili nħarsu sa
minn żogħżiti". Kemm
nixtieq li kull
wieħed u waħda
minnkom il-ħajja
kollha li għex
sal-lum tkun taqbel
mat-tweġiba ta'
Kristu. Anzi
nixtieq li
ż-żogħżija tagħtikom
pedament sod ta'
prinċipji tajba,
biex il-kuxjenza
tagħkom, f'dawn
is-snin
taż-żogħżija, tasal
biex tkun ċara daqs
dik ta' min laħaq
il-kobor sħiħ tiegħu
bħala bniedem,
jiġifieri li tul
ħajjitkom kollha,
kull wieħed u waħda
minnkom, ikun
"bniedem ta'
kuxjenza", "bniedem
ta' prinċipju", "bniedem
ta' min jafdah u
jemmnu". Bniedem
imsawwar b'dan
il-mod, fl-imġiba
morali tiegħu, jgħin
ħafna l-ħajja "komunitarja",
kif jgħidu,
tal-familja,
tas-soċjetà, ta'
kull ħidma
professjonali,
kulturali u
politika, u fl-aħħar
nett tal-komunità
tal-Knisja – ta'
dawk l-oqsma kollha
li fihom intom
għandkom x'taqsmu
jew għad ikollkom
x'taqsmu. Din
mhijiex ħlief li
wieħed għandu jkun
tassew bniedem, li
jkun tassew
żviluppa ruħu
bis-sħiħ bħala
bniedem, raġel
jew mara, b'dawk
il-kwalitajiet
kollha li jagħmluh
dak li hu u mhux
ħaddieħor, u
fl-istess ħin iħalli
s-sinjal tiegħu
fil-ħajja
tal-komunità u
fl-ambjenti kollha,
ibda mill-familja,
li fihom jgħix. Kull
wieħed u waħda
minnkom għandu, b'xi
mod, jgħix biex
jikber il-ġid u
l-għana ta' dawn
il-komunitajiet,
l-aktar billi jkun
dak li hu fih
innifsu. Mhux
din hi t-triq
taż-żogħżija, li hi
t-teżor tal-ġid
"personali" ta' kull
wieħed u waħda
minnkom? Il-bniedem
iqis lilu nnifsu,
iqis in-natura
tiegħu ta' bniedem
li hu, billi jkun
"għall-oħrajn",
kif hu f'dak li
hu għalih innifsu,
u kif hu f'dak li
"hu mal-oħrajn"
fid-dinja.
Hawn jiksbu tifsir
deċisiv
il-kmandamenti u
l-Evanġelju, l-aktar
il-kmandament
tal-imħabba, li
jwassal il-bniedem
biex idur lejn Alla
u lejn għajru.
L-imħabba hi
l-"qofol"
tal-perfezzjoni38.
Biha l-bniedem u
l-għaqda tal-bnedmin
bħala aħwa jilħqu
l-kobor l-aktar sħiħ
tagħhom. Għalhekk
l-imħabba "hi
l-aqwa"39
u l-ewwel fost
il-kmandamenti
kollha, kif jgħallem
Kristu40:
fil-kmandament
tal-imħabba jinġabru
l-kmandamenti kollha
u jsiru kmandament
wieħed.
It-tama tiegħi għal
kull wieħed u waħda
minnkom hi li
mit-triq
taż-żogħżija tagħkom
taslu għand Kristu,
biex quddiemu,
bix-xhieda
tal-kuxjenza
tagħkom, tkunu
tistgħu twettqu din
il-liġi morali
tal-Evanġelju, li
tul iż-żminijiet,
resqu lejha, b'xi
mod, tant nies ta'
spirtu nobbli u
għoli.
Ma hemmx għalfejn
hawn inwettqu din
il-ħaġa bi provi li
nsibuhom fil-ġrajja
kollha tal-bniedem
tul iż-żminijiet. Hi
ħaġa żgura li sa
minn żminijiet
l-aktar imbegħda,
il-kuxjenza
mexxiet kull bniedem
lejn regola morali
oġġettiva, li tidher
fir-rispett
għall-oħrajn, li
jintwera bil-fatti,
u li tidher
fil-prinċipju li
jgħid li ma għandekx
tagħmel lil
ħaddieħor dak li ma
tridx li ħaddieħor
jagħmel lilek41.
F'dan naraw ġà
qiegħda b'mod tassew
ċar dik il-liġi
morali oġġettiva li
San Pawl jgħid li hi
"miktuba fi qlubna"
u "tixhdu wkoll
il-kuxjenza u
r-raġuni tagħna"42.
Fiha n-nisrani
malajr jilmaħ qisu
raġġ tal-Verb ta'
Alla li ħalaq kollox
u li jdawwal kull
bniedem43;
u għaliex hu
dixxiplu ta' dan
il-Verb li sar
bniedem, in-nisrani
jasal għal dik
il-liġi aktar għolja
tal-Evanġelju, li
tgħidlu b'mod
definittiv li għandu
jagħmel lil għajru
l-ġid kollu li
jixtieq li jsir lilu
– din hi l-liġi
tal-imħabba. B'dan
il-mod jissiġilla
l-leħen tal-kuxjenza
ħiereġ mill-fond ta'
qalbu billi
jintrabat b'mod sħiħ
ma' Kristu u
mal-kelma tiegħu.
It-tama tiegħi
għalikom hi wkoll li
intom, wara li
tagħrfu liema huma
l-problemi l-aktar
essenzjali u l-aktar
importanti ta'
żogħżitkom,
jiġrilkom, fil-pjan
tal-ħajja kollha li
għandkom quddiemkom,
dak li jgħid
l-Evanġelju: "Ġesù
xeħet fuqu ħarsa ta'
mħabba". It-tama
tiegħi hi li Ġesù
jixħet fuqkom din
il-ħarsa... It-tama
tiegħi hi li intom
taraw il-verità ta'
din il-ħarsa ta'
mħabba li Kristu
jixħet fuqkom!
Ġesù jixħet ħarsa
ta' mħabba fuq kull
bniedem. U dan
iwettqu l-Evanġelju
kemm-il darba. Anzi
nistgħu ngħidu li
l-qofol tal-Bxara
t-Tajba tinsab
f'din "il-ħarsa ta'
mħabba" ta' Kristu.
Jekk irridu naraw
kif bdiet din
il-ħarsa, irridu
mmorru għall-Ktieb
tal-Ġenesi, għal dak
il-mument li fih,
wara li Alla ħalaq
il-bniedem "raġel u
mara", ra li dak li
għamel "kien tajjeb
ħafna"44.
Din l-ewwel ħarsa
ta' Alla li ħalaq
kollox, tiddi
fil-ħarsa li Kristu
xeħet fuq
iż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, huwa
u jitkellem miegħu.
Nafu wkoll li
Kristu mbagħad
wettaq u ssiġilla
din il-ħarsa tiegħu
bis-sagrifiċċju
tal-fidwa tagħna fuq
is-salib,
għaliex permezz ta'
dan is-sagrifiċċju
"l-ħarsa" ta' Kristu
laħqet il-qofol
tal-imħabba. F'dan
hemm
dikjarazzjoni ta'
x'inhu l-bniedem u
x'inhi n-natura
tiegħu,
dikjarazzjoni li
Kristu biss jista'
jagħmilha, Kristu
l-Feddej u l-Għarus,
Hu biss "jaf x'hemm
fil-bniedem"45,
jaf kemm hu
dgħajjef, u jaf
ukoll, u fuq kollox,
x'inhi d-dinjità
tiegħu.
It-tama tiegħi hi li
kull wieħed u waħda
minnkom jintebaħ
b'din il-ħarsa ta'
Kristu u jħossha
bil-qawwa kollha
tagħha. Ma nafux
f'liema mument
tal-ħajja dan se
jseħħ, imma naħseb
li jseħħ meta jkun
il-waqt: forsi f'xi
mument ta' niket,
forsi flimkien
max-xhieda ta'
kuxjenza safja kif
ġara fil-każ
taż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, jew
forsi f'xi okkazjoni
oħra l-maqlub ta'
din, meta
flimkien mas-sens
tal-ħtija jkun
hemm ir-rimors
tal-kuxjenza. Kristu
xeħet ħarsa ta'
mħabba fuq San
Pietru, meta dan
waqa', meta għal
tliet darbiet ċaħad
lill-Imgħallem46.
Din il-ħarsa
kollha mħabba hi
għal kollox meħtieġa
mill-bniedem:
il-bniedem irid
iħoss li hu maħbub,
li hu maħbub sa
minn dejjem u
magħżul qabel kull
żmien47.
Din l-imħabba ta'
dejjem, li biha Alla
għażilna, tissieħeb
mal-bniedem tul
ħajtu kollha, kif
tissieħeb ukoll
miegħu l-ħarsa
kollha mħabba ta'
Kristu. U forsi
tissieħeb l-aktar fi
żmien meta wieħed
isib ruħu mġarrab,
umiljat,
persegwitat, mirbuħ,
meta d-dinjità
tiegħu bħala
bniedem, quddiem
il-bnedmin l-oħra
tintilef għal
kollox, titmaqdar
titkasbar. F'dawn
il-mumenti jkun
ta' ħarsien sħiħ
għall-ħajja kollha
tagħna l-ħsieb li
l-Missier dejjem
ħabbna f'Ibnu, li
Kristu dejjem iħobb
lil kull wieħed u
waħda minna. Meta
kollox qisu jkun
qiegħed jgħin biex
aħna naqtgħu qalbna
minna nfusna u
nibdew niddubitaw
mit-tifsir stess
tal-ħajja, jekk
nintebħu b'din
il-ħarsa ta' Kristu,
jiġifieri jekk
inħossu li aħna
maħbubin minn
Kristu b'imħabba li
fih hi dejjem aqwa
minn kull deni u
minn kull tiġrib.
Nittama għalhekk li
intom tħossu dak li
ħass iż-żagħżugħ
tal-Evanġelju: "Ġesù
xeħet fuqu ħarsa ta'
mħabba".
8. Ejja u imxi
warajja
Meta ngħarblu dan
il-kliem
tal-Evanġelju,
nifhmu li l-ħarsa
ta' Kristu b'xi mod
kienet it-tweġiba
ta' Kristu
għax-xhieda li ta
ż-żagħżugħ tal-ħajja
tiegħu sa dak
il-waqt, jiġifieri
li hu għex ħajtu
fil-ħarsien
tal-kmandamenti ta'
Alla: "Dan kollu ili
nħarsu minn
żogħżiti". Fl-istess
ħin dik il-ħarsa
kollha mħabba hi
l-bidu tal-aħħar
parti
tal-konversazzjoni.
Skont ir-rakkont ta'
San Mattew kien
iż-żagħżugħ li ta
bidu għal din
l-aħħar parti,
għaliex mhux biss
qal li kien ilu
jħares
il-kmandamenti sa
minn żogħżitu, ħaġa
li sawret il-ħajja
kollha tiegħu ta'
qabel, imma,
fl-istess ħin,
għamel mistoqsija
oħra: "X'jonqosni
iżjed?"48
Din il-mistoqsija hi
importanti ħafna.
Turi li fil-kuxjenza
tal-bniedem, anzi
fil-kuxjenza ta'
kull żagħżugħ, jew
żagħżugħa, li
qiegħed ifassal
il-pjan kollu ta'
ħajtu, hemm
moħbija x-xewqa ta'
"xi ħaġa aktar".
Din ix-xewqa tista'
turi ruħha b'ħafna
modi, u nistgħu
narawha wkoll f'nies
li huma 'l bogħod
ħafna minn dik li hi
reliġjon.
Fost dawk li jħaddnu
reliġjonijiet oħra,
l-aktar fost dawk li
jħaddnu l-buddiżmu,
l-induwiżmu u
l-islamiżmu, tul
l-eluf ta' snin,
niltaqgħu ma' nies
"spiritwali" li
spiss, sa minn
żogħżithom, iħallu
kollox biex jgħixu
ħajja ta' faqar u
ta' safa, biex
ifittxu dak li hu
l-Assolut, dak li hu
'l fuq minn kulma
jidher; iħabirku
biex jiksbu qagħda
ta' ħelsien sħiħ;
imqanqlin
mill-imħabba u
l-fiduċja, ifittxu
lil Alla, u,
bil-qawwa kollha ta'
ruħhom, ifittxu li
jħarsu l-preċetti
moħbija tiegħu. Dawn
jimbuttahom leħen
misterjuż li jidwi
f'ruħhom, qisu leħen
li jtenni kliem San
Pawl: "Is-sura ta'
din id-dinja għad
tgħaddi"49,
u jwassalhom biex
ifittxu ħwejjeġ
aqwa, ħwejjeġ li
jibqgħu: "Fittxu
l-ħwejjeġ tas-sema"50.
Dawn in-nies ifittxu
jilħqu dan il-għan
bil-ħila kollha
tagħhom, jitħabtu
ħafna biex jissaffew
f'ruħhom u xi
kultant jaslu biex
joffru ħajjithom
bħala don ta' mħabba
lil Alla. B'dan
il-mod isiru eżempji
ħajjin għan-nies ta'
żmienhom, u
bl-imġiba tagħhom
juruhom li l-ġid li
jibqa' għal dejjem
jiġi qabel kull ġid
li jgħaddi u kull
ġid fieragħ li
toffrilhom
is-soċjetà li fiha
jkunu jgħixu.
Iżda fl-Evanġelju
x-xewqa
tal-perfezzjoni,
għal xi "ħaġa aktar"
hi xewqa għal xi
ħaġa li nafu x'inhi
tassew. Kristu
fid-diskors fuq
il-muntanja, wettaq
il-liġi morali, li
l-qofol tagħha huma
t-twavel tal-għaxar
kmandamenti ta'
Mosè; iżda fl-istess
ħin Ġesù ta tifsir
ġdid lil dawn
il-kmandamenti,
tifsir evanġeliku.
U dawn
il-kmandamenti
kollha – kif għidna
– jinġabru
fil-kmandament
tal-imħabba,
fl-imħabba, mhux
biss bħala
kmandament, imma
wkoll bħala don:
"L-imħabba ta'
Kristu ssawbet fi
qlubna l-Ispirtu
s-Santu li ġie
mogħti lilna"51.
F'dan il-kuntest
ġdid wieħed jasal
malajr biex jifhem
x'jitolbu t-tmien
beatitudni, li
bihom jibda
d-diskors
tal-muntanja
fl-Evanġelju ta' San
Mattew52.
F'dan l-istess
kuntest,
il-kmandamenti
kollha li flimken
jiffurmaw il-liġi
fondamentali
tal-moralità
nisranija, jilħqu
s-sħuħija tagħhom
fil-kunsilli
evanġeliċi kollha
flimkien: dawn
il-kunsilli b'mod
speċjali juru x'inhi
u jagħmlu li sseħħ
is-sejħa ta' Kristu
għall-perfezzjoni li
hija sejħa
għall-qdusija.
Meta żagħżugħ
jistaqsi x'jonqsu
iżjed: "X'jonqosni
iżjed?" Ġesù jkun
qiegħed jixħet fuqu
ħarsa ta' mħabba;
din l-imħabba hawn
għandha tifsir ġdid.
L-Ispirtu s-Santu
jmexxi l-bniedem
fir-ruħ tiegħu
minn ħajja skont
il-kmandamenti
għall-ħajja ta'
għarfien tad-don
tiegħu u
tal-ħarsa kollha
mħabba ta' Kristu, u
dan juri l-bidla li
tkun saret fir-ruħ.
Ġesù jgħid: "Jekk
trid tkun perfett,
mur, bigħ il-ġid li
għandek, agħtih
lill-foqra u jkollok
teżor fis-sema;
imbagħad ejja, u
imxi warajja"53.
Hekk hu, għeżież
żgħażagħ ħbieb!
Il-bniedem nisrani
kapaċi jgħix
skont il-qjies
tad-don tiegħu.
U dan il-qjies mhux
biss hu aqwa
mill-qjies
tad-dmirijiet morali
biss, li joħorġu
mill-kmandamenti,
imma hu "ogħla" u
aktar qawwi minnhom,
għax jagħti xhieda
ta' tifsir aqwa
għall-pjan ta' ħajja
li nkunu fassalna
għalina f'żogħżitna.
Il-qjies tad-don
joħloq ukoll
dehra ta' vokazzjoni
nisranija u umana
li tkun laħqet
il-kobor sħiħ
tagħha, kif se
naraw aktar 'il
quddiem.
Imma issa nixtieq
inkellimkom fuq
it-tifsir speċjali
tal-kliem li Kristu
qal liż-żagħżugħ; u
dan se nagħmlu għax
jien żgur li Kristu
juża l-istess kliem
ma' xi żgħażagħ
fil-Knisja, meta
f'kull żmien
isejħilhom. Dan
il-kliem ta' Ġesù
jfisser sejħa
speċjali fi ħdan
ix-xirka tal-Poplu
ta' Alla. Il-Knisja
tilmaħ fil-kliem: "Ejja
u imxi warajja"54,
il-bidu ta' kull
sejħa
għas-saċerdozju
ministerjali, li
fil-Knisja Latina hu
marbut mal-għażla,
ħielsa u magħżula
bil-ħsieb,
taċ-ċelibat. Kliem
Kristu: "Ejja u imxi
warajja" hu wkoll
fil-Knisja sejħa
għall-ħajja
reliġjuża, ħajja li,
permezz
tal-professjoni
tal-kunsilli
evanġeliċi (safa,
faqar u ubbidjenza),
raġel jew mara,
jaslu għal dik
is-sura ta' ħajja
li Kristu għex
fid-dinja, ħajja
li jaslu biex
jagħrfuha bħala
ħajja proprja
tagħhom
għas-saltna
tas-smewwiet55.
Huma u jintrabtu
bil-voti reliġjużi,
jintrabtu li jagħtu
xhieda ta' mħabba
speċjali għal Alla
fuq kollox, u
fl-istess ħin jagħtu
xhieda wkoll
tas-sejħa
għall-għaqda sħiħa
ma' Alla fil-ħajja
ta' dejjem, li hi
sejħa għal kulħadd.
Iżda hu meħtieġ li
xi wħud
jagħtu xhieda ta'
din is-sejħa ta'
kulħadd b'mod
eċċezzjonali.
Fuq dan, f'din
l-ittra, se
nitkellem biss fuq
fuq għaliex ġà
tkellimt fit-tul u
spiss drabi oħra56.
Imma ridt infakkar
dan, għaliex
fil-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ din
il-ħaġa tidher ċara
ħafna, l-aktar f'dak
li għandu x'jaqsam
mal-faqar
evanġeliku.
Infakkarha wkoll
għaliex is-sejħa ta'
Kristu, mfissra
bil-kliem "Ejja u
imxi warajja" f'din
it-tifsira speċjali
u kariżmatika,
aktarx wieħed
jintebaħ biha
f'żogħżitu, u xi
kultant ukoll fi
tfulitu.
Hu għalhekk, għeżież
żgħażagħ, li, f'dan
il-mument tal-ħajja
tagħkom li fih
qegħdin tiżviluppaw
bħala rġiel jew
nisa, nixtieq
ngħidilkom dan: jekk
din is-sejħa
tolqtilkom qalbkom,
toħonquhiex.
Ħalluha tasal
għall-kobor sħiħ
tagħha. Wieġbu
għaliha bit-talb u
l-ħarsien
tal-kmandamenti.
"Il-ħsad kbir"57.
Hu meħtieġ li
s-sejħa ta' Kristu:
"Ejja u imxi
warajja", tasal
għand ħafna. Hemm
ħtieġa ta' ħafna
saċerdoti skont
il-qalb ta' Alla – u
l-Knisja u d-dinja
tal-lum jeħtieġu
x-xhieda ta' ħajja
mogħtija kollha kemm
hi lil Alla,
jiġifieri x-xhieda
ta' dik l-imħabba
ta' għerusija għal
Kristu li tqiegħed
quddiem id-dinja
b'mod speċjali
s-saltna ta' Alla u
tqarrabha aktar
lejha.
Ħalluni għalhekk
inkompli kliem
il-Mulej dwar
"il-ħsad kbir". Iva,
il-ħsad
tal-Evanġelju,
il-ħsad
tas-salvazzjoni hu
kbir, imma ...
"il-ħaddiema ftit".
Forsi dan jidher
aktar illum
mill-imgħoddi,
l-aktar f'xi
nazzjonijiet u f'xi
istituti ta' ħajja
kkonsagrata u
f'istituti oħra
bħalhom.
"Itolbu mela lil
Sid il-ħsad biex
jibgħat ħafna
ħaddiema
fil-ħsad tiegħu"58.
Dan żied igħid
Kristu. Dan
il-kliem, l-aktar
illum, huwa programm
ta' talb u ta' ħidma
favur
il-vokazzjonijiet
reliġjużi u
saċerdotali. Hu
b'dan il-ħsieb li
l-Knisja iddur
lejkom, żgħażagħ!
Intom ukoll, itolbu!
U jekk il-frott ta'
dan it-talb
tal-Knisja jinbet
fil-fond ta'
qalbkom, agħtu widen
għall-Imgħallem li
qiegħed jgħidilkom:
"Ejja u imxi
warajja".
9. Il-pjan
tal-ħajja u
l-vokazzjoni
nisranija
Dan il-kliem
tal-Evanġelju żgur
għandu x'jaqsam
mal-vokazzjoni
saċerdotali u
reliġjuża; imma
jiswa wkoll biex
nifhmu aħjar,
x'inhi l-vokazzjoni
fit-tifsir aktar
wiesgħa tal-kelma.
Wieħed jista'
jitkellem hawn dwar
il-vokazzjoni
għall-"ħajja" li
b'xi mod hi l-istess
ħaġa bħall-pjan
tal-ħajja li
kull wieħed minna
jfassal f'żgħożitu.
Iżda "vokazzjoni"
tfisser xi ħaġa
aktar minn "pjan".
F'dan il-każ inkun
jien li nfassalha
l-vokazzjoni tiegħi,
u dan jaqbel aktar
mal-fatt li jien
bniedem, kif hu
bniedem kull wieħed
u waħda minnkom. Dan
il-pjan hu
vokazzjoni għax
fih jinġabru ħafna
sejħat. Dawn
is-sejħat
ġeneralment
jiffurmaw flimkien
ċertu ordni ta'
valuri (li jissejjaħ
ukoll ġerarkija ta'
valuri) li minnhom
toħroġ dik is-sura
perfetta ta' ħajja
li wieħed ikun irid
igħix, sura ta'
ħajja li tiġbed
il-qalb ta' żagħżugħ
jew żagħżugħa. F'dan
il-proċess
il-"vokazzjoni" ssir
"pjan", u l-pjan
jibda jkun ukoll
vokazzjoni.
Iżda meta nkunu
quddiem Kristu u
nibnu l-ħsibijiet
tagħna dwar
iż-żogħżija fuq
il-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ jeħtieġ
inqabblu "l-pjan
tal-ħajja"
mal-"vokazzjoni
għall-ħajja" b'mod
aktar fil-fond,
b'mod aktar għoli.
Il-bniedem huwa
ħliqa ħajja u
fl-istess ħin hu
iben adottiv ta'
Alla fi Kristu: hu
iben Alla.
Għalhekk il-bniedem
f'żogħżitu jistaqsi:
"X'għandi nagħmel?"
mhux biss lilu
nnifsu imma
lill-bnedmin l-oħra
li minnhom jistenna
tweġiba, l-ewwel
nett lill-ġenituri u
l-għalliema tiegħu,
imma wkoll lil
Alla li ħalqu u hu
Missier. Din
il-mistoqsija
jagħmilha fil-fond
ta' qalbu fejn
tgħallem jingħaqad
fil-qrib ma' Alla,
l-aktar fit-talb.
U għalhekk jistaqsi
lil Alla: "X'għandi
nagħmel?" X'inhu
l-pjan tiegħek għal
ħajti? Il-pjan
tiegħek għalija li
ħlaqtni u int
Missieri? X'inhi
r-rieda tiegħek
għalija? Għax
nixtieq nagħmilha.
Hawnhekk "il-pjan"
jikseb it-tifsir ta'
"vokazzjoni
għall-ħajja", bħala
xi ħaġa mogħtija
lill-bniedem minn
Alla, qisha bi dmir.
Iż-żagħżugħ miġbur
fih innifsu u
fl-istess ħin
jitkellem ma' Kristu
fit-talb, jixtieq
kieku jifhem dan
il-pjan etern li
għandu għalih Alla
li ħalqu u li hu
Missieru. Imbagħad
jasal biex ikun żgur
li d-dmir li Alla
fdalu jinsab
kollu kemm hu
fir-rieda tiegħu
stess u
fl-istess ħin huwa
marbut
maċ-ċirkostanzi
kollha li jinsabu
fih u barra minnu.
Meta jara dan kollu,
iż-żagħżugħ, ġuvni
jew xebba, ifassal
il-pjan ta' ħajtu u
jagħraf li
dan il-pjan hu
s-sejħa li qiegħed
jagħmillu Alla.
Nixtieq għalhekk,
lilkom iż-żgħażagħ
kollha li qiegħed
nibagħtilkom din
l-ittra, nafdalkom
din il-ħidma li hi
marbuta mal-għarfien
quddiem Alla
tas-sejħa ta' kull
wieħed u waħda
minnkom. Hi ħidma
tassew tal-għaġeb,
ħidma li
ssaħħrek. Hi dmir li
jmpenja r-ruħ kollha
kemm hi. B'din
il-ħidma intom
iż-żgħażagħ
tiżviluppaw u tikbru
fin-natura tagħkom
ta' bnedmin li
intom, waqt li
l-personalità
tagħkom bħala
żgħażagħ bil-mod
il-mod tasal
għall-kobor sħiħ
tagħha. Twettqu
f'dak li intom,
f'dak li hu kull
wieħed jew waħda
minnkom, biex tkunu
dak li għandkom
tkunu għalikom –
għall-bnedmin
l-oħra – għal Alla.
Flimkien ma' dan
il-proċess li bih
tagħarfu x'inhi
l-vokazzjoni
għall-ħajja tagħkom
tridu wkoll taraw
għaliex din is-sejħa
għall-ħajja hi wkoll
sejħa "nisranija".
Ta' min ifakkar li
fiż-żmien ta' qabel
il-Konċilju Vatikan
II il-fehma ta'
vokazzjoni kienet
marbuta fuq
kollox
mas-saċerdozju u
l-ħajja reliġjuża,
bħallikieku l-kliem:
"Ejja u imxi
warajja", li Kristu
qal liż-żagħżugħ
tal-Evanġelju kienu
biss sejħa
għas-saċerdozju jew
għall-ħajja
reliġjuża.
Il-Konċilju
wessa' din
il-fehma.
Il-vokazzjoni
saċerdotali u
reliġjuża baqgħet
iżżomm in-natura
proprja tagħha u
l-importanza
sagramentali u
kariżmatika tagħha
fil-ħajja tal-Poplu
ta' Alla. Iżda
fl-istess waqt
il-Konċilju Vatikan
II ġedded
il-fehma li
l-imgħammdin kollha
għandhom sehem mit-tlett
uffiċċji ta'
Kristu, ta' profeta,
saċerdot u sultan, u
ġedded ukoll
il-fehma tal-vokazzjoni
ta' kulħadd
għall-qdusija59.
Dan wassal biex kull
vokazzjoni
tal-bniedem
għall-ħajja, bħala
vokazzjoni
nisranija, tkun
taqbel
mal-vokazzjoni
evanġelika. Kliem
Kristu "Ejja u imxi
warajja"
jinstemgħu
fit-triqat kollha
tal-ħajja li minnhom
iridu jgħaddu
d-dixxipli u
x-xhieda tal-Feddej
divin. Wieħed jista'
jkun jixbah lil
Kristu b'ħafna modi,
mhux biss
billi jagħti xhieda
tas-saltna
eskatoloġika
tal-verità u
tal-imħabba, imma
wkoll billi
jħabrek għat-tibdil
sħiħ tal-ħajja
kollha fid-dinja
skont l-ispirtu
tal-Evanġelju60.
Minn hawn għandu
l-bidu tiegħu l-appostolat
tal-lajċi, li ma
tistax tifirdu minn
dak li hi
l-vokazzjoni
nisranija.
Dan kollu li għidt
huwa ta' importanza
kbira għal dak
il-pjan ta' ħajja
li l-aktar jaqbel
mal-ħeġġa
taż-żogħżija
tagħkom. Dan il-pjan
– barra l-fatti
tal-"ħajja" li bihom
iseħħ – tridu tqisuh
fid-dawl tal-kliem
li Ġesù qal
liż-żagħżugħ
tal-Evanġelju.
Jeħtieġ ukoll
taħsbu – u
taħsbu sewwa –
dwar it-tifsir
tal-Magħmudija u
tal-Griżma.
F'dawn iż-żewġ
sagramenti jinsab
il-pedament
tal-ħajja u
tal-vokazzjoni
nisranija. Minnhom
tibda t-triq
għall-Ewkaristija,
li hi l-milja
tad-doni
sagramentali
mogħtijin
lill-insara: l-għana
kollu tal-Knisja
jinsab miġbur f'dan
is-sagrament
tal-Imħabba. Jeħtieġ
ukoll – u dan dejjem
b'riferenza
għall-Ewkaristija –
li taħsbu sewwa dwar
is-sagrament
tal-penitenza,
li hu tant
importanti li xejn
ma jista' jkun hemm
floku għat-trawwim
tan-nisrani, l-aktar
meta hemm imsieħba
ma' dan is-sagrament
id-direzzjoni
spiritwali,
jiġifieri skola
sistematika
tal-ħajja tar-ruħ.
Fuq dan se nitkellem
fil-qasir, għalkemm
kull sagrament minnu
nnifsu b'xi mod
jaqbel maż-żogħżija
u maż-żgħażagħ.
Nittama li fuq dan
ikun hemm oħrajn li
jitkellmu fit-tul, u
l-aktar dawk li huma
msejħa apposta
għall-ħidma
pastorali fost
iż-żgħażagħ.
Il-Knisja stess –
kif jgħallem
il-Konċilju Vatikan
II – hi "qisha
sagrament jew sinjal
u strument tar-rabta
sħiħa tal-familja
kollha tal-bnedmin
ma' Alla"61.
Kull sejħa
tal-ħajja, bħala
sejħa
"nisranija", għandha
l-pedament tagħha
fis-sagramentalità
tal-Knisja,
jiġifieri tissawwar
bis-sagramenti
tal-fidi tagħna.
Is-sagramenti
jwassluna biex, sa
minn tfulitna,
niftħu l-"jien"
tagħna bħala
bnedmin, għall-ħidma
ta' Alla, jiġifieri
għall-ħidma
tat-Trinità Qaddisa.
Bis-sagramenti aħna
jkollna sehem
mill-ħajja ta' Alla,
aħna u ngħixu l-vera
ħajja tagħna bħala
bnedmin fil-milja
kollha. B'dan il-mod
il-ħajja tagħna
bħala bnedmin tikseb
dimensjoni ġdida u
fl-istess ħin ukoll
sura nisranija:
u hekk waqt li
nintebħu
bid-dmirijiet li
jitlob minna
l-Evanġelju,
nintebħu wkoll
bid-don ta' Alla li
jisboq kull ħaġa
oħra: "Kieku kont
taf id-don ta' Alla"62,
qal Kristu meta kien
ikellem
lis-Samaritana.
10. "Is-sagrament
il-kbir taż-żwieġ"
F'dan l-isfond hekk
wiesgħa tal-pjan ta'
ħajjitna fid-dawl
tas-sejħa nisranija,
nixtieq, għeżież
żgħażagħ, flimkien
magħkom, li għalikom
qiegħed nikteb din
l-ittra, inħares
lejn ħaġa li b'xi
mod hi fiċ-ċentru
taż-żogħżija tagħkom
ilkoll. Din hi
waħda mill-ħwejjeġ
l-aktar importanti
tal-ħajja
tal-bniedem, waħda
mill-kwistjonijiet
ewlenin li jitolbu
ħsieb, kreattività u
kultura. Hija wkoll
wieħed mit-temi
ewlenin
tal-Iskrittura li
jien ħsibt ħafna
fuqha u għarbiltha
sewwa. Alla ħalaq
il-bniedem raġel u
mara u hekk
daħħal fil-ġrajja
tal-bniedem "tnejn"
li, fejn tidħol
id-dinjità tagħhom
bħala bnedmin,
huma ndaqs f'kollox,
u huma mbagħad
b'mod tassew
tal-għaġeb
maħluqin għal
xulxin, meta nqisu
t-tqassim
tal-"attributi",
tal-kwalitajiet u
tad-dmirijiet li
huma proprji
tal-bniedem-raġel
jew
tal-bniedem-mara.
Dan kollu qiegħed
fil-"jien" proprju
ta' kull wieħed u
waħda minnkom.
Iż-żogħżija hija
ż-żmien li fih kull
tifel u tifla,
f'ruħu u ġismu,
jagħraf din il-ħaġa
hekk kbira
b'esperjenza
personali u b'mod
kreattiv fih
innifsu, fil-fond
tal-kuxjenza tiegħu,
u fl-istess ħin
jagħraf ukoll lilu
nnifsu u x'qawwa
għandu fih innifsu
biex jagħmel tant u
tant proġetti. F'dan
iż-żmien ukoll
ir-ruħ taż-żagħżugħ
u taż-żagħżugħa
jkollha esperjenza
ġdida, l-esperjenza
tal-imħabba li
mal-ewwel titlob li
tkun imdaħħla
fil-pjan tal-ħajja
li ż-żagħżugħ joħloq
u jfassal minn rajh.
F'kull wieħed u
waħda minnkom dan
kollu għandu
espressjoni proprja
li bl-ebda mod ma hi
u ma tista' tkun ta'
ħaddieħor,
għandu l-għana
proprju tiegħu
ta' mħabba,
l-isbuħija
metafisika proprja
tiegħu. U fl-istess
ħin dan kollu għandu
stedina mħeġġa
biex din
l-espressjoni ma
tiġix imħassra, dan
il-għana ma jiġix
meqrud, din
is-sbuħija ma tiġix
imniġġsa. Hemm bżonn
li tkunu żguri li
din l-istedina ġejja
mill-istess Alla
li ħalaq il-bniedem
"sura u xbieha
tiegħu", "raġel u
mara". Din
it-twissija tiġi
mill-Evanġelju u
ż-żagħżugħ jintebaħ
biha fil-fond
tal-kuxjenza tiegħu,
jekk ikun ħares
is-sempliċità u
s-safa ta' qalbu:
"Ħenjin dawk li huma
safja f'qalbhom għax
jaraw lil Alla"63.
Hekk hu: b'din
l-imħabba li
tinbet fikom – u
trid issib postha
fil-pjan kollu ta'
ħajjitkom – taraw
lil Alla, li hu
mħabba64.
Nitlobkom biex f'dan
il-mument hekk
importanti ta'
żogħżitkom intom ma
tiqfux li titkellmu
ma' Kristu, anzi
nħeġġiġkom biex
titkellmu aktar
miegħu. Meta Kristu
jgħid: "Ejja, u imxi
warajja" s-sejħa
tiegħu tista'
tfisser:
"qiegħed insejjaħlek
għal imħabba oħra",
imma spiss tista'
tfisser: "Imxi
warajja, imxi
warajja, jien li
jien l-Għarus
tal-Knisja –
l-għarusa tiegħi –
kun int ukoll għarus
ta' għarustek,
għarusa ta'
għarusek.
Issieħbu t-tnejn
f'dak il-misteru,
f'dak
is-sagrament li
fl-Ittra lill-Efesin
jissejjaħ kbir "għal
Kristu u
għall-Knisja"65.
Jiswa ħafna jekk
intom timxu wara
Kristu u mhux
taħarbu minnu wkoll
f'din il-ħaġa li,
bir-raġun kollu,
tqisu li hi
l-ħaġa l-aktar
importanti ta'
qalbkom, ħaġa li
hi fikom u
bejnietkom biss.
Nixtieq li temmnu u
tkunu żguri li din
il-ħaġa hekk
importanti għandha
t-tifsira sħiħa
tagħha f'Alla,
li hu mħabba –
f'Alla li fil-qofol
tal-misteru tiegħu
ta' Alla hu wieħed
fi Tliet Persuni,
il-Missier, u l-Iben
u l-Ispirtu s-Santu.
Nixtieq li temmnu u
tkunu żguri li
l-bidu ta' dan
"il-misteru kbir"
tagħkom ta' bnedmin
li intom, huwa
f'Alla li ħalaq
kollox, u għandu
l-pedament tiegħu fi
Kristu l-Feddej li,
bħala Għarus, "ta
lilu nnifsu" u
għallem lil kull
raġel u lil kull
mara biex jagħtu
lilhom infushom
bil-milja
tad-dinjità tagħhom
ta' bnedmin li huma.
Kristu jgħallimna
l-imħabba
tal-miżżewġin.
Taqbad it-triq
tal-ħajja fiż-żwieġ
ifisser
titgħallem l-imħabba
fiż-żwieġ, minn
jum għall-ieħor,
minn sena
għall-oħra; imħabba
fir-ruħ u l-ġisem,
imħabba li "taf
tistabar u tħenn,
ma tfittixx dak li
hu tagħha, ma
żżommx f'qalbha
għad-deni", hi
mħabba li "tifraħ
bil-verità", imħabba
li "kollox
tissaporti"66.
Hi din l-imħabba li
teħtieġu, żgħażagħ,
jekk tridu li
ż-żwieġ tagħkom
iseħħ tul ħajjitkom
kollha. U
s-sħuħija taż-żwieġ
tagħkom hija parti
essenzjali tas-sejħa
tagħkom li, permezz
taż-żwieġ, trid
issib postha
fil-pjan ta'
ħajjitkom.
Għalhekk ma
nieqaf qatt nitlob
lil Kristu u
lill-Omm tal-imħabba
sabiħa,
għall-imħabba li
tinbet fi qlub
iż-żgħażagħ. Spiss
tul ħajti kelli
l-okkażjoni nara,
b'xi mod, mill-qrib
din l-imħabba
taż-żgħażagħ. U
l-esperjenza
għallmitni kemm
hi ħaġa essenzjali
din l-imħabba,
kemm hi importanti,
kemm hi kbira. Jiena
tal-fehma li
l-ġejjieni
tal-bniedem,
fil-qofol tiegħu,
jiddependi minn din
l-imħabba li
fil-bidu
taż-żogħżija, int
u hi ... int u hu,
issibu tul
żogħżitkom. Din
nistgħu ngħidulha
avventura kbira,
imma hi wkoll dmir
kbir.
Illum
il-prinċipji
tat-tagħlim morali
nisrani dwar
iż-żwieġ qiegħed
jingħata dehra
mgħawġa f'ħafna
ambjenti
tal-bnedmin. Hawn
min qiegħed jipprova
jdaħħal f'ċerti
ambjenti u
fis-soċjetajiet
kollha wkoll, sura
ta' żwieġ li dawk
stess li sawruh
qegħdin isejħulu
"sinjal ta'
progress", sura
"adatta għal
żminijietna". U
mhux qegħdin jintebu
li f'din is-sura ta'
żwieġ, ir-raġel, u
forsi aktar il-mara,
minn suġġett ta'
żwieġ qiegħed isir
oġġett (oġġett li
tisfruttah kemm
tista'), fis-sens li
dak kollu li hu
l-imħabba fiż-żwieġ
mhux ħlief
il-"pjaċir
tas-sess", li
għalkemm igawduh
it-tnejn, jibqa'
dejjem imħabba
tiegħek innifsek
biss, li tgawdi inti
biss. Imbagħad
it-tarbija, li
hi l-frott u, biex
ngħid hekk,
l-"inkarnazzjoni"
tal-imħabba
tal-miżżewġin
it-tnejn, tidher
dejjem aktar ħaġa
żejda li ddejjaq
għax mhux mixtieqa.
Iċ-ċiviltà
materjalista,
ir-regħba żejda
għall-ġid tad-dinja,
qegħdin jindehsu
fl-imħabba hekk
kbira tal-miżżewġin
bejniethom u
tal-ġenituri għal
uliedhom u qegħdin
jeqirdu minn din
l-imħabba dak kollu
li jagħmilha
imħabba tixraq lil
bniedem, imħabba
li sa mill-bidu
kellha fiha s-sinjal
u l-ħsieb ta' Alla.
Għeżież ħbieb
żgħażagħ! Tħallux
min jisirqilkom dan
il-ġid kollu.
Iddaħħlux fil-pjan
ta' ħajjitkom kulma
hu ikrah, fieragħ u
mħassar: l-imħabba
"tifraħ bil-verità"
Fittxu din
il-verità, fejn
tassew tinsab! Jekk
ikun meħtieġ, kunu
sodi u żommu iebes
għal fehmiet
tan-nies tal-lum u
għall-propaganda li
qiegħda ssir.
Tibżgħux minn dik
l-imħabba li titlob
dmirijiet
mingħandkom.
Dawn id-dmirijiet,
li ssibu dejjem
imsemmija
fit-tagħlim
tal-Knisja, jistgħu
jagħmlu l-imħabba
tagħkom, imħabba
vera.
Jekk dan li ser
ngħid kelli
ngħidulkom xi darba,
issa jidhirli li hu
l-mument l-aktar
f'waqtu biex
intennilkom dak li
għidtilkom fil-bidu
jiġifieri "li
tkunu dejjem lesti
tagħtu tweġiba lil
kull min jitlobkom
il-għala tat-tama li
għandkom".
Il-Knisja u
l-familja kollha
tal-bnedmin iħallu
f'idejkom dik
l-imħabba li fuqha
jinbena ż-żwieġ,
il-familja ta'
għada. Il-Knisja u
l-familja kollha
tal-bnedmin jittamaw
li intom se
tħabirku biex terġa'
titwieled l-imħabba;
jittamaw li intom se
ssebbħu l-imħabba
billi tagħtuha sura
tixraq lill-bniedem,
sura nisranija:
imħabba sħiħa, kbira
u responsabbli
b'sura li tixraq
il-bniedem, b'sura
nisranija.
11. Wirt
Kellimtkom fuq
il-punt l-aktar
importanti tal-qasam
kollu li fih il-pjan
tal-ħajja li
jitfassal
fiż-żogħżija,
jiltaqa'
mal-"oħrajn". Iżda
rrid inkompli
nitkellem fuq din
il-ħaġa hekk
importanti fejn
il-"jien" tiegħi
jinfetaħ għall-ħajja
"mal-oħrajn" u
"għall-oħrajn",
fir-rabta taż-żwieġ,
li fl-Iskrittura hi
mfissra b'dan
il-kliem hekk mimli
tifsir: "Ir-raġel
iħalli lil missieru
u lil ommu u
jingħaqad ma' martu
u jsiru ġisem wieħed"67.
Il-kelma "jħalli"
jistħoqqilha
attenzjoni speċjali.
Sa mill-bidu tagħha
l-ġrajja tal-bniedem
tgħaddi – u tibqa'
tgħaddi sat-tmiem
tagħha –
mill-familja.
Il-bniedem jidħol
fil-familja
bit-twelid li
jagħtuh il-ġenituri
tiegħu, missieru u
ommu, biex imbagħad,
meta jasal il-waqt,
iħalli dan
l-ewwel ambjent ta'
ħajja u ta' mħabba,
ħa jmur
f'ambjent ieħor:
"iħalli lil missieru
u lil ommu". Intom u
tħallu lil
missierkom u lil
ommkom, kull wieħed
u waħda minnkom,
b'xi mod,
iġġorruhom fikom;
tieħdu dan
il-wirt ta' ħafna
suriet li għandu
l-bidu fihom u ġej
minnhom u
mill-familja
tagħhom. B'dan
il-mod kull wieħed u
waħda minnkom,
għalkemm
ħallejtuhom, bqajtu
magħhom; il-wirt
li ġibtu mingħandhom
jorbotkom magħhom,
li ħallewlkom dan
il-wirt, u li tant
tafu ġid
mingħandhom. U intom
stess – int u hi –
tkomplu tgħaddu dan
il-wirt. Hu għalhekk
li r-raba'
kmandament hu hekk
importanti: "Weġġah
lil missierek u lil
ommok"68.
Dan il-wirt
hu l-ewwel nett
li int bniedem,
u mbagħad li int dan
il-bniedem li int,
fil-qagħda personali
u soċjali tiegħek.
F'din il-ħaġa għandu
importanza wkoll
ix-xebh li wieħed
ikollu mal-ġenituri
tiegħu. Iżda aktar
mix-xebh fil-wiċċ,
jiswa u hu aktar
importanti l-wirt
tal-kultura, li
jinsab l-aktar
fl-ilsien li bih
wieħed jitħaddet
kuljum. Il-ġenituri
tagħkom għallmukom
titkellmu dan
l-ilsien li hu
l-espressjoni
ewlenija, li hu dik
il-ħaġa li l-aktar
tfisser, ir-rabta
soċjali tagħkom
mal-bnedmin l-oħra.
Hi rabta f'qasam li
huwa aktar wiesgħa
mill-qasam
tal-familja jew
tal-ambjent tagħkom;
dan il-qasam jista'
jkun it-tribù,
jew il-poplu,
jew
in-nazzjon li fi
ħdanha twelidtu.
B'dan il-mod il-wirt
tal-familja jikber.
Bl-edukazzjoni li
tirċievu fi ħdan
il-familja, tiksbu
sehem minn ċerta
kultura u tiksbu
sehem ukoll
mill-ġrajja
tal-poplu jew
tan-nazzjon tagħkom.
Ir-rabta tal-familja
tfisser ukoll li
intom sirtu wkoll
membri ta' komunità
akbar
mill-familja/komunità,
li minnha wkoll
tiksbu l-identità
tagħkom. Jekk
il-familja hi
l-ewwel għalliem ta'
kull wieħed u waħda
minnkom, hekk ukoll
– permezz
tal-familja – hi
għalliema t-tribù,
hu għalliem
il-poplu, hi
għalliema n-nazzjon,
li magħha aħna
marbutin għax
għandna l-kultura,
l-ilsien u l-ġrajja
tagħna.
Dan il-wirt hu wkoll
sejħa għall-ħajja
morali. Meta
intom tirtu l-fidi u
l-valuri u dak kollu
li jinsab fl-istorja
u l-kultura
tas-soċjetà u
tan-nazzjon tagħkom,
intom, kull wieħed u
waħda minnkom, bħala
bnedmin, tiksbu
kobor spiritwali,
kobor fir-ruħ. Dan
ifakkarni
fil-parabbola
tat-talenti li
nirċievu minn Dak li
ħalaqna permezz
tal-ġenituri tagħna
u tal-familji
tagħna, u permezz
ukoll tal-komunità
nazzjonali li minnha
nagħmlu sehem.
Quddiem wirt bħal
dan ma nistgħux
nitgħażżnu, ma
nistgħux ma jkun
jimpurtana xejn u
nagħmlu bħall-aħħar
wieħed tal-qaddejja
tal-parabbola
tat-talenti69.
Għandna nagħmlu
kulma nistgħu biex
nilqgħu,
inwettqu, ngħożżu u
nkabbru dan
il-wirt spiritwali
tagħna. Dan hu
l-aqwa dmir ta' kull
soċjetà, u forsi
l-aktar ta' dawk
is-soċjetajiet li
qegħdin jiksbu
l-indipendenza
tagħhom, jew li
jridu jħarsu
l-istess eżistenza
tagħhom jew
l-identità
essenzjali
tan-nazzjon tagħhom
minn theddid minn
barra jew fi ħdanhom
stess.
Jiena u niktbilkom,
żgħażagħ, qiegħed
nipprova nżomm
quddiem għajnejja
l-ħafna qagħdiet ta'
kull sura u ta' kull
xorta ta' kull
tribù, ta' kull
poplu u ta' kull
nazzjon tad-dinja.
Iż-żogħżija
tagħkom, il-pjan ta'
ħajja li kull wieħed
u waħda minnkom
fassaltu
f'żogħzitkom,
huma mill-bidu
parti mill-ġrajja
ta' dawn
is-soċjetajiet
kollha, u huma parti
mhux "minn barra",
imma tassew "minn
ġewwa". Din il-ħaġa
għandha twassalkom
biex tintebħu x'inhi
l-familja għalikom,
x'inhi n-nazzjon
għalikom: hi ħaġa
li għandha
tmissilkom qalbkom,
tmissilkom
il-kuxjenza tagħkom.
Il-fehma ta' "art
twelidna",
tal-"patria"
tiżviluppa ruħha
mill-ewwel, wara
l-fehma
tal-"familja", u,
b'xi mod, dawn
iż-żewġ fehmiet
jinsabu waħda
fl-oħra. Bil-mod
il-mod, intom tibdew
tħossu li hemm rabta
soċjali aktar
wiesgħa mir-rabta
tal-familja, u
tibdew tħossu ruħkom
responsabbli wkoll
tal-ġid ta'
kulħadd f'dik
il-familja aktar
kbira li hi
l-"patria", li hi
art twelid kull
wieħed u waħda
minnkom. Nies
prominenti
tal-ġrajja ta' issa
jew tal-imgħoddi ta'
pajjiżkom, huma
wkoll imexxu
żogħżitkom u
jkabbru fikom dik
l-imħabba soċjali
li spiss tissejjaħ
"imħabba għall-art
twelidek".
12. Talenti u
dmirijiet
F'dan id-diskors
dwar il-familja u
dwar dik is-soċjetà
li hi art twelidkom,
bil-mod il-mod,
jibda jidher ħsieb
li għandu rabta
kbira mal-parabbola
tat-talenti. Bil-mod
il-mod, intom
tibdew tintebħu li
għandkom dak
"it-talent" jew dawk
"it-talenti" u,
bil-għaqal kollu,
tibdew tkabbruhom.
Dan tagħmluh
bix-xogħol.
Kemm triqat wieħed
jista' jaqbad, kemm
kapaċitajiet, kemm
interess insibu
f'dan il-qasam! Mhux
se nsemmilkom kollox
bħala eżempju,
għaliex nista' ma
nsemmix wisq aktar
affarijeit, milli
jirnexxili nitkellem
fuqhom. Ngħidilkom
biss li triqat li
tistgħu taqbdu huma
ħafna u ta' ħafna
suriet. Dan juri
wkoll kemm suriet
ta' ġid u għana
ż-żogħżija ġġib
magħha.
Mill-Evanġelju
nistgħu ngħidu li
ż-żogħżija hija
ż-żmien li fih
jingħarfu t-talenti;
hija ż-żmien ukoll
li fih wieħed jibda
miexi fit-triqat
kollha li fihom
il-bniedem żviluppa
u għadu jiżviluppa
l-attività, il-ħidma
u l-kreattività
kollha tiegħu.
It-tama tiegħi hi li
intom ilkoll taqbdu
dawn it-triqat.
Nixtieq li intom
ilkoll tibdew mexjin
f'dawn it-triqat
bil-għaqal kollu,
b'interess u b'ħeġġa
kbira. Ix-xogħol
– kull xogħol –
hu marbut
mat-taħbit.
"Bil-għaraq ta'
ġbinek tiekol
ħobżok"70,
u kull wieħed u
waħda minnkom, sa
mill-ewwel snin
tagħkom, kellkom
sehem minn dan
it-taħbit. Iżda
x-xogħol,
fl-istess ħin
jifforma l-bniedem,
u, b'xi mod,
iwasslu biex jaħlaq.
U għalhekk ix-xogħol
hu dejjem marbut
mat-taħbit, imma ma'
taħbit li joħloq.
Dan ngħiduh mhux
biss għax-xogħol ta'
tfittxija, ta'
riċerka, għal kull
xogħol
intellettwali, ta'
tagħlim, imma
ngħiduh ukoll għal
dak ix-xogħol tal-id
li qiesu ma joħloq
xejn. Ix-xogħol ta'
żmien iż-żogħżija hu
l-ewwel nett
tħejjija għax-xogħol
tal-kbar, u
għalhekk hu marbut
mal-iskola.
Għalhekk, żgħażagħ,
jiena u niktbilkom,
ħsiebi jmur
fl-iskejjel kollha
tad-dinja: magħhom
hi marbuta l-ħajja
tagħkom għal ħafna
snin, f'ħafna
klassijiet, skont
kif tiżviluppa
l-intelliġenza
tagħkom u skont
x'inhuma
l-inklinazzjonijiet
tagħkom,
mill-iskejjel
primarji
sal-universitajiet.
Ħsiebi jmur ukoll
għal tant kbar,
kollha ħuti,
l-għalliema u
l-edukaturi tagħkom
li jgħinukom
tiżviluppaw
l-intelliġenza u
l-kapaċitajiet
kollha tagħkom. Kemm
huwa kbir dan
id-dmir tagħhom!
X'piż tgħabbew bih!
Imma x'merti kbar
għandhom!
Ħsiebi jmur ukoll
f'dik il-kotra kbira
ta' żgħażagħ, ta'
mparkom – l-aktar
f'xi soċjetajiet u
f'xi postijiet – li
huma neqsin
mit-tagħlim, u
spiss neqsin ukoll
minn tagħlim
elementari. Dan
il-fatt huwa sfida
bla heda
għall-istituti
nazzjonali u
internazzjonali
responsabbli, biex
jagħmlu dak li hu
meħtieġ f'qagħdiet
bħal dawn.
It-tagħlim huwa
ġid ewlieni
taċ-ċiviltà. Hu ta'
importanza speċjali
għaż-żgħażagħ.
Mit-tagħlim
jiddependi ħafna
l-ġejjieni
tas-soċjetà kollha
tal-bnedmin.
Iżda meta nitkellmu
dwar tagħlim,
studju, xjenzi u
skejjel, hemm
kwistjoni li hi
importanti ħafna
għall-bniedem, u
l-aktar
għaż-żagħżugħ. Hi
l-kwistjoni dwar
il-verità.
Il-verità hi dawl
għall-moħħ
tal-bniedem, għax
jekk sa minn
żogħżitu jħabrek
biex ikun jafha
fid-dimensjonijiet
kollha tagħha,
il-bniedem jiksibha:
biex jgħix
bil-verità. Hekk
hi msawra ruħ
il-bniedem: l-aqwa
xewqa u l-aqwa
espressjoni tar-ruħ
hi l-għatx
għall-verità.
Kristu qal:
"Tagħarfu l-verità u
l-verità teħliskom"71.
Dan il-kliem huwa
żgur kliem fost
il-kliem l-aktar
importanti li nsibu
fl-Evanġelju; għax
hu kliem li jqis
il-bniedem fil-qofol
kollu tiegħu. Juru
kif il-bniedem hu
mibni fih innifsu
skont il-qjies
tal-ispirtu tiegħu,
tad-dinjità u
tal-kobor li huma
proprju tiegħu.
It-tagħrif li jeħles
il-bniedem mhux biss
jinsab fit-tagħlim
li jingħatalu, ukoll
jekk jingħatalu
fl-universitajiet –
jista' jkollu dan
it-tagħrif ukoll min
ma jafx jaqra u
jikteb; iżda
t-tagħlim tad-dinja
madwarna, mogħti
b'mod sistematiku,
għandu jaqdi din
id-dinjità u dan
il-kobor
tal-bniedem; għandu
għalhekk jaqdi
l-verità.
Il-qadi tal-verità
jsir ukoll
fix-xogħol, li
għalih intom
iż-żgħażagħ imsejħin
wara li tispiċċaw
l-iskola tagħkom.
Fl-iskola intom
tridu tiksbu dik
il-kapaċità
intellettwali,
teknika u prattika
li teħtieġu biex
taqdu sewwa l-ħidma
tagħkom fil-qasam
kbir tax-xogħol
tal-bniedem. Iżda
jekk hu minnu li
l-iskola tħejjikom
għax-xogħol, ukoll
għax-xogħol
tal-idejn, hu minnu
wkoll li x-xogħol
hu skola ta' valur
ikbar u importanti;
għaliex ix-xogħol
għandu wkoll xi
jgħid u dak li jgħid
hu kontribut kbir
għall-kultura
tal-bniedem.
Iżda fir-relazzjoni
bejn it-tagħlim u
x-xogħol, relazzjoni
li hi ħaġa proprju
taż-żminijiet
tagħna, hemm
fil-prattika ħafna
problemi serji.
Hawn qiegħed naħseb
l-aktar dwar
il-qgħad, u, b'mod
ġenerali, dwar
in-nuqqas ta'
xogħol, li b'tant
suriet qiegħed
jagħfas fuq tant
żgħażagħ. Dan, kif
tafu, jġib miegħu
ħafna problemi oħra,
li, sa minn meta
għadkom l-iskola,
jitfgħu dell fuq dak
li jista' jkun
il-ġejjieni mhux
żgur tagħkom. Intom
tistaqsu: is-soċjetà
għandha bżonni? Sa
nsib xogħol jgħodd
għalija, biex ikolli
rajja f'idejja, biex
ikolli l-familja
tiegħi f'qagħda
xierqa ta' ħajja, u
qabel kollox, f'dar
li tkun tiegħi?
Fl-aħħar mill-aħħar
is-soċjetà qiegħda
tistenna
l-għajnuna tal-ħidma
tiegħi?
Il-qawwa ta' dawn
il-mistoqsijiet tant
tqanqalni, li f'din
l-okkażjoni wkoll
inħoss li għandi
nfakkar
lill-gvernijiet u
lil dawk li huma
responsabbli
tal-ekonomija u
tal-progress
tan-nazzjonijiet, li
x-xogħol hu
dritt tal-bniedem,
u għalhekk, għandu
jinstab xogħol għal
kulħadd billi wieħed
jieħu ħsieb sewwa
għal dan il-għan,
l-ewwel nett billi,
fit-tfassil ta'
pjanijiet ekonomiċi,
wieħed jara li
jinħolqu
okkażjonijiet xierqa
ta' xogħol għal
kulħadd, u, qabel
kulħadd,
għaż-żgħażagħ, li
llum ta' spiss qed
ibatu minħabba
l-qgħad. Ilkoll
naqblu li x-xogħol
"hu ġid
għall-bniedem –
għan-natura tiegħu
ta' bniedem li hu –
għax bix-xogħol
il-bniedem mhux biss
ibiddel
in-natura
għall-ħtiġijiet
tiegħu, imma wkoll
iġib ruħu 'l
quddiem bħala
bniedem, anzi
jsir dejjem aktar
bniedem"72.
13. L-edukazzjoni
tiegħek innifsek u
t-theddid tagħha
Dak li hi l-iskola
bħala tagħlim u
ambjent ta' tagħlim
hi ħaġa li tolqot
l-aktar iż-żogħżija.
Iżda, fil-fehma
tiegħi, il-kliem ta'
Kristu dwar
il-verità, li
semmejt aktar 'il
fuq, jolqtu aktar
liż-żgħażagħ
infushom. Jekk ma
hemm ebda dubju li
l-familja tagħti
edukazzjoni u li
l-iskola tagħti
edukazzjoni u
tagħlim, hu veru
wkoll li l-ħidma
tal-familja u
tal-iskola ma tkunx
sħiħa (anzi tista'
tkun ħażina) jekk
kull wieħed u waħda
minnkom, għeżież
żgħażagħ, ma
tingħatawx intom
stess
għall-edukazzjoni
tagħkom infuskom.
L-iskola u l-familja
jistgħu biss
jagħtukom xi tagħrif
li jkun ta' għajnuna
għall-edukazzjonii
tagħkom, minnkom
infuskom.
U f'din il-ħaġa
kliem Kristu:
"Tagħarfu l-verità u
l-verità teħliskom",
isiru għalikom sura
ta' programm ta'
ħidma. Iż-żgħażagħ –
jekk nistgħu ngħidu
hekk – għandhom
fihom infushom
"is-sens
tal-verità". U
l-verità trid
isservi
għall-ħelsien – u
ż-żgħażagħ għandhom
fihom infushom "ix-xewqa
għall-ħelsien".
X'jiġifieri tkun
ħieles? Tfisser li
tkun tagħraf tuża
l-ħelsien tiegħek
fil-verità – tkun
"tassew" ħieles.
Tkun tassew ħieles
ma jfissirx
tagħmel kulma
jogħġbok, kulma
tixtieq. Il-ħelsien
fih innifsu għandu
r-regola tal-verità,
id-dixxiplina
tal-verità. Tkun
tassew ħieles
ifisser tuża
l-ħelsien tiegħek ħa
tikseb dak li hu
veru, dak li hu ta'
ġid. U għalhekk
tkun tassew ħieles
ifisser li tkun
bniedem b'kuxjenza
tajba, tkun bniedem
responsabbli, tkun
bniedem
"għall-oħrajn".
Dan kollu hu
l-qofol ta' dak
li nsejħulu
edukazzjoni, ta' dak
li b'mod speċjali
nsejħu l-edukazzjoni
tiegħek innifsek.
Hekk hu, edukazzjoni
tiegħek innifsek!
Dan il-bini fir-ruħ,
fejn "il-verità
tagħmilna tassew
ħielsa", ma jistax
isir biss minn
"barra". Kull wieħed
minna jrid jibnih
minn "ġewwa", fih
innifsu; irid
jibnih bit-taħbit,
mingħajr qatt ma
jaqta' qalbu,
bis-sabar kollu
(ħaġa li mhux dejjem
jagħmlu ż-żgħażagħ).
Dan il-bini fik
innifsek jissejjaħ
edukazzjoni tiegħek
innifsek. Fuqha
tkellem ukoll
il-Mulej Ġesù meta
qal li biss jekk
"nibqgħu sħaħ
sal-aħħar" nistgħu
"insalvaw ħajjitna".
Li nsalvaw ħajjitna
huwa l-frott
tal-edukazzjoni
tagħna nfusna.
F'dan kollu nsibu
mod ieħor kif wieħed
iħares lejn
iż-żogħżija. Issa
mhux biss il-każ ta'
pjan ta' ħajja li
jrid iseħħ
fil-ġejjieni. Dan
il-pjan iseħħ
fiż-żogħżija,
jekk aħna,
bix-xogħol u
bl-iskola u l-aktar
bl-edukazzjoni
tagħna nfusna,
aħna nqegħdu
l-pedament tal-mixi
'l quddiem
tagħna bħala
bnedmin. U għalhekk
nistgħu nxebbħu
liż-żogħżija ma'
"skultur li
jiskolpixxi l-ħajja
kollha"; u s-sura li
ż-żogħżija tagħti
lil kull wieħed u
waħda minnkom bħala
bnedmin, tibqa' tul
il-ħajja tagħkom
kollha. Jekk dan
għandu tifsir
pożittiv
importanti ħafna,
jista' jkollu wkoll,
jaħasra, tifsir
negattiv
importanti ħafna
wkoll. Ma tistgħux
tagħalqu għajnejkom
quddiem il-perikoli
li jheddukom fi
żmien iż-żogħżija
tagħkom. Għax dawn
ukoll jistgħu jħallu
sinjal, marka
fil-ħajja tagħkom
kollha.
Bħala eżempju nista'
nsemmi l-ħajra li
jista' jkollkom li
tikkritikaw u
tbiddlu kollox
addoċċ u bl-aħrax;
jew il-ħajra li
tħarsu dejjem
b'ċertu xettiċiżmu
lejn dak kollu li hu
tradizzjoni,
xettiċiżmu li jista'
jinbidel malajr
f'ċiniżmu sfaċċat
dwar ix-xogħol,
il-karriera, u
l-istess żwieġ. U
kif ma nistax ma
nsemmix
it-tentazzjoni li
tiġikom minn dik
il-propaganda dejjem
sejra għal ċerta
sura ta'
divertimenti, li
l-aktar niltaqgħu
magħhom fil-pajjiżi
li mxew ħafna 'l
quddiem
fil-progress,
tentazzjoni li
twassal lill-bniedem
biex ma jimpurtah
xejn mill-ħajra
naturali tal-bniedem
li jeħles
mit-taħbit, billi
twegħdu li jikseb
malajr kulma
jixtieq, u fl-istess
ħin, bil-ħsieb li
tmexxi kemm tista'
kulma tirreklama –
il-konsumiżmu –
tipprova tipperswadi
l-bniedem li jilħaq
il-kobor sħiħ tiegħu
biss jekk jorbtu
mal-ġid materjali
tad-dinja. Kemm
żgħażagħ imsaħħrin
minn ħafna ħolm
qarrieq, iħallu
l-istint tagħhom
imexxihom bla ebda
kontroll, jew jaqbdu
triqat li jarawhom
mimlijin b'ħafna
wegħdiet sbieħ, iżda
li fil-fatt nieqsa
għal kollox minn
kulma jistenna
l-bniedem bħala
bniedem, u b'hekk
isibu ruħhom f'ħafna
perikoli! Jaqbel li
hawn intenni dak li
għidtilkom
fil-messaġġ tiegħi
għall-Jum il-Paċi:
"Xi wħud minnkom
jista' jiġihom
il-ħsieb li jeħilsu
minn kull
responsabbiltà u
jfittxu d-dinja
fiergħa tax-xorb u
tad-drogi,
tar-relazzjonijiet
sesswali ta' mument
mingħajr ebda rabta
ta' żwieġ u ta'
familja,
tal-indifferenza,
taċ-ċiniżmu u
tal-vjolenza wkoll.
Ħarsu rwieħkom minn
dan il-qerq
tad-dinja, li trid
tinqeda bil-ħeġġa
kbira tagħkom
għall-hena u
għat-tifsir veru
tal-ħajja"74.
Qiegħed insemmilkom
dan biex nurikom
kemm jien imħasseb
għalikom. Jekk hu
meħtieġ li intom
"tkunu dejjem lesti
tagħtu tweġiba lil
kull min jitlobkom
il-għala tat-tama li
għandkom", kulma
jhedded din it-tama
għandu jħassibna. U
lil dawk kollha li
b'kull sura ta'
ħajriet u ta'
frugħat qed ifittxu
li jħassrulkom
żogħżitkom, jien
irrid infakkarhom
fi kliem Kristu
dwar l-iskandlu u
dwar min jagħti
skandlu. "Ma jistax
ikun li ma
jingħatawx skandli,
imma ħażin għalih
min ikun ħtija
tagħhom! Ikun aktar
jaqbillu li jorbtulu
ma' għonqu ġebla
tat-tħin u jitfgħuh
il-baħar, milli
jagħti skandlu lil
wieħed minn dawn
iċ-ċkejknin"75.
Kliem iebes! U
l-aktar fil-fomm ta'
Dak li ġie jxandar
l-imħabba! Għalhekk
min jaqra bir-reqqa
kollha dan il-kliem
tal-Evanġelju għandu
jara kemm ma jaqblux
ma' xulxin it-tajjeb
u l-ħażin, il-virtù
u d-dnub. U għandu
jara wkoll b'mod
aktar ċar
x'importanza għandha
għal Kristu
ż-żogħżija ta' kull
wieħed u waħda
minnkom. Kienet
l-imħabba
għaż-żgħażagħ li
wasslet lil Kristu
biex jgħid il-kliem
iebes li għadni kemm
semmejt. F'dan
il-kliem qisu jtenni
l-kliem
tal-konversazzjoni
tiegħu maż-żagħżugħ
tal-Evanġelju,
konversazzjoni li
din l-ittra semmiet
ħafna ta' spiss.
14. Iż-żogħżija
bħala "kobor"
Ippermettuli ntemm
dawn il-ħsibijiet
tiegħi, billi
nfakkar dak li
l-Evanġelju jgħid
dwar iż-żogħżija
ta' Ġesù f'Nażaret.
Hu ftit il-kliem li
jħaddan iż-żmien ta'
tletin sena li
għadda Ġesù fid-dar
tal-familja tiegħu
ma' Marija u Ġużeppi
l-mastrudaxxa.
Jgħidilna
l-Evanġelista San
Luqa: "Ġesù baqa'
jikber fil-għerf,
fis-snin u
fil-grazzja quddiem
Alla u quddiem
il-bnedmin"76.
Iż-żogħżija mela hi
"kobor". Fid-dawl
ta' dak kollu li
għidt sa issa, dan
il-kliem
tal-Evanġelju
jidher mimli tifsir.
"Jikber fis-snin";
dan qiegħed jingħad
għar-rabta li għandu
l-bniedem maż-żmien;
il-kobor fis-snin hu
"mixi", "mixi 'l
quddiem" fiż-żmien
kollu tal-ħajja
tal-bniedem. Ma' dan
il-mixi 'l quddiem
hemm marbut
l-iżvilupp tal-ġisem
u tal-moħħ: hu
l-żvilupp, il-kobor
tal-qawwiet u
l-enerġiji kollha
li jagħmlu kull
bniedem dak li hu.
Iżda jeħtieġ li ma'
dan l-iżvilupp ikun
hemm ukoll il-kobor
fl-għerf u
l-grazzja.
Lilkom ilkoll,
għeżież żgħażagħ
ħbiebi, nixtiqilkom
dan "il-kobor".
Nistgħu ngħidu li
b'dan il-kobor
iż-żogħżija tkun
tassew żogħżija.
B'hekk biss kull
wieħed u waħda
minnkom ikun dak li
hu, tkun dik li hi.
B'hekk biss
iż-żogħżija tingħata
lil kull wieħed u
waħda minnkom
bħala ġid proprju
ta' kull wieħed u
waħda minnkom, ġid
miksub bl-esperjenza
personali tagħkom u
fi ħdan il-komunità.
B'hekk ukoll
żogħżitkom titwettaq
bl-esperjenza
tal-kbar li ħallew
iż-żogħżija u li
flok mixi 'l
quddiem, se jibdew
mexjin "lura", u
hekk itemmu l-kors
sħiħ tal-ħajja
tagħhom.
Ħa tkun mela
ż-żogħżija "kobor",
jiġifieri kobor li
jġib miegħu
progress f'kulma hu
veru u tajjeb u
sabiħ, ukoll
jekk dan "minn
barra" hu marbut
mat-tbatija,
mat-telfa tal-qraba
maħbuba u mat-tiġrib
tal-ħażen li bla
heda jinsab
fid-dinja li fiha
ngħixu.
"Il-kobor" jixraq
liż-żogħżija.
Għalhekk jaqbel
ħafna li wieħed
ikollu kuntatt mad-dinja
kollha li tidher,
jiġifieri
man-natura.
B'dan il-kuntatt
man-natura
fiż-żogħżija
nistagħnu aktar
milli nistagħnu
bit-tagħrif dwar
id-dinja "li niksbu
mill-kotba". Għax
nistagħnu
direttament.
Bir-raġun kollu
nistgħu ngħidu li
b'dan il-mod, b'dan
il-kuntatt dirett
man-natura aħna
nilqgħu fil-ħajja
tagħna ta' bnedmin
il-misteru stess
tal-ħolqien li
jinfetaħ għalina
bil-varjetà
tal-għaġeb ta' kulma
hemm x'tara
fin-natura;
fl-istess ħin
in-natura tħajjarna
nfittxu dak li għadu
moħbi fiha u ma
jidhirx. L-għerf –
kemm dak li nsibu
fil-kotba mnebbħin
minn Alla77
u kemm dak li tiegħu
jagħtuna xhieda tant
nies għorrief –
qisu juri
f'ħafna suriet "kemm
tiddi d-dehra
tad-dinja".
Jaqbel li l-bniedem
iqalleb dak il-ktieb
tal-għaġeb li hu
"l-ktieb
tan-natura", miftuħ
għal kull wieħed u
waħda minna. Dak li
l-moħħ u l-qalb
taz-żgħażagħ jaqraw
fih, jidher li
jaqbel perfettament
ma' dik
l-istedina
għall-Għerf:
"Ikseb il-għerf,
ikollok id-dehen...
twarrbux minnek, hu
jżommok, ħobbu u hu
jieqaf miegħek"78.
Il-bniedem ta'
żmienna, l-aktar dak
ta' pajjiżi li mxew
ħafna 'l quddiem
fl-industrija u
t-teknika, huwa
bniedem li jitkixxef
ħafna n-natura, imma
spiss dan jagħmlu
għal dak li jaqbel
lilu biss, u hekk
ikun jeqred ħafna
ġid u ġmiel
tan-natura, u
jħammeġ u jħassar
l-ambjent naturali
tal-ħajja fid-dinja.
Iżda n-natura ġiet
mogħtija lilna biex
inħarsu lejha u
nissaħħru biha,
qisna għandna
quddiemna mera kbira
tad-dinja. Fiha
naraw il-patt
tal-Ħallieq
mal-ħlejjaq tiegħu,
li f'nofshom, sa
mill-bidu, jinsab
il-bniedem maħluq
direttament "xbieha"
ta' Alla li ħalqu.
Għalhekk, għeżież
żgħażagħ, nixtieq li
l-kobor tagħkom
"fil-għerf u
fis-snin" ikun kobor
imsieħeb man-natura,
b'kuntatt
man-natura. Fittxu
li jkollkom żmien
għal dan! Titilfuhx
dan iż-żmien!
Ilqgħu bil-qalb
it-taħbit u l-għeja
li xi kultant hu
mitlub minn dan
il-kuntatt
man-natura, l-aktar
meta rridu nilħqu
dak li jitlob sforz
kbira. Taħbit bħal
dan hu taħbit li
joħloq, u fl-istess
ħin iġib mistrieħ
li jagħti s-saħħa,
mistrieħ meħtieġ
daqs l-istudju u
x-xogħol.
Dan it-taħbit u dan
l-isforz hu msemmi
wkoll fl-Iskrittura,
f'San Pawl, li
jxebbah il-ħajja
nisranija mal-ġiri
fl-istadju"79.
Kull wieħed u waħda
minnkom teħtieġu din
l-għeja u dawn
l-isforzi li bihom
mhux biss il-ġisem
jitwettaq u
jissaħħaħ, imma
l-bniedem kollu kemm
hu jġarrab il-ferħ
li rnexxielu jirbaħ
lilu nnifsu u
jegħleb kull tfixkil
u kull xkiel kontra
tiegħu.
Nixtieq ukoll li
l-"kobor" tagħkom
iseħħ billi tkunu
f'kuntatt ma'
kulma għamel
il-bniedem, anzi
ma' kulma qegħdin
jagħmlu l-bnedmin
li għadhom jgħixu
fid-dinja. Kemm
opri għamlu
l-bnedmin tul
il-mijiet tas-snin!
Kemm huma
tal-għaġeb, u
x'varjetà ta' opri!
Jidher li ż-żgħażagħ
minnufih jagħarfu
sewwa kulma hu veru,
sabiħ u tajjeb
fl-opri tal-bniedem.
U meta nqisu l-opri
li għamlu l-bnedmin
ta' tant kulturi
differenti, ta' tant
suriet ta' arti u
ta' snajja,
nitgħallmu x'inhi
sewwa l-verità dwar
il-bniedem
(verità mfissra
b'mod hekk
tal-għaġeb fis-Salm
8). Din il-verità
tista' tkabbar u
tagħni bħala bniedem
lil kull wieħed u
waħda minna.
Iżda naraw l-aktar
il-bniedem x'inhu,
meta narawh
fir-relazzjonijiet
tiegħu mal-bnedmin
l-oħra. Jeħtieġ
li ż-żogħżija
tagħkom tgħinkom
"tikbru fl-għerf"
permezz ta' dawn
ir-relazzjonijiet
ma' bnedmin oħra.
Iż-żogħżija hi żmien
li fih wieħed
ikabbar
ir-relazzjonijiet
tiegħu, jiżdidulu
sħabu, u jżid
in-numru tal-ħbieb,
f'ambjent aktar
wiesgħa minn dak
tal-familja. Jikber
ukoll il-qasam
tal-esperjenzi li,
mhux biss għandu
importanza kbira
biex wieħed jikseb
ħafna tagħrif, imma
fl-istess ħin hu
wkoll mezz ta'
edukazzjoni u ta'
tagħlim dwar imġiba
morali tajba. Dawn
l-esperjenzi jiswew
ħafna fiż-żogħżija
għaliex joħolqu
f'kull wieħed u
waħda minnkom sens
kritiku u fuq kollox
jagħtukom il-ħila
li tkunu tistgħu
tagħmlu għażla
f'dak kollu li
għandu x'jaqsam
mal-bniedem. Tkun
tassew ħienja din
l-esperjenza
taż-żogħżija jekk
biha titgħallmu
x'inhi l-verità
essenzjali dwar
il-bniedem –
dwar kull bniedem u
dwarkom infuskom –
verità li ġiet
imfissra bi ftit
kliem
fil-Kostituzzjoni
pastorali Gaudium
et Spes:
"il-bniedem fuq
l-art huwa kreatura
waħdanija li Alla
ried għaliha nfisha,
u (il-bniedem) ma
jistax isib sewwa
lilu nnifsu ħlief
billi sinċerament
jagħmel don tiegħu
innifsu"80.
Nitgħallmu għalhekk
inkunu nafu
l-bniedem bil-mod li
bih aħna nkunu aktar
bnedmin billi
"nagħtu lilna
nfusna": inkunu
bnedmin "għall-oħrajn".
Il-qofol ta' din
il-verità dwar
il-bniedem – ta' din
l-antroploġija,
qofol li ma
nistgħux nilħqu, hu
Ġesù ta' Nażaret.
Għalhekk hi wkoll
importanti ħafna
ż-żogħżija tiegħu
meta kien "jikber
fl-għerf... u
l-grazzja quddiem
Alla u quddiem
il-bnedmin".
Nitlob li jkollkom
dan il-kobor
f'kuntatt ma' Alla.
Jista' jgħin
indirettament, għal
dan il-kobor,
il-kuntatt tagħkom
man-natura u
mal-bnedmin l-oħra,
imma l-aktar li
jgħin direttament hu
t-talb.
Itolbu u tgħallmu
itolbu! Iftħu
qalbkom u l-kuxjenzi
tagħkom għal Dak li
jafkom aktar milli
tafu intom lilkom
infuskom. Tkellmu
miegħu! Stħarrġu
aktar fil-fond
il-kliem ta' Alla
l-ħaj billi taqraw u
timmeditaw il-Kotba
Mqaddsa.
Dawn huma
t-triqat li
jwassluna għand Alla
u jlaqqgħuna miegħu.
Ftakru li din hi
dejjem laqgħa bejn
tnejn. Alla
jwieġeb l-aktar
"bil-għoti tiegħu
nnifsu", għoti li
l-Iskrittura
ssejjaħlu "grazzja".
Fittxu għalhekk li
tgħixu fil-grazzja
ta' Alla!
Dan kollu dwar
"il-kobor", u dan li
ktibt ktibtu biss
biex insemmilkom
il-problemi ewlenin
tiegħu; kull waħda
minn dawn
il-problemi tista'
tiġi studjata aktar
fil-fond. U dan
nixtiequ jsir
fil-ħafna għaqdiet u
soċjetajiet
taż-żgħażagħ,
fil-movimenti u
l-organizzazzjonijiet
li dejjem qed
jiżdiedu fil-pajjiżi
u l-kontinenti
kollha, kull waħda
bil-ħidma
spiritwali u
l-appostolat proprju
tagħha. Dawn
l-istituti kollha,
li fihom il-Knisja
għandha sehem,
jixtiequ juru
liż-żgħażagħ triq
għal dak "il-kobor"
li b'xi mod juri
x'inhi ż-żogħżija
fid-dawl
tal-Evanġelju.
15. L-isfida kbira
tal-ġejjieni
Il-Knisja tħares
lejn iż-żgħażagħ;
anzi l-Knisja b'xi
mod tara lilha
stess fiż-żgħażagħ
– fikom kollha u
f'kull wieħed u
waħda minnkom. Dan
kien sa mill-bidu,
jiġifieri, sa minn
żmien l-Appostli.
Kliem San Ġwann
fl-Ewwel Ittra
tiegħu jistgħu jkunu
xhieda mill-aqwa ta'
dan. "Qiegħed nikteb
lilkom, żgħażagħ,
għax intom
għelibtu l-ħażin.
Ktibt lilkom, tfal
għax intom
għaraftu
lill-Missier ...
Ktibt lilkom
żgħażagħ, għax intom
qawwija u l-kelma
ta' Alla tgħammar
fikom"81.
Kliem l-Appostlu
jingħaqdu ma' kliem
Kristu liż-żgħażagħ
tal-Evanġelju u
jidwu minn nisel
għal nisel, minn
żmien għal żmien.
U fi żmienna wkoll,
meta aħna qrib
l-elfejn sena wara
Kristu, il-Knisja
tara lilha nfisha
fiż-żgħażagħ. U
kif tara l-Knisja
lilha nfisha
fiż-żgħażagħ?
It-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan
II hu xhieda
speċjali ta' dan.
Il-Knisja tara lilha
nfisha bħala
sagrament jew
sinjal u strument
tal-għaqda sħiħa ma'
Alla tal-familja
kollha tal-bnedmin82.
Tara għalhekk lilha
nfisha marbuta
mal-familja kbira
tal-bnedmin, li
dejjem qiegħda
tikber aktar. Tara
lilha nfisha
f'dimensjoni
universali. Tara
lilha nfisha
fit-triq
tal-ekumeniżmu
jiġifieri fit-triq
tal-għaqda
tal-insara kollha,
għaqda li Kristu
talab għaliha u fi
żmienna kulħadd
qiegħed jifhem li
għandna nfittxuha
bil-qawwa kollha.
Il-Knisja tara lilha
nfisha wkoll
fil-kuntatti ma'
nies li jħaddnu
reliġjonijiet mhux
insara u
mal-bnedmin kollha
ta' rieda tajba.
Dawn il-kuntatti
huma djalogu ta'
salvazzjoni li
għandu jgħin
għall-paċi fid-dinja
u għall-ġustizzja
bejn il-bnedmin.
Intom iż-żgħażagħ
intom it-tama
tal-Knisja għax
proprju b'dan il-mod
tara lilha nfisha
u l-missjoni tagħha.
U l-Knisja
tkellimkom fuq din
il-missjoni tagħha.
Il-messaġġ tal-ewwel
ta' Jannar ta' din
is-sena 1985, f'Jum
il-Paċi, hu xhieda
ta' dan. Dan
il-messaġġ sar
direttament lilkom
għaliex "it-triq
tas-sliem hi
fl-istess ħin
it-triq
taż-żgħażagħ"
("is-sliem u
ż-żgħażagħ jimxu
flimkien"). U din
il-konvinzjoni hi
stedina u fl-istess
ħin dmir: hawn
għandna wkoll
l-istedina li "tkunu
dejjem lesti tagħtu
tweġiba lil kull min
jitlobkom il-għala
tat-tama li
għandkom" – it-tama
li hi marbuta
magħkom. Tistgħu
taraw għalhekk kemm
din it-tama tħaddan
veritajiet
importanti u
universali.
Intom tgħixu kuljum
mal-għeżież tagħkom.
Dan l-ambjent
bil-mod il-mod
jitwessa'. Għadd
dejjem akbar ta'
nies qed ikollhom
x'jaqsmu ma'
ħajjitkom, u intom
stess tintebħu
bis-sinjali ta' din
ix-xirka tagħkom
magħhom. Din
ix-xirka tista'
tgħid dejjem hi
xirka li
tingħażel fiha
nfisha. Tingħażel
bil-mod kif għaraf u
għallem il-Konċilju
Vatikan II
fil-kostituzzjoni
dommatika dwar
il-Knisja u
fil-kostituzzjoni
pastorali dwar
il-Knisja fid-dinja
tal-lum. Spiss
iż-żogħżija tagħkom
tgħadduha f'ambjenti
li mhumiex
l-istess dwar
dak li hu reliġjon
jew f'ambjenti
b'reliġjonijiet
differenti jew
f'ambjenti fejn
jiltaqgħu flimkien
it-twemmin u
n-nuqqas ta'
twemmin, nuqqas ta'
twemmin li jista'
jkun l-anjostiċizmu
jew saħansitra
l-ateiżmu fis-suriet
kollha tiegħu.
Iżda quddiem ċerti
problemi jidher li
dawn il-ħafna
komunitajiet ta'
żgħażagħ, iħossu u
jaħsbu u jġibu
ruħhom bl-istess
mod. Bħala eżempju
nista' ngħid li
ż-żgħażagħ kollha
jaqblu bejniethom u
jħossu l-istess
dwar dan li ġej: li
eluf ta' eluf ta'
bnedmin qed jgħixu
f'miżerja kbira u
qed imutu bil-ġuħ
waqt li fl-istess
ħin qed jintefqu
somom kbar ħafna ta'
flus biex isiru armi
nukleari, li issa
hemm ħażna hekk
kbira tagħhom li
jistgħu jġibu
l-qerda sħiħa
tal-familja kollha
tal-bnedmin. Hemm
imbagħad theddid
u
tensjonijiet
oħra li qatt ma
kienu daqshekk kbar
fil-ġrajja kollha
tal-bniedem. Fuq dan
tkellimt fil-messaġġ
tal-ewwel tas-sena,
u għalhekk mhux ser
nerġa' nsemmihom.
Ilkoll nifhmu li
l-ġejjieni ta' eluf
ta' miljuni ta'
bnedmin, fi tmien
l-elfejn sena wara
Kristu, qiesu
jħabbar li
jistgħu jkunu ħerba
u qerda ta'
kobor
"apokalittiku".
F'qagħda bħal din,
bir-raġun kollu
intom iż-żgħażagħ
tistaqsu lil dawk li
ġew qabilkom: Għax
wasalna sa hawn?
Għaliex din
il-qagħda hekk kbira
ta' perikolu
għall-familja kollha
tal-bnedmin? Minn
fejn dawn
l-inġustizzji kollha
li jweġġgħulna
għajnejna? Għaliex
tant nies qed
imutu bil-ġuħ?
Għaliex tant
eluf ta' eluf ta'
rifuġjati minn fost
ħafna nazzjonijiet?
Għaliex tant
drabi qed jiġu
mkasbra d-drittijiet
tal-bniedem? Għaliex
tant
ħabsijiet u kampi
ta' konċentrament,
għaliex tant
vjolenza bi ħsieb,
tant qtil ta'
nies innoċenti,
għaliex tant
bnedmin qed isofru
vjolenza u torturi,
għaliex tant
moħqrija u tant
tkasbir ta'
kuxjenzi? U fost dan
kollu, hemm ukoll
il-fatt li tant
żgħażagħ għandhom
il-kuxjenza tagħhom
mgħobbija bil-piż
tal-qtil ta' tant
innoċenti, għaliex
huma għal kollox
konvinti li d-dinja
se tkun aħjar biss
permezz
tat-terroriżmu
mħejji u maħsub
sewwa. U
għalhekk intom
terġgħu tistaqsu:
Għaliex dan kollu?
Għandkom id-dritt
kollu tagħmlu dawn
il-mistoqsijiet;
anzi jeħtieġ
tagħmluhom. Għax
huma mistoqsijiet
dwar id-dinja li
fiha qegħdin tgħixu
llum, u fejn għada
tridu tgħixu meta
dawk akbar minnkom
ikunu ħallew din
id-dinja.
Għalhekk bir-raġun
kollu tistaqsu:
għaliex dan
il-progress
kollu tal-bniedem –
li qatt ma kien hemm
ieħor bħalu
fil-ġrajja kollha
tal-bniedem –
fil-qasam tax-xjenza
u tat-teknika;
għaliex dan
il-progress kollu,
li bih il-bniedem
qiegħed jaħkem
il-materja,
il-bniedem b'ħafna
modi qiegħed jużah
kontra l-bniedem?
Għalhekk bir-raġun
kollu tistaqsu (u bi
ftit ta' biża' wkoll
għall-ġejjieni fikom
infuskom): Tista'
ddur din ir-rotta?
Tista' tinbidel din
il-qagħda?
Jirnexxilna nġibu
din il-bidla?
Tagħmlu sewwa
tistaqsu dan. Iva,
qegħdin tagħmlu
l-aqwa mistoqsija
ta' żmienkom. B'dan
il-mod intom tkomplu
l-konversazzjoni
tagħkom ma' Kristu
li nbdiet darba
fl-Evanġelju. Dak
iż-żagħżugħ kien
staqsa: "X'għandi
nagħmel biex nikseb
il-ħajja ta'
dejjem?" Intom
tagħmlu l-istess
mistoqsija skont
iż-żmien li fih
intom: X'għandna
nagħmlu biex
il-ħajja – il-ħajja
kollha ġmiel
tal-familja
tal-bnedmin – ma
tinbidilx f'qabar
ta' mewt nukleari?
X'għandna nagħmlu
biex ma jaħkimniex
id-dnub
tal-inġustizzja
mxerred ma'
kullimkien
fid-dinja? Dak
id-dnub tat-tkasbir
tal-bniedem u
tat-twarrib
tad-dinjità tiegħu,
minkejja li jingħad
tant kliem li
jwettaq dawn
id-drittijiet
tiegħu. X'għandna
nagħmlu? U
mill-ġdid: Naslu
biex nagħmluh?
Iwieġeb Kristu kif
wieġeb fl-ewwel
seklu tal-Knisja bi
kliem l-Appostlu
liż-żgħażagħ:
"Qiegħed nikteb
lilkom, żgħażagħ,
għax intom għelibtu
l-ħażin. Ktibt
lilkom tfal,
għax intom għaraftu
lill-Missier ...
Ktibt lilkom,
żgħażagħ, għax
intom qawwija u
l-kelma ta' Alla
qiegħda tgħammar
fikom"83.
Dan il-kliem
tal-Appostlu mtenni
elfejn sena ilu,
huwa wkoll tweġiba
għal-lum. Huwa kliem
sempliċi u qawwi ta'
fidi li ġġib
ir-rebħa fuq
il-ħażen li hawn
fid-dinja: "Din hi
r-rebħa fuq
id-dinja: il-fidi
tagħna"84.
Dan il-kliem jikseb
il-qawwa tiegħu
mill-esperjenza
ta' Kristu u
tal-qawmien tiegħu
mill-imwiet li
kellhom l-Appostli u
l-ġenerazzjonijiet
kollha tal-insara li
ġew warajhom. F'din
l-esperjenza
jitwettaq
l-Evanġelju kollu. U
titwettaq ukoll
il-verità li tinsab
fil-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ
tal-Evanġelju.
Nieqfu ftit fi tmiem
din l-ittra fuq
il-kliem
tal-Appostlu li
jwettqukom u
fl-istess ħin
jisfidawkom. Għax
huma wkoll tweġiba.
Fikom, fi qlubkom,
hemm tħeġġeġ
xewqa ta' mħabba
tal-aħwa bejn
il-bnedmin kollha,
'il fuq minn kull
firda, jew ġlied jew
diskriminazzjoni.
Jalla jkun hekk!
Intom iż-żgħażagħ
għandkom ħerqa kbira
ta' mħabba tal-aħwa
u kull xorta ta'
rabta bejn
il-bnedmin, u żgur
ma tridux li jkun
hemm ebda xorta
ta' ġlied bejn
bniedem u ieħor.
U din ix-xewqa
ħerqana ta' mħabba
tal-aħwa –
il-bniedem huwa
l-proxxmu
tal-bniedem,
il-bniedem huwa ħu
bniedem ieħor! –
mhijiex forsi xhieda
li intom "għaraftu
l-Missier", kif
jikteb l-Appostlu,
la lkoll aħna aħwa
hekk xi ħadd hu
missier? U biss
fejn hemm
il-Missier,
il-bnedmin huma
aħwa.
Għalhekk jekk intom
għandkom fikom
ix-xewqa tal-imħabba
tal-aħwa, dan
ifisser li "l-Kelma
ta' Alla tgħammar
fikom". Fikom
hemm dak it-tagħlim
li Kristu għallem u
li bir-raġun kollu
jissejjaħ "il-Bxara
t-Tajba". Hemm fuq
fommkom, hemm almenu
fi qlubkom,
it-talba
tal-Mulej li
tibda bil-kliem:
"Missierna". Din
it-talba li
tħabbrilna
l-Missier, fl-istess
ħin twettaq li aħna
lkoll aħwa, u,
fil-qofol tagħha,
tmur kontra kull
xorta ta' mġiba
mibnija fuq
il-prinċipju
tal-ġlied bejn
bniedem u ieħor, hu
ta' liema sura hu.
Il-"Missierna"
jbiegħed qlub
il-bnedmin
mill-ġlied u
l-mibegħda,
mill-vjolenza u
t-twerwir, minn kull
xorta ta'
diskriminazzjoni li
bihom huma mkasbra
d-dinjità u
d-drittijiet
tal-bniedem.
L-Appostlu jikteb
liż-żgħażagħ u
jgħidilhom li huma
qawwija għax
il-Kelma ta' Alla
tgħammar fihom:
dan it-tagħlim
jinsab fl-Evanġelju
ta' Kristu u hu
miġbur fil-qasir
fil-"Missierna".
Iva. Intom qawwija
b'dawn il-preċetti
ta' Alla; intom
qawwija b'din
it-talba; intom
qawwija għax din
it-talba tnissel
fikom l-imħabba,
it-tjieba,
ir-rispett
għall-bniedem: għal
ħajtu, għad-dinjità
tiegħu,
għall-kuxjenza u
l-fehmiet tiegħu,
għad-drittijiet
tiegħu. Jekk
"għaraftu l-Missier"
intom qawwija
bil-qawwa
tal-imħabba bejn
il-bnedmin bħal
aħwa.
Intom qawwija wkoll
għall-ġlied; mhux
kontra l-bnedmin
favur xi ideoloġija
jew favur xi drawwa
maqtugħa għal kollox
mill-għeruq
tal-Evanġelju, imma
intom qawwija
għall-ġlied kontra
l-ħażen, kontra
l-ħażen veru: kontra
kull ħaġa li
toffendi lil Alla,
kontra kull xorta
ta' inġustizzja u
sfruttament, kontra
kull qerq u kull
gideb, kontra dak
kollu li joffendi u
jkasbar, kontra
kulma jħassar
l-għaqda bejn
il-bnedmin u
r-relazzjonijiet ta'
bejniethom, kontra
kull delitt li
jhedded jew jeqred
il-ħajja, kontra
kull dnub.
L-Appostlu jikteb:
"Għelibtu
l-ħażin!" U hekk
hu. Għandna dejjem
inżommu quddiemna
l-bidu tad-deni u
tad-dnub
fil-ġrajja
tal-bniedem u
tal-ħolqien kollu
kif għamel Kristu
fil-misteru tal-Għid
tas-Salib u
l-qawmien tiegħu
mill-imwiet. Ma
għandniex għax
nibżgħu nsemmu
b'ismu 'l dak li
hu l-bidu ta' kull
deni: il-Ħażin.
Il-qerq li uża u
għadu juża hu dak li
ma jidhirx bħala
ħażin, biex
il-ħażin li jkun
żera' sa mill-bidu
jikber bil-ħidma
tal-bniedem stess
bis-sistemi li
għandu l-bniedem,
bir-relazzjonijiet
tal-bnedmin
bejniethom,
bir-relazzjonijiet
bejnietkom ta' kull
klassi
fin-nazzjonijiet...
biex dejjem aktar
jikber id-dnub
fl-"istrutturi",
ħalli dejjem inqas
jingħaraf bħala dnub
"personali"
tal-bniedem, biex
il-bniedem iħoss
ruħu dejjem aktar
"ħieles" mid-dnub,
waqt li hu fl-istess
ħin għandu għeruq
akbar fid-dnub.
L-Appostlu qal
liż-żgħażagħ: "intom
qawwija, u għalhekk
jeħtieġ li
l-kelma ta' Alla
tgħammar fikom".
Imbagħad tkunu
tassew qawwija: u
hekk tkunu tistgħu
tintebħu kif
il-ħażin jaħdem
bil-moħbi, u fejn
huma l-għeruq
tiegħu; u hekk
bil-mod il-mod
jirnexxilkom
tbiddlu d-dinja,
tagħmluha aktar
tixraq lill-bniedem,
tagħmluha aktar
dinja ta' aħwa,
aktar dinja li hi
ta' Alla. Ma
jiswiex tqaċċat
id-dinja minn Alla,
tagħmilha kontra
Alla; lanqas jiswa
li l-bniedem
jitbiegħed minn Alla
u jkun kontra Alla.
Dan imur kontra
n-natura tad-dinja u
kontra n-natura
tal-bniedem, dan
imur kontra l-verità
intima ta' kollox,
li hi r-"realtà"
kollha. Hu għalhekk
li qalb tal-bniedem
hi bla mistrieħ, sa
ma tistrieħ f'Alla.
Dan il-kliem
tal-għaref Santu
Wistin ma jitlef
qatt il-qawwa tiegħu
f'kull żmien85.
16. Il-messaġġ
tal-aħħar
Għeżież żgħażagħ
ħbiebi, araw,
inħalli f'idejkom
din l-ittra li
hi marbuta
mal-konversazzjoni
ta' Kristu
maż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, u
ġejja mix-xhieda
tal-Appostli u
tal-ewwel
ġenerazzjonijiet
tal-insara. Qed
nagħtikom din
l-ittra tul is-sena
internazzjonali
taż-żgħażagħ,
aħna u qed noqorbu
lejn it-tieni elf
sena wara Kristu.
Qed nagħtihielkom
din is-sena li hi
l-għoxrin sena minn
meta ntemm
il-Konċilju Vatikan
II li sejjaħ
liż-żgħażagħ
"it-tama tal-Knisja"86,
u li kellu l-aħħar
messaġġ tiegħu
għaż-żgħażagħ ta'
dak iż-żmien – kif
għandu l-messaġġ
tiegħu għaż-żgħażagħ
tal-lum u taż-żmien
li għad irid jiġi –
f'dan il-messaġġ
il-Knisja tidher
bħala l-vera
żogħżija tad-dinja,
"bħala dik li
għandha dak li hu
l-qawwa u l-ġmiel
taż-żogħżija,
jiġifieri l-kapaċità
li tifraħ b'kull
ħaġa li tibda,
il-ħila li tagħti
ruħha minn rajha bla
ebda kundizzjoni,
il-ħila li tiġġedded
u tfittex rebħiet
ġodda"88.
Dan qed nagħmlu
f'Ħadd il-Palm u
l-Passjoni
tal-Mulej,
fil-jum li fih se
niltaqa' ma' ħafna
minnkom fil-pjazza
quddiem il-bażilika
ta' San Pietru.
F'dan il-jum l-isqof
ta' Ruma se
jitlob magħkom
għaż-żgħażagħ
kollha tad-dinja
għal kull wieħed u
waħda minnhom.
Nitolbu fix-xirka
tal-Knisja biex –
fiż-żminijiet iebsa
li fihom qegħdin
ngħixu – intom tkunu
"tistgħu tagħtu
tweġiba lil min
jistaqsikom il-għala
tat-tama li
għandkom". Hekk hu,
"li intom għandkom",
għaliex minnkom
jiddependi
l-ġejjieni; minnkom
jiddependi
t-tmiem ta' dawn
l-elf sena u l-bidu
ta' elf sena oħra.
Għalhekk
titgħażżnux; ilqgħu
d-dmirijiet tagħkom
f'kull qasam li
jinfetaħ quddiemkom
f'din id-dinja. Għal
din il-fehma wkoll
qegħdin jitolbu
magħkom l-isqfijiet
u s-saċerdoti
f'ħafna pajjiżi.
Aħna u nitolbu
flimkien f'din
ix-xirka kbira ta'
żgħażagħ tal-Knisja
Universali u
tal-knejjes kollha,
għandna quddiemna
d-dehra tal-Verġni
Marija, li sa
mill-bidu tal-ħidma
ta' Kristu fost
il-bnedmin kienet
dejjem miegħu. Hi
dik Marija li,
fil-festa tat-tieġ
ta' Kana qabżet
għaż-żgħażagħ,
għaż-żewġ miżżewġin
żgħażagħ, li
fil-festa tat-tieġ
naqsilhom l-inbid.
Omm Kristu dakinhar,
lin-nies li kienu
jieħdu ħsieb l-ikel,
qaltilhom: "Agħmlu
kulma jgħidilkom".
Min kellu
jgħidilhom, kien
Kristu. Se ntenni
dan il-kliem ta' Omm
Alla biex ngħidu
lilkom, żgħażagħ,
lil kull wieħed u
waħda minnkom:
"Agħmlu kulma
jgħidilkom Kristu".
U f'isem it-Trinità
Qaddisa mberikkom.
Ammen.
Minn Ruma, f'San
Pietru, fil-31 ta'
Marzu, Ħadd il-Palm
u l-Passjoni
tal-Mulej, tas-sena
1985, is-seba' sena
tal-pontifikat.
Noti:
1.
Piet 3,15
2.
Ara
Redemptor
hominis, 14
3.
Ara
Rum 8,19.21; Ef 4,4;
Fil 3,10s; Tit 3.7;
Lh 7,19; 1Piet 1,13
4.
1
Piet 3,15
5.
Ara
Mk 10,17-22; Mt
19,16-22; Lq 18,23
6.
Mk
10,17-19
7.
Mk
10,20s
8.
Mk
10,22
9.
Ara
Lq 8,49-56
10.
Ara
Lq 7,11-17
11.
Apok
21,6
12.
Ġw
3,16
13.
1Ġw
4,8.16
14.
Ara
2Tess 2,7
15.
Ġw
14,9
16.
Ara
Lh 13,8
17.
Ara
Ġen 1,26
18.
Ġw
3,19; ara 1,9
19.
Ġw
1,5
20.
Rum
6,9
21.
Lq
2,34
22.
Ġw
11,25
23.
Ġw
3,16
24.
1Kor
7,13
25.
Lh
9,27
26.
ibid
27.
Ġw
11,25s
28.
Ara
Es 24,1; Dewt 9,10;
2Kor 3,3
29.
Ara
Dewt 4.5-9
30.
Mk
10,20
31.
Ara
Mt 5-7
32.
Ara
Mt 22,37,40; Mk
12.29-31; Lq 10,27
33.
Ara
Rum 2,14
34.
Rum
2,15
35.
ibid
36.
Mk
10,19
37.
Lh
9,27
38.
Kol
3,14
39.
Ara
1Kor 13,13
40.
Ara
Mt 22,38
41.
"Il-liġi morali",
jgħid Konfuċju,
"mhux bogħod minna.
L-għaref ma tantx
jiżbalja f'dak li
għandu x'jaqsam
mal-liġi morali,
għax jimxi fuq dan
il-priċipju:
tagħmilx lil
ħaddieħor dak li ma
tridx li ħaddieħor
jagħmel lilek"
(Tchung-Yung –
it-triq tan-nofs, 13).
L-għaref Ġappuniż
Dengyo Daishi, jew
Saicho li għex
fis-snin 767-822
wara Kristu, iħeġġeġ
biex ninsew lilna
nfusna, nagħmlu
l-ġid lill-oħrajn
għax hawn hu l-qofol
tal-ħbiberija u
tal-imħabba kollha
ħniena (ara W. Th.
de Barry, Sources
of Japanese
Tradition, New
York, 1958, vol. I
paġ. 127). Kif ma
niftakrux dak li
kien jgħid
il-Mahatma Ghandi li
kien jisħaq fuq
il-"qawwa
tal-verità" (Satyyagraha),
li mingħajr vjolenza
tirbaħ bil-qawwa
dinamika tagħha, li
tinsab f'kull ħidma
ġusta?
42.
Ara
Rum 2,15
43.
Ara
Ġw 1.8; ara wkoll
Nostra aetate
(dikjarazzjoni
tal-Konċilju Vatikan
II dwar
ir-relazzjonijiet
tal-Knisja
mar-reliġjonijiet
mhux insara).
44.
Ġen
1,31
45.
Ara
Ġw 2,35
46.
Ara
Lq 22,61
47.
Ara
Ef 1,4
48.
Mt
19,10
49.
1Kor
7,21
50.
Kol
3,1
51.
Rum
5,5
52.
Ara
Mt 5,3-12
53.
Mt
19,21
54.
Ara
Mk 10,21; Ġw 1,43;
21,23
55.
Ara
Mt 19,12
56.
Ara v.g.
Redemptionis donum
57.
Mt
9,37
58.
Mt
9,37s
59.
Ara
Lumen gentium
39-42
60.
Ara
Gaudium et Spes
43-44
61.
Lumen gentium
1
62.
Ġw
4,10
63.
Mt
5,8
64.
Ara
1Ġw 4,8.16
65.
Ara
Ef 5,32
66.
Ara
1Kor 13,2.4.5.6.7
67.
Ġen
2,24; ara Mt 19,5
68.
Es
20,12; Dewt 5,16; Mt
15,4
69.
Mt
25,14-30; Lq
19,12-26
70.
Ġen
3,19
71.
Ġw
8,32
72.
Laborem exercens, 9
73.
Ara
Lq 21,19
74.
Messaġġ ta' Jum
il-Paċi 1985, 3
75.
Lq
17,1s
76.
Lq
2,52
77.
Ara
v.g. Salm 104(103),
19(18); Għerf
13,1-9; 7,15-20
78.
Prov
4,5s
79.
Ara
1Kor 9,24-27
80.
Gaudium et Spes,
24
81.
1Ġw
2,13s
82.
Lumen gentium,
1
83.
1Ġw
2,13s
84.
1Ġw
5,4
85.
Ara
Santu Wistin,
Stqarrijiet, 1,1
86.
Gravissimum
educationis,
2
87.
Ara
AAS (1966), 18
88.
Ġw
2,5
|