Ħuti miqjuma u egħżież uliedi, saħħa u barka appostolika.

 

DAĦLA

 

1.Il-Knisja tisqarr il-fidi tagħha fl-Ispirtu s-Santu bħala il-Mulej li jagħti l-ħajja.  Tistqarr dan fil-Kredu Niċenu-Kostantinopolitan, magħruf hekk għaliex tfassal u xxandar fiż-żewġ Konċilji ta’ Nicea (325 w.Kr.) u ta’ Kostantinopoli (381 w. Kr.).  F’dan il-Kredu nsibu wkoll  li

l-Ispirtu s-Santu “tkellem b’fomm il-profeti”.

 

Dan il-kliem il-Knisja tirċevih mill-għajn stess tal-fidi tagħha, mingħand Ġesù Kristu.

Skond l-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-Ispirtu s-Santu jingħatalnaflimkien ma’ dik il-ħajja ġdida  li Ġesù ħabbar u wiegħed fil-jum il-kbir tal- festa ta’ l-Għarajjex: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi biex jixrob... Kif tgħid l-iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”[1]. U l-Evanġelista jfisser dan il-kliem billi jgħid:  “Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih.”[2]  Hi l-istess tixbiha  ta’ l-ilma li uża Ġesù fit-taħdita  tiegħu mas-Samaritana meta tkellem dwar “l-għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem,”[3]  u fit-taħdita tiegħu ma’ Nikodemu meta tkellem dwar il-ħtieġa ta’ twelid ġdid  “mill-ilma u l-Ispirtu” biex wieħed jidħol  “fis-Saltna ta’ Alla”.[4]  Il-Knisja, għalhekk, imgħallma mill-kliem at’ Kristu, bl-eżempju li kellha  nhar  Għid il-Ħamsin u tul il-ġrajja appostolika kollha tagħha, xandret sa mill-ewwel  żminijiet  il-fidi  tagħha fl-Ispirtu s-Santu, bħala Dak li jgħati l- ħajja.Dak li fih Alla wieħed fi Tliet Persuni jagħti lilu nnifsu lill-bnedmin, biex hekk ikun fihom għajn tal-ħajja ta’ dejjem.

2.  Din il-fidi, li l-Knisja dejjem stqarett, jeħtieġ li tiġi mġedda bla heda  fi ħdan il-Poplu ta’

Alla u tiftiehem dejjem aktar fil-fond.  Dan sar kemm-il darba f’dawn l-aħħar mitt sena: mill-Papa Ljun ΧΙΙΙ li ħareġ l-enċiklika Divinum illud munus (1897) kollha kemm hi dwar l-Ispirtu s-Santu; mill-Papa Piu ΧΙΙ (1943) li fl-enċiklika Mystici corporis tkellem dwar l-Ispirtu s-Santu bħala il-bidu tal- ħajja tal-Knisja li fiha jaħdem flimkien mar-Ras tal- Ġisem Mistiku, Kristu;[5]  fil-Konċilju Vatikan ΙΙ  li wera  l- ħtieġa ta’ studju mill-ġdid tat-tagħlim dwar l-Ispirtu s-Santu, kif qal ċar u tond il-Papa Pawlu VΙ :“Wara l-Kristoloġija, u b’mod speċjali, wara l-ekklesjoloġija tal-Konċilju, jeħtieġ li jkun hemm studju mill- ġdid dwar l-Ispirtu s-Santu u jkun hemm ukoll qima ġdida lejh, biex hekk it-tagħlim tal-Konċilju jkun tassew mitmum.”[6]

 

Fi żmienna għalhekk il-fidi dejjem qadima u dejjem ġdida tal-Knisja qiegħeda ssejħilna biex nersqu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala Dak li jgħati l-ħajja. Għal dan igħinna u jimbuttana wkoll il-wirt li għandna flimkien mal-Knejjes tal-lvant, li b’għożża kbira  ħarsu l-għana tal-għaġeb li jinsab fit-tagħlim ta’ Missirijiet il-Knisja dwar l-Ispirtu s-Santu. Minabba f’dan nistgħu ngħidu li  waħda mill-ġrajjiet l-aktar  importanti  tal- Knisja f’dawn l-aħħar snin kienet it-tifkira tas-sittax-il mitt sena ta’ l-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli, li ġiet imfakkra fl-istess waqt f’Kostantinopli u f’Ruma fis-sollenita’ ta’ l-Għid il-Ħamsin tas-sena 1981. L-Ispirtu s-Santu dak in-nhar deher aħjar permezz ta’ meditazzjoni dwar il- misteru tal-Knisja, bħala Dak li juri t-triq li twassal għall-għaqda tal-insara, anzi bħala Dak li hu l-għajn ewlenijja ta’ din l-għaqda li tiġi minn Alla nnifsu u li San Pawl fisser b’mod speċjali bil-kliem li spiss bih ngħatu bidu għal-Liturġija ewkaristika:  “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll.”[7]

 

B’xi mod iż-żewġ enċikliki tiegħi, Redemptor hominis u Deves in misericordia kellhom il-bidu tagħhom u ġew imnebbħa minn din l-eżortazzjoni għaliex jiċċelabraw il-ġrajja tas-salvazzjoni tagħna  li seħħet fl-Iben, mibgħut mill-Missier fid-dinja “biex id-dinja ssalva permezz tiegħu”[8] u “kull ilsien jistqarr: Ġesù Kristu hu  l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier”[9] u issa minn din l-istess esortazzjoni ġejja din l-enċiklika dwar l-Ispirtu s-Santu, li ġej mill-Missier u mill-Iben; li flimkien mal-Missier u mal-Iben hu miqjum  u msebbaħ: hu Persuna divina u hu fiċ-ċentru tal- fidi nisranija, u hu l-bidu tat-tiġdid tal-Knisja u l-qawwa li ġġibu ‘l quddiem.[10] L-enċiklika ħierġa mill-qalba  tal-wirt tal-Konċilju għaliex id-digrieti tal-Konċilju, minħabba t-tagħlim tagħhom dwar il-Knisja fiha nfisha u dwar il-Knisja fid-dinja, iġgħaluna nidħlu dejjem aktar fil-fond tal-misteru tat-Trinita’ ta’ Alla nnifsu, permezz tal-Evanġejli, ta’ Missirijiet il-Knisja u tal-Liturġija: iwassluna għand il-Missier, bi Kristu , fl-Ispirtu s-Santu.

 

B’dan il-mod il-Knisja qiegħda wkoll twieġeb għal xi talbiet kbar li jidhrilha qegħda tara fil-fond tal-qalb tan-nies tal-lum:in-nies tal-lum qegħdin isibu mill-ġdid lil Alla bħala Spirtu bla qjies ‘il fuq minn kull ħaġa tal-bniedem; kif Ġesù wrieh lis-Sammaritana, qegħdin inħossu l-ħtieġa li jadurawh “fl-ispirtu u l-verita`”;[11] qegħdin jittamaw li jsibu fih is-sigriet tal-imħabba u l-qawwa tal-“ħolqien ġdid”;[12] iva, propju Dak li jagħti l-ħajja.

 

Il-Knisja tħoss li hi msejħa għal din il-missjoni li tħabbar  l-Ispirtu s-Santu, hija u toqrob, flimkien mal-familja kollha tal-bnedmin, lejn it-tmiem tat-tieni elf sena wara Kristu. Quddiem sema u art li għad “igħaddu”, taf sewwa li “l-kliem li ma jgħaddix”[13] għandu qawwa speċjali. Huwa kliem Kristu dwar  l-Ispirtu s-Santu, l-għajn li ma tieqaf qatt tagħti “l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”,[14] bħala verità u grazzja li tagħti s-salvazzjoni.  Il-Knisja trid taħseb fuq dan il-kliem, u tixtieq tfakkru lil dawk kollha  li jemmnu u lill-bnedmin kollha, hija u thejji ruħha biex tiċċelebra ―  kif se ngħid aktar ‘l quddiem ― il-Ġublew il-kbir li se jfakkar il-mogħdija mit-tieni għat-tielet elf sena wara Kristu.  Hi ħaġa ċara li dak li se jingħad ma għandux  il-għan  li jistħarreġ l-għana kollu  tat-tagħlim dwar l-Ispirtu s-Santu,u l-anqas se juri preferenza għal xi soluzzjoni partikolari tal-problemi li għad hemm.  L-għan ewlieni hu li jwassal il-Knisja biex tintebaħ dejjem aktar li “hi mġiegħelha mill-Ispirtu s-Santu biex tagħti sehemha  ħa sseħħ għal kollox ir-rieda ta’ Alla, li ried li Kristu jkun il-bidu tas-salvazzjoni tad-dinja kollha.”[15]

 

L-EWWEL TAQSIMA

 

L-ISPIRTU TAL-MISSIER U TA’ L-IBEN, MOGĦTI LILL-KNISJA

 

1.Il-wegħda ta’ Kristu u r-rivelazzjoni tagħha fl-Ikla tal-Għid

 

  3.Meta kien għoddu wasal iż-żmien li fih Ġesù kellu jħalli din id-dinja, kellem l-Appostli dwar “Difensur ieħor”.[16]San Ġwann Evanġelista, jikteb li, waqt l-ikla ta’ l-Għid, qabel jum il-Passjoni u l-Mewt tiegħu, Ġesù qal dan il-kliem lill-Appostli:  “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmlu, biex il-Missier ikun igglorifikat......... U jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor, biex jibqa’ dejjem magħkom, l-Ispirtu  tal-verità.”[17]

 

 Hu proprju dan l-Ispirtu tal-verità  li Kristu jsejjaħlu Paraklitu ― u l-kelma parakletos tfisser “difensur” u tfisser ukoll “wieħed li jidħol għalik” jew “avukat”. Ġesù jgħid li l –Paraklitu hu “difensur ieħor,” it-tieni wieħed, għaliex huwa,  Ġesù nnifsu, huwa l-ewwel Difensur[18]  għaliex kien huwa l-ewwel wieħed li wassal u tana l-Bxara t-tajba.  L-Ispirtu  s-Santu  jiġiwarajh u minħabba fih, biex ikompli fid-dinja, permezz tal-Knisja, il-ħidma tal-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni. Dwar il-ħidma li kellu jkompli l-Ispirtu s-Santu, Ġesù tkellem aktar minn darba, tul it-taħdita tiegħu, ħa jagħti l-aħħar tislima lill-Appostli waqt li kienu miġburin flimkien miegħu fil-kamra ta’ fuq, qabel telaqhom, biex imur għall-Passjoni u l-Mewt tiegħu fuq is-salib.

 

Il-kliem li se nsemmu, insibuh fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Kull kelma żżid xi ħaġa ġdida għat-tħabbira u l-wegħda li għamel Ġesù. Fl-istess ħin il-kliem, kollu kemm hu, hu minsuġ ħaġa waħda b’mod tal-għaġeb, mhux biss minħabba il-ġrajjiet fihom infushom, imma wkoll minħabba l-misteru tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, misteru li forsi f’ebda silta oħra tal- Iskrittura ma hu mfisser b’mod hekk tajjeb kif hu mfisser hawn.

 

  4.Ftit wara din it-tħabbira li semmejna, Ġesù żied jgħid:  “Imma d-Difensur, l-Ispirte s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.”[19] L-Ispirtu s-Santu se jkun id-Difensur tal-Appostli u tal-Knisja,dejjem hemm f’nofshom ― għalkemm ma jidhirx ― bħala l-għalliem ta’ dik il-Bxara t-tajba li Kristu xandar. Il-kliem ”igħallimkom “ u “jfakkarkom”  ma jfissrux biss li  hu, bil-mod propju tiegħu, se jkompli jnebbah ix-xandir tal-Evanġelju tas-salvazzjoni, imma jfisser  li se jgħin lin-nies jifhmu t-tifsir veru ta’ dak li hemm fil-messaġġ ta’ Kristu: ifissru li l-Ispirtu s-Santu se jara li dak il-messaġġ se jibqa’ dejjem l-istess u jiftiehem dejjem l-istess fost it-tibdil kollu tal-kondizzjonijiet u ċ ċirkostanzi. L-Ispirtu s-Santu għalhekk jara li fil-Knisja żgur tibqa’ dejjem dik l-istess verità li l-Appostli irċevew mingħand l-Imgħallem.

 

  5.Huma u jxandru l-Bxara t-tajba, l-Appostli jkunu b’mod speċjali  mseħbin ma’ l-Ispirtu s-Santu.  Araw xi jkompli jgħid Ġesù:  “Meta jiġi d-Difensur li se nibgħatilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità li ġej mil-Missier, huwa jixhed għalija u intom ukoll tiixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu”.[20]  

 

L-Appostli kienu xhieda li raw b’għajnejhom:  “semgħu” u “raw b’għajnejhom”, “ħarsu lejn” Kristu, anzi “messewh b’idejhom”, kif jikteb San Ġwann f’imkien ieħor.[21]  Din ix-xhieda “storika” għal Kristu minn nies li raw b’għajnejhom, hi marbuta max-xiehda tal-Ispirtu s-Santu: ”Huwa jixhed għalija”. Ix- xhieda ta’ l-Appostli, xhieda ta’ bnedmin, hi mwettqa u mqawwija bix-xhieda ta’ l-Ispirtu tal-verità. Imbgħad ukoll hi x-xhieda tal-Ispirtu s-Santu bħala l-pedament spiritwali li fuqu tkompli  timbena, ix xhieda tad-dixxipli ta’ Kristu u ta’ dawk li jemmnu fih, ġenerazzjoni wara l-oħra, tul iż-żminijiet kollha.

 

Għaliex l-aqwa rivelazzjoni, u l-aktar sħiħa, ta’ Alla lill-bnedmin hu Ġesù, ix-xhieda ta’l-Ispirtu tal-verità tnebbaħ, tiżgura u twettaq ix-xandir ta’ din ir-revolazzjoni bil-fedeltà kollha fil-predikazzjoni u l-kitba ta’ l-Appostli,[22]waqt li x-xhieda tal-Appostli tagħmel li din ir-revolazzjoni tixxandar bi kliem il-bnedmin fil-Knisja u fil-ġrajja kollha tal familja tal-bnedmin.

 

6.Dan narawh ukoll mir-rabta kbira li hemm mat tħabbira u l-wegħda li semmejna, f’dak li jingħad u għalfejn jingħad, rabta li tinsab fil- kliem wara l- Evanġelju ta’ San Ġwann: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha: għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’ u jħabbrilkom il-ġejjieni”.[23]

 

Fil-kliem ta’ qabel Ġesù wera d-Difensur, l-Ispirtu tal-verità, bħala dak li”jgħallem u jfakkar kollox,” bħala dak “li jixhed”, u issa jurih bħala dak li “jwassal għall-verità kollha”, Il-kliem “iwassalkom għall-verita kollha,” b’riferenza għal dak li għalissa  l-Appostli “ma jifilħux għalih” hu l-ewwelnett marbut mal-Passjoni u s-Salib li bihom Kristu xejjen lilu nnifsu, ħaġa li kienet  għad trid isseħħ meta Ġesù qal dan il-kliem.

 

Aktar tard imbagħad deher aktar ċar il-kliem  “iwassalkom għall-verità kollha” ma kienx marbut biss mill-iskandlu tas-Salib, imma wkoll ma’ dak kollu li Kristu  “għamel u għallem.”[24]  Għaliex tassew, il- misteru ta’ Kristu kollu kemm hu, jitlob il-fidi, għaliex din twassal il-bnedmin fir-“realtà” tal-misteru li ġie rivelat. Mela l-kliem  “iwassalkom għall-verità kollha” jseħħ bil-fidi, dan jagħmlu l-Ispirtu s-Santu, u hu frott tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-bniedem.  F’din il-ħaġa l-Ispirtu s-Santu hu l-aqwa mgħallem tal-bniedem, hu dawl għall-Ispirtu tal-bniedem.  Dan jgħodd għall-Appostli, xhieda li raw b’għajnejhom,u li kellhom iwasslu lill-bnedmin kollha l-aħbar ta’ dak kollu li Kristu “għamel u għallem”, u speċjalment l-aħbar tas-salib u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet.  Jekk inħarsu aktar  ‘il bogħod naraw li dan igħodd ukoll għall-ġenerazzjonijiet kollha tad-dixxipli u tal-konfessuri kollha ta’ l-Imgħallem li għandhom jilqgħu bil-fidi u jistqarru quddiem kulħadd il-misteru ta’Alla, li qed jaħdem fil-ġrajja tal-bniedem, il-misteru li ġie rivelat u li juri b’liema mod żgur u definit għandna nfhmu t-tifsira ta’din il-ġrajja tal-bniedem.

 

7.Mela bejn l-Ispirtu s-Santu u Kristu, fil- pjan tas-salvazzjoni, hemm rabta liema bħala, u minħabba fiha l-Ispirtu s-Santu jaħdem fil-ġrajja tal-bniedem bħala  “Difensur ieħor”, u jagħmel li l-Bxara t-tajba mħabbra minn Ġesù ta’ Nazaret tibqa’ dejjem titwassal u tixxandar. Għalhekk fl-Ispirtu s-Santu Paraklitu, li bla heda qiegħed ikompli fil misteru u l-ħidma tal-Knisja l-preżenza storika tal-Feddej fuq l-art u tal-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja, tiddi l-glorja ta’Kristu, kif jurina l-kliem li hemm wara f’San Ġwann:  “Hu jagħtini glorja għaliex jieħu minn dak li hu tiegħu u jħabbru lilkom.”[25]  Dan il-kliem wettaq mill-ġdid dak kollu li ntqal bil-kliem ta’ qabel: “igħallimkom,” ifakkarkom”,  “jixhed għalija”. L-ogħla istituzzjoni ul-aktar sħiħa li Alla għamel tiegħu nnifsu u li seħħet fi Kristu, u twettqet bix-xhieda tal-predikazzjoni tal-Appostli, tibqa’ tidher fil-Knisja permezz tal-missjoni li ma tidhirx tad-Difensur, ta’ l-Ispiritu tal-verità. X’rabta għandha din il-missjoni mal-missjoni  ta’ Kristu, u kemm tieħu minn din il-missjoni ta’ Kristu  waqt li ssaħħaħ u ġġib ‘il-quddiem il-frott tagħha ta’ salvazzjoni fil-ġrajja tal-bniedem u taż-żminijiet, narawh mill-kelma “jieħu”:  “jieħu minn dak tiegħu u jħabbru lilkom.” Ġesù, qiesu biex ifisser il-kelma “jieħu”, huwa u juri b’mod ċar li dan kollu ġej minn Alla wieħed  fi Tliet Persuni, iżied jghid:  “Dak kollu li għandu l-Missier, huwa tieghi, għalhekk għidt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”[26] Għaliex jieħu minn “dak li hu tiegħi”, għalhekk jieħu minn “dak kollu li għandu il-Missier.”

 

Jekk mela nqisu dan it-tifsir tal-kelma “jieħu”, nistgħu nfissru l-kliem  l-ieħor dwar l-Ispirtu s-Santu li Kristu qal fiċ-Ċenaklu qabel l-Ġħid, kliem mimli tifsir: “Jaqblilkom li jiena mmur, għaliex jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom, imma jekk jiena mmur, nibgħatulkom. U meta jiġi juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju,”[27] Dwar dan il-kliem għad irrid nitkellem f’mument ieħor.

 

2.Missier, Iben u Spirtu s-Santu

8.Karatteristika speċjali tal-Evanġelju ta’ San Ġwann hu li jurina b’mod l-aktar ċar li l-Missier, ul-Iben, u l-Ispirtu s-Santu huma Persuni, u li l-ewwel Persuna hi mgħażula mit-tieni u t-Tielett Persuna, u din mit-Tnejn l-oħra.  Ġesù, meta jitkellem fuq l-Ispirtu Paraklitu, spiss juża l-pronom “hu”, li jfisser Persuna, u fl-istess ħin, tul l-aħħar taħdita tiegħu  qabel il-Passjoni, hu juri r-rabta li torbot bejniethom il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.  Hekk  “lIspirtu... ġej mill-Missier,”[28]  u l-Missier “jagħti l-Ispirtu.[29] Il-Missier “jibgħat” l-Ispirtu f’isem l-Iben,[30] u l-Ispirtu “jixhed” għall-Iben.[31] L-Iben jitlob lill-Missier biex jibgħat l-Ispirtu Paraklitu,[32] iżda fl-istess ħin jorbot dak li jgħid mat-“tluq” tiegħu li jseħħ  bis-Salib, u jwegħdu, huwa u jgħid: “Jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom.”[33] Mela l-Missier jibgħat l-Ispirtu s-Santu bis-setgħa tiegħu ta’ Missier li hu, u hekk bgħat ukoll l-Iben;[34] fl-istess  ħin jibghat l-Ispirtu s-Santu bil-qawwa tal-Fidwa miksuba min Kristu ― u f’dan is-sens l-Ispirtu s-Santu hu mibgħut ukoll mill-Iben:  “nibgħatulkom.”

 

Iżda rridu ninnotaw ukoll li,jekk il-wegħdiet kollha li saru fiċ-Ċenaklu minn Ġesù, iħabbru l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu wara t-tluq ta’ Kristu, fit-tħabbira tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu li nsibu f’Ġw 16,7-8 hemm, u dan b’mod ċar ħafna, ir-raġuni għax il-missjoni tal-Iben u l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu jiddependu minn xulxin ― u din id-dipendenza nistgħu nsejħulha relazzjoni ta’ kawżalità ―  “Jekk immur, nibgħatulkom.” L-Ispirtu s-Santu jiġi, għax Kristu se jitlaq permezz tas-Salib; jiġi mhux biss wara l-Fidwa, imma wkoll minhabba l-Fidwa, miksuba minn Kristu skond ir-rieda u l-ħidma tal-Missier.

 

9.Mela fl-aħħar tislima ta’ Ġesù waqt l-ikla tal-Għid għandna l-qofol― u dan nistgħu ngħiduh ― tar-rivelazzjoni tal-misteru tat-Trinità. Fl-istess ħin qegħdin fil-bidu ta’ġrajjiet definittivi u ta’ dawk il-kelmiet ta’ l-aħħar li mbgħad ġew imfissra b’dak il-kmand missjunarju għoli li jingħata lill-Appostli u permezz tagħhom lill-Knisja: “Morru għallmu l-ġnus kollha”, kmand li b’xi mod fih il-formola trinitarja tal-Mgħamudija: “u għamduhom fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu”.[35] Din il-formola turi misteru moħbi ta’ Alla, tal-ħajja ta’ Alla, li hu l-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed fit-Tliet Persuni. Nistgħu nfissru din l-aħħar taħdita ta’ Ġesù bħala thejjija singulari għal dik il-formola trinitarja li biha hi mfissra il-qawwa għas-salvazzjoni tas-Sagrament li jseħibna fil-ħajja ta’ Alla, wieħed fit-Tliet Persuni għax jgħati l-grazzja li tqaddes bħala don mis-sema lill-bniedem. B’din il-grazzja l-bniedem hu msejjaħ u jikseb “il-ħila” li jisieħeb fil-ħajja ta’ Alla, ħajja li bl-ebda mod ma nistgħu nifhmuha.

 

10.Alla, fil-qalba tal-ħajja tiegħu, “hu mħabba”,[36] imħabba essenzjali tat-Tliet Persuni flimkien; l-imħabba personali u l-Ispirtu s-Santu bħala Spirtu tal-Missier u l-Iben: għalhekk hu bħala mħabba-don mhux maħluq, “jgħarbel... fil-qiegħ ta’ Alla.”[37] Nistgħu ngħidu li l-qalba tal-ħajja ta’Alla, wieħed fit-Tliet Persuni, fl-Ispirtu s-Santu hi kollha kemm hi don, għotja lill-xulxin tal-imħabba tat-Tliet Persuni għal xulxin, u li Alla bl-Ispirtu s-Santu “hu” kollu kemm hu don. L-Ispirtu s-Santu hu l-espressjoni bħala Persuna ta’ l-għoti lil xulxin, ta’ din l-imħabba għal xulxin, kif ngħidu.[38] L-Ispirtu s-Santu huwa Persuna-Imħabba, Persuna-Don. Hawn għandna għana ta’ verità li ma naslu qatt biex nifhmu dehra tal-għaġeb ta’ x’hini Persuna f’Alla, li biss stajna nkunu nafuha permezz tar-rivelazzjoni.

 

Fl-istess ħin, l-Ispirtu s-Santu, għax bħala Alla hu ta’ l-istess natura tal-Missier u ta’ l-Iben, hu mħabba u don (mhux maħluq), li minnu bħala għajn ħajja toħroġ kull għotja li tingħata lill-ħlejjaq (don maħluq); id-don tal-eżistenza mgħoti lil kull ħaġa fil-ħolqien; id-don tal-grazzja mgħoti lill-bnedmin fil-pjan tas-salvazzjoni. Kif kiteb San Pawl: “L-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mgħoti lilna”.[39]

 

3.  L-għoti ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna fl-Ispitu s-Santu

 

11.Fit-taħdita tiegħu fl-Aħħar ikla tal-Għid, Ġesù jitkellem b’mod speċjali dwar dan  “l-għoti”, dwar dan “l-għoti tiegħu nnifsu” li hu l-Ispirtu s-Santu. Fl-Evanġelju skond San Ġwann għandna r-rivelazzjoni ta’ kemm hi għloja “l-loġika “ tal- misteru tas-salvazzjoni li minn dejjem ta’ dejjem kien fil-ħsieb ta’ Alla bħala estensjoni tal-għaqda ta’ l-għaġeb tal-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hu “ħsieb” divin li mil-Misteru tat-Trinità jwassal għall-misteru tal-fidwa tad-dinja fi Kristu. Il-fidwa miksuba mill-Iben bħala ġrajja li seħħet fid-dinja fost il-bnedmin― u seħħet bit-“tluq” ta’ Ġesù permezz tas-Salib u l-qawmien mill-imwiet ― fl-istess waqt  ġiet mgħoddija lill-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa kollha tagħha ta’ salvazzjoni;  għaddiet għand “dak li jieħu minn dak li hu tiegħi.”[40] Kliem San Ġwann ifisser li t-“tluq” ta’ Kristu, fil-ħsieb ta’ Alla,  kien meħtieġ biex isseħħ il-“missjoni” u l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu, iżda jfisser ukoll li bdiet  għotja ġdida ta’ salvazzjoni minn alla fl-Ispirtu s-Santu.

 

12.Hu bidu ġdid jekk inqabbluh ma’ l-ewwel għotja, mal-bidu ta’ l-għotja ewlenija ta’ Alla għas-salvazzjoni, li mhijiex ħlief l-istess misteru tal-ħolqien. Dan naqraw sa mill-ewwel kliem tal-Ġenesi:”Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art, u... fuq wiċċ l-ibħra jien jitajjar ir-riħ ta’ Alla (rauh Elohim)”.[41]Din il-fehma biblika tal-ħolqien issemi mhux  biss l-att li sar l-univers, att li hu għoti ta’ l-esistenza, imma jsemmi wkoll il-preżenza tal-Ispirtu ta’ Alla fil-ħolqien, jiġifieri fil-bidu ta’ l-għoti ta’ Alla nnifsu lill-ħlejjaq għas-salvazzjoni. U igħodd l-ewwelnett għall-bniedem, li ġie maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna”.[42] “Ħa nagħmlu”: ma nistgħux naħsbu li l-prulal, li l-Ħallieq juża huwa u jitkellem fuqu nnifsu, b’xi mod ifisser il-misteru tat-Trinità, il-preżenza tat-Trinità fil-ħolqien tal-bniedem? In-nisrani li diġà jaf bir-rivelazzjoni ta’ dan il-misteru tat-Trinità, meta jaqra dan il-kliem tal-Ġenesi, jista jara f’dan il-kliem, rifless ta’dan il-misteru. Hu x’inhu, il-kontest tal-Ktieb tal-Ġenesi  jgħinna naraw fil-ħolqien tal-bniedem l-ewwel bidu tal-għoti ta’ Alla nnifsu meta joħloq il-bniedem “fuq is-sura ux-xbieha tiegħu.”

 

13.Mela il-kliem li Kristu qal fl-aħħar tislima tiegħu wkoll għandu jinqara mill-ġdid biex jitqies dak ”il-bidu”, hekk ‘il bogħod fiż-żmien, imma hekk fondamentali, li nafu bih mill-Ktieb tal-Ġenesi. “ Jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom,imma jekk jiena mmur, nibgħatulkom.” Meta Kristu jgħid li it-“tluq” tiegħu hu il –kondizzjoni meħtieġa għall-“miġja” tal-Paraklitu, huwa jkun jorbot il-bidu ġdid ta’l-għoti ta’ Alla nnifsu għas-salvazzjoni fl-Ispirtu s-Santu mal-misteru tal-fidwa. Dan hu l-ewwelnett bidu ġdid għaliex bejn l-ewwel bidu u l-ġrajja kollha tal-bniedem ― li tibda mid-dnub tan-nisel ― hemm fin-nofs id-dnub, li jmur għal kollox kontra l-preżenza ta’ l-Ispirtu ta’ Alla fil-ħolqien, u huwa, qabel xejn, għal kollox kontra l-għoti ta’ Alla nnifsu lill-bniedem għas-salvazzjoni. San Pawl jikteb li, propju minħabba d-dnub, “il-ħolqien...jinsab taħt il-frugħa... għadu sa issa jitniehed” huwa u jistenna ħerqan “r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla.”[43]

 

14.Għalhekk fiċ-Ċenaklu Ġesù qal: “Jaqblilkom li jiena mmur... jekk immur nibgħatulkom”.[44]  It-“tluq” ta’ Kristu permezz tas-Salib, għandu qawwa ta’ fidwa ― dan ifisser ukoll preżenza ġdida tal-Ispirtu ta’ Alla fil-ħolqien, bidu ġdid tal-għoti ta’ Alla nnifsu fil-bniedem fl-Ispirtu s-Santu. “Għax intom ulied, Alla bgħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat:’Abba! Missier’ ” ― hekk jikteb San Pawl fl-ittra lill-Galatin.[45] L-Ispirtu s-Santu hu l-Ispirtu tal-Missier kif jixhdilna l-kliem tal-aħħar tislima ta’ Kristu fiċ-Ċenaklu, u huwa fl-istess waqt l-Ispirtu ta’ l-Iben kif jixhdu l-Appostli u l-aktar, Pawlu ta’ Tarsu.[46] Bil-missjoni ta’ dan l-Ispirtu “fi qlubna” jibda jseħħ dak li naqraw fl-ittra lir-Rumani li “l-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla.”

 

L-Ipirtu s-Santu jiġi, jekk ikun hemm, it-“tluq” ta’ Kristu. U jekk dan it-“tluq” hu ta’ niket għall-Appostli,[47] niket li kellu jilħaq il qofol tiegħu fil- Passjoni u l-mewt tal- Mulej li ġraw f’jum it-Tħejjija, dan in-niket għad jinbidel f’”hena”.[48]  Kristu mat-“tluq” tiegħu ta’ fidwa jgħaqqad il-glorja tal-qawmien u tat-tlugħ tiegħu għand il- Missier. Għalhekk in-niket, li fih jiddi l-hena, hu s-sehem li għandhom l-Appostli fit-“tluq” tal-Imgħallem tagħhom; hu tluq ta’ “ġid”, għaliex minħabba dan it-tluq se jiġi “Difensur ieħor.”[49]Għaliex seħħet il-fidwa bis-Salib, bil-qawwa tal-misteru kollu ta’ l-Għid ta’ Ġesù Kristu, l-Ispirtu s-Santu ġej biex, sa min nhar Għid il- Ħamsin ‘il quddiem, jibqa’ ma’ l-Appostli, biex jibqa’ mal-Knisja u fil-Knisja u, permezz tal-Knisja, fid-dinja. 

 

B’dan il-mod iseħħ darba għal dejjem il-bidu ġdid tal-għoti ta’ Alla nnifsu, Alla wieħed fi Tliet Persuni, l-għoti ta’ Alla nnifsu fl-Ispirtu s-Santu bil-ħidma ta’ Kristu, feddej tal-bniedem u tad-dinja.

 

4. Il-Messija, ikkonsagrat mill-Ispirtus-Santu

 

15.Isseħħ ukoll għal kollox il-missjoni tal-Messija, jiġifieri l-missjoni ta’dak li rċieva l-milja tal-Ispirtu s-Santu għall-ġid tal-Poplu magħżul ta’ Alla u għall-familja kollha tal-bnedmin. Il-kelma “Messija” tfisser “Kristu”, jiġifieri “Midluk” (ikkonsagrat), u fil-ġrajja tas-salvazzjoni tfisser “midluk (ikkonsagrat bi-Ispirtu s-Santu”.  Din kienet it-tradizzjoni profetika  tat-Testment il-Qadim. Xmun Pietru  mexa skond din it-tradizzjoni meta f’dar Kornelju ċ-ċenturjun qal:  “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha... wara li Ġwanni kien ixandar il-magħmudija.  Tafu kif  Alla kkonsagra  lil Ġesù ta’ Nazaret fl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa.[50]

 

Minn dan il-kliem ta’ San Pietru u minn ħafna kliem ieħor bħalu[51] irridu mmorru  lura għall-profezzija ta’ Isaija li xi kultant tissejaħ “il-ħames Evanġelju” jew l-“Evanġelju tat-Testment il-Qadim”. Isaija, huwa u jħabbar il-miġja ta’ persuna misterjuża, li r-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid tgħidilna li huwa Ġesù, isieħeb din il-persuna u l – ħidma tagħha ma’ ħidma speċjali ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, ma’ l-Ispirtu tal-Mulej. Hawn hu kliem il-Profeta:

 

“Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse,

għad tinbet rimja minn egħruqu;

fuqu jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej,

ll-ispirtu tal-għerf u d-dehen,

l-ispirtu ta’l-għaqal u l-qawwa,

l-ispirtu ta’l-għerf u l-biża’ tal-Mulej

u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.”[52]

 

Din is-silta għandha importanza kbira għall-kollha kemm hi l-pnewmatoloġija, kif jgħidu, tat-Testment il-Qadim: għaliex qisha pont bejn il-fehma biblika antika ta’ “spirtu”, l-aktar fis-sens ta’ “nifs jew riħ karismatiku”, u “l-Ispirtu” bħala persuna u Don, Don għall-Persuna. Il-Messija, min-nisel ta’ David (mill-“għerq ta’ Ġesse”), hu l-persuna li fuqha “jistrieħ” l-Ispirtu tal-Mulej. Hi ħaġa ċara li hawn ma nistgħux nitkellmu dwar ir-rivelazzjoni tal-Paraklitu, izda dak li jingħad dwar il-persuna tal-Messija li għandu jiġi, jiftaħ it-triq, biex ngħidu hekk, għar-rivelazzjoni tal-Ispirtu s-Santu fl-għaqda tal-misteru tat-Trinità, misteru li fl-aħħar imabgħad jiġi rrivelat fit-Testment il-Ġdid.

 

16.Il-Messija nnifsu hu din it-triq. Fit-Testment il-Qadim id-dlik sar sinjal li jidher tal-għoti tal-Ispirtu. Il-Messija, wisq aktar minn kull persuna oħra kkonsagrata fit-Testment il-Qadim, hu l-Midluk (l-ikkonsagrat) kbir u waħdini minn Alla nnifsu. Hu konsagrat għaliex għandu l-milja ta’ l-Ispirtu ta’ Alla. Hu wkoll medjatur għaliex hu ll-medjatur li jgħati dan l-Ispirtu lill polu kollu. Dan hu kliem ieħor tal-Profeta:

 

“L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi

għaliex il-Mulej ikkonsagrani

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bgħatni ndewwi l-qlub miksura,

biex iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs,

biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.”[53]

 

L-ikkonsagrat hu wkoll il-mibgħut  “bl-Ispirtu tal-Mulej.”“Il-Mulej bagħat lili u l-Ispirtu  tiegħu.”[54]

 

Skond il-Ktieb ta’Isaija, l-Ikkonsagrat u l-Mibgħut ma’ l-Ispirtu tal-Mulej, hu wkoll il-Qaddej magħżul ta’ Jahweh li fuqu jistrieħ l-Ispirtu ta’ Alla:

 

“Araw il-qaddej tiegħi li jiena nwieżen

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qeġhidt ir-ruħ tiegħi fuqu.”[55]

 

Kulħadd jaf fil-Ktieb ta’ Isaija l-Qaddej ta’ Jahweh jidher bħala veru Bniedem tat-tbatija: hu l-Messija li jġarrab il-passjoni kiefra minħabba d-dnubiet tad-dinja.[56] Fl-istess ħin hu dak li bil-missjoni tiegħu jingħata l-frott tas-salvazzjoni lill-ġens kollu tal-bnedmin:

 

“Iġib il-ġustizja lill-ġnus...”,[57] jingħata bħala “patt għall-poplu, dawl ghall-ġnus...,”[58] “biex is-salvazzjoni tiegħi sat-truf l-art tinfirex.”[59]

Għaliex:

 

“L-Ispirtu tiegħi li hemm fik u kliemi li qegħidt f’fommok, ma jitbegħdux minn fommok jew minn fomm uliedek, u wlied uliedek, minn issa u għal dejjem, ighid il-Mulej.”[60]

 

Dawn is-siltiet mjll-profeta li semmejna,jeħtieġ naqrawhom fid-dawl  tal-Evanġelju ― kif min-naħa l-oħra t-Testment il-Ġdid jidher aktar ċar fid-dawl ta’ l-għaġeb li għandhom dawn is-siltiet tat-Testment il-Qadim. Il-Profeta juri lill-Messija bħala dak li ġej fl-Ispirtu s-Santu, bħala dak li għandu fih il-milja ta’ l-Ispirtu s-Santu, u fl-istess ħin għandu wkoll din il-milja għall-oħrajn, għal Israel, għan-nazzjonijiet kollha, għall-familja kollha tal-bnedmin.Il-milja tal-Ispirtu s-Santu hi msieħba ma’ kotra kbira ta’ għotjiet, mal-ġid kollu tas-salvazzjoni, li hu l-ewwelnett għall-fqar  u l-imġarrbin u għal dawk kollha wkoll li jiftħu qalbhom għal dawn id-doni, xi kull tant fost il-ħafna tiġrib tal-ħajja li jgħaddu minnu, iżda l-aktar għal dawk li għandhom dik id-disposizzjoni tar-ruħ li tiġi mill-fidi. B’dan intebaħ ix-xwejjaħ Xmun,”r-raġel ġust u tajjeb” li kellu “l-Ispirtu s-Santu fuqu,” meta Ġesù ġie prezentat fit-tempju u fih ra “s-salvazzjoni li thejjiet għall-popli kollha” permezz tal-passjoni kiefra ― jiġifieri tas-Salib ― li Ġesù li kellu jġarrab hu flimkien ma’Ommu.[61] Dan għarfitu aħjar il-Verġni Marija li “nislet mill-Ispirtu s-Santu”[62] u f’qalbha kienet tgħożż il-“misteri” tal-Messija, li fihom kellha sehem.[63]

17.Hawn irridu ngħidu li “l-Ispirtu tal-Mulej”, li “strieħ” fuq il-Messija li kellu jiġi, hu qabel xejn, b’mod ċar, don ta’ Alla mogħti lill-persuna tal-qaddej ta’ Jahweh. Iżda dan il-qaddej mhux xi persuna maqtugħa mill-bnedmin l-oħra u tgħix għal rasha, għaliex dak li tagħmel, tagħmlu skond ir-rieda ta’ Alla, bis-saħħa tad-deċiżjoni li tkun ħadet jew tal-għażla li tkun għamlet. Għalkemm il-kliem tal-profeta Isaija juru li l-ħidma għas-salvazzjoni  tal-Messija, il-Qaddej ta’ Jahweh, għandha magħha  l-ħidma tal-Ispirtu li sseħħ permezz ta’ dak li hu Midluk  u kkonsagrat minnu, iżda mill-kliem kollu tat-Testment il-Qadim qatt ma toħroġ li hemm għażla bejn il-Persuni tat-Trinità qaddisa:hu biss fit-Testment il-Ġdid li ġie rivelat li t-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa huma magħżulin minn xulxin. Kemm fil-Ktieb ta’ Isaija, u kemm f’kollu kemm hu  t-Testment il-Qadim, hi għal kollox moħbija l-verità li l-Ispirtu s-Santu hu Persuna, li hu it-Tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa: tinsab moħbija fir-rivelazzjoni li Alla hu wieħed, u fit-tħabbira wkoll tal-Messija li kellu jiġi.

 

18.Kristu fakkar din it-tħabbira li tinsab fi kliem Isaija, meta ta bidu għall-ħidma messjanika tiegħu. Dan ġara fl-istess belt ta’ Nazaret, fejn għadda tletin sena min ħajtu  fid-dar ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa, flimkien ma’ Marija, il-Verġni Ommu. Meta ġie lilu mgħoti li jitkellem fis-sinagoga u fetaħ il-ktieb ta’ Isaija, sab dak il-post fejn kien hemm miktub:”L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax hu kkonsagrani”, u wara li qara Is 61, 1-2, lil dawk li kien hemm madwaru, qalilhom: “Din il-kitba seħħet illum  intom u tisimgħu.”[64] U hekk stqarr u qal li hu kien dak li “ġie konsagrat” mill-Missier, li hu kien il-Messija, jiġifieri Kristu, dak li fuqu strieħ l-Ispirtu s-Santu, bħala don ta’ Alla stess, dak li kellu l-milja ta’ dan l-istess Spirtu, dak li juri “l-bidu ġdid” tad-don ta’ Alla lill-bnedmin fl-Ispirtu.

 

5.Ġesù ta’ Nazaret “mgħolli” mill-Ispirtu s-Santu

 

19.Għalkemm Kristu fil-belt tiegħu ta’ Nazaret ma ġiex milqugħ bbħala Messija, iżda fil-bidu tal-ħidma pubblika tiegħu, il-missjoni messjanika tiegħu fl-Ispirtu s-Santu ġiet rivelata lill-poplu minn San Ġwann Battistà. Ġwanni, bin Zakkarija u Elisabetta, qrib il-Ġordan, iħabbar il-miġja tal-Messija u jgħammed lill-poplu b’sinjal ta’ ndiema.Hu jgħid: “Jien ngħid għalija ngħammed bl-ilma, imma ġej wieħed  aqwa minni, li ma jistħoqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu . Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”[65]  

 

Ġwanni l-Battista jħabbar il-Messija-Kristu mhux biss bħala dak li “jġib” l-Ispirtu s-Santu, kif Ġesù mbagħad wera aħjar fiċ-Ċenaklu. Hawn San Ġwann itenni b’ mod eżatt kliem Isaija, li fil-profeta huma dwar il-ġejjieni, waqt li fit-tagħlim ta’ dak li kien jippriedka fi xtut il-Ġordan huma bidu ta’ verità messjanika ġdida.

 

Ġwanni m’huwiex biss profeta; huwa wkoll ħabbar, hu l-prekursur ta’ Kristu. Dak li kien iħabbar, kien iseħħ minnufih quddiem kulħadd. Ġesù ta’ Nazaret mar ħdejn il-Ġordan biex hu wkoll jirċievi mingħand Ġwanni l-magħmudija għall-indiema. Ġwanni meta rah, qal dawn il-kelmiet: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.”[66] Qal dan imqanqal mill-Ispirtu s-Santu,[67]  biex jixhed li l-profezija ta’ Isaija kienet seħħet. Fl-istess waqt jistqarr il-fidi tiegħu fil-missjoni għas-salvazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nazaret. F’fomm Ġwanni l-Battista l-kliem “Ħaruf ta’Alla” huma stqarrija tal-verità dwar il-Feddej, li għandna tifsira mhux inqas minn dik tal-kliem ta’ Isaija meta qal:”Il-Qaddej ta’ Jahweh”. Bix-xhieda ta’ San Ġwann ħdejn il-Ġordan, Ġesù, miċħud minn nies ta’ beltu, jidher quddiem Israel bħala l-Messija jiġifieri bħala dak li hu “konsagrat” mill-Ispirtu s-Santu. Din ix-xhieda hi mwettqa b’xhieda oħra, ta’ ordni aktar għoli, xhieda mfakkra mit-tlett Evanġelji sinottiċi. Meta l-poplu kollu kien qiegħed jitgħammed, u waqt li Ġesù kien jitlob, wara li tgħammed “is-smewiet infettħu u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema”,[68] fl-istess ħin, “mis-smewiet instema’ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi’”[69]

 

Hi t-teofanija trinitarja li tgħati xhieda ta’ l-“esaltazzjoni” ta’ Kristu fl-okkażjoni tal-magħmudija tiegħu fil-Ġordan. Din ix-xhieda mhux biss twettaq ix-xhieda ta’ San Ġwann Battista iżda turi wkoll dimensjoni aktar għolja tal-verità dwar Ġesù ta’ Nazaret bħala Messija; turi li l-Messija hu Iben maħbub mill-Missier. Din l-esaltazzjoni solenni ta’ Ġesù ma ssirx biss minħabba l-missjoni messjanika tal-Qaddej ta’ Jahweh; din l-esaltazzjoni, meta nqisu t-teofanija li seħħet ħdejn il-Ġordan, hi minħabba l-misteru tal-persuna tal-Messija. Ġesù hu mgħolli ‘l fuq għaliex hu l-Iben li fih il-Missier sab l-għaxqa tiegħu. Il-leħen li nstema’ ġej mis-sema qal: “Dan hu Ibni”.

 

20.It-teofanija ta’ ħdejn il-Ġordan turi biss, fuq fuq, il-misteru ta’ Ġesù ta’ Nazaret li l-ħidma kollha tiegħu għamilha taħt il-ħarsien ħaj tal-Ispirtu s-Santu.[70] Ġesù stess kellu jirrivela dan il-misteru u ftit ftit iwettqu b’dak kollu li “għamel u għallem”.[71] Mit-tagħlim li għallem u mis-sinjali messjaniċi li għamel, sakemm wasal biex itenni l-aħħar tislima tiegħu fiċ-Ċenaklu, nitaqgħu ma’ ġrajjiet u diskorsi li huma mumenti tassew importanti u li fihom saret bil-mod il-mod din ir-rivelazzjoni. Hekk l-evanġelista San Luqa, li jgħid li Kristu kien “mimli bl-Ispirtu s-Santu”, u li “li l-Ispirtu ħadu fid-deżert”,[72] igħidilna li meta reġgħu lura t-tnejn u sebgħin dixxiplu mill-missjoni li l-Imgħallem kien fdalhom[73] u kollhom ferħana bdew igħidu x’għamlu, “f’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal:’Infaħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin: iva, Missier għax lilek hekk għoġbok’.”[74]  Ġesù jifraħ f’Alla l-Missier; jifraħ għax jista’ juri li Alla hu Missier; jifraħ fl-aħħarnett għax il-Missier juri preferenza maċ-“ċkejknin”. Dan kollu l-evanġelista jfissru bħala “ferħ mill-Ispirtu s-Santu.”

 

Dan il-ferħ iwassal lil Ġesù biex jitkellem aktar. Nisimgħuh: “Kollox kien mgħoti lili mill-Missier, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, u ħadd ma jagħraf min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid igħarrafhulu.”[75]

 

21.Dak li fit-teofanija ħdejn il-Ġordan seħħ ”minn barra”, biex ngħidu hekk, jiġifieri mis-sema, hawn iseħħ “minn ġewwa”, iseħħ mill-fond ta’ dak li hu Ġesù. Hija rivelazzjoni oħra tal- Missier u ta’ l-Iben, magħqudin flimkien fl-Ispirtu s-Santu. Ġesù jitkellem biss dwar Alla l-Missier u dwaru nnifsu bħala Iben, iżda qatt ma jitkellem direttament dwar l-Ispirtu s-Santu li hu mħabba u għalhekk l-għaqda flimkien tal-Missier u tal-Iben. Iżda, dak li Ġesù jgħid dwar il-Missier u dwaru nnifsu bħala Iben, joħroġ minn dik il-milja tal-Ispirtu li għandu fih, li timla ‘l qalbu, li tidħol sal-fond tal-“Jien” tiegħu, u tqanqal u tagħti l-ħajja lill-egħmil kollu tiegħu. Minn hawn jiġi “l-ferħ mill-Ispirtu s-Santu”, l-għaqda ta’ Kristu ma’ l-Ispirtu s-Santu, għaqda li Ġesù jħossha b’mod l-aktar perfett, tidher f’dak il-“ferħ” li b’xi mod juri x’inhu l-bidu moħbi tiegħu. Bhekk għandna dehra u esaltazzjoni speċjali li hi proprja ta’ Bin il-bniedem, ta’ Kristu –Messija, għax in-natura tiegħu ta’ bniedem hi tal-Persuna ta’ l-Iben ta’ Alla, natura waħda ma’ l-Ispirtu s-Santu, f’Alla wieħed.

 

Fix-xheida ta’ l-għaġeb li jgħati dwar Alla l-Missier, Ġesù ta’ Nazaret juri wkoll lilu nnifsu, il-“Jien” tiegħu bħala Alla.Hu Iben b’natura waħda mal- Missier, u għalhekk, “ħadd ma jagħraf minn hu l-Iben ħlief il-Missier, u ħadd ma jagħaraf il-Missier ħlief l-Iben,” dak l-Iben li għalina l-bnedmin u għal fidwa tagħna ħa l-ġisem bis setgħa ta’ l-Ispirtus-Santu minn Marija Verġni, u sar bniedem, u l-isem il-Verġni kien Marija.

 

6.Kristu rxoxt igħid: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”

 

22.Fir-rakkont tiegħu San Luqa jersaq l-aktar qrib għall-verità li hemm fid-diskors ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu. Ġesù ta’ Nazaret, “mgħolli”  mill-Ispirtu s-Santu, matul id-diskors kollu u mat-taħdita tiegħu ma’ l-Appostli, juri ruħu bħala dak li “jġib” l-Ispirtu s-Santu,li jrid “jġibu”biex “jgħatih” lill-Appostli u lill-Knisja basta jkun hemm “it-tluq” tiegħu permezz tas-Salib.

 

Il-kelma “iġib” hawn tfisser qabel xejn “juri”. Fit-Testment il-Qadim, sa mill-Ktieb tal-Ġenesi, l-Ispirtu ta’ Alla b’xi mod u għall-ewwel mgħaruf bħala “nifs jew riħ ta’ Alla” li jgħati l-ħajja, bħala nifs ħaj” soprannaturali. Fil-Ktieb ta’ Isaija hu bħala “don” mgħoti lill-persuna tal-Messija għax jistrieħ fuqu, biex imexxieh minn ġewwa fil-ħidma kollha tiegħu ta’ salvazzjoni. Ħdejn il-Ġordan it-tħabbira ta’ Isaija sseħħ tassew: Ġesù ta’ Nazaret hu dak li jiġi fl-Ispirtu s-Santu, u jġibu bħala don proprju tiegħu, tal-persuna tiegħu bħala bniedem, biex, bħala bniedem, jagħtihulna: “Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.[76] Fl-Evanġelju ta’ San Luqa din ir-rivelazzjoni tal-Ispirtu s-Santu titwettaq u tistagħna, bħala l-għajn fil-fond tal-ħajja u tal-ħidma messjanika ta’ Ġesu Kristu.

 

B’dak li Ġesù jgħid fl-aħħar tislima tiegħu fiċ-Ċenaklu, l-Ispirtu jitħabbar b’mod ġdid u aktar sħiħ. M’huwiex biss don mogħti lil Persuna (lill-persuna tal-Messija), imma hu huwa nnifsu wkoll Persuna-Don. Ġesù jħabbar il-miġja tiegħu bħala “Difensur ieħor” li, għax hu l-Ispirtu tal-verità, se jwassal lill-Appostli għall-verità kollha.[77] Dan iseħħ permezz ta’ dik il-għaqda speċjali bejn l-Ispirtu s-Santu u Kristu: “jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”[78] Din il-għaqda għandha l-ewwel bidu tagħha fil-Missier. “Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għidt li jieħu minn tiegħi u jħabbru lilkom”[79] Ġej mill-Missier, l-Ispirtu s-Santu jintbgħat mill-Missier.[80] L-ewwel l-Ispirtu s-Santu jintbagħat bħala Don lill-Iben li sar bniedem biex iseħħu l-profeziji dwar il-Messija.  Wara t-“tluq” ta’ Kristu-Iben, skond ma jikteb San Ġwann, l-Ispirtu s-Santu “jiġi” direttament― din hi l-missjoni ġdida tiegħu ― biex itemm il-ħidma tal-Iben. U b’hekk iwassal għat-tmiem perijodu ġdid fil-ġrajja tas-salvazzjoni.

 

23.Qegħdin fil-bidu tal-ġrajjiet tal-Għid. Ir rivelazzjoni ġdida ta’ l-aħħar ta’ l-Ispirtu s-Santu bħala Persuna, li hi Don, isseħħ proprju f’dan il-mument.  Il-ġrajjiet ta’ Għid ― il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet ― huma wkoll iż-żmien tal-miġja ġdida tal- Ispirtu s-Santu bħala Difensur u bħala Spirtu tal-verità. Huma żmien ta’ “bidu ġdid” li fih Alla wieħed fit-Tliet Persuni se jgħati lilu nnifsu lill-bnedmin fl-Ispirtu s-Santu, bil-ħidma ta’ Kristu l-Feddej. Dan il-bidu ġdid hu l-fidwa tad-dinja: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni”.[81] Għax Alla “ta” ‘l Ibnu, fid-don ta’ Ibnu aħna naraw il-kobor kollu tan-natura ta’ Alla, li bħala Mħabba hi għajn ta’ għotjiet, li qatt ma tiġi nieqsa. Id-don mgħoti mill-bniedem itemm ir-rivelazzjoni u l-għotja ta’ l-mħabba ta’ dejjem: l-Ispiritu s-Santu, li fil-misteru għoli li ma jitfissirx tat-Trinità hu Persuna-Don, bil-ħidma ta’ l-Iben, jiġifieri bil-misteru ta’ l-Għid jingħata lil-Appostli u lill-Knisjau, permezz tagħhom, lill-bnedmin kollha lil kollha kemm hi d-dinja.

 

24.L-aħħar espressjoni ta’ dan il-misteru sseħħ nhar il-jum ta’ l-qawmien mill-imwiet. Dak Ġesù ta’ Nazaret li “skond it-tnissil tal-ġisem twieled min-nisel ta’ David,” kif jikteb lAppostlu S.Pawl, ġie “skond l-Ispirtu s-Santu, kostitwit bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet.”[82] Għalhekk nistgħu ngħidu li l-“esaltazzjoni” mesjanika ta’ Kristu fl-Ispirtu  s-Santu, tilħaq il-qofol tagħha fil-qawmien mill-imwiet, meta Kristu wera lilu nnifsu wkoll bħala l-Iben ta’ Alla,”mimli b’kull setgħa”.  Din is-setgħa li tiġi mill-għaqda li hemm fit-Trinità, għaqda li l-moħħ tal-bniedem ma jasal qatt biex jifhem, tidher qabel xejn mill-fatt li  Kristu rxoxt, min-naħa temm il-wegħda ta’ Alla mħabbra fl-imgħoddi b’fomm il-profeta: “Nagħatikom qalb ġdida u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom,”[83] u min-naħa l-oħra  jtemm ukoll il-wegħda li kien għamel lill-Appostli bil-kliem: “Jekk immur, nibgħathulkom,”[84] lilu l-Ispirtu tal-verità, id-Difensur, mibgħut minn Kristu rxoxt, biex lilna jbiddilna fis-sura ux-xbieha ta’ Kristu rxoxt.[85]

 

Araw: “Dak il-Ħadd fil-għaxija, meta d- dixxipli kienu flimkien, imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom: u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom!’ Kif qal hekk uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: ‘Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom’.  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu’.”[86]Kull parti ta’ din is-silta importanti mill-Evanġelju ta’ San Ġwann għandha t-tifsira tagħha, l-aktar jekk norbtuha mal-kliem li ntqal fl-istess Ċenaklu fil-bidu tal-ġrajjiet tal-Għid. Dawn il-ġrajjiet ― it-Tlitt ijiem imqaddsa ta’ Ġesù li l-Missier ikkonsagrah u bgħatu fid-dinja ― wasslu għat-tmiem tagħhom. Kristu li fuq is-salib “radd ruħu”,[87]bħala Bin il-bniedem u l-Ħaruf ta’ Alla, meta qam minn bejn l-imwiet, mar għand l-Appostli u “nefaħ fuqhom” b’dik il-qawwa li dwarha titkellem l-Ittra tar-Rumani.[88] Id-dehra tal-Mulej imliet bil-ferħ lill-Appostli:”in-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena,”[89] kif kien wegħedhom Ġesù qabel il-passjoni tiegħu. Izda l-ewwel seħħet it tħabbira ewlenija tal-aħħar tislima: Kristu rxoxt, qisu jagħti bidu għal- ħolqien ġdid, “iġib” l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli. Iġibulhom bis-saħħa tat-”tluq” tiegħu: l-Ispirtu qisu jagħtihulhom bil-pjagi tat-tislib tiegħu: “uriehom idejh u ġenbu.” Bil-qawwa ta’ dan it-tislib tiegħu qalilhom: “Ħudu l-ispirtu s-Santu.”

 

Hemm rabta sħiħa bejn il-missjoni tal-Iben u l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu. Wara d-dnub tan-nissel ma hemm l-ebda missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu mingħajr is-Salib u l-qawmien mill-imwiet: “Jekk ma mmurx id-Difensur ma jiġix għandkom.”[90] Din ir-rabta bejn il-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu u l-missjoni ta’ l-Iben narwha wkoll fl-istess Fidwa. B’xi mod il-missjoni tal-Iben “tintemm” bil-Fidwa; imma l-Missjoni tal-Ispirtu s-Santu “tieħu” mill-Fidwa: “jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.[91] L-Iben iġib il-Fidwa bħala dak li ġie konsagrat, u ġie u għamel bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu l-missjoni tiegħu u fl’aħħar offra lilu nnifsu b’sagrifiċċju fuq l-għuda tas-salib.  Din il-fidwa, fl-istess ħin, jaħdimha bla heda fil-qlub u l-fehmiet tal-bnedmin ― tul il-ġrajja kollha tad-dinja ― l-Ispirtu s-Santu li hu d-“Difensur l-ieħor.”

 

7.L-Ispirtu s-Santu u ż-żmien tal-Knisja

 

“Wara li Ġesù temm il-missjoni li l-Missier tah biex jgħamel fuq l-art (ara Ġw 17, 4), nhar Għid il-Ħamsin l-Ispirtu s-Santu ntbagħat fuq il-Knisja biex iqaddisha għal dejjem, u biex hekk dawk li jemmnu bi Kristu jkollom dħul għand il-Missier (ara Ef 2,18). Hu l-Ispirtu tal-ħajja jew l-għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 4, 14; 7, 38-39), li bih il-Missier jagħti l-ħajja lill-bnedmin mejta minħabba d-dnub, sakemm iqajjem fi Kristu l-ġisem tagħhom li jmut” (ara Rum 8, 10-11).[92]

 

B’dan il-kliem il-Konċilju Vatikan ΙΙ iħabbar il-bidu tal-Knisja nhar Għid il-Ħamsin. Dan il-fatt hu manifestazzjoni definitiva ta’ dak li kien ġà seħħ fiċ-Ċenaklu f’Ħadd il-Għid. Kristu rxoxt ġie u “ġab” l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli. Tahulhom meta qal: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”. Dak li ġara dak in-nhar ġewwa ċ-Ċenaklu “bil-bibien magħluqa” deher imbagħad quddiem il-bnedmin kollha nhar Għid il-Ħamsin. Infetħu bibien iċ-Ċenaklu u l-Appostli marru fost in-nies li kienu joqogħdu f’Ġerusalemm u fost il-pellegrini li kienu hemm għall-jum il-festa, ħa jagħtu xhieda għal Kristu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. B’dan il-mod seħħet it-tħabbira: “Huwa jixhed għalija, u intom tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.”[93]

 

F’dokument ieħor tal-Konċilju Vatikan ΙΙ naqraw: “Żgur li l-Ispirtu s-Santu kien jaħdem fid-dinja qabel Kristu ġie glorifikat. Iżda nhar Għid il-Ħamsin niżel fuq l-Appostli biex jibqa’ magħhom għal dejjem, u l-Knisja dehret publikament quddiem il-kotra, u beda x-xandir ta’ l-Evanġelju fost il-ġnus bil-predikazzjoni”.[94]

 

Beda għalhekk żmien il-Knisja mal-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostl, miġburin flimkien fiċ-Ċenaklu ma’ Marija, Omm Ġesù.[95]  Żmien il- Knisja beda malli l-wegħdiet u tħabbir tassew ċar dwar l-Ispirtu s-Santu bdew iseħħu bl-Appostli bil-qawwa kollha u b’mod ċar ħafna u ġara li hekk twieldet il-Knisja.  Dwar dan jitkellmu fit-tul f’ħafna postijiet l-Atti ta’l- Appostli u minnhom naraw li l-Ispirtu s-Santu, mingħajr ma jidher ― iżda b’mod li wieħed seta’ jintebaħ bih ― ħa f’idejh it-tmexxija ta’ dawk li, wara t-tluq tal-Mulej, kienu qed iħossu ruħhom iltiema: hekk kienet tħoss il-ġemgħa ta l-ewwel insara, u San Luqa hu xhud ta’ kemm din il- ġemgħa kienet ċerta minn dan.  Iżda mal-miġja tal-Ispirtu s-santu dehrilhom li issa kellhom il-ħila jaqbdu l-missjoni fdata lilhom.  Ħassew ruħhom mimlijin qawwa.  Dan għamlu fihom l-Ispirtu s Santu, u dan ikompli jagħmlu bla heda fil-Knisja permezz tas suċċessuri tagħhom.  Dan għaliex il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, li l-Appostli taw, bit-tqegħid ta’ l-idejn, lil dawk li kienu jgħinuhom, illum ukoll tingħata bl-ordinazzjoni episkopali.  L-isqfijiet imbagħad, bis-sagrament ta’ l-Ordni, isieħbu f’din l-istess missjoni spiritwali lill-ministri sagri, u jagħmlu li dawk kollha li twieldu mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu jitwettqu f’din il-grazzja permezz tas-sagrament tal-Grizma; u hekk il-grazzja ta’ Għid il- Ħamsin, b’xi mod, tibqa’ għal dejjem fil-Knisja.

 

Kif jikteb il-Koncilju:”L-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-Knisja u fi qlub l-insara qisu f’tempju (ara Ι Kor 3, 16; 6, 19); fihom jitlob u jixhdilhom li huma wlied Alla (ara Gal 4, 6; Rum 8, 15-16 u 20).  Igħallem u jmexxi l-Knisja, li jwassal għall-verità sħiħa (ara Ġw 16,13) b’ħafna suriet ta’ doni ġerarkiċi u kariżmatiċi; igħaqqadha f’xirka ta’ mħabba u ta’ qadi lil xulxin, u jżejjinha bil-frott tal-grazzji tiegħu (ara Ef 4,11-12); Ι Kor  12,4;Gal 5,22).  Bil-qawwa tal-Evanġelju jagħti żogħżija ġdida lill-Knisja u dejjem iġeddidha u jwassalha għall-għaqda sħiħa ma’ l-Gharus tagħha.”[96]

 

26.Is-siltiet mill-Kostituzzjoni tal- Konċilju Lumen gentium, li semmejna, igħallmuna li bil-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu beda żmien il-Knisja. Iffisru wkoll li żmien il-Knisja għadu sejjer, u baqa’ sejjer ma’ tul iż-żmenijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha tal-bnedmin. Fi żmienna, meta l-ġens tal-bnedmin qed joqrob sewwa għat-tmiem tat-tieni elf sena wara Kristu, dan iż-żmien tal-Knisja urih, b’mod speċiali, il-Konċilju Vatikan ΙΙ, qisu kien il-Konċilju ta’ dan iż-żmien tagħna. Kulħadd jaf li kien Konċilju b’mod speċjali “ekklesjoloġiku”. Iżda, fl-istess waqt, it-tagħlim ta’ dan il-Konċilju hu fin-natura tiegħu “pnewmatoloġiku”, għax mimli bil-verità dwar l-Ispirtu s-Santu bħala r-ruħ tal-Knisja.  Nistgħu ngħidu ukoll li, bl-għana kollu tal-maġisteru tiegħu, il-Konċilju Vatikan II Iħaddan kull ma “l-Ispirtu jgħid lill-Knisja”[97]f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġrajja tas-salvazzjoni fiż-żmien tal-lum.

 

Imexxi mill-Ispirtu tal-verità, u jgħati xhieda flimkien miegħu, il-Konċilju b’mod speċjali wettaq il-presenza tal-Ispirtu s-Santu Parakliu fil-Knisja. B’xi mod, għamlu mill-ġdid “presenti” f’dan iż-żmien diffiċli tagħna. Jekk aħna konvinti minn dan, nifhmu aħjar l-importanza ta’ l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu biex jista’ jseħħ il-Konċilju Vatikan ΙΙ, il-maġisteru u l-għaniet pastorali u ekumeniċi tiegħu. Hawnhekk ta’ min jistudja u jara s-siewi tas-Sinodi tal-Isqfijiet li sar wara, għaliex l-għan tagħhom hu li jiżguraw li l-ħafna frott ta’ verità u ta’ mħabba ― li huma tassew il-frott tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ― ikun għal dejjem ġid li jibqa’ għall-poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu fid-dinja tul iż-żminijiet. Din il-ħidma tal-Knisja hi meħtieġa ħafna biex jitqies sewwa u jissaħħaħ il-frott tas-salvazzjoni tal-Ispirtu li ngħata fil-Konċilju.  Għalhekk wieħed irid jitgħallem jagħraf jagħżel bil-għaqal kollu dan il-frott minn dak kollu li jista’ jiġi l-aktar “mill-prinċep ta’ din id-dinja”.[98] Din l-għażla hi wisq aktar meħtieġa biex isseħħ il-ħidma tal-Konċilju, għaliex il-Konċilju ried li jkun miftuh sewwa għad-dinja tal-lum kif jidher b’mod tassew ċar miż-żewġ kostituzzjonijiet importanti Gaudium et Spes u Lumen gentium.

 

Fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes naqraw: “Il-komunità tagħhom (tad-dixxipli tal-Mulej)... hi magħmulha minn bnedmin, li, miġburin flimkien fi Kristu, huma mmexxijin mill-Ispirtu s-Santu fil-mixi tagħhom lejn is-saltna tal-Missier u rċevew bxara tas-salvazzjoni lit rid titħabbar lil kulħadd. Għalhekk din il-komunità tħoss li hi ħaġa waħda mal-ġens tal-bnedmin u mal-ġrajja kollha tagħhom.”[99]  “Il-Knisja taf tajjeb li Alla biss, li hi taqdi, jista’ jtemm ix-xewqat kbar li hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem, li qatt ma jista’ jxebbgħu biżżejjed l-ikel ta’l-art.”[100]  L-Ispirtu ta’ Alla… bi providenza tassew ta’ l-għaġeb, imexxi ż-żminijiet u jġedded il-wiċċ ta, l-art.”[101] 

 

IT-TIENI TAQSIMA

 

L-ISPIRTU JURI LID-DINJA LI GĦANDHA ŻBALL DWAR ID-DNUB

 

1.Dnub, ġustizzja, ġudizzju

 

27.Ġesù, waqt li kien jitkellem fiċ-Ċenaklu, meta ħabbar il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu bil-“kondizzjoni” li jitlaq hu, wiegħed:  “Jekk immur, nibgħatulkom”, u fl-istess waqt żied jgħid:  “U meta huwa jiġi juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustzzja u il-ġudizzju.”[102] Mela d-Difensur, l-Ispirtu tal-verità li ġie mwiegħed bħala dak li “jgħallem” u “jfakkar”, bħala dak li “jixhed”, bħala dak li “jwassal għal verità kollha,” bil-kliem li għadna kemm semmejna jiġi mħabbar bħala dak li “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju.”

 

Jidher li jfisser ħafna wkoll il-kontest ta’ dan il-kliem.  Ġesù jorbot din it-tħabbira dwar l-Ispirtu s-Santu mal-kliem dwar “it-tluq” tiegħu permezz tas-Salib, anzi ma’ kliem li juru l-ħtieġa ta’ dan: “Jaqblilkom li jiena mmur, għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom.”[103]

 

Iżda l-aktar li tgħodd hija t-tifsira li Ġesù jagħti lil dawn it-tliet kelmiet: dnub, ġustizzja u ġudizzju. Huwa jfissirhom hekk: “Juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju: id-dnub, filli  huma ma jemnux fiha; il-ġustizzja,filli jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed; il-ġudizzju, filli l-prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat.”[104] Fil-fehma ta’ Ġesù, id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju għandhom tifsira eżatta ħafna, li ma taqbilx ma’ dik li forsi xi ħadd  hu mħajjar jagħti lil dawn il-kelmiet, għax ma jqisx it-tifsira li jagħti dak li qed jitkellem.  Din it-tifsira, fl-istess ħin, turi kif għandu jiftiehem il-kliem “juri lid-dinja li għandu żball”, u din hi proprju ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Importanti ħafna emm it-tisfira ta’ kull kelma, u kemm il-fatt li t-tliet kelmiet Ġesù jorbothom flimkien f’sentenza waħda.

 

Id-dnub hawn ifisser in-nuqqas ta’ twemmin f’Ġesù fost dawk “li kienu tiegħu”, ibda min–nies ta’ Nazaret, beltu. Id-dnub hawn ifisser iċ-ċaħda tal-egħmil u tal-missjoni ta’ Ġesù, li wasslet lin-nies biex jikkundannawh għal-mewt. Meta mbgħad jitkellem dwar ġustizzja, Ġesù milli jidher għandu fi ħsiebu l-ġustizzja li fl-aħħar iroddlu l-Missier meta jdawru bis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet u t-tlugħ fis-sema:”Sejjer għand il-Missier.” Jekk imbagħad nifhmu “id-dnub” u “l-ġustizzja” f’din ir-rabta bejniethom, il-ġudizzju għandu jfisser li l-Ispirtu tal-verità se juri “l-ħtija” tad-dinja fil-kundanna ta’ Ġesù għal-mewt tas-Salib. Izistu ma ġiex fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha u jikkundannaha: ġie biex issalva permezz tiegħu.[105] Hu għas-salvazzjoni tad-dinja, għas-salvazzjoni tal-bniedem, li l-Ispirtu juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub u l-ġustizzja. Din il-verità tidher li toħroġ mill-fatt li “l-ġudizzju” hu biss dwar “il-prinċep ta’ din id-dinja,” jiġiieri x-Xitan, li sa mill-bidu ilu jinqeda ħażin bl-opra tal-ħolqien kontra s-salvazzjoni, kontra l-patt ta’ għaqda bejn il-bniedem u Alla: ix-Xitan hu “ġà kkundannat” sa mill-bidu.  Jekk l-Ispirtu s-Santu jeħtieġlu juri lid-dinja li għandha żball dwar il-ġudizzju, dan jagħmlu biex fid-dinja titkompla l-ħidma tas-salvazzjoni ta’ Kristu.

 

28.Hawn irridu naħsbu l-aktar dwar il-missjoni tal-Ispirtu s-Santu biex juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, waqt li nqisu wkoll il-kontest sħiħ tal-kliem ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu. L-Ispirtu s-Santu li ħa min-għand l-Iben il-missjoni tas-salvazzjoni fid-dinja, flimkien ma’ din il-missjoni  ħa wkoll id-dmir (dmir ukoll ta’ salvazzjoni) li juri b’għan ta’ salvazzjoni, li hemm żball dwar id-dnub. Dan id-dmir hu  dejjem marbut mal-“ġustizzja”, jiġifieri mas-salvazzjoni ta’ dejjem f’Alla, ma’ dak il-pjan ta’ salvazzjoni li fil-qofol tiegħu għandu l-Kristu msallab u glorifikat. Dan il-pjan ta’ Alla  għas-salvazzjoni b’xi mod jeħles lill-bniedem mil-“ġudizzju”, jiġifieri mid-dannazzjoni, li biha hu kastigat id-dnub tax-Xitan, “il-prinċep ta’ din id-dinja”; kien hu li ħtija tiegħu sar “prinċep ta’ din id-dinja tad-dlamijiet.”[106] Din hi r-raġuni għaliex, b’din ir-rabta mal-“ġudizzju” jinfetħu beraħ ħafna triqat biex nifhmu  “d-dnub” u “l-ġustizzja”. L-Ispirtu s-Santu huwa u jurina d-dnub fl-isfond tas-Salib ta’ Kristu fil-pjan tas-salvazzjoni (b’xi mod nistgħu nitkellmu dwar “dnub mifdi”), igħinna nifhmu kif il-missjoni tiegħu hija wkoll dik li juri lid-dinja li għandha żball dwar dnub li ġà sar ħaqq minnu darba għal dejjem(“id-dnub ikkundannat”).

 

29.Il-kliem kollu li l-Feddej qal fiċ-Ċenaklu lejlet il-passjoni tiegħu, jidħol jgħamel parti miz-żmien tal-Knisja, u l-aktar li jidħol huwa l-kliem dwar l-Ispirtu s-Santu bħala Difensur u Spirtu tal-verità. Dan il-kliem, f’sura dejjem ġdida, jidħol f’kull ġenerazzjoni, f’kull żmien tal-ġrajja tal-Knisja. Dan, dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ żmienna, u mwettaq mit-tagħlim kollu tal-Konċilju Vatikan II , u l-aktar  mill-kostituzzjoni “Guadium et Spes”. Ħafna passi minn dan id-dokument juri ċar li l-Konċilju, huwa u jinfetaħ għad-dawl ta’ l-Ispirtu tal-verità, jidher bħala dak li fih jinsabu miġbura u mħarsa  t-tħabbir kollu u l-wegħdiet kollha li Kristu fl-aħħar diskors tiegħu ried jafda f’idejn l-Appostli u l-Knisja:u l-aktar, it-tħabbira li l-Ispirtu s-Santu għandu juri lid-dinja  “li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju.”

 

Dan jingħad f’dak id-dokument li fih il-Konċilju juri x’jifhem meta jitkellem dwar “id-dinja”: “(Il-Konċilju) għandu quddiem għajnejh id-dinja tal-bnedmin jew il-familja kollha tal-bnedmin flimkien mal-ħwejjeġ kollha li fosthom igħixu: id-dinja, il-post fejn iseħħ il-ġrajja tal-bniedem,u li għandu fih is-sinjal tal-isforzi, tat-telfiet u tar-rebħiet tiegħu: id-dinja li l-Insara jemmnu li ġiet maħluqa u hi miżmuma mill-imħabba ta’ Allali ħalaqha; id-dinja li kienet tinstab taħt il-jasar tal-Ħażin, imma li ġiet mifdija minn Kristu msallab u rxoxt, wara li farrak is-setgħa tal-Ħażin, biex tinbidel skond il-fehma ta’ Alla u tasal għall-milja tagħha”.[107]  Din is-silta hekk mimlija bi ħsibijiet għolja jeħtieġ tinqara ma’ partijiet oħra ta’ l-istess kostituzzjoni pastorali li jriedu juru,  fid-dawl tal-fidi li tqies sewwa dak li qed jiġri fid-dinja, x’inhi l-qagħda tad-dnub fid-dinja tal-lum, u fl-istess ħin ifissru x’inhu, u dan billi jqiesu ħafna suriet tiegħu.[108]

 

Għandna nagħtu min-naħa waħda, qawwa u tifsir kemm jista’ jkun wiesgħa ħafna lill-kliem li Ġesù qal lejliet il-Għid dwar l-Ispirtu s-Santu bħala dak li “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub”, għaliex kliemu jħaddan id-dnubiet kollha tal-ġrajja tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, meta Ġesù jfisser x’hinu d-dnub ta’ “dawk” li ma “emmnux fih” il-qawwa u t-tifsir ta’ kliemu huma limitati biss għal dawk li f’Israel ċaħdu l-missjoni messjanika ta’ Bin il-bniedem u tawh il-kundanna tas-Salib. Iżda ma jistax ikun li ma nintebħux li din hi l-fehma “limitata” u marbuta ma’ fatt li ġara, tikber u tasal biex  ikollha dimensjoni universali, għaliex il-fidwa li seħħet  permezz  tas-Salib hija universali. Ir-rivelazzjoni tal-misteru tal-fidwa  jiftaħ it-triq biex jifhmu li kull dnub, isir fejn isir u isir meta isir, f’kull żmien u kullimkien, hu marbut mas-Salib ta’Kristu u għalhekk indirettament, għad-dnub ta’ “dawk li ma emmnux fih” u kkundannaw lil Kristu għall-mewt tas-Salib.

 

Issa li għidna dan, jeħtieġ nerġgħu mmorru għall- ġrajja ta’ Għid il- Ħamsin.

 

2.Ix-xhieda ta’ jum Ġħid il-Ħamsin

 

30.Il-profezija ta’ Kristu fid-diskors tiegħu ta’ l-aħħar fiċ-Ċenaklu twettqu b’mod mill-aktar eżatt u dirett nhar Ġħid il-Ħamsin u l-aktar li twettqet kienet il-profezija li dwarha qegħdin nitkellmu:  “Id-Difensur... juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub.” Dak in-nhar l-Ispirtu s-Santu, kif kien imwiegħed, niżel fuq l-Appostli miġburin flimkien fit-talb fiċ-Ċenaklu ma’ Marija, omm Ġesù, kif naqraw fl-Atti ta’ l-Appostli: “imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu”;[109] b’hekk “reġa’ ġabar f’għaqda flimkien il-ġnus li kienu mxerdin u offrilhom lill-Missier bħala l-ewwel frott tan-nazzjonijiet kollha.”[110]

 

Tidher ċar ir-rabta li hemm bejn it-tħabbira ta’ Kristu u din il-ġrajja: f’din il-ġrajja naraw għall-ewwel darba u bl-aqwa mod isseħħ il-wegħda ta’ Kristu dwar id-Difensur, li niżel mibgħut mill-Missier “wara” t-tluq ta’ Kristu, bil-“kundizzjoni” tat-tluq ta’ Kristu. L-ewwel tluq ta’ Kristu kien meta mar għall-mewt fuq is-Salib u t-tieni mbagħad seħħ meta mar għand il-Missier bit-tluq tiegħu fis-sema, erbgħin jum wara li qam mill-imwiet. Dak in-nhar li tela’ s-sema Ġesù ordna lill-Appostli: “biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier”: “Intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”; meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art...”[111]

 

Dawn l-aħħar kelmiet qishom l-eku jew t-tifkira ta’dak li tħabbar fiċ-Ċenaklu; u li mbagħad seħħ nhar l- Għid il-Ħamsin. Immexxi mill-IspirtuS-Santu , li l-Appostli kienu rċievew huma u jitolbu fiċ-Ċenaklu, San Pietru ħareġ ikellem il-folla ta’ nies, ta’ ħafna ilsna, li kienu f’Ġerusalemm minħabba l-jum tal-festa. Qal dak li qabel qatt ma ssogra jgħid “Nies tal-Lhudija... Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-egħġubijiet u sinjali li għamel bih fostkom. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skond il-għerf u l-pjan li fassal minn qabel , u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena, imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha”.[112] Ġesù kien ħabbar u wiegħed: “Hu(l-Ispirtus-Santu) jihed għalija, u intom ukoll tixhdu...” Fl-ewwel diskors ta’ San Pietru f’Ġerusalemm, din ix-xhieda għandha l-bidu ċar tagħha: hi xhieda dwar Kristu msallab u rxoxt; hi xhieda mogħtija mill-Ispirtu Parklitu u mill-Appostli. Fit-tagħlim ta’ din l-ewwel xhieda, l-Ispirtu s-Santu, b’fomm San Pietru “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub”, u, qabel xejn, dwar dak id-dnub li kien iċ-ċaħda ta’ Kristu sal-kundanna tiegħu għall-mewt, sat-tislib tiegħu fuq il-Kalvarju. Kliem bħal dan, skond l-Atti ta’ l-Appostli li ġie mtenni fi żminijiet oħra u f’postijiet oħra.[113]

 

31.Sa minn din l-ewwel xhieda ta’ nhar Għid il-Ħamsin, il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li “juri li d-dinja għandha żball dwar id-dnub” taċ-ċaħda ta’ Kristu, hi b’rabta liema bħala marbuta max-xhieda tal-misteru tal-Għid , jiġifieri mal-misteru ta’ Kristu msallab u rxoxt. Din ir-rabta turi li meta l-Ispirtu “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub” dan isir b’għan ta’ salvazzjoni, għaliex meta juri li d-dinja għandha żball dan ma jsirx biss biex jixli lid-dinja u wisq anqas biex jikkundannaha. Kristu ma ġiex fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha u jikkundannaha, imma biex issalva permezz tiegħu.[114] Dan jidher ċar mill-ewwel diskors ta’San Pietru, meta jgħid: “Mela ħa jkun jaf fi żgur il-poplu kollu ta’ Israell  lil dan Ġesù li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.”[115] Imbagħad dawk li kien hemm staqsew lil Pietru u lill-Appostli: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”  U din kienet it-tweġiba: “Indmu u jitgħammed kull wieħed minnkom, f’isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubietkom u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu.”[116]

 

Mela meta “turi d-dinja għandha żball dwar id-dnub” fl-istess ħin tkun tikkonvinċiha dwar il-maħfra tad-dnubiet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. San Pietru fid-diskors tiegħu f’Ġerusalemm, iħeġġeġ għall-indiema, l-istess kif Ġesù, fil-bidu tal-missjoni messjanika tiegħu, ħeġġeġ għall-indiema ‘l dawk li kienu jisimgħuh.[117] L-indiema titlob li wieħed ikun konvint mid-dnub, u fiha stess hemm il-ġudizzju tal-kuxjenza; dan il-ġudizzju, għaliex hu prova tal-ħidma tal-Ispirtu tal-verità fir-ruħ tal-bniedem, fl-istess waqt, hu bidu ġdid tal-għoti tal-grazzja u tal-imħabba:  “Hudu l-Ispirtus-Santu”.[118] Mela fil-“wiri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub” hemm żewġ doni: id-don tal-verità tal-kuxjenza u d-don taċ-c-certezza tal-fidwa. L-Ispirtu tal-verità hu Difensur. Dan il-wiri ta’ l-iżball dwar id-dnub, bil-ministeru tax-xandir tal-kelma mill-Appostli fil-bidu tal-Knisja, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu li niżel fuqhom nhar Għid il-Ħamsin, hu marbut mal-qawwa għas-salvazzjoni ta’ Kristu msallab u rxoxt. B’hekk seħħet il-wegħda dwar  l-Ispirtu s-Santu magħmula qabel l-Għid: “Jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.” Mela meta San Pietru  fil-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin, jitkellem dwar id-dnub ta’ “dawk li ma emnux”[119] u li kkundannaw lil Ġesù ta’ Nazaret għall-mewt l-aktar kiefra, hu jagħti xhieda tar-rebħa fuq id-dnub: rebħa li seħħet b’xi mod permezz ta’ l-akbar dnub li l-bniedem jista’ jagħmel: bil-qtil ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, natura waħda mal-Missier! Hekk il-mewt tal-Iben ta’ Alla tirbaħ il-mewt tal-bniedem: Jien il-mewt tiegħek, ,ja mewt,[120] kif id-dnub, li bih ġie msallab  l-Iben ta’ Alla, rebaħ id-dnub tal-bniedem; dak id-dnub li sar f’Gesrusalemm f’Jum it-thejjija­ ― u wkoll kull dnub tal-bniedem. Għaliex bi tweġiba għall-akbar dnub li għamel il-bniedem, hemm l-offerta ta’ l- akbar imħabba fil-qalb tal-Feddej, imħabba li tegħleb għal kollox id-dnubiet tal-bnedmin kollha. Il-Knisja żgura fuq li żgura minn dan, ma tiddubitax ittenni, kull sena, fil-Vġili ta’ ‘l-Għid:  “Xi ħtija hienja kienet,” hija u tħabbar il-qawmien mill-imwiet bil-kant tal-Exsultet mid-djaknu.

 

32.Ħadd, ħlief l-Ispirtu tal-verità, ma jista’ juri din il-verità hekk għolja lid-dinja u lill-kuxjenza tal-bnedmin.  Dan għaliex hu “l-Ispirtu li jgħarbel sa fil-qiegħ ta’ Alla.”[121]  Quddiem il-misteru tad-dnub jeħtieġ li jgħarbel “fil-qiegħ ta’ Alla” sal-qiegħ nett. Mhux biżżejjed li jgħarbel il-kuxjenza tal-bniedem, li hi misteru fil-fond tal-bniedem, imma jeħtieġlu jidħol fil-fond tal-misteru ta’ Alla, f’dak “il-qiegħ ta’ Alla,” li jinġabar f’erba’ kelmiet; lill-Missier, fl-Iben, bl-Ispirtu s-Santu. Hu biss l-Ispirtu s-Santu li “jgħarbel fil-qiegħ ta’ Alla” u minn hemm joħroġ it-tweġiba ta’ Alla għad-dnub tal-bniedem. Din it-tweġiba ta’ Alla ttemm il-proċess li “ juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub”, kif naraw mill-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin.  Huwa u juri “lid-dinja” li għandha żball dwar id-dnub, li sar fuq il-Kalvarju, bil-mewt tal-Ħaruf bla ħtija, l-Ispirtu s-Santu, kif ġara nhar Għid il-Ħamsin, juri li hemm ukoll żball dwar kull dnub, dwar id-dnubiet kollha ta’ kull imkien u ta’ kull mument fil-ġrajja tal- bniedem: juri r-rabta li hemm bejn id-dnub u s-Salib ta’ Kristu. Id-dnub, meta narawh f’din ir-relazzjoni mas-Salib, jidher fid-dimensjoni kollha tal-ħażen tiegħu, ta’ dak il-ħażen li hu proprju tiegħu, permezz “tal-misteru tal- ħażen”[122] li hemm fih u jinħeba fih. Il-bniedem ma jasalx biex ikun jaf b’din d-dimensjoni, anzi l-anqas jagħrafha, jekk mhux bis-Salib ta’ Kristu. Għalhekk hadd ma jista’ jurih dan, jekk mhux l-Ispirtu s-Santu: hu l-Ispirtu tal-veritàu d-Difensur.

 

Verament id-dnub, li rajnih f’reazzjoni mas-Salib ta’ Kristu, fl-istess ħin, narawh ukoll fid-dimensjoni sħiħa tal-“misteru tar-reliġjon tagħna” (mysterium pietatis)[123] kif tgħallimna l-esortazzjoni Appostolika, Reconciliatio et Paenitentia[124] li ħarġet wara s-Sinodu. Din id-dimensjoni wkoll tad-dnub, il-bniedem, il-bniedem ma jarafiex jekk mhux fis-Salib ta’ Kristu. U ħadd ma jista’ “jurih” dan ħlief l-Ispirtu s-Santu li “jgħarbel” sa fil-qiegħ ta’ Alla.”

 

3.Ix-xhieda tal-bidu: il-verita oriġinali tad-dnub

 

33.Din id-dimensjoni tad-dnub insibuha fix-xhieda li għandna dwar il-bidu, fil-Ktieb tal-Ġenesi. [125] Hu d-dnub, li, skond il-Kelma li qalilna Alla, hu l-bidu u l-għerq tad-dnubiet l-oħra kollha. Hawn għandna l-verità ta’ l-ewwel dnub fil-ġrajja tal-bniedem u wkoll fil-pjan sħiħ tas-salvazzjoni. Anzi nistgħu ngħidu li f’dan id-dnub għandna l-bidu ta’ l-istess “misteru tal-ħażen”; iżda, nistgħu ngħidu wkoll li huwa dwar dan id-dnub li l-qawwa ta’ salvazzjoni tal-misteru tar-reliġjon tagħna tidher b’mod tassew ċar u sseħħ tassew. Dan jgħidu San Pawl meta kontra d-“disubbidjenza” ta’ l-ewwel Adam, iqiegħed l-“ubbidjenza” ta’ Kristu, it-tieni Adam, li “obda sal-mewt.” [126]

 

Skond din ix-xhieda dwar il-bidu, id-dnub fil-verità tal-bidu tiegħu, iseħħ fir-rieda ― u fil-kuxjenza ―  tal-bniedem, l-ewwelnett bħala “disubbidjenza”, jiġifieri bħala stmerrija mill-bniedem tar-rieda ta’ Alla. Din id-disubbidjenza tal-bidu tissoponi ċ-ċaħda tal-verità  jew għall-inqas twarrib mill-verità li hemm fil-Kelma ta’ Alla, li toħloq id-dinja. Din il-Kelma hija l-Verb li “fil-bidu kien ma’ Alla,” li “kien Alla” u “xejn ma sar mingħajru”, għax “kollox bih sar”.[127] Il-Kelma hija wkoll il-liġi eterna, għajn ta’ kull liġi, li tmexxi l-aktar l-egħmejjel tal-bniedem. Għalhekk meta Ġesù Kristu, lejliet il-passjoni tiegħu, jitkellem dwar id-dnub ta’ dawk li “ma jemmnux fih, fil-kliem kollu niket tiegħu, qisu hemm eku ġej mill-bogħod ħafna ta’ dak id-dnub li, fis-sura tiegħu tal-bidu, b’mod mhux ċar, jidħol fil-misteru tal-ħolqien. Min qiegħed jitkellem m’huwiex biss Bin il-bniedem, imma huwa wkoll “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, għax bih kien maħluq kollox... bih u fih”. [128] Fid-dawl qawwi ta’ din il-verità, nifhmu li d-“disubbidjenza” li saret fil-ministeru tal-bidu tista’ titqies b’xi mod bħala “ċaħda ta’ fidi,” bħala “ċaħda ta’ twemmin” li ġrat ukoll dwar il-misteru ta’ l-Għid. Kif għidna, hawn għandna ċaħda tal-verità, jew għall-inqas twarrib mill-verità, li tinsab fil-Verb ta’ Alla. Din iċ-ċaħda fil-fatt tfisser li d-“disubbidjenza” li sseħħ b’xi egħmil hi effett ta’ tentazzjoni li tiġi minn dak li hu l-“missier il-gideb”. [129] Mela f’kull dnub tal-bniedem, fil-fond tad-dnub tal-bniedem, hemm gidba li hi ċaħda mill-aktar qawwija tal-verità. Li hemm fil-Verb tal-Missier , il-Verb li bih tintwera s-setgħa kollha mħabba tal-Ħallieq li jista’ kollox: setgħa u mħabba wkoll ta’ “Alla l-Missier li ħalaq is-sema u l-art.”

 

34.L-Ispirtu ta’ Alla li skond ir-rakkont tal-iskrittura “kien jittajjar fuq wiċċ l-ibħra,” [130] hu l-stess Spirtu li “jgħarbel sa fil-qiegħ ta’ Alla”: jgħarbel sa fil-qiegħ tal-Missier u tal-Verb-Iben fil-misteru tal-ħolqien.M’huwiex biss xhud mill-qrib tal-imħabba ta’ bejniethom, li minnha joħroġ il-ħolqien, imma hu nnifsu hu din l-imħabba. Bħala mħabba eterna hu Don mhux maħluq. Fih tinsab il-għajn u l-bidu ta’ kull don  mogħti mill-ħlejjaq. Ix-xhieda dwar il-bidu, li nsibuha fir-rivelazzjoni kollha, sa mill-Ktieb tal-Ġenesi, f’din il-ħaġa għandha tifsir wieħed biss. “Toħloq” ifisser toħroġ mix-xejn biex jibda jkun; toħloq għalhekk ifisser tagħti l-eżistenza. U għaliex id-dinja li naraw ġiet maħluqa għall-bniedem, din id-dinja ngħatat lill-bniedem.[131] Fl-istess waqt il-bniedem innifsu fin-natura tiegħu ta’ bniedem li hu jirċievi bħala don li jkun “sura u xbieha” speċjali ta’ Alla. Dan ma jfissirx  biss li l-bniedem għandu r-raġuni u l-libertà bħala proprjetajiet li jagħmlu  n-natura tal-bniedem, imma għandu wkoll ir-raġuni u l-liberta, sa mill-bidu, biex bihom  ikun jista’ jkollu relazzjoni personali ma’ Alla, bħalikieku “jien” u “hu”, u għalhekk ikun jista’ jidħol f’patt ma’ Alla, li  jseħħ meta Alla jkellem lill-bniedem għas-salvazzjoni tiegħu. Meta nqisu din is-“sura u x-xbieha” ta’ Alla, “id-don tal-Ispirtu”, fl-aħħar mill-aħħar, ifisser, sejħa għall-ħbiberija, li biha “il-qliegħ ta’ Alla,” li hu għal-kollox ‘il fuq mill-fehma tal-bniedem, b’xi mod jinfetaħ għat-tisħib tal-bniedem. Il-Konċilju Vatikan II  igħallem: “Alla li ma jidhirx (ara Kol 1,10; I Tim 1,17),fil-milja tal-imħabba tiegħu, jitkellem mal-bnedmin qishom ħbiebu (ara Es 33,11; Ġw 15,14-15) u jgħix fosthom (ara Bar 3,38) biex jistedinhom u jdaħħalhom f’xirka tiegħu.”[132]

 

35.Għalhekk l-Ispirtu,li “jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla” sa mill-bidu kien jaf “dak li hemm  moħbi fil-bniedem.”[133] U għalhekk hu biss jista’ “juri  li hemm żball dwar id-dnub” li sar fil-bidu, dak id-dnub, li hu l-għerq tad-dnubiet l-oħra kollha u l-bidu ta’ kull  deni tal-bniedem fid-dinja, u qatt ma jieqaf iħajjar għad-dnub. L-Ispirtu tal-veritàjaf x’inhi l-verità tal-bidu, li seħħ fir-rieda tal-bniedem bil-ħidma ta’ ”missier il-gideb”, jiġifieri ta’ dak li ġie “ġà kudannat.”[134]  L-Ispirtu s-Santu mela “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub,” huwa u jqis din “il-kundanna”; iżda wkoll bla heda jmexxi d-dinja lejn il-“ġustizzja”, li hija miftuħa għall-bniedem flimkien mas-Salib ta’ Kristu: b’ubbidjenza “sal-mewt.”[135]

 

L-Ispirtu s-Santu waħdu jista’ jikkonvinċi dwar id-dnub tal-bniedem fil-bidu tal-ħolqien għaliex hu, l-imħabba tal-Missier u l-Iben, għaliex hu don, waqt li d-dnub tal-bniedem fil-bidu hu gidba u ċaħda tad- don u tal-imħabba li wasslu għall-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem.

 

36.Skond ix-xhieda dwar il-bidu ta’ kollox, li nsibu fl-Iskrittura u t-tradizzjoni, wara l-ewwel deskrizzjoni (u l-aktar sħiħa) li għandna tad-dnub fil-Ktieb tal-Ġenesi, dan, fis-sura tiegħu tal-bidu, hu meqjus bħala “disubbidjenza” li, fi ftit kliem hu ċar u tond ksur ta’ ordni mogħti minn Alla.[136] Iżda jekk id-dnub inqisuh fil-kontest kollu tiegħu, naraw ukoll b’mod ċar li l-għerq ta’ din id-“disubbidjenza” għandna nfittxuh fil-fond ta’ dik li hi l-qagħda “vera” tal-bniedem innifsu. Mogħti l-ħajja, il-bniedem, raġel jew mara, ġie maħluq.  “Ix-xbieha ta’ Alla,” li tikkonsisti fir-raġuni u l-libertà tal-bniedem, turi x’inhi d-dinjità għolja tal-bniedem, li hu persuna. Iżda din il-persuna hi dejjem ħliqa:tiddependi sew għall-ħajja u sew għal dak li hi, minn Dak li ħalaqha. Skond il-Ktieb tal-Ġenesi, “is-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin” kienet turi u tfakkar bla heda “sa fejn tista’ tasal” kull ħaġa maħluqa. Il-projbizzjoni ta’ Alla nistgħu nifhmuha b’dan il-mod: il-Ħallieq ma riedx li r-raġel u l-mara jieklu mill-frott tas-siġra tat-tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Il-kliem li ħajjarhom jieklu, jiġifieri t-tentazzjoni, kif tgħidhomlna l-Iskrittura, ħajjarhom għall-ksur ta’ din il-projbizzjoni, jiġifieri li jmorru ‘l hemm minn dak li kien permess lilhom: “Dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu Għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin”.[137]

 

“Disubbidjenza” tfisser tmur ‘il hemm minn dak li hu permess lilek, u li jibqa’ dejjem mhux permess lir-rieda u l-libertà tal-bniedem bħala maħluq. Minn Alla, li ħalaq kollox, minn Alla hu l-bidu waħdieni u definitiv tal-ordni morali fid-dinja, li hu ħalaq. Il-bniedem għalhekk ma għandux dritt minn rajh igħid x’inhu t-tajjeb u x’inhu ħażin bħal Alla”. Hekk hu: fid-dinja maħluqa minn Alla, għax hu l-bidu waħdieni u l-ogħla bidu ta’ kollox, tiġi l-għażla bejn it-tajjeb u l- ħażin, permezz tal-istess verità tal-essenza tiegħu, li hi rifless tal-Verb, l-Iben etern tal-Missier, ta’ l-istess natura tiegħu. L-Ispirtu s-Santu, lill-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla,jagħtih bħala don il-kuxjenza, biex fiha x-xbieha tkun tassew tirrifletti lil Dak li tiegħu hi  x-xbieha, lil Dak li hu l-Għerf u l-Liġi eterna, l-għajn ta’ l-ordni morali fid-dinja u fil-bniedem. “Id-disubbidjenza”, bħala dimensjoni oriġinali tad-dnub, tfisser ċaħda ta’ din l-għajn, għax biha l-bniedem jippretendi li jkun hu l-għajn waħdanija li minnha joħorġu d-dritijiet kollha tiegħu, li jkun hu li jiddeċiedi x’inhu t-tajjeb u l-ħażin. Iżda l-Ispirtu, li “jgħarbel sal-qiegħ ta’ Alla”, u li hu wkoll għal-bniedem dawl fil-kuxjenza u bidu ta’ l-ordni morali, jaf, fil-milja kollha tagħha, x’inhi d-dimensjoni tad-dnub, li tinsab fil-misteru tal- bidu tal-bniedem. U qatt ma jieqaf “juri lid-dinja” dan b’riferenza għas-Salib ta’ Kristu fuq il-Kalvarju.

 

37.Skond il-ġrajja tal-bidu ta’ kollox, Alla fil-ħolqien wera lilu nnifsu bħala Dak li jista’ kollox, b’ħala Mħabba. Fl-istess waqt, wera lill-bniedem li, għax “sura u xbieha” ta’ Dak li ħalqu, kien imsejjaħ biex ikollu sehem fil-verità u l-imħabba. Dan ifisser ħajja flimkien ma’ Alla, jiġifieri l-“ħajja ta’ dejjem.”[138] Iżda l-bniedem, imbuttat minn “missier il-gideb”, infired minn dan is-sehem. Sa fejn? Żgur mhux daqskemm jinfired spirtu pur, daqskemm wassal id-dnub tax-xitan. L-ispirtu tal-bniedem ma jistax jasal daqshekk.[139] Fid-deskrizzjoni li hemm fil-Ġenesi malajr naraw id-differenza li hemm bejn “in-nifs tal-ħażen” li jiġi mingħand “dak li dineb sa mill-bidu” (jiġifieri webbes rasu fid-dnub)[140] u li ġie “ġà kkundannat”[141] u bejn il-ħażen tad-disubbidjenza fil-bniedem.

 

Iżda din id-disubbidjenza tal-bniedem dejjem tfisser li hu jgħati dahru  lil Alla u, f’ċertu sens, jillimita l-libertà tiegħu  f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla. Tfisser ukoll il-ftuħ ta’ din il-libertà ― jiġifieri l-ftuħ tad-dehen u tar-rieda tal-bniedem ― għal dak li għandu x’jaqsam ma’”missier il-gideb”. Din l-għażla, magħmula b’fehma sħiħa, m’hijiex biss disubbidjenza, imma hi wkoll kunsens għar-raġuni mogħtija mix-xitan fl-ewwel tentazzjoni għad-dnub, raġuni li tiġi kontinwament imtennija fil-ġrajja kollha tal-bniedem fuq l-art: “Għax Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkomu ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin,”

 

Hawn ninsabu fil-qofol ta’ dak li jista’ jissejjaħ “anti-Verb”, jiġifieri “anti-Verità” (kontra  l-verità). Għaliex il-verità dwar il-bniedem tiġi falsifikata, mibdula: il-verità dwar xinhu l-bniedem u dwar sa fejn jistgħu jaslu l-ħajja u l-libertà tiegħu. Din l-“anti-verità” tista’ sseħħ għaliex il-verità dwar min hu Alla tiġi wkoll mibdula għal kollox. Il-bniedem fil-kuxjenza tiegħu jibda jaħseb ħażin f’Alla li ħalqu, anzi jibda jixlih. Għall-ewwel darba fil-ġrajja tal-bniedem,tfaċċa dak li nistgħu nsejħulu “l-ġenju tas-suspetti”: ifittex li jbiddel u jiffalsifika l-Ġid fih innifsu, lil Alla, il-Ġid assolut, li proprju fil-ħolqien wera lilu nnifsu bħala Ġid li jingħata b’mod li ma jistax: bħala bonum diiffusivum sui, bħala mħabba li toħloq. Min jista’ juri li  “hemm żball dwar id-dnub”, minn jista ‘ juri x’kienet ir-raġuni għad-disubbidjenza tal-bniedem fil bidu tal-ħolqien, jekk mhux Dak li hu waħdu d-Don u l-bidu ta’ kull għoti ta’ doni, jekk mhux l-Ispirtu “li għarbel sal-qiegħ ta’ Alla”, u li huwa l-Imħabba tal-Missier u ta’ l-Iben?

 

38.Minkejja x-xhieda kollha tal-ħolqien u tal-pjan tas-salvazzjoni, li hi marbuta miegħu, il-prinċep ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet[142] jista’ juri lil Alla bħala għadu tal-ħlejjaq tiegħu u, l-aktar, bħala għadu tal-bniedem, bħala għajn ta’ perikoli u theddid għall-bniedem. B’hekk ix-xitan jirnexxilu jiżra’ f’qalb il-bniedem iż-żerriegħa tal-istmerrija għal dak li “sa mill-bidu” se jitqies bħala għadu tal-bniedem ― u mhux Missier. Il-bniedem jiġi sfidat biex isir għadu ta’ Alla!

 

Meta nanalizzaw id-dnub fid-dimensjoni tiegħu tal-bidu, naraw li bil-ħidma ta’ “missier il-gideb”, fil-ġrajja kollha tal-bniedem se jkun hemm pressjoni dejjem serja fuq il-bniedem biex jiċħad lil Alla, anzi biex jasal ħa jobgħodu: biex il-bniedem iħobb lilu nnifsu tant li jasal biex jistmerr lil Alla, kif jikteb Santu Wistin.[143]  Il-bniedem jibda jitħajjar, jara, qabel kollox, f’Alla dak li b’xi mod qed ixekklu u mhux dak li minnu tiġih il-libertà u l-milja tal-ġid. Dan narawh imwettaq fi żmienna meta l-ideoloġiji li jiċħdu lil Alla (atej) ifittxu li jeqirdu r-reliġjon mill-għeruq għax iqisu li r-reliġjon toħloq l-akbar “aljenazzjoni” għall-bniedem, qisu l-bniedem jiġi mċaħħad mill-istess natura tiegħu ta’ bniedem li hu, għax jemmen f’Alla, u għalhekk jagħti lil Alla dak li hu tal-bniedem u li hu biss tal-bniedem! Dawn il-fehmiet u din l-iġiba storika-soċjali wasslet, mhux biss għaċ-ċaħda ta’ Alla, imma wkoll għat-tħabbir tal-“mewt” ta’ Alla. Ħaġa assurda, kemm bħala fehma u kemm bħala kliem. L-ideoloġija tal-“mewt ta’ Alla” hi aktar theddida għall-bniedem kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, meta stħarreġ dwar “l-awtonomija vera tal-ħwejjeġ tad-dinja”: Il-ħlejjaq, jekk ma hemmx Ħallieq, jispiċċaw fix-xejn... anzi,jekk Alla jintesa, il-ħlejjaq jiddallmu”.[144] Din il-fehma dwar “il-mewt ta’ Alla” minn dak li ġġib magħha, malajr turi ruħha, kemm bħala teorija u kemm fil-prattika, bħala ideoloġija dwar “il-mewt tal-bniedem.”

 

4.L-Ispirtu li jbiddel it-tbatija f’imħabba ta’ salvazzjoni

 

L-Ispirtu li jgħarbel sa fil-qiegħ ta’ Alla, Ġesù fid-diskors li għamel fiċ-Ċenaklu sejjaħlu Difensur, għax sa mill-bidu “ġie msejjaħ” [145] biex “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub”. Ġie msejjaħ darba għal dejjem, permezz tas-Salib ta’ Kristu. Juri li hemm żball dwar id-dnub ifisser juri x’inhu d-deni li hemm fid-dnub, u dan hu l-istess bħal li kieku juri x’inhu  l-misteru tal-ħażen. Ma jistax ikun li wieħed jifhem il-ħażen tad-dnub fil-verità kerha tiegħu kollha, jekk, fl-istess ħin, ma jgħarbilx fil-qiegħ ta’ Alla. Sa mill-bidu l-misteru mudlam tad-dnub deher fid-dinja f’ċirkostanzi li għandhom x’jaqsmu mal-libertà tal-bniedem fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Deher bħala egħmil tar-rieda tal-bniedem maħluq kontra r-rieda ta’ Alla: ir-rieda ta’ Alla għas-salvazzjoni. Anzi deher bħala kuntrarju għall-verità, bħala gidba li ġiet ġa kundannata għal dejjem: dik il-gidba li ġabet suspett għal dejjem dwar l-imħabba li toħloq u ssalva u xlietha bi ħtija. Il-bniedem mexa wara “missier il-gideb”, u mar kontra Missier il-ħajja u l-Ispirtu tal-verità.

 

Mela “turi li hemm żball dwar id-dnub” ma jistax ifisser ukoll, turi x’inhi t-tbatija? Turi x’inhi t-tbatija, ħaġa li ma nistghux nifhmu u nfissru. Tgħid il-Ktieb tal-Ġenesi, bil-mod kif jitkellem ― mod antropomorfiku ― jara, minħabba d-dnub, xi ħjiel ta’ tbatija “sa fil-qiegħ ta’ Alla”, sa fil-qalba stess tal-misteru tat-Trinità? Il-Knisja, mgħallma mir-rivelazzjoni temmen u tgħallem li d-dnub hu offiża magħmula lil Alla. X’inhi għall-Missier, il-Verb u l-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed fil-misteru tat-Tliet Persuni, din l-offiża, din iċ-ċaħda tal-Ispirtu, li hu mħabba u don? Alla hu Dak li ma jistax ma jkunx perfett għal kollox, u għalhekk f’Alla ma jistax ikun hemm ebda sura tat-tbatija li tiġi  xi nuqqas jew min xi ġerħa: imma “fil-qiegħ ta’ Alla”hemm l-imħabba tal-Missier, li quddiem id-dnub tal-bniedem, skond il-kliem tal-Iskrittura, iħoss ruħu tant offiż li jasal biex jgħidli “sogħob bih li kien għamelil-bniedem fuq l-art”.[146] “Il-Mulej ra li l-ħażen tal-bniedem kien kiber fuq l-art...... u...... sogħob bih li kien għamel il-bniedem fuq l-art”.[147] Spiss l-Iskrittura titkellem dwar il-Missier bħala Dak li jħenn għall-bniedem u qiesu jissieħeb fit-tbatijiet tiegħu. Din it-“tbatija” tal-Missier, tbatija li ma nistgħux nifhmu u nfissru, l-ewwelnett toħloq dak il-pjan tal-għaġeb tal-imħabba li ġġib is-salvazzjoni f’Ġesù Kristu, biex, permezz tal-misteru tar-reliġjon tagħna, l-imħabba tidher, fil-ġrajja tal-bniedem, qawwija wisq aktar mid-dnub. U hekk id-“Don” jirbaħ! L-Ispirtu s-Santu, li skond ma qal Ġesù “juri li hemm żball dwar id-dnub”, hu l-Imħabba tal-Missier u ta’ l-Iben u għalhekk don tat-Trinità u, fl-istess ħin, għajn għal dejjem ta’ kull għotja ta’ Alla lill-ħlejjaq. Fl-Ispirtu s-Santu nistgħu naraw personifikata u naraw li sseħħ b’mod li l-bniedem qatt ma jasal biex jifhem, dik il-ħniena ta’ Alla li t-tradizzjoni ta’ Missierijiet il-Knisja u t-teologi, fid-dawl tat-Testment il-Qadim u t-testment il-ġdid, dejjem għallmu. Fil-bniedem, il-ħniena tfisser tbatija u ħasra minħabba t-tiġrib tal-proxxmu. F’Alla, l-Ispirtu-Mħabba, ibiddel it-“tbatija” li joħloqlu d-dnub tal-bniedem, f’għotja ġdida ta’ mħabba li ssalva d-dinja. Mill-Ispirtu, f’għaqda waħda mal-Missier u ma’ l-Iben, jiġi l-pjan tas-salvazzjoni, li jimla żminijiet kollha tal-bniedem bid-doni tal-Fidwa. Jekk id-dnub, għax hu ċaħda tal-imħabba, joħloq “tbatija” għall-bniedem, li b’xi mod tinxtered fil-ħolqien kollu,[148] l-ispirtu s-Santu jidħol f’din it-tbattija tal-bniedem u tal-ħolqien kollu, b’għotja ġdida ta’ mħabba li tifdi d-dinja. Minn fomm Ġesù, il-Feddej, li fin-natura tiegħu ta’ bniedem turi ruħha “tbatija” ta’ Alla, toħroġ il-kelma li xxandar li l-imħabba ta’ dejjem hi kollha ħniena: “Nitħassarhom”.[149] B’hekk jiġri li meta l-Ispirtu s-Santu “juri lid-dinja għandha żball dwar id-dnub”,, juri wkoll li l-ħlejjaq kollha li “huma taħt il-frugħa” (u dan juruh l-aktar fil-fond tal-kuxjenza tal-bniedem), li d-dnub jintrebaħ bis-sagrifiċċju tal-Ħaruf ta’ Alla, li sar qaddej jobdi “sal-mewt”, patta għad-disubbidjenza, u ġab il-fidwa tad-dinja. Hu b’dan il-mod li l-Ispirtu tal-verità, id-Difensur, juri li d-dinja għandha żball dwar id-dnub.

 

40.Il-qawwa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu għas-salvazzjoni, bi kliem mimli tifsir, ixandarha l-ktieb ta’ Ittra lill-Lhud li, wara li jfakkar is-sagrifiċċji taż-żmien il-Patt il-Qadim, li fihom “id-demm  tal-mogħoż u tal-gniedes”...... iqaddes billi jgħati “l-indafa tal-ġisem”, iżid jgħid: “Kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għamil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj?[150]  Għalkemm nafu li jista’ jkollu tifsir ieħor, aħna u naħsbu dwar il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja kollha ta’ Kristu, naslu biex dan il-kliem nifhmuh bħala xi stedina ħa naħsbu dwar il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu wkoll fis-sagrifiċċju għas-salvazzjoni tagħna tal-Verb magħmul bniedem.

 

Nibdew biex nikkunsidraw l-ewwel kelmiet dwar dan is-sagrifiċċju, biex imbagħad inqisu għaliha “t-tifsija tal-kuxjenza”  li għamel dan is-sagrifiċċju. Dan hu s-sagrifiċċju li sar lil Alla “bl-Ispirtu ta’ dejjem,”  sagrifiċċju li mill-Ispirtu “jikseb” il-qawwa ħa jkun jista’ “juri li d-dinja għandha żball dwar id-dnub”, għas-salvazzjoni tagħha. Hu l-istess Spirtu  s-Santu li skond il-wegħda magħmula fiċ-Ċenaklu ta’ Ġesù “ġab” lill-Appostli nhar il-qawmien tiegħu mill-imwiet, huwa u jurihom is-sinjali tal-passjoni tiegħu, u “tahulhom” “għall-maħfra tad-dnubiet”: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: Dawk li taħfrulhom, dnubiethom, ikunu maħfura.”[151]

 

Nafu sewwa, kif qal San Pietru f’dar Kornelju ċ-ċenturjun, li “Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u l-qawwa”.[152] Nafu wkoll mill-Evanġelju ta’ San Ġwann x’inhu l-misteru ta’ l-Għid tat-“tluq” tal-Mulej. U issa kliem l-Ittra lil-Lhud jurina kif Kristu “offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla” u kif dan għamlu “bl-Ispirtu ta’ dejjem”. Fis-sagrifiċċju ta’ Bin il-bniedem hemm l-Ispirtu s-Santu bil-ħidma tiegħu li hi bħal dik li għamel fit-tnissil ta’ Bin il-bniedem, fil-miġja tiegħu fid-dinja, fil-ħajja moħbija tiegħu, u fil-ħajja publika tiegħu wkoll. Skond l-Ittra lil-Lhud, fil-mixja tat-“tluq” tiegħu mill-ġnien tal-Ġetsemani sal-għolja tal-Golgota, Ġesù Kristu, bħala bniedem kien kollu kemm hu miftuħ għal ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li mit-tbatija tal-passjoni ta’ Kristu ħareġ l-imħabba tiegħu ta’ dejjem għas-salvazzjoni tad-dinja. Għalhekk “kien mismugħ minħabba l-qima tiegħu lejn Alla, u għad li kien Iben tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza.”[153] B’dan il-mod l-Ittra lil-Lhud tfisser kif in-natura tal-bniedem, maħkuma mid-dnub fin-nisel kollu ta’ Adam, fi Kristu tiġi għal kollox maħkuma min Alla u magħquda miegħu, u fl-istess waqt kollha ħniena għall-bniedem. U hekk għandna natura ġdida tal-bniedem, li fi Kristu Ġesù bit-tbatija tas-Salib, terġa lura għall-imħabba li Adam ċaħad bid-dnub tiegħu.  Din in-natura ġdida tal-bniedem narawha f’dik l-istess għajn li minnha ħarġu d-doni ta’ Alla fil-bidu tal-ħolqien: fl-Ispirtu s-Santu, li “jgħarbel sa fil-qiegħ ta’ Alla,” u li hu Mħabba u Don.

 

L-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, bħala bniedem, fit-talb mħeġġa tal-passjoni tieghu, ħalla l-Ispirtu s-Santu, li ġà kien daħal fil-fond tan-natura tiegħu ta’ bniedem, ibiddel din in-natura f’sagrifiċċju perfett permezz tal-mewt tiegħu, vittma ta’ mħabba fuq is-salib. Min rajh  waħdu għamel din l-offerta. Bħala qassis waħdieni “offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla.”[154] Ġesù kien jistħoqqlu dan is-sagrifiċċju fin-natura tiegħu ta’ bniedem, għax hu waħdu kien “bla ħtija”. Iżda offra dan is-sagrifiċċju “bl-Ispirtu s-Santu”, u dan ifisser li l-Ispirtu s-Santu daħal b’mod speċjali f’din l-offerta perfetta ta’ Bin il-Bniedem biex ibiddel it-tbatija f’imħabba ta’ salvazzjoni.

 

41.It-Testment il-Qadim spiss jitkellem dwar “nar mis-sema” li jaħraq il-vittmi li l-bnedmin joffru lil Alla.[155] Bi xbieha, nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu hu “nar mis-sema” li jaħdem fil-qofol tal-misteru ta’ Kristu. Ġej mill-Missier, iwassal għand il-Missier is-sagrifiċċju ta’ l-Iben u jdaħħlu fix-xirka tat-Trinita qaddisa. Jekk id-dnub ġab it-tbatija, issa t-tbatija ta’ Alla fi Kristu msallab, bl-Ispirtu s-Santu, tidher fil-qofol kollu tagħha ta’ tbatija tal-bniedem. B’hekk għandna misteru ta’ mħabba ta’ l-għaġeb,  misteru m’hemmx bħalu ta’ mħabba: Alla jbati fi Kristu, miċħud mill-bniedem li ħalaq: “Ma jemmnux fiha!”; iżda fl-istess waqt, minn din l-istess tbatija ― u, indirettament mill-fond tad-dnub, li hu dnub tan-nuqqas tat-twemmin: “Ma jemmnux fija” ― l-Ispirtu s-Santu joħroġ qies ġdid tad-don mogħti lill-bniedem u lid-dinja fil-bidu tal-ħolqien. L-imħabba taħdem fil-qofol tal-misteru tas-Salib, li jagħti lill-bniedem mill-ġdid sehem fil-ħajja li hemm f’Alla.

 

L-Ispirtu s-Santu, bħala mħabba u don, jinżel b’xi mod f’nofs is-sagrifiċċju li jsir fuq is-Salib. Jekk inqisu t-tradizzjoni tal-Iskrittura, nistgħu ngħidu: l-Ispirtu s-Santu, Dak li jgħaqqad l-Iben mal-Missier fix-xirka tat-Trinità, temm dan is-sagrifiċċju bin-nar tal-imħabba, u għaliex is-sagrifiċċju tas-Salib hu ħidma ta’ Kristu, f’dan is-sagrifiċċju, Kristu wkoll “jirċievi” l-Ispirtu s-Santu. Jirċevih biex imbgħad ― hu waħdu ma’ Alla l-Missier ― ikun jista’ “jagħtih” lill-Appostli, lill-Knisja, lill-ġens kollu tal-bnedmin. Hu waħdu “jibgħat” l-Ispirtu s-Santu mingħand il-Missier.[156] Hu waħdu jidher f’nofs l-Appostli fiċ-ċenaklu u jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom, ikunu maħfura,”[157] kif kien ħabbar San Ġwann Battista: “Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”[158] Bil-kliem li Ġesù qal lill-Appostli l-Ispirtu s-Santu jiġi rivelat u fl-istess ħin hu preżenti bħala mħabba li taħdem fil-fond tal-misteru ta’ l-Għid, bħala l-bidu tal-qawwa tas-Salib għas-salvazzjoni tad-dinja, bħala don ta’ ħajja ġdida u għal dejjem.

 

Din il-verità dwar l-Ispirtu s-Santu hi kuljum imfissra fil-Liturġija Rumana meta l-qasis, qabel it-tqarbin, igħid dawn il-kelmiet hekk mimlijin tifsir:”Mulej Ġesù Kristu, iben Alla l-ħaj,li, kif ried minnek il-Missier u bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu int tajt il-ħajja lid-dinja……” U fit-tielet talba ewkaristika, il-qassis, huwa u jfakkar dan l-istess pjan ta’ salvazzjoni, jitlob ‘l Alla biex jagħmel minna offerta li tibqa’ għal dejem quddiemu.

 

5.Id-demm li jnaddaf il-kuxjenza

 

42.Għidna li l-Ispirtu s-Santu fil-qofol tal-misteru ta’ l-Għid ġie rivelat u sar preżenti b’mod ġdid. Kristu, mqajjem mill-imwiet, qal lill-Appostli: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.” B’hekk l-Ispirtu s-Santu ġie rivelat għaliex kliem Kristu wettaq il-wegħda u t-tħabbira li kien hemm fil-kliem li Ġesù qal fiċ-Ċenaklu. U b’dan il-mod l-Ispirtu s-Santu sar preżenti b’mod ġdid. L-Ispirtu s-Santu kien jaħdem sa mill-bidu tal-misteru tal-ħolqien u tul il-ġrajja kollha tal Patt il-Qadim li Alla għamel mal-bniedem. Il-ħidma tiegħu ġiet imwettqa għal kollox bil-missjoni tal-iben bħala Messija, li ġie bis-setgħa tal Ispirtu s-Santu. Meta l-ħidma messjanika ta’ Kristu laħqet il-qofol tagħha, l-Ispirtu s-Santu deher fil-misteru ta’ l-Għid bħala Alla, wieħed mit-Tliet Persuni, bħala Dak li kellu jkompli il-ħidma tas-salvazzjoni, li għandha l-għerq tagħha fis-sagrifiċċju tas-Salib. M’hemmx dubju li din il-ħidma Kristu f’daha lill-bniedem:lill-Appostli, lill-Knisja; iżda f’dawn il-bnedmin u b’dawn il-bnedmin hu l-Ispirtu s-Santu li, bħala Dak li hu ‘l fuq mill-bnedmin, itemm din il-ħidma fir-ruħ tal-bniedem u fil-ġrajja tad-dinja. L-Ispirtu s-Santu li ma jidhirx imma hu kullimkien! Id-Difensur, l-Ispirtu li “fejn irid jonfoħ”.[159] Il-kliem li Ġesù qal dak in-nhar, “l-ewwel jum tal-ġimgħa”, meta għadda mill-mewt għall-ħajja, juru f’dawl speċjali l-preżenza tal-Ispirtu Qaddis li jfarraġ u li hi Difensur, bħala Dak li “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju.” B’differenza għal dan il-kliem, nistgħu biss infissru l-kliem li Ġesù jorbot mad-“don” tal-Ispirtu s-Santu mogħti lill-Appostli. Ġesù qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu; dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura.”[160] Ġesù jagħti lill-Appostli s-setgħa li jaħfru d-dnubiet, biex huma mbagħad jgħadduha lis-suċċessuri tagħhom fil-Knisja. Iżda din is-setgħa, mogħtija lill-bnedmin, tissoponi li jkun hemm u jkollha fiha l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu għas-salvazzjoni. L-Ispirtu s-Santu meta “jagħni b’dawlu qalb l- ulied,” [161]jiġifieri l-kuxjenza tagħhom,”juri li hemm żball dwar id-dnub” jiġifieri jagħmel li l-bniedem jagħraf x’inhu d-deni tiegħuu,fl-istess ħin, imexxih lejn il-ġid. Bil-qawwa tal-ħafna doni tiegħu ― għalhekk nitolbuh għas-“seba’, doni tiegħu” ― kull dnub tal-bniedem jista’ jintlaħaq mill-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni. “Bis seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu” ― igħid San Bonaventura ― “jiqered kull deni u jidħol il ġid kollu.”[162]

 

Imqanqal mill-Ispirtu tal-faraġ, fil-bniedem isseħħ il-konversjoni tal-qalb, li hi l-kondizzjoni meħtieġa għall-maħfra tad-dnubiet. Mingħajr konversjoni vera, li titlob indiema tar-ruħ, u mingħajr rieda sinċiera u soda ta’ bidla, id-dnubiet “ikunu miżmuma” kif jgħid Ġesù u kif miegħu  tgħid it-tradizzjoni kollha tat-Testment il-Qadim  u tat-Testment il-Ġdid. L-ewwel kliem li qal Ġesù fil-bidu tal-missjoni tiegħu, skond l-Evanġelju  ta’ San Mark, kien dan: “Indmu u emmnu fil-Bxara it-tajba.”[163] Din l-esortazzjoni titwettaq b’dik il-ħidma li beda b’mod ġdid l-Ispirtu s-Santu,bil-qawwa tal-fidwa li seħħet bid-demm ta’ Bin il-bniedem, biex “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub.” Għalhekk l-ittra lil-Lhud tgħid li dan id-demm “inaddaf il-kuxjenza”:[164] hu dan id-demm biex ngħidu hekk, li jiftaħ it-triq lill-Ispirtu s-Santu biex jidħol fil-fond tal-bniedem, fis-santwarju tal-kuxjenza tal-bniedem.

 

43.Il-Konċilju VatikanII , meta jitkellem dwar is-sejħa tal-bniedem u speċjalment dwar id-dinjità tal-persuna tal-bniedem, ifakkar x’inhu t-tagħlim kattoliku dwar il-kuxjenza. Hija proprju l-kuxjenza li turi b’mod speċjali din id-dinjità. “Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn il-bniedem hu waħdu ma’ Alla u fejn leħen Alla jinstema’ fil-fond tal-bniedem.” Il-kuxjenza “ tidwi ċar fil-qalb tal-bniedem: agħmel dan, aħrab dak,” Din il-ħila li tordna biex tgħamel it-tajjeb u biex ma taġhmilx il-ħażin, li Alla l-Ħallieq qiegħed fil-bniedem, hija l-aqwa ġid li jista’ jkollha l-persuna. Iżda, fl-istess waqt, “fil-fond tal-kuxjenza tiegħu,” il-bniedem jagħraf li hemm liġi li ma għamilhiex għalih hu nnifsu, imma li hu għandu jobdi.”[165] Għalhekk il-kuxjenza minnha nfisha bla ndħil ta’ ħadd, ma tistax waħedha tgħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin; imma fil-kuxjenza hemm minqux prinċipju ta’ ubbidjenza lejn norma oġġettiva li tghid liema huma u taħt liema kondizzjoniiet id-deċiżjonijiet tal-kuxjenza għandhom ikunu jaqblu ma’ l-ordnijiet u l-projbizzjonijiet li jmexxu l-imġiba tal-ħajja tal-bniedem, kif turina l-paġna tal-Ktieb tal-Ġenesi li ġà semmejna.”[166] Hu proprju skond din it-tifsira li l-kuxjenza hi “s-santwarju fil-fond tal-bniedem”, fejn “jidwi leħen Alla”. Jibqa’ “leħen Alla” wkoll, jekk il-bniedem fil-kuxjenza ma jarax ħlief dak il-prinċipju ta’ l-ordni morali, li dwaru l-bniedem ma jista’ qatt ikollu xi dubju, ukoll jekk dan l-ordni morali  jqiesu li bl-ebda mod jiddependi minn Alla; iżda hija proprju f’din ir-rabta ma’ Alla li l-kuxjenza għandha l-pedament u r-raġuni tagħha. 

 

Dak li l-Evanġelju jgħid dwar l-Ispirtu s-Santu “juri li d-dinja għandha żball dwar id-dnub”, fil-bniedem jista’ jseħħ biss permezz tal-kuxjenza. Jekk il-kuxjenza hi kuxjenza retta, tgħin biex tħoll skond il-verità l-problemi morali li jinqalgħu fil-ħajja kemm tal-individwu u kemm tas-socjetà; meta dan, “il-bniedem u l gruppi soċjali jitbegħdu milli jieħdu deċiżjoni  b’mod arbitrarju, fil-għama, u jfittxu li d-deċiżjoni tkun taqbel man-normi oġġettivi tal-moralità.”[167]

 

Il-kuxjenza retta, qabel xejn, twassal biex wieħed isejjaħ it-tajjeb tajjeb u l-ħażin ħażin, kif naqraw fl-istess Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes: “Dak kollu li hu kontra l-istess ħajja, bħalma hu kull xorta ta’ qtil ta’ bnedmin, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasija, u l-istess suwiċidju: dak kollu li jmur kontra l-integrità tal-persuna tal-bniedem, bħalma huma l-mutilazzjonijiet, it-torturi fil-ġisem jew it-torturi psikoloġiċi, kull tentattiv li jsir biex tiġi sfurzata r-rieda ta’ xi ħadd; dak kollu li joffendi d-dinjità tal-bniedem, bħalma huma kondizzjonijiet ta’ ħajja li ma jistħoqqux lid-dinjità tal-bniedem, il-ħabs għal xejn, id-deportazzjonijiet, il-jasar, il-prostituzzjoni, il-kummerċ tan-nisa u taż-żgħażagħ; imbagħad il-kondizzjonijiet ta’ xogħol mill-agħar, li bihom il-ħaddiema jitqiesu biss bħala strumenti għall-qliegħ, u mhux  bnedmin ħielsa u responsabli” ...  Il-Kostituzzjoni Gaudium et Spes, wara li jsejjaħ b’isimhom il-ħafna dnubiet li spiss isiru u huma mxerdin ma’ kullimkien, iżżid tgħid: “Dawn il-ħwejjeġ kollha, u oħrajn bħalhom huma tassew ta’ min imaqdarhom, u waqt li jagħmlu ħażin liċ-ċiviltà tal-bniedem, aktar jagħmlu ħsara lil dawk li jagħmluhom milli lil dawk li jkunu mġarrbin minnhom, u huma għal kollox kontra l-ġiegħ ta’ Dak li ħalaq kollox.”[168]

 

Il-Konċilju, meta jsemmi b’isimhom dawn id-dnubiet li xejn ma jixirqu l-bniedem, u wara li juri li dawn id-dnubiet huma moralment ħżiena, għaliex imorru għal kollox kontra kull progress tal-bniedem, jispiċċa biex jgħid li dan huwa żmien ta’ taqbid, żmien dik il-ġlieda dammatika bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlamijiet, ġ lieda li hi proprja tal-ħajja kollha kemm hi tal-bniedem, kemm għalih waħdu , u kemm flimkien mal-bnedmin l-oħra kollha.[169] Is-Sinodu tal-isqfijiet li ltaqa’ fl-1983, meta tkellem fuq ir-rikonċiljazzjoni u l-penitenza, fisser b’mod dejjem aktar ċar x’inhu kemm id-dnub personali u kemm id-dnub soċjali tal-bniedem.

 

44.Fiċ-Ċenaklu, lejliet il-passjoni tiegħu, u mbagħad nhar l-Għid fil-għaxija, Ġesù Kristu tkellem dwar l-Ispirtu s-Santu bħala Dak li juri li fil-ġrajja tal-bniedem għad hemm id-dnub. Iżda d-dnub jaqa’ taħt il-qawwa tal-Fidwa għas-salvazzjoni. Meta l-Ispirtu s-Santu “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub”, ma jkunx biss isejjaħ id-dnub b’ismu u jurih bħala dnub fis-suriet kollha tiegħu; meta juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, l-Ispirtu tal-verità jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ leħen il-kuxjenza tal-bniedem.[170]

 

Minn din it-triq naslu biex naraw liema huma l-għeruq tad-dnub fil-qalb tal-bniedem, kif tgħid l-istess Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes:”Tabilħaqq l-iżbilanċ kollu li qiegħed iħawwad id-dinja tal-lum hu marbut  ma dak l-iżbilanċ aktar mill-qiegħ, li għandu l-għeruq tiegħu fil-qalb tal-bniedem. Għax il-bniedem għandu fih bosta elementi li jeħduha kontra xulxin. Min-naħa waħda, ta’ bniedem maħluq li hu, b’ħafna modi jħoss li hemm tarf sa fejn jista’ jasal; min-naħa l-oħra mbagħad iħoss li ma hemm l-ebda tarf għax-xewqat tiegħu u li hu msejjaħ għall-ħajja ogħla. Fost il-ħafna ħwejjeġ li jħajruh u jiġbduh, huwa dejjem isib ruħu f’qagħda li jkollu bilfors jagħżel xi ħwejjeġ u jiċċaħħad minn oħrajn. Mhux biss, imma ta’ dgħajjef u midneb li hu, sikwit jagħmel dak li ma jridx, u ma jagħmilx dak li jrid...”[171] Il-Konċilju hawn itenni l-kliem magħruf ħafna ta’ San Pawl.[172]

 

Il-kuxjenza tal-bniedem hija u “tara l-iżball wara d-dnub”, kull meta tkun tgħarbel sal-qiegħ  lilha nfisha, tasal biex tagħraf  x’inhuma l-egħruq tad-dnub fil- bniedem u tara wkoll b’liema mod ġiet influwenzata tul iż-żminijiet. B’hekk naslu biex nagħarfu x’kienet il-verità tal-bidu tad-dnub, li ġà tkellimna dwarha. L-Ispirtu s-Santu juri li d-dinja għandha żball dwar id-dnub b’riferenza għall-misteru tal-bidu huwa u juri li l-bniedem ġie maħluq u għalhekk  jiddependi għall-kollox, kemm  moralment u kemm onto loġikament, minn Alla li ħalqu huwa u jfakkar ukoll li n-natura tal-bniedem wirtet il-ġibda għad-dnub. Iżda l-Ispirtu s-Santu juri  d-dinja għandha żball dwar id-dnub, dejjem b’riferenza għas-Salib ta’ Kristu. Għalhekk fit-twemmin nisrani ma hemm ebda “fataliżmu” dwar id-dnub, il-bniedem mhux bilfors jidneb, irid jew ma jridx. Skond il-Konċilju, hemm “taqbida ħarxa kontra s-setgħat tad-dlamijiet li bdiet mill-bidu tad-dinja li tibqa’ sejra sal-aħħar jum, kif qal il-Mulej”[173] Imma  Kristu stess ġie biex jeħles il-bniedem u jqawwih.[174] Il-bniedem, mela aktar milli jħalli lilu nnifsu “jixxekkel” mill-kondizzjoni tiegħu ta’ midneb, imqanqal mill-leħen tal-kuxjenza tiegħu, “biex jibqa’ marbut ma’ dak li hu tajjeb”, għandu jissielet bla heda, biex jegħleb il-firda li hemm fih innifsu u dan irid jgħamlu mhux mingħajr ħafna sforzi kbar u bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla.[175] Il-Konċilju, bir-raġun kollu, jqis id-dnub bħala kawża tal-firda li hi piż tassew kbir fuq il-ħajja personali u soċjali tal-bniedem: iżda fl-istess ħin il-Konċilju ma jieqaf qatt ifakkar li l-bniedem jista’ jikseb ilr-rebħa.

 

45.L-Ispirtu tal-verità, li “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub,” jiltaqa’ ma’ dawk l-isforzi tal-kuxjenza tal-bniedem, li dwarhom il-Koncilju jitkellem b’qawwa li tikkonvinċik. Dawn l-isforzi tal-kuxjenza jiftħu wkoll it-triq għall-konversjonijiet tal-bnedmin, meta huma jitbegħdu mid-dnub ħalli l-imħabba u l-verità jiġġeddu f’qalbhom. Kulħadd jaf kemm hi ħaġa iebsa għalina li naraw il-ħażen fina stess. Ilkoll nafu li l-kuxjenza mhux biss tgħid x’għandna nagħmlu u x’ma għandniex nagħmlu, imma nafu wkoll li l-kuxjenza tiġġudika, fid-dawl tal-preċetti u l-projbizzjonijiet li huma minquxin fiha stess. Mill-kuxjenza tiġi s-sogħba: il-bniedem jisgħob fih innifsu għad-deni li jagħmel.Tgħid din is-sogħba hi xi eku mill-bogħod ta dak il-kliem: “Jisgħob bija li ħlaqt il-bniedem” li l-Iskrittura tqiegħed f’fomm Alla, hija u titkellem dwaru qisu xi bniedem (b’mod antropomorfiku)?

 

Tgħid hi xi eku ta’ dik “l-istmerrija” fil-qalb tat-Trinità li, bis-saħħa tal-imħabba ta’ dejjem, inbidlet fit-tbatija tas-Salib, fl-ubidjenza ta’ Kristu sal-mewt tas-Salib? Meta l-Ispirtu tal-verità jħalli lill-kuxjenza tal-bniedem tissieħeb f’din it-tbatija ta’ Kristu, it-tiġrib tal-kuxjenza jiħrax fuq li jiħrax, imma jsir ukoll, b’xi mod, jiswa għas-salvazzjoni. Imbagħad permezz ta’ ndiema perfetta sseħħ vera konversjoni tal-qalb, li hi l-“metanoia” tal-Evanġelju.

 

Din it-tbatija tal-qalb tal-bniedem, dawn l-isforzi tal-kuxjenzi li bihom isseħħ il-“metanoia” jew konversjoni, qishom rifless ta’ dak il-proċess li bih l-istmerrija tinbidel fl-imħabba li ssalva, imħabba li kapaċi tbati. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li b’mod misterjuż jagħti din il-qawwa għas-salvazzjoni, dak li l-Knisja ssejjaħlu “dawl hieni tal-qdusija” li jidħol fil-fond u jimla “l-qalb ta’ kull fidil.”[176] B’din il-konversjoni fl-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jinfetaħ għall-maħfra, għall-maħfra tad-dnubiet. Dan id-dinamiżmu ta’ l-għaġeb ta’ konversjoni u maħfra jwettaq il-verità ta’ dak li  jgħid Santu Wistin dwar il-misteru tal-bniedem, huwa u jfisser dan il-kliem tas-salm: “Mill-irdum għall-irdum jidwu.”[177] Għall-ġid ta’ dan “l-irdum fond” tal-bniedem, tal-kunxjenza tal-bniedem, iseħħ il-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu “jiġi”, għax “telaq” Kristu fil-misteru ta’ l-Għid: jiġi kull darba li jkun hemm konversjoni- maħfra, bil-qawwa tas-sagrifiċju tas-Salib: f’dan is-sagrifiċju “d-demm ta’ Kristu... inaddaf il-kuxjenza tagħkom... mill-għamil mejjet, biex taqdu lil Allal-ħaj”.[178] B’hekk iseħħ dejjem il-kliem dwar l-Ispirtu s-Santu, bħala “Difensur ieħor”, kliem li ntqal fiċ-Ċenaklu lill-Appostli u indirettament lil-kulħadd: “Intom tagħarfuh, għaliex igħammar magħkom u huwa fikom.”[179]

 

6.Id-dnub kontra l-Ispirtu s-Santu

 

46.Meta nqisu dak li għidna sa issa, nifhmu aħjar xi kliem ieħor ta’ Ġesù, kliem tal-biża’ li jħawwadna, u li nistgħu nsejħulu kliem tal-“ m’hemmx maħfra”. Dan il-kliem igħiduhulna L-Evanġelji sinottiċi dwar dnub li jissejjaħ “dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu.” Naraw kif iġibuh dan il-kliem it-tliet Evanġelji:

 

Mattew: “Id-dnubiet kollha u d-dagħa kollu jinħafrilhom lill-bnedmin, imma d-dawgħa bl-Ispirtu s-Santu ma tinħafirx. Jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-Bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma jkollux maħfra la f’din id-dinja u l-anqas f’li ġejja.”[180]

 

Mark: “Kollox jinħafrilhom lil ulied il-bnedmin, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jidgħi bl-Ispirtu s-Santu, ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.”[181]

 

Luqa: “Min igħid xi ħaġa ħażina kontra Bin il-Bniedem tinħafirlu, iżda min jidgħi  bl-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux”[182].

 

Għaliex ma hemm ebda maħfra għad-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu? Kif għandna nifhmu din id-dagħwa? San Tumas d’Aquino jwieġeb: “Dan hu dnub li min-natura tiegħu stess ma jistax jinħafer, għaliex iwarrab dak li bih isseħħ il-maħfra tad-dnubiet.”[183]

 

Skond din it-tifsira “d-dagħwa” m’hijiex xi kliem li bih issir l-offiża lill-Ispirtu s-Santu, imma huwa egħmil li bih ma tiġix milqugħa s-salvazzjoni li Alla joffri lill-bniedem bl-Ispirtu s-Santu, salvazzjoni li taħdem bil-qawwa tas-sagrifiċju tas-Salib. Jekk il-bniedem ma jridx jara  “li għandu żball dwar id-dnub” ħaġa li jurih l-Ispirtu s-Santu, u tiswa għas-salvazzjoni, ikun fl-istess ħin ma jridx “il-miġja” tad-Difensur ― dik il-“miġja”l li seħħet fil-misteru ta’ l-Għid, flimkien mal-qawwa għall-fidwa: id-demm ta’ Kristu, li “jnaddaf il-kuxjenza mill-għemil mejjet”.

 

Nafu li l-frott ta’ din it-tisfija huwa l-maħfra tad-dnubiet. Għalhekk min jirrifjuta lill-Ispirtu  u d-Demm jibqa’ fl-“għamil mejjet.” fid-dnub. Id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu hi mela ċaħda sħiha ta’ dik il-maħfra li jagħtiha fir-ruħ l-Ispirtu s-Santu li titlob dik il-bidla vera, dik il-konversjoni li l-Ispirtu s-Santu jġib fil-kuxjenza. Ġesù jgħid li d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu la tinħafer biż-żmien ta’ issa u l-anqas f’dak li ġej, u dan jgħidu għaliex hemm rabta bejn li “m’hemmx –maħfra” u li “m’hemmx-sogħba”, jiġifieri ma hemm ebda rieda ta’ konversjoni: ir-raġuni għax ma hemmx maħfra hi li m’hemmx sogħba. Dan ifisser li wieħed ma jridx jasal sa l-legħjun tas-salvazzjoni, li iżda jibqgħu “dejjem” miftuħin fil-pjan tas-salvazzjoni, li bih isseħħ il-missjoni tal-Ispirtu s-Santu. Hu għandu setgħa bla qjies li jieħu minn dawn l-egħjun: “Jieħu minn tiegħi”, kif qal Ġesù. Għalhekk l-Ispirtu s-Santu jtemm fir-ruħ tal-bniedem l-opra tal-Fidwa li kiseb Ġesù, billi jqassam il-frott tagħha. I-d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu hu dnub  li jwassal il-bniedem, biex jipretendi għalih it-taparsi “dritt” li jibqa’ jgħix fid-dnub ― f’kull dnub ― u jiċċaħħad mill-Fidwa. Il-bniedem jingħalaq fid-dnub u jagħmel għalhekk il- konversjoni impossibli għalih u għalhekk ukoll il-maħfra tad-dnubiet, maħfra li jqiesha m’hux meħtieġa u l-anqas importanti fil-ħajja tiegħu. Hi qagħda ta’ ħsara kbira għar-ruħ,  għaliex id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu ma tħalliex lill-bniedem jinħall mir-rabtiet tad-dnub, li bih ikun imxekkel, u l-anqas jinfetaħ għall-egħjun ta’ Alla għat-tisfija tal-kuxjenza u l-maħfra tad-dnubiet.

 

47.L-Ispirtu tal-verità li bil-ħidma tiegħu jwassal biex “juri li hemm żball dwar id-dnub” u dan ikun jiswa għas-salvazzjoni, isib fil-bniedem li jinsab f’għaqda bħal din, reżistenza kbira fir-ruħ isib kuxjenza li qisu bl-ebda mod ma jista’ jidħol fiha, u jsib qagħda ta’ ruħ li l-bniedem ikun għażel minn rajh u webbes rasu fiha ― f’kelma waħda li jsib dak li l-Iskrittura ssejjaħlu “l-ebusija tal-qalb”.[184] Fi żmienna din il-qagħda tal-fehma u tal-qalb forsi nistgħu nqabluha ma’ dak it-telfien tas-sens tad-dnub li dwaru titkellem l-esortazzjoni appostolika Reconciliatio et Paenitenia. Il-Papa Piju XII  kien ġà qal li “d-dnub ta’ żmienna hu t-telfin tas-sens tad-dnub,”[185] telfien li seħħ flimkien mat-“telfien tas-sens ta’ Alla.” Fl-esortazzjoni li għadna kemm semmejna, naqraw: “Alla hu l-bidu u l-għan ewlieni tal-bniedem, li għandu fih żerriegħa minn Alla. Għalhekk hu Alla li tassew juri, u jurih b’mod l-aktar ċar, il-misteru tal-bniedem. Għalhekk hi ħaġa fiergħa taħseb li se jkun hawn xi sens tad-dnub kontra l-bniedem u l-valuri tal-bniedem, jekk jonqos is-sens ta’ l-offiża lil Alla għax dan hu s-sens veru tad-dnub.[186][187]

 

Għalhekk il-Knisja ma tieqaf qatt titlob lil Alla li l-bnedmin ikollhom kuxjenza retta, qatt ma jitilfuha u qatt ma jonqos fihom is-sens tat-tajjeb u tal-ħażin: dan is-sens u din il-kuxjenza għandhom rabta liema bħalha mal-ħidma tal-Ispirtu tal-verità fir-ruħ. Fid-dawl ta’ dan kollu t-twissijiet tal-Appostlu għandhom qawwa speċjali: “Ixxeklux l-Ispirtu” “Tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla.”[188]  Iżda, qabel kollox, il-Knisja qatt ma tieqaf titlob bil-ħeġġa kollha biex ma jkomplix jitkattar fid-dinja dak id-dnub li l-Evanġelju bla heda jsejjaħlu “dagħwa lill-Ispirtu s-Santu”; anzi titlob biex dan id-dnub jitbiegħed għal kollox mir-ruħ tal-bniedem ― u għalhekk ukoll mill-ambjenti kollha u suriet kollha tas-soċjetà ― u f’loku jkun hemm dak il-ftuħ tal-kuxjenzi li hu meħtieg għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu għas-salvazzjoni. Il-Knisja titlob li d-dnub perikoluż kontra  l-Ispitu s-Santu jwarrab, u f’loku jkun hemm dik id-deposizzjoni qaddisa li tibqa’ l-ħidma ta’ faraġ ta’ l-Ispirtu s-Santu, meta jiġi biex “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u il-ġudizzju.”

 

48.Fl-aħħar diskors tiegħu fiċ-Ċenaklu, Ġesù għaqqad flimkien dawn it-tliet oqsma li dwarhom l-Ispirtu s-Santu ried juri lid-dinja għandha żball, bħallikieku kienu tliet  partijiet tal-missjoni tal-Ispirtu s-Santu: id-dnub, il-ġustizzja, il-ġudizzju, Dawn it-tliet oqsma juru dik il-parti tal-misteru tar-reliġjon tagħna li, fil-ġrajja tal-bniedem, hija kontra d-dnub, kontra l-misteru tal-ħażen.[189] Min-naħa għandna, kif jgħid Santu Wistin, “L-Imħabba tiegħek innifsek li twasslek biex tistmerr ‘l Alla”, min-naħa l-oħra hemm “l-imħabba ta’ Alla li twasslek biex tistmerr lilek innifsek.”[190] Il-Knisja ma tieqaf qatt titlob u taqdi l-misteru tagħha, biex il-ġrajja ta’ kull kuxjenza u l-ġrajja ta’ kull soċjetà fil-familja kbira tal-bnedmin, qatt ma jinżlu sal-pont tad-dnub billi jwarrbu għal kollox il-praċetti ta’ Alla bi “stmerrija għal Alla,” imma titlob u taqdi l-misteru tagħha biex aktar jogħlew lejn dik l-imħabba li fiha juri ruħu l-Ispirtu tal-verità, li jagħti l-ħajja.

 

Dawk li jħallu l-Ispirtu s-Santu “jurihom li għandhom żball dwar id-dnub,” iħalluh ukoll jurihom li “għandhom żball dwar il-ġustizzja u l-ġudizzju”. L-Ispirtu tal-verità li jgħin lill-kuxjenza ta’ kull bniedem, biex tagħraf il-verità dwar id-dnub, iwassalha wkoll biex tagħraf il-verità ta’ dik il-ġustizzja li daħlet fil-ġrajja tal-bniedem ma’ Ġesù Kristu. B’hekk dawk li kkonvertew bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu meta wriehom li kellhom żball dwar id-dnub, jinħelsu milli jaqgħu taħt “il-ġudizzju”, li bih “il-prinċepta’ din id-dinja ġà ġie kkundannat.”[191]Fil-fond tal-misteru ta’ Alla u tal-bniedem, il-konversjoni tfisser il-ksur ta’ kull xkiel li bih id-dnub jorbot il-bniedem mal-misteru kollu tal-ħażen. Dawk li jikkonvertu, L-ispirtu s-Santu joħroġhom minn taħt il-madmad tal-ġudizzju, u jdaħħalhom fil-qasam ta’ dik il-ġustizzja li hi fi Kristu Ġesù, u hi fih, għaliex hu ħadha mingħand il-Missier[192] bħala rifless tal-qdusija tat-Trinità qaddisa. Din hi l-ġustizzja tal-Evanġelju u tal-Fidwa, il-ġustizzja tad-diskors ta’ fuq il-muntanja u tas-Salib, li ġġib is-safa fil-kuxjenza bid-demm tal-Ħaruf. Din hi l-ġustizzja li l-Missier jagħti lil Iben u lil dawk kollha li huma marbutin miegħu fil-verità u l-imħabba. B’din il-ġustizzja, l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Missier u ta’ l-Iben, li “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub,” juri lilu nnifsu u huwa preżenti fil-bniedem bħala l-Ispirtu tal-ħajja ta’ dejjem.

  

IT-TIELET TAQSIMA

 

L-ISPIRTU LI JGĦATI L-ĦAJJA

 

1.Għalfejn il-Ġublew tas-sena 2000: Kristu tnissel bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu

 

49.Lejn l-Ispirtu s-Santu l-Knisja terfa’ ħsibijietha  u ddawwar qalbha fi tmiem is-seklu għoxrin, hija u tistenna l-bidu tat-tielet elf sena minn mindu Ġesù ġie fid-dinja, waqt li aħna nħarsu ‘l quddiem lejn il-Ġublew il-kbir li bih il-Knisja se tfakkar din il-ġrajja. Il-ġrajja ta’ Kristu, meta nqisuha skond il-mod kif inqisu ż-żmien, narawha bħala fatt li seħħ fil-ġrajja tal-bniedem fuq l-art. Aħna nqisu ż-żmien bi snin, b’sekli jew mijiet ta’ snin, u b’eluf ta’ snin qabel it-twelid ta’-Kristu jew wara t-twelid ta’ Kristu. Iżda għandna niftakru wkoll li dan il-fatt tal-miġja ta’ Kristu fid-dinja għalina l-insara jfisser kif jgħidilna l-Appostlu, “il-milja taż-zminijiet,” [193]għaliex fi Kristu il-ġrajja tal-bniedem imtliet għal kollox bil-‘qjies’ ta’ Alla nnifsu, jiġifieri bil-presenza ta’ l-“issa ta’ dejjem” ta’ Alla, li tisboq kull ma l-moħħ tal-bniedem jista’ jaħseb, bil-presenza ta’ Dak “li hu, li kien u li għad irid jiġi”, li hu “l-Alfa u l-Omega, l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t-tmiem.”[194] Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”[195] “Meta waslet il-milja taż-żminijiet Alla bagħat ‘il-Ibnu mwieled minn mara...... biex ikollna l-adozzjoni.”[196] Il-Verb-Iben sar bniedem mill-Ispirtu s-Santu.

 

Iż-żewġ evanġelisti li nafu minn għandhom il-ġrajja tat-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù ta’ Nazaret jitkellmu bl-istess mod dwar din il-ħaġa. Skond San Luqa fit-tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù, Marija staqsiet: “Kif ikun dan, ladarba jiena verġni?”, u kellha din it-tweġiba: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek, u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”[197]

 

...San Mattew igħid direttament: “It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija wara li tgħarset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu”. [198] San Ġużepp, kollu mħawwad minħabba din il-ħaġa, kellu din it-tweġiba fil-ħolm: “Xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben u int ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.”[199]

 

Għalhekk, sa mill-bidu, il-Knisja stqarret il-misteru tal-inkarnazzjoni, dan il-misteru-qofol tal-fidi tagħna, hija u ssemmi l-Ispirtu s-Santu. Fil-Kredu tal-Appostli tistqarr: “Ġie konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni.” U l-istess jixhed il-Kredu Niċenu-Kostantinopolitan: “U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.”

 

“Sar bniedem mill-Ispirtu s-Santu,” dak li l-Knisja, bil-kliem ta’ dan il-Kredu, tistqarr li hu l-Iben natura waħda mal-Missier: “Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru, mnissel mhux magħmul.” Sar bniedem, “ħa l-ġisem minn Marija Verġni.” Dan ġara meta wasslet “il-milja taż-żminijiet.”

 

50.Il-Ġublew il-Kbir, li jagħlaq l-elfejn sena wara Kristu u li l-Knisja ġà qiegħda thejji ruħha għalih, għandu direttament sura kristoloġika, għalieħ se jfakkar it-twelid ta’ Ġesù Kristu; imma għandu wkoll sura pnewmatoloġika għaliex il-misteru tal-inkarnazzjoni seħħ “bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.” Seħħ bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, li ― natura waħda mal-Missier u ma’ l-Iben ― fil-misteru għoli ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni ― hu  l-Persuna-Mħabba, id-Don mhux maħluq, l-għajn ta’ l-għotjiet kollha li jiġu minn Alla fl-ordni tal-ħolqien, il-priċipju dirett u, b’xi mod, is-suġġett ta’ l-għoti tiegħu nnifsu ta’Alla fl-ordni tal-grazzja. Il-misteru tal-inkarnazzjoni hu l-qofol ta’ dan l-għoti tieghu nnifsu ta’ Alla. It-tnissil u t-twelid ta’ Ġesù Kristu huwa l-aqwa għamil ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ġrajja tal-ħolqien u tas-salvazzjoni: l-ogħla grazzja ― “il-grazzja ta’ l-għaqda” ― li minnha toħroġ kull grazzja oħra, kif ifisser  San Tumas.[200] Il-Ġublew il-Kbir hu dwar din il-ħidma u wkoll ― jekk nidħlu fil-fond tagħha ― dwar dak li għamel din il-ħidma, dwar il-Persuna tal-Ispirtu s-Santu.

 

Għax tassew “il-milja taż-żminijiet” taqleb ma’ dik il-milja speċjali ta’ l-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu. “Bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu” jseħħ il-misteru tal-għaqda fil-persuna (l-għaqda ipostatika), tan-natura ta’ Alla man-natura tal-bniedem, tad-divinità u l-umanità fil-Persuna waħdanija tal-Verb-Iben. Marija, fit-tħabbira tagħha, meta qalet: “Ħa jsir minni skond kelmtek,”[201] bħala verġni, nisslet bniedem, Bin il-bniedem, li hu l-Iben ta’ Alla. B’din l-inkarnazzjoni tal-Verb-Iben, l-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla jilħaq il-qofol tiegħu fil-ġrajja tal- ħolqien kollu u tas-salvazzjoni. Din il-qofol għandu qawwa liema bħala u hu mfisser bi kliem hekk għoli fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Il-Verb sar bniedem”[202] L-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla tfisser  mhux biss li n-natura tal-bniedem ingħaqdet ma’ Alla, imma tfisser ukoll li, fin-natura tal-bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ Alla kull ma hu “ġisem” jiġifieri l- bnedmin kollha, għandha wkoll tifsira kosmika, dimensjoni kosmika. “Il-kbir fost il-ħlejjaq kollha”,[203] meta sar bniedem, fin-natura ta’ bniedem ta’ Kristu, għaqqad b’xi mod kull ma hu tassew tal-bniedem, li hu wkoll “ġisem”[204]― permezz tan-natura tal-bniedem għaqqad miegħu kull “ġisem”, il-ħlejjaq kollha.

 

51.Dan kollu sar bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, u għalhekk huwa parti mill-Ġublew il-kbir li ġej, li għalih il-Knisja ma tistax thejji ruħha jekk mhux fl-Ispirtu s-Santu. Dak kollu li “fil-milja taż-żminijiet” seħħ bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Knisja tista’ tiftakar fih biss bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. Bil-ħidma tiegħu l-Knisja tista tkun preżenti f’din il-fażi ġdida tal-ġrajja tal-bniedem fuq l-art:  fis-sena 2000 wara Kristu.

 

L-Ispirtu s-Santu li xeħet id-dell tal-qawwa tiegħu fuq il-ġisem tal-Verġni Marija biex ta bidu ħalli tkun Omm Alla, fl-istess waqt għamlilha qalba dejjem imhejjija biex toqgħod f’kollox għal dak li Alla ried minnha fl-għoti tiegħu nnifsu lilha, għoti li jisboq kull ma l-moħħ tal-bniedem jista’ jaħseb u kull mal-bniedem jista’ jgħamel. “Hienja dik li emmnet”:[205] hekk selmet lil Marija l-qariba tagħha Elisabetta, hi wkoll “mimlija bl-ispirtu s-Santu.”[206] Fit-tislima magħmula lil “dik li emmnet,” qisna naraw fil-bogħod (imma kemm fil-qrib!) kuntrast dwar dawk li Kristu għad igħid li “ma emmnux”.[207] Marija daħlet fil-ġrajja tas-salvazzjoni permezz tal-obbedjenza tal-fidi (għax emmnet). U l-fidi, fil-qofol tal-essenza tagħha, hi l-ftuħ tal-qalb tal-bniedem għad-don, għal dak id-don li li bih Alla jagħti lilu nnifsu fl-Ispirtu s-Santu. San Pawl dan jikteb: “Il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien.”[208] Meta Alla wieħed fit-Tliet Persuni, infetaħ għall bniedem fl-Ispirtu s-Santu, b’dan il-ftuħ juri lilu nnifsu u fl-istess ħin jgħati l-milja tal-ħelsien. Din il-milja tal-ħelsien li wriet ruħha l-aktar permezz tal- fidi ta’ Marija, permezz tal-obbidjenza tal-fidi” tagħha:[209] tassew “Hienja dik li emmnet.”

 

2.Għalfejn il-Ġublew: “Dehret il-grazzja”

 

52.Fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja, laħqet il-qofol tagħha. Ma tistax tingħata dik il-ħajja li f’Alla hi fil-milja tagħha, jekk ma tkunx ħajja ta’ Bniedem, bħalma kien bniedem Kristu fin-natura tiegħu ta’ bniedem, natura li saret persuna fil-Verb permezz tal-għaqda ipostatika.Fl-istess waqt, bil-misteru tal-inkarnazzjoni, tidher, f’sura ġdida, l-għajn ta’ din il-ħajja ta’ Alla fil-ġrajja tal-bniedem: l-Ispirtu s-Santu. Il-Verb, “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha” jsir “il-kbir fost ħafna aħwa”[210] u hekk isir ukoll ir-ras tal-ġisem li hu l-Knisja, imwielda fuq is-Salib u rivelata nhar Għid il-Ħamsin ― u, fil-Knisja, isir ras tal-bnedmin kollha, tal-bnedmin ta’ kull nazzjon, ta’ kull ġens, ta’ kull pajjiż, ta’ kull kultura, ta’ kull ilsien u ta’ kull kontinent, ilkoll imsejħin għas-salvazzjoni. “Il-Verb sar bniedem (dak il-Verb li) kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin... dawk kollha li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.”[211] Dan kollu seħħ u jibqa’ jseħħ “bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. “Huma wlied Alla”, kif igħallem l-Appostlu, “dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla.”[212] L-adozzjoni ta’ wlied Alla fil-bnedmin ġejja mil-misteru tal-Inkarnazzjoni u għalhekk bi Kristu, l-Iben etern. Imma t-tnissil, jew aħjar it-tnissil mill-ġdid iseħħ meta Alla l-Missier “ jibgħat l-Ispirtu ta’ Ibnu  fi qlubna”;[213] imbagħad aħna “nirċievu l-Ispirtu li jgħamel minna wlied adottivi u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba, Missier’!”[214] Mela l-adozzjoni ta’ wlied Alla, li  biha titlaqqam ir-ruħ tal-bniedem bil-grazzja li tqaddes, hi opra tal-Ispirtu s-Santu. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta flimkien ma’ Kristu.”[215] Il-grazzja li tqaddes hi fil-bniedem bidu u ghajn ta’ ħajja ġdida, il-ħajja sopranaturali ta’ Alla. Meta Alla jagħtina din il-ħajja ġdida ikun qiesu jwieġeb żgur u darba għal dejjem għall-kliem tas-salmista, li fih jidwi b’xi mod leħen il-ħlejjaq kollha: “Malli tibgħat l-Ispirtu tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art.”[216] Dak Alla li, fil-misteru tal-ħolqien tal-bniedem u tad-dinja, jagħti l-ħajja fis-suriet kollha tagħha li jidhru u li ma jidhrux, għadu jġeddidha  bil-misteru tal-Inkarnazzjoni. B’hekk il-ħolqien jiġi mitmum bl-inkarnazzjoni, u minn dak il-waqt hu kollu kemm hu mimli bil- qawwa tal-fidwa, li taħkem lill-bnedmin kollha u d-dinja kollha. Dan jgħidilna San Pawl li, bil-fehma kosmiko-teoloġika tiegħu, qiesu qiegħed itenni kliem is-salm antik: “il-ħlejjaq kollha jistennew ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla”,[217] jiġifieri ta’ dawk li Alla “għarafhom mill-bidu u predestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu.”[218] Minn hawn tiġi l-adozzjoni sopranaturali tal-bnedmin, li tagħha hu bidu l-Ispirtu s-Santu, li hu don u mħabba.

 

Bħala mħabba u don jingħata lill-bnedmin, u mill-milja ta’ dan id-don mhux maħluq għandu bidu fil-qalb ta’ kull bniedem dak id-don speċjali maħluq, li bih il-bnedmin “jissieħbu fin-natura ta’ Alla.”[219] B’dan it-tisħib, il-ħajja tal-bniedem timtela kollha kemm hi bil-ħajja ta’ Alla u tikseb dimensjoni divina sopranaturali. Ikun hemm ħajja ġdida li fiha, bħala msieħeb fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, il-bniedem, fl-Ispirtu s-Santu, ikollu d-dħul għal għand il-Missier.”[220] Hemm mela rabta liema bħala bejn l-Ispirtu li jagħti l-ħajja u l-grazzja li tqaddes u dik il-qawwa sopranaturali ta’ ħajja li minnha tinxtered fil-bniedem, bejn l-Ispirtu s-Santu mhux maħluq u l-ispirtu maħluq tal-bniedem.

 

53.Nistgħu ngħidu li dan kollu jidħol fil-għan tal-Ġublew il-kbir li semmejna hawn fuq. Irridu mmorru ‘l hemm mid-dimensjoni storika tal-fatt, kif jidher ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn. Mill-kontenut kristoloġiku  tal-fatt, irridu naslu għad-dimensjoni pnewmatoloġika tiegħu, billi, bl-għajnejn tal-fidi, b’ħarsa waħda, inħaddnu elfejn sena ta’ ħidma tal-Ispirtu tal-verità, li tul iż-żminijiet kollha dejjem ħa mit-teżor  tal-fidwa ta’ Kristu biex jagħti ħajja ġdida lill-bnedmin, biex jagħtihom l-adozzjoni fl-Iben il-waħdieni, u jqaddishom hekk li jkunun jistgħu jtennu kliem San Pawl: “Ħadna l-Ispirtu ta’ Alla.”[221] Iżda aħna u nqisu l-għan ta’ il-Ġublew, ma nistgħux nieqfu biss f’dawn l-elfejn sena li għaddew mit-twelid ta’ Kristu.  Jeħtieġ immorru aktar lura, u nħaddnu wkoll il-ħidma kollha ta’ l-Ispirtu s-Santu qabel it-twelied ta’ Kristu, sa mill-bidu, fid-dinja kollha kemm hi, u speċjalment fil-pjan tal-Patt il-Qadim. Din il-ħidma seħħet kullimkien u f’kull żmien, anzi f’kull bniedem, skond il-pjan tas-salvazzjoni li kien minn dejjem, u li bih il-ħidma hi marbuta sewwa mal-misteru ta’ l-inkarnazzjoni u tal-fidwa, u li, min-naħa tagħha, influwenzat lil dawk kollha li kienu jemmnu fi Kristu li kellu jiġi. Ta’ dan kollu, b’mod speċjali, tagħti xhieda l-Ittra lill-Efesin,[222]Il-grazzja, mela, għandha fiha nfisha kemm aspett kristoloġiku u kemm aspett pnewmatoloġiku, li l-aktar juri ruħu f’dawk li bid-dieher jimxu wara Kristu: “fih kontu issiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa.”[223]

 

Iżda, dejjem minħabba l-Ġublew, għandna nħarsu aktar fil-wiesgħa u mmorru aktar ‘il bogħod, għax nafu li “l-Ispirtu (ir-riħ) jonfoħ fejn irid” skond ix-xbieha li biha nqeda Ġesù fit-taħdita tiegħu ma’ Nikodemu.[224] Il-Konċilju Vatikan II , li tħaddet l-aktar fuq il-Knisja, iwissina li l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu sseħħ ukoll “barra” mill-ġisem li jidher tal-Knisja, għax jitkellem dwar “il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li fi qlubhom il-grazzja taħdem b’mod li ma jidhirx. Għax Kristu miet għal kulħadd, u għax fl-aħħar mill-aħħar is-sejħa ewlenija ta’ kull bniedem hi waħda, is-sejħa ta’ Alla; għalhekk għandna nżommu li l-Ispirtu s-Santu jagħti lil kull bniedemli jkun jista’ jissieħeb fil-misteru ta’ l-Għid, b’mod li Alla biss jafu.”[225]

 

54.“Alla huwa Spirtu u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu tal-verità.”[226] Dan il-kliem qalu Ġesù f’taħdita mas-Sammaritana. Il-Ġublew il-kbir li se jiġi ċelebrat f’egħluq dawn l-elf sena u fil-bidu ta’ elf sena oħra, għandu jkun sejħa qawwija għal dawk kollha li “jaduraw lil Alla fl-Ispirtu u l-verità”. Għandu jkun għal kulħadd okkażjoni speċjali biex kull wieħed jimmedita l-misteru ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni, li fih innifsu hu għal kollox  ‘il fuq minn kollox, u l-aktar mid-dinja li tidher, għax hu Spirtu assolut: “Alla hu Spirtu”;[227] iżda fl-istess ħin,b’mod ta’ l-għaġeb, mhux biss hu qrib din id-dinja, imma hu wkoll preżenti fiha, u b’xi mod ġewwa fiha, jidħol fiha jgħatija l-ħajja minn ġewwa. Dan igħodd l-aktar għall-bniedem: Alla hu fil-fond ta’ dak li hu l-bniedem, jiġifieri hu fil-ħsieb, fil-kuxjenza u fil-qalb tal-bniedem; hu verità ontoloġika u psikoloġika li meta Santu Wistin ried jistħarriġha, qal għal Alla:”li hu aktar ‘il ġewwa mill-ġewwieni tiegħi.”[228] Dan il-kliem igħinna biex nifhmu aħjar dak li Ġesù qal lis-Samaritana:”Alla hu  spirtu” Spirtu biss jista’ jkun “aktar ‘il ġewwa mill-ġewwieni tiegħi”, sew fl-esistenza tiegħi u sew fl-esperjenza spiritwali tiegħi; l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jkun hekk ‘il ġewwa fil-bniedem u fid-dinja, waqt li jibqa’ bla mittiefes u mhux mibdul fit-“traxxendenza” assoluta tiegħu.

 

Iżda l-presenza ta’ Alla fid-dinja u fil-bniedem dehret b’mod ġdid u f’sura li tidher f’Ġesù Kristu. Fih tassew “dehret il-grazzja”.[229] L-imħabba ta’ Alla l-Missier, li hu don, grazzja bla qjies, bidu tal-ħajja, dehret fi Kristu u, bin-natura tiegħu ta’ bniedem, saret “parti” mill-univers, mill-ġens tal-bnedmin, mill-ġrajja tagħhom. Din id-“dehra” tal-grazzja seħħet fil-ġrajja tal-bniedem permezz ta’ Ġesù Kristu,  bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li hu l-bidu  ta’ kull ħidma għas-salvazzjoni ta’ Alla fid-dinja: “Alla moħbi”[230] li bħala mħabba u don “jimla l-art kollha”.[231] Il-ħajja kollha tal-Knisja, kif se tidher fil-Ġublew il-Kbir, tkun tfisser li sejra tiltaqa’ ma’ Alla moħbi: sejra tiltaqa’ ma’ l-Ispirtu li jagħti l-ħajja.

 

3.L-Ispirtu s-Santu fil-ġlieda li hemm ġewwa l-bniedem:

il-passjoniijiet tal-ġisem huma kontra l-ispirtu u l-ispirtu hu kontra l-ġisem

 

55.Ta’ min jisgħob bih li, kif turina l-ġrajja kollha tal-bniedem, meta Alla jersaq u jkun qrib il-bniedem u d-dinja, “it-tjieba” ta’ l-għaġeb tal-Ispirtu ta’ Alla ssib resistenza u ċaħda min-naħa tal-bniedem.  X’tifsir għandu dwar din il-ħaġa, il-kliem profetiku ta’ dak ix-xwejjaħ, jismu Xmun, li “mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu mar fit-tempju” ta’ Ġerusalemm biex quddiem it-tarbija li kienet għadha kemm twieldet f’Betlehem, iħabbar: “Ara,dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel, u jkun sinjal li jmeruh”![232]

 

Iċ-ċaħda ta’ Alla, li hu Spirtu li ma jidhirx, b’xi mod qiegħda fid-differenza li hemm bejn Alla u d-dinja, għaliex id-dinja “tidher” u hi materjali, waqt li Alla “ma jidhirx” u huwa “spirtu pur”, u għaliex id-dinja min-natura tagħha stess ma tistax ma tkunx mhux perfetta, waqt li Alla hu l-perfezzjoni fih innifsu. Iżda din iċ-ċaħda, fil-qasam morali, issir ġlieda, irvell kontra Alla, minħabba dak id-dnub li jaħkem fil-qalb tal-bniedem, li bih “il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-ispirtu u l-ispirtu kontra l-ġisem.”[233] Hu dwar dan id-dnub li l-Ispirtu s-Santu, kif għidna, “juri lid-dinja li għandha żball.”

 

San Pawl ifisser b’qawwa liema bħalha din it-tensjoni u din il-ġlieda li dejjem sejra fil-qalb tal-bniedem: “Jien ngħidilkom” ― jikteb San Pawl fl-ittra lill-Galatin ― “imxu fl-ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-ispirtu, u l-ispirtu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.”[234] Fil-bniedem, għax hu magħmul  minn ġisem u ruħ, ġà hemm tensjoni, u għalhekk ġlieda bejn il-ġibdiet tar-ruħ u dawk tal-ġisem. Iżda fil-fatt din hi wirt id-dnub: hi konsegwenza tad-dnubu u fl-istess ħin twettaq id-dnub. Hi l-esperjenza tagħna ta’ kuljum. Dan jikteb l-Appostlu: “L-egħmejjel tal ġisem huma magħrufha: żina, faħx nuqqas ta’ rażan,... sokor,tbaħrid u ħwejjeġ bħal dawn.” Dawn id-dnubiet nistgħu insejħulhom dnubiet “tal-ġisem”. Iżda l-Appostlu jżid magħhom dnubiet oħra:”mibgħeda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja”. [235]Dawn huma kollha egħmejjel tal-ġisem”.

 

Kontra dawn l-egħmejjel, li m’hemmx li m’humiex ħżiena, li żgur huma ħżiena, San Pawl isemmi “l-frott ta’ l-Ispirtu” bħalma huma l-imħabba,il-hena, is-sliem, is-sabar,il-ħniena, it-tjieba,il-fidi, il-ħlewwa,ir-rażan”[236] Mid-diskors kollu ta’ San Pawl, jidher ċar li hu m’huwiex kontra l-ġisem jew li jikkundanna l-ġisem li, flimkien mar-ruħ spiritwali,jagħmel in-natura tal-bniedem u l-personalità soġġettiva tiegħu; San Pawl jitkellem dwar l-egħmejjel, jew aħjar, dwar id-disposizzjonijiet tal-bniedem ― virtujiet jew vizzji ― moralment tajbin jew ħżiena, frott l-ubbidjenza (id-disposizzjonijiet tajba) jew frott ir-resistenza (id-disposizzjonijiet ħżiena) għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu għas-salvazzjoni. U għalhekk l-Appostlu jikteb: “Jekk ngħixu bl-Ispirtu ħalli nimxu bl-Ispirtu,”[237] U f’postijiet oħra jikteb: “Dawk li jgħixu skond il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skond l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ ta’ l-Ispirtu. “Aħna tal-Ispirtu ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fina”[238] Il-kontrast li San Pawl jara bejn ħajja “skond l-Ispirtu” u ħajja “skond il-ġisem”, iġib kuntrast ieħor, dak bejn il-ħajja u l-mewt. “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt, ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem”: għalhekk iwissi: “jekk tgħixu skond il-ġisem tmutu, imma jekk tmewtu l-egħmil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.”[239]

 

Jekk inqisu sewwa dan il-kliem, naraw li hu kliem li jħeġġiġna biex ngħixu skond il-verità, jiġifieri skond ma tgħidilna l-kuxjenza tajba tagħna; fl-istess ħin hi stqarrija ta’ fidi fl-Ispirtu tal-verità, bħala dak li jagħti l-ħajja. Il-ġisem “hu mejjet minħabba d-dnub imma l-Ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustizzja.” “Mela... aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem, biex ngħixu skond il-ġisem.”[240] Aħna midjunin ma’ Kristu, li ġabilna l-ġustifikazzjoni bil-misteru ta’ l-Għid tiegħu,  u tagħna l-Ispirtu s-Santu: “Bil-għoli kontu mixtrija.”[241]

 

Fil-kitba ta’ San Pawl jiltaqgħu flimkien ― u jitħaltu ma’ xulxin ―  id-dimensjoni ontoloġika (il-ġisem u l-ispirtu), id-dimensjoni morali (dak li hu moralment tajjeb u dak li hu moralment ħażin), u d-dimensjoni pnewmatoloġika (l-Ispirtu s-Santu bħala dak li jagħti l-grazzji). Minn kliem San Pawl (l-aktar dak tal-Ittra lir-Rumani u ta’ l-Ittra lill-Galatini) nifhmu x’inhi u nħossu sewwa l-qawwa ta’ dik it-tensjoni u dik il-ġlieda li hemm fil-bniedem bejn il-ftuħ għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u r-resistenza u ċ-ċaħda tal-Ispirtu s-Santuu tad-don tiegħu għas-salvazzjoni. F’dan il-kuntrast, min-naħa hemm il-bniedem, bil-qagħda tiegħu ta’ bniedem li hu, bil-limiti kollha tiegħu u bil-ġibda tar-rieda tiegħu għad-dnub, iż-żewġ elementi l-aktar diffiċli tan natura psikoloġika u morali tiegħu; min-naħa l-oħra hemm Alla bil-misteru tad-don tiegħu, li bih tingħata l-ħajja ta’ Alla bl-Ispirtu s-Santu. Min se jirbaħ? Min jirċievi d-don. Min jagħraf jilqa’ d-don.

 

56.Sfortunatament, ir-resistenza għall-Ispirtu s-Santu, li fid-dimensjoni soġġettiva tagħha fil-bniedem, San Pawl jaraha b’mod ċar bħala tensjoni, ġlieda u rvell fil-qalb tal-bniedem, tul iż-żminijiet, u l-aktar illum, għandha wkoll dimensjoni barra mill-bniedem, meta turi ruħha fil-kultura u ċ-ċiviltà tal-bniedem bħala xi filosofija, jew ideoloġija, jew pjan ta’ ħidma u ta’ formazzjoni dwar l-imġiba tal-bniedem. Din ir-resistenza tidher b’mod l-aktar ċar fil-materjaliżmu, kemm teoriku (bħala sistema ta’ ħsieb) u kemm prattiku (bħala mod kif tara u kif tqis kollox u kif iġġib ruħek b’dan il-mod). Is-sistema ta’ tagħlim li l-aktar ġab ‘il quddiem u wassal għall-milja tiegħu fil-prattika din is-sura ta’ ħsieb, din l-ideoloġija, din l-imġiba, hu l-materjaliżmu djalettiku u storiku, li għadu sal-lum il-qalba ħajja tal- marxiżmu.

 

Bi prinċipju u bil-fatti l-materjaliżmu jwarrab għall-kollox mid-dinja u l-aktar mill-bniedem, il-presenza u l-ħidma ta’ Alla, li hu Spirtu; dan għaliex ma jammettix li hemm Alla, għax hu sistema mibni fuq l-ateiżmu: hu fenomenu ta’ żmienna, fenomenu li jħawwadna, u li dwaru l-Konċilju Vatikan II  kiteb kliem li jfisser ħafna.[242] Għalkemm ma nistgħux nagħtu l-istess tifsira waħda lil ateiżmu u l-anqas nistgħu norbtuh biss mal-filosofija materjalistika, għaliex hemm ħafna suriet ta’ ateiżmu li ma jaqblux ma’ xulxin, hi ħaġa żgura li l-materjaliżmu veru u proprju, meqjus bħala teorija li trid tfisser x’inhi d-dinja madwarna u bħala prinċipju u pern ta’ kif  għandha tkun l-imġiba tal-bniedem bħala persuna u fis-soċjetà, għandu l-karatteristika tal-ateiżmu. Il-mod kif il-materjaliżmu jqis l-ordni  tal-valuri u l-għan ta’ kull imġiba jorbot mat-tifsir li jagħti lil kollox: għall-materjaliżmu kollox hu “materja”; u, jekk xi drabi l-materjaliżmu jsemmi “l-ispirtu” u jitkellem dwar “problemi ta’ l-ispirtu”, meta, biex inġibu eżempju, jitkellem dwar l-oqsma tal-kultura jew tal-imġiba morali, jagħmel hekk biss għax iqis li dawn il-fatti jiġu mill-materja (epifenomenali), li skond din il-filosofija,hi sura waħda u waħdanija ta’ kull ma hu. Minn dan jiġi, li, skond dan it-tifsir, ir-reliġjon m’hijiex ħlief sura ta’ “illusjoni idealistika”, li wieħed għandu jiġġieldilha b’mezzi u metodi adatti għaċ-ċirkostanzi taż-żmien u tal-imkien, biex tiqered mis-soċjetà u mill-qalb tal-bniedem.

 

Nistgħu għalhekk ngħidu li l-materjaliżmu hu sistema li żviluppa b’mod sistematiku u loġiku minn dik ir-“resistenza” u dik iċ-ċaħda li San Pawl fisser b’dawn il-kliem: “Il-passjonijiet tal- ġisem huma kontra l-Ispirtu.” Hi ġlieda bejniethom, kif juri San Pawl fit-tieni parti tas-sentenza tiegħu:”U l-ispirtu kontra l-ġisem.” Min irid jgħix skond l-Ispirtu jilqa’ l-ħidma tiegħu għas-salvazzjoni u jwieġeb għaliha, ma jistax ma jiċħadx il-ġibdiet u l-pretensjonijiet tal-“ġisem” ― ġewwa u barra minnu ― ukollfit-tifsira ideoloġika u storika li jagħtihom “materjaliżmu” kuntrarju għar-reliġjon. F’din il-qagħda li hi proprju taż-żmienna, bi thejjija għall-Ġublew il-kbir, għandna nuru li “x-xewqat ta’ l-ispirtu”, huma stedina tidwi fil-lejl ta’ żmien ġdid ta’ avvent li fit-tmiem tiagħu, kif ġara elfejn sena ilu, “il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.”[243] Din hi l-possibilità u t-tama li l-Knisja trid tafda lill-bnedmin ta’ żmienna. Il-Knisja taf li meta jiltaqgħu flimkien jew jiġu f’kuntrast bejniethom, “ix-xewqat kontra l-ispirtu”, li jidhru f’ċerti aspetti taċ-ċivilità tal-lum, u l-aktar f’xi oqsma tagħha, u “ix-xewqat kontra l-ġisem”, bil-miġja ta’ Alla fostna, bl-inkarnazzjoni tiegħu, bil-għoti dejjem ġdid tiegħu nnifsu fl-Ispirtu s-Santu, jistgħu jġibu, f’ħafna każijiet, ġlieda qalila u ħarxa u forsi jġibu wkoll telfiet kbar għall-familja kollha tal-bnedmin. Iżda l-Knisja temmen b’fidi sħiħa li, fejn jidħol Alla, kull għoti tiegħu nnifsu hu dejjem għas-salvazzjoni, kull miġja tiegħu hi s-salvazzjoni tad-dinja u, jekk ikun meħtieġ, biex “juriha li għandha żball dwar id-dnub” u dan, għas-salvazzjoni tagħha, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

57.Il-kuntrast bejn “il-ġisem” u “l-ispirtu”, f’San Pawl, hu wkoll kontrast bejn “il-ħajja” u “l-mewt”. Dan problema serju ħafna u jeħtieġ li ngħidu ċar u tond, bla tlaqliq, li l-materjaliżmu bħala sistema ta’ ħsieb, hu ta’ liema sura hu, dejjem iqis il-mewt bħala t-tmiem għal kollox tal-bniedem. Kull ma hu materjali, jitħassar, u għalhekk il-ġisem tal-bniedem  (bħala “ġisem”) imut. Jekk il-bniedem fin-natura tiegħu ta’ bniedem hu biss “ġisem”, il-mewt hija t-tmiem għal kollox tiegħu u ‘l hemm minnha għall-bniedem ma hemm xejn. Dan igħinna nifhmu kif xi wħud jaslu biex igħidu li ħajja tal-bniedem hi li jgħix biex imut.

 

Ta’ min iżid igħid li fuq ix-xefaq tal-kultura ta’ żmienna ― l-aktar ta’ dik il-kultura li mxiet sewwa ‘l quddiem fit-teknika u x-xjenza ― sinjali u sintomi tal-mewt qed jidhru sewwa u ta’ spiss. Biżżejjed naħsbu fil ħażniet kbar ta’ l-armi u l-perikolu li hemm fihom ta’qerda tal-ġens kollu tal-bnedmin b’qawwa nukleari. Barra dan illum kulħadd qed ikun jaf bil-qagħda kerha ta’ ħafna pajjiżi tad-dinja, maħkumin mill-faqar u ġuħ li jwasslu għall-mewt. Dawn m’humiex biss problemi ekonomiċi, imma huma wkoll, u qabel xejn, problemi morali. Iżda fuq ix-xefaq ta’ żmienna qed jinġabru sinjali aktar mudlama ta’ mewt: xterdet ħafna d-drawwa ― f’xi pajjiżi hemm il-perikolu li d-drawwa ssir parti mill-istituzzjoni tal-pajjiż ― li tiqered il-ħajja tal-bniedem qabel jitwieled,jew qabel jasal għat-tmiem naturali tiegħu. Barra dan, minkejja li qed isir tant tħabrik għall-paċi, bdew gwerer ġodda u għadhom sejrin gwerer li jċaħħdu mill-ħajja u minn saħħithom tant u tant eluf ta’ bnedmin. U kif ma niftakrux it-theddid għall-ħajja li li jiġi mit-terroriżmu, li qed jiġi organizzat ukoll fuq bażi internazzjonali?

 

Dan li għidna hu biss dehra nieqsa u mhux perfetta tal-kwadru tal-mewt li qed jiġi mpitter fi żmienna, aktar ma aħna resqin lejn it-tmiem tat tieni elf sena wara Kristu. Min fost dawn id-dellijiet mudlama li jħaddnu d-dinja, marida bil-materjaliżmu, u aktar u aktar min fost dawn is-sinjali tal-mewt li kuljum joktru fil-ħajja storika-soċjoloġikali qed tgħix id-dinja tal-lum, mhux forsi tiela’ talba ġdida lill-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja, talba li ftit jew wisq ilkoll qed inħossu fina?  Iżda minkejja t-tamiet kbar u l-qtiegħ il-qalb kollu tal-bnedmin, minkejja l-iżbalji u l-qerq tal materjaliżmu fit-teorija u fil-prattika, in-nisrani jibqa’ dejjem ċert li l-Ispirtu fejn irid jonfoħ, u aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, għakemm nistgħu nintlaqtu mit-tiġrib ta’ dan iż-żmien li jgħaddi, “nitniehdu fina nfusna nistennew...... il-fidwa ta’ ġisimna”,[244] jiġifieri l-fidwatagħnanfusna kollna kemm aħna, bil-ġisem u r-ruħ. Nitniehdu, imma nistennew b’tama sħiħa li qatt ma tiġi nieqsa, għaliex qrib in-natura tagħna l-bnedmin hemm Alla, li hu spirtu. Alla l-Missier bgħat “l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub.” [245]Fil-qofol tal-misteru ta’ l-Għid, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem u msallab imħabba d-dnubiet tad-dinja, wara li rxoxta, deher lid-dixipli, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.” Ġesù qatt ma jieqaf “jonfoħ”. U ara, l-Ispirtu jgħinna “fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.”[246]

 

 

4.L-Ispirtu s-Santu jsaħħaħ il-bniedem ta’ ġewwa

 

Il-misteru tal-qawmien mill-imwiet u ta’ Għid il-Ħamsin, tħabbru u tgħixu l-Knisja, li wirtet u qiegħda tkompli x-xhieda ta’ l-Appostli dwar il-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet. Il-Knisja hi għalekk xhud għal dejjem ta’ din ir-rebħa fuq il-mewt li wriet il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu u ġabet il-miġja ġdida tiegħu, jew aħjar il-presenza ġdida tiegħu fost il-bnedmin u fid-dinja. Dan għaliex fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-Ispirtu s-Santu Paraklitu deher bħala dak li jgħati l-ħajja. “Dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet għad iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom  bis-saħħa ta’ l-Ispirtu  li jgħammar fikom”.[247] F’isem il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, il-Knisja tħabbar il-ħajja, li dehret ‘l hemm mill-mewt, u li  hi aktar qawwija mill-mewt. Fl-istess waqt, il-Knisja tħabbar lil dak li jagħti din il-ħajja: l-Ispirtu li jagħti l-ħajja; tħabbru u tissieħeb miegħu biex tagħti din il-ħajja. Għaliex “jekk il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja,”[248] li seħħet bil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. U f’isem il-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, il-Knisja taqdi l-ħajja li ħierġa mingħand l-istess Alla f’rabta sħiħa ma’ l-Ispirtu s-Santu, hija u taqdih bl-umiltà kollha.

 

U b’dan il-qadi li l-bniedem isir dejjem aktar “it-triq tal-Knisja,”b’mod dejjem ġdid, kif urejt fl-enċiklika dwar Kristu l-Feddej tal-bniedem,[249]u kif qiegħed ngħidu issa f’din l-enċiklika dwar l-Ispirtu s-Santu. Il-Knisja f’rabta sħiħa ma’ l-Ispirtu s-Santu, taf sewwa x’hemm fil-bniedem ta’ ġewwa, taf x’hemm fil-qiegħ tal-bniedem u x’inhu l-essenzjali fih, għax dan hu fir-ruħ u għalhekk ma jarax taħsir. Hu l-Ispirtu li jlaqqam “b’għerq tal-ħajja bla tmiem,”[250] biex minnu tinbet ħajja ġdida, dik il-ħajja li biha l-bniedem jgħix f’Alla u li, bħala frott tal-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla għas-salvazzjoni fl-Ispirtu s-Santu, tista’ tiġi ‘l quddiem u tisaħħaħ biss bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Din hi r-raġuni għaliex l-Appostlu jitlob ‘l Alla għal dawk li jemmnu meta jgħid: “Jiena ninżel għarkobbtejja quddiem il-Missier,... biex... jagħtikom li permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa.”[251]

 

Imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, il-bniedem ta’ ġewwa, il-bniedem “spiritwali” jasal għall-kobor sħiħ tiegħu u jissaħħaħ. Bl-għoti ta’ Alla nnifsu l-ispirtu tal-bniedem, li “jagħraf dak li hemm moħbi fil-bniedem”, jingħaqad ma’ l-Ispirtu s-Santu li “jgħarbel sa fil-qiegħ ta’ tAlla”.[252] F’dan l-Ispirtu, li hu don ta’ dejjem, Alla wieħed fi Tliet Persuni jiftaħ lilu nnifsu għall-bniedem, għall-ispirtu tal-bniedem. It-tnebbih moħbi tal-Ispirtu ta’ Alla jagħmel li l-ispirtu tal-bniedem min-naħa tiegħu, jinfetaħ ukoll għal Alla, li bil-ftuħ tiegħu jrid isalva u jqaddes lill-bniedem. Bid-don tal-grazzja, li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jibda jgħix “ħajja ġdida”, jikseb dik il-kondizzjoni sopranaturali vera tal-istess ħajja ta’ Alla, u jsir “għamara ta’ l-Ispirtu s-Santu,” “tempju ta’ Alla ħaj.”[253]  Bl-Ispirtu s-Santu, il-Missier u l-Iben jiġu għand il-bnedmin u jgħammru għandu.[254] Fix-xirka tal-grazzja mat-Trinità qaddisa, jitwessa’ l-qasam tal-ħajja tal-bniedem, li jiġi mgħolli għall-istat sopranaturali tal-ħajja ta’ Alla. Il-bniedem jgħix f’Alla u b’Alla: igħix  “skond l-ispirtu” u “jaħseb f’dak li hu ta’ l-Ispirtu.” 

 

59.Ir-rabta sħiħa tal-bniedem ma’ Alla fl-Ispirtu jwassal il-bniedem biex jagħraf lilu nnifsu u n-natura tiegħu b’mod ġdid. B’hekk is-sura u x-xbieha ta’ Alla, li kellu l-bniedem sa mill-bidu, tilħaq il-milja tagħha.[255] Din il-verità intima tiegħu, il-bniedem irid jasal biex jintebaħ biha kontinwament fid-dawl jiddi ta’ Kristu, li hu l-ewwel u l-aqwa eżempju tar-rabta ma’ Alla: fi Kristu l-bniedem għandu  jsib ukoll ir-raġuni “għaliex għandu jgħati lilu nnifsu kollu kemm hu, bil-qalb kollha, lill-bnedmin l-oħra,” kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II , u dan minħabba x-xbieha ta’ Alla li għandu, li “turi li l-bniedem fuq l-art huwa biss fost il-ħlejjaq kollha dak li Alla riedu għalih innifsu” fid-dinjità tiegħu bħala persuna, iżda wkoll bħala dak li lest jidħol u jkun xirka ma’ l-oħrajn.[256]

 

L-għarfien sħiħ u effettiv  ta’ din il-verità dwar l-esistenza tal-bniedem tiġi biss bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Il-bniedem tgħallem din il-verità mingħand Ġesù Kristu u jwassalha biex isseħħ f’ ħajtu bl-Ispirtu, li Kristu stess tana.

 

Minn din it-triq ― triq li twassal għall-kobor sħiħ fir-ruħ, kobor li  jġieb miegħu wkoll l-għarfien sħiħ ta’ x’inhi verament in-natura  tal-bniedem ― Alla dejjem aktar jersaq qrib il-bniedem u minn jum għall-ieħor jidħol dejjem aktar ġewwa f’dak kollu li hu il-bniedem. Alla, wieħed fit-Tliet Persuni, li hu fih innifsu r-realtà tal-għoti tat-Tliet Persuni lil xulxin,verità li l-moħħ tal-bniedem qatt ma jasal biex jifhem, huwa u jagħti lilu nnifsu lill-bniedem fl-Ispirtu s-Santu bħala don, ibiddel minn ġewwa dak kollu li hu l-bniedem fih innifsu, jiġifieri l-qalb u l-kuxjenza tal-bniedem. B’dan il-mod id-dinja, imsejħa biex ikollha wkoll sehem min dan id-don ta’ Alla, “issir dejjem aktar tixraq lill-bniedem, issir kollha kemm hi tixraq lill-bniedem”, kif għallem il-Konċilju,[257] waqt li fiha, permezz tal-qlub u l-kuxjenzi tal-bnedmin, is-Saltna ta’ Alla tilħaq il-milja tagħha meta Alla jkun “kollox f’kollox” bħala don u mħabba.[258] Don u mħabba: din hi l-qawwa ta’ dejjem li biha Alla wieħed fit-Tliet Persuni jinfetaħ għall-bniedem u għad-dinja fl-Ispirtu s-Santu.

 

Fid –dawl tat –tielet elf sena mit-twelid ta’ Kristu, irridu niksbu li għadd dejjem akbar ta’ bnedmin “isibu mill-ġdid lilhom infushom,” biex nużaw kliem il-Konċilju. Jalla jseħħ, bil-ħidma tal-Ispirtu Paraklitu, fid-dinja tal-lum, dak il-proċessli jwassal għall-kobor sħiħ tal-bniedem fin-natura tiegħu ta’ bniedem li hu, fil-ħajja kemm tal-individwi u sew tal-komunitajiet : ta’ dan il-kobor Ġesù ssuġġerilna xbieha fl-għaqda tat-Tliet Persuni f’Alla wieħed u fix-xirka ta’ wlied Alla fil-verità u l-imħabba, meta talab lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda... bħalma aħna ħaġa waħda” (Ġw 17,21-22) [259]. Il-Konċilju tenna din il-verità dwar il-bniedem, u l-Knisja tqiesha bħala indikazzjoni tassew qawwija u sħiħa ta’ x’inhi l-missjoni tagħha. Jekk il-bniedem hu  t-triq tal-Knisja, din it-triq tgħaddi min-nofs il misteru kollu ta’ Kristu, li hu eżempju divin għall-bniedem. F’din it-triq, l-Ispirtu s-Santu, f’kull wieħed minna jsaħħaħ “il-bniedem ta’ ġewwa, u jgħamel li l-bniedem “ikun jista’ jsib aħjar lilu nnifsu bl-għoti mill-qalb tiegħu nnifsu bħala don.” Bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li fil-kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes għandna mfissra fil-qasir l-antropoloġija nisranija kollha kemm hi: dik it-teorija u dik il-prattika, mibnija fuq l-Evanġelju, u li biha l-bniedem jifhem li hu ta’ Kristu u li fi Kristu ġie mgħolli għad-dinjità ta’ iben ta’ Alla; hekk jifhem aħjar id-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu, proprju għaliex Alla jersaq lejh u hu jinsab quddiem Alla, u għaliex Alla juri miegħu it-tjieba tiegħu, li fiha tinsab it-tama u l-għerq tal-hena ta’ dejjem. Nistgħu għalhekk intennu”l-bniedem ħaj hu l-glorja ta’ Alla, iżda d-dehra ta’ Alla hi l-ħajja tal-bniedem”: [260] il-bniedem li jgħix il-ħajja ta’ Alla hu l-glorja ta’ Alla; din il-ġrajja u din il-ħajja jqassamhom bil-moħbi l-Ispitu s-Santu, li kif jgħid San Basilju, “hu essenza sempliċi iżda ta’ ħafna setgħat... jitqassam imma ma jitlef xejn minn tiegħu, hu f’kull min jista’ jilqgħu għandu qiesu fih biss, imma jagħti lil kulħadd grazzja sħiħa u biżżejjed.”[261]

 

60.Meta l-bnedmin, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, jaraw id-dimensjoni divina tal-esistenza u tal-ħajja tagħhom, sew bħala ndividwi u sew bħala komunità, imbagħad ikunu jistgħu jeħilsu lilhom infushom minn dawk il-ħafna determiniżmi li ġejjin l-aktar minn sisien materjalistiċi ta’ ħsieb u ta’ mġiba. Fi żmienna dawn il-fatturi rnexxilhom jidħlu fil-fond tal-bniedem, fis-santwarju tal-kuxjenza tiegħu, fejn l-Ispirtu s-Santu bla heda jitfa’ d-dawl tiegħu u l-qawwa ta’ ħajja ġdida “fil-ħelsien ta’ wlied Alla.” F’ din il-ħajja, il-bniedem, fit-tħabrik biex jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu, hu mfixkel mill-pressjoni li jagħmlu fuqu u jikkondizzjonawh l-istrutturi u l-mekkaniżmi li hemm fil-ħajja soċjali. Nistgħu ngħidu li ħafna drabi fatturi soċjali, f’lok  igħinu biex iġibu ‘l quddiem jwessgħu l-ispirtu tal-bniedem, aktar ibegħduh minn dik il-verità tal-bidu tan-natura u tal-ħajja tiegħu ― li fuqha jgħasses l-Ispirtu s-Santu ― biex ikun jista’ jinħakem “mill-prinċep ta’ din id-dinja.”

 

Il-Ġublew kbir tas-sena 2000 se jġib il-ħelsien permezz tal-Ispirtu, li waħdu jistqa’ jgħin sew l-individwi u sew il-komunitajiet biex jeħilsu mid-determiniżni qodma u ġodda tagħhom, u jwassalhom “għal-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu”,[262] b’hekk jintebħu bil-veru ħelsien tal-bniedem u jgħixu fil-milja kollha tiegħu. Għaliex, kif jgħid San Pawl: “fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla hemm il-ħelsien”.[263]  Din ir-rivelazzjoni tal-ħelsien, u għalhekk, tad-dinjità vera tal-bniedem, għandha importanza kbira għall-insara u għall-Knisja fi żmien persekuzzjoni ― kemm jekk tqies il-persekuzzjonijiet tal-imgħoddi , kemm jekk tqies dawk t’issa: għaliex waqt li jagħtu xhieda tal-verità t’Alla bil-ħajja tagħhom stess juru x’inhi l-ħidma tal-Ispirtu tal-verità; li jinsab fil-qalb u fil-kuxjenza ta’ dawk li jemmnu, li spiss bil-martirju tagħhom jagħtu l-għola ġieh lid-dinjità tal-bniedem.

 

L-nsara, fiċ-ċirkostanzi ta’ kuljum tal-ħajja fis-soċjetà  jagħtu xhieda tad-dinjità vera tal-bniedem, huma u jobdu l-Ispirtu s-Santu u jagħtu sehemhom għat tiġdid sħiħ tal-wiċċ ta’ l-art, huma u jissieħbu ma’ ħuthom il-bnedmin l-oħra biex jiksbu kull ma hu tajjeb, għoli u sabiħ fil-progress taċ-ċiviltà tal-lum, fil-kultura, fix-xjenzi, fit-teknoloġija u fl-oqsma l-oħra kollha tad-dehen u tal-ħidma tal-bniedem u jagħtuh  is-siwi sħiħ tiegħu.[264] Dan jagħmluh bħala dixxipli tal-Mulej li, kif naqraw fil-Konċilju, “ magħmul Mulej bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, bis-setgħa tal-Ispirtu tiegħu, jaħdem fi qlub il-bnedmin u mhux biss iqajjem fihom  ix-xewqa taż-żmien li għad irid jiġi, imma, b’din ix-xewqa stess, jagħti l-ħajja, isaffi u jsaħħaħ dawk il-fehmiet, ħerġin mill-qalb, li bihom il-familja kollha tal-bnedmin tfittex li tagħmel il-ħajja aktar tixraq lill-bniedem, u b’dan il-għan taħkem l-art kollha.”[265] B’dan il-mod  id-dixxipli tal-Mulej dejjem aktar uaktar juru l-kobor tal-bniedem, maħluq fis-sura u x-xbieha ta’ Alla, kobor li hu wkoll imdawwal mill-misteru ta’ l-inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla, li “fil-milja taż-żminijiet”, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu daħal fil-ġrajja tal-bniedem u deher fostna bħala bniedem u deher fostna bħala bniedem veru; dak li hu l-kbir fost il-ħlejjaq kollha li “permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu.”[266]

 

5.Il-Knisja sagrament tal-għaqda sħiħa ma’ Alla

 

61.Issa li qed toqrob għat-tmiem tagħha t-tieni elf sena wara Kristu, din għandha tfakkar lill-kulħadd il-miġja tal-Verb ta’ Alla fil-milja taż-żminijiet u għandha ġġeddidha; il-Knisja għalhekk trid taħseb biex terġa tqies fil-fond u taħseb sewwa x’inhi fiha nnfisha  fil-kostiuzzjoni tagħha divino-umana, u x’inhi dik il-missjoni li biha tissieħeb fil-missjoni messjanika ta’ Kristu, skond t-tagħlim u skond il-pjan dejjem jiswa tal-Konċilju Vatikan II.. Jekk nimxu minn din it-triq, nistgħu mmorru lura lejn iċ-ċenaklu, fejn Kristu wera l-Ispirtu s-Santu bħala Difensur u Spirtu tal-verità u tkellem dwar it-“tluq” tiegħu permezz tas-Salib, bħala kondizzjoni meħtieġa għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu:”Jaqblilkom li jiena mmur,għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom.” [267]Rajna ġà li din it-tħabira seħħet dik il-lejla stess ta’ l-Għid, imbagħad nhar iċ-ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin f’ Ġerusalemm; minn dak in-nhar baqgħet isseħħ fil-ġrajja tal-familji kollha tal-bnedmin bil-misteru tal-Knisja

 

Fid-dawl ta’ din it-tħabira, nistgħu naraw ukoll it-tisfir sħiħ ta’ dak li Ġesù  qal fl-Aħħar Ikla dwar “il-miġja” tiegħu mill-ġdid. Ifisser ħafna li Ġesù fl-aħħar tislima tiegħu lill-Appostli, ma ħabbarx biss it-“tluq” tiegħu, imma ħabbar ukoll li “kellu jerġa jiġi”. Qal: “Ma nħallikomx iltiema, nerġa niġi għandkom.”[268] U fl-aħħar mument tat-tluq tiegħu, qabel tela’ s-sema, tkellem b’mod aktar ċar: “Ara jiena magħkom dejjem sa l-aħħar taż-żmien.”[269]

 

Din il-“miġja” ġdida ta’ Kristu, din il-miġja tiegħu dejjem sejra, biex ikun  mal-Appostli u mal-Knisja, din li “jiena magħkom dejjem sa l-aħħar taż-żmien,” ma tbiddel xejn mit-“tluq” tiegħu. Din il-miġja ta’ Kristu, tiġi wara t-tluq tiegħu meta temm il-missjoni messjanika tiegħu fuq l-art, u sseħħ fi ħdan it-tħabbira tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu, u għalhekk b’xi mod,  hi parti mill-Ispirtu s-Santu. Iżda sseħħ bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jagħmel li Kristu, li telaq, issa wkoll u dejjem, jerġa’ jiġi b’mod ġdid. Din il-miġja ġdida ta’ Kristu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u l-presenza u l-ħidma tiegħu li ma jonqsu qatt fil-ħajja spiritwali tal-bniedem, iseħħu fir-“realtà” tas-sagramenti, fejn Kristu, li ġà telaq fis-sura tiegħu ta’ bniedem li jidher, jerġa’ jiġi, u jinsab u jaħdem fil-knisja b’mod hekk sħiħ li jagħmel il-Knisja l-ġisem tiegħu. U l-Knisja tgħix, taħdem u tikber sa l-aħħar taż-żmien bħala l-Ġisem ta’ Kristu. U dan kollu jseħħ bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

 

62.L-espressjoni sagramentali l-aktar sħiħa tat-“tluq” ta’ Kristu permezz tal-misteru tas-Salib u tal-qawmien mill-imwiet hi l-Ewkaristija: fiha tiġġedded sagramentalment u l-miġja ta’ Kristu u l-presenza tiegħu għas-salvazzjoni: fis-sagrifiċċju u t-tqarbin. U dan bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu bħala parti mill-missjoni tiegħu.[270]  Bl-Ewkaristija l-Ispirtu s-Santu jsaħħaħ “il-bniedem ta’ ġewwa”, kif naqraw fl-Ittra lill-Efesin.[271] Bl-Ewkaristija sew l-individwi u sew il-komunitajiet, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, jagħarfu s-sens divin tal-ħajja tal-bniedem, kif-ifissru l-Konċilju, dak is-sens li bih Kristu “juri b’mod sħiħ lill-bniedem il-bniedem innifsu,” billi jagħtih x’jifhem” li hemm xi xebh bejn l-għaqda tat-Tliet Persuni fin-natura waħda ta’ Alla, u l-għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u l-imħabba.”[272] Din l-għaqda tidher u sseħħ l-aktar bl-Ewkaristija, li biha l-bniedem huwa u jissieħeb fis-sagrifiċċju ta’ Kristu li jiġġedded fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, jitgħallem ukoll “isib lilu nnifsu... billi jagħti mill-qalb lilu nnifsu”,[273] fix-xirka tiegħu ma’ Alla u mal-bqija tal-bnedmin ħutu.

 

Minħabba dan l-ewwel insara, sa mill-ewwel jiem li fuqhom niżel l-Ispirtu s-Santu,”kienu jżommu sħiħ... fil-qsim tal-ħobż u t-talb”, u hekk waqqfu komunità, magħquda ħaġa waħda bit-tagħlim tal-Appostli.[274] Hekk “kienu jagħarfu” li l-Mulej, li kien qam mill-imwiet u tela’ s-sema, kien mill-ġdid jinsab fosthom fl-Ewkaristija, jiġifieri fix-xirka tal-Knisja u bix-xirka tal-Knisja. Immexija mill-Ispirtu s-Santu, il-Knisja, sa mill-bidu uriet u wettqet lilha nfisha permezz tal-Ewkaristija. U hekk sar dejjem tul iż-żminijiet insara, sa żmienna, sa dan it-tmiem tat-tieni elf sena wara Kristu. Iżda, rridu nammettu li dawn l-elf sena li wasslu biex igħaddu, kienu żmien ta’ ħafna firdiet fost l-insara. Għalhekk jeħtieġ li dawk kollha li jemmnu fi Kristu, huma hu jimxu fuq il-passi ta’ l-Appostli, iħabirku, bil-ħeġġa kollha, biex il-ħsibijiet u l-ħidmiet kollha tagħhom ikunu jaqblu mar-rieda tal-Ispirtu s-Santu, li “minnu tiġi l-għaqda fil-Knisja,”[275] biex dawk  kollha li ġew mgħammdin fi  Spirtu wieħed ħa jkunu ġisem wieħed, jagħarfu li huma lkoll aħwa biċ-ċelebrazzjoni tal-istess Ewkaristija, li hija “sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda, u rabta ta’ mħabba.”[276]

 

63.Il-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija ― il-“jiena magħkom” sagramentali ­ iwassal lill-Knisja biex tagħraf dejjem, u dejjem aktar fil-fond, il-misteru tagħna stess, kif jixhed it-tagħlim kollu tal-Konċilju dwar il-Knisja. Il-Konċilju jgħid li l-Knisja “hi strument għall-għaqda sħiħa ma’ Alla tal-ġens kollu tal-bnedmin.[277] Bħala sagrament, il-Knisja ħarġet mill-misteru tat-“tluq” ta’ Kristu fil-Għid, u dejjem tgħix bil-“miġja” ġdida tiegħu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, fi ħdan l-istess missjoni tal-Ispirtu-Paraklitu, tal-Ispirtu tal-verità. Dan huwa l-qofol tal-misteru tal-Knisja kif igħallem il-Konċilju.

 

Jekk Alla, għax ħalaq kollox, hu Dak li fih aħna lkoll “ngħix u, nitħarrku u aħna,” [278]il-qawwa tal-fidwa tibqa’ u tibqa’ tikber fil-ġrajja tal-bniedem u tad-dinja, qisha f’żewġt suriet ta’ “ritmu” li għandu l-bidu tiegħu mill-Missier etern. Min-naħa għandna r-“ritmu”  tal-miġja tal-Iben ta’ Alla, li ġie fid-dinja u twieled minn Marija Verġni bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu; min-naħa l-oħra hemm ir-“ritmu” tal-missjoni tal-Ispirtu s-Santu, kif, darba għal dejjem, irrivelahielna Kristu. Bit-“tluq” tal-Iben , l-Ispirtu s-Santu ġie darba u għadu dejjem jiġi bħala Spirtu ta’ faraġ u Spirtu ta’ verità. Fi ħdan il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, qiesu fil-milja tal-presenza tiegħu li ma tidhirx, l-Iben, li “telaq” permezz tal-misteru ta’ l-Għid, “jiġi” u huwa dejjem preżenti fil-misteru tal-Knisja, xi kull tant moħbi, xi kull tant jidher, fil-ġrajja tagħha, imma dejjem imexxi l-passi tagħha. Dan kollu jseħħ, b’mod sagramentali, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jieħu mit-teżori tal-fidwa ta’ Kristu biex bla heda jagħti l-ħajja. Il-Knisja imbagħad, aktar u aktar ma tagħraf dan il-misteru, tagħraf aktar fil-fond lilha nfisha u l-aktar bħala sagrament.

Dan jiġri wkoll għaliex il-Knisja, skond ir-rieda tal-Mulej, taqdi l-missjoni tagħha għas-salvazzjoni tal-bniedem permezz tas-sagrament. Dan il-ministeru sagramentali, kull meta jsir, iġib miegħu il-misteru tat-“tluq” ta’ Kristu permezz tas-Salib u l-qawmien mill-imwiet, bil-qawwa li tiġi mill-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jiġi jagħmel il-ħidma tiegħu: “jagħti l-ħajja”. Dan għaliex is-sagramenti jfissru l-grazzja u jagħtuha ifissru l-ħajja u jagħtuha. Il-Knisja hija l-ministru li jidher ta’ dawn is-sinjali mqadsa, iżda huwa l-Ispirtu s-Santu li, b’mod li ma jidhirx, jagħti l-ħajja li hi mfissra mis-sagramenti. U flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu hemm ukoll Ġesù Kristu bil-ħidma tiegħu.

 

64.Jekk il-Knisja hi s-sagrament tal-għaqda sħiħa ma’ Alla, hi dan fi Kristu Ġesù, li fih din l-għaqda sseħħ fil-milja tagħha bħala verità ta’ salvazzjoni. Hi dan f’Ġesù Kristu bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. Il-milja tal-verità tas-salvazzjoni, li hu Kristu fil-ġrajja tad-dinja, tinxtered permezz tas-sagramenti bil-qawwa ta’ l-Ispirtu Paraklitu. Għal din il-raġuni l-Ispirtu s-Santu hu “Difensur ieħor,” jiġifieri Spirtu ieħor ta’ faraġ, li bil-ħidma tiegħu, l-Bxara t-tajba tidħol fil-kuxjenza u l-qlub tal-bnedmin u tinxtered fil-ġrajja tad-dinja. Fdan kollu hu l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja.

 

Meta nużaw il-kelma “sagrament,” aħna u nitkellmu dwar il-Knisja, irridu niftakru li fid-dokumenti tal-Konċilju s-sagramentalità tal-Knisja tingħażel mis-sagramentalità, fit-tifsir dejjaq tagħha, li hu proprja tas-Sagramenti. Naqraw fid-dokumenti tal-Konċilju li “l-Knisja hi qiesha sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda sħiħa ma’ Alla.” Iżda dak li hu importanti u dak li joħroġ mit-tifsir mogħti (b’mod analoġiku) lill-kelma “sagrament”, f’dawn żewġ każi  li l-Konċilju juża l-kelma “sagrament,” hu r-relazzjoni  li hemm bejn il-Knisja u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li waħdu jagħti l-ħajja: il-Knisja hija s-sinjal u l-istrument tal-presenza u tal-ħidma tal-Ispirtu li jgħati l-ħajja.

 

Il-Konċilju Vatkan II iżid igħid li l-Knisja “hi sagrament… tal-għaqda tal-ġens kollu tal-bnedmin.” Jidher ċar li hawn il-Konċilju qed jitkellem dwar dik il-għaqda li biha l-bnedmin kollha, bil-ħafna differenzi li hemm bejniethom, għandhom minn Alla u f’Alla, għaqda li għandha s-sisien tagħha fil-misteru tal-ħolqien, u ħadet dimensjoni ġdida fil-misteru tal-fidwa, li hi għall-bnedmin kollha. Għaliex “Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħarfu l-verità”,[279] il-fidwa tħaddan il-bnedmin kollha, anzi b’xi mod, il-ħolqien kollu. F’din l-istess dimensjoni universali, l-Ispirtu s-Santu jagħmel il-ħidma tiegħu, bil-qawwa tat-“tluq” ta’ Kristu. Għalhekk il-Knisja, li bil-misteru tagħha stess għandha l-għeruq fil-pjan tas-salvazzjoni tat-Trinità qaddisa, bir-raġun kollu, tqies lilha nfisha bħala “s-sagrament tal-għaqda tar-razza kollha tal-bnedmin.” Hi taf li hija dan bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u ta’ din il-qawwa hi s-sinjal u l-istrument ħa jseħħ il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni.

 

B’dan il-mod isseħħ it-tjieba u l-imħabba bla qies tat-Trinità: Alla, li hu Spirtu u ma jidhirx, jersaq qrib id-dinja li naraw. Alla wieħed fi Tliet Persuni, sa mill-bidu ta’ kollox, jagħti lilu nnifsu lill-bniedem fl-Ispirtu s-Santu,”bis-sura u x-xbieha tiegħu.” Bill-ħidma ta’ l-istess Spirtu s-Santu, il-bniedem, u, permezz tiegħu, id-dinja maħluqa, mifdija minn Kristu, jilħqu d-destin ta’ l-aħħar tagħhom f’Alla. Il-Knisja hija “s-sagrament”, jiġifieri s-sinjal u l-isturment ta’ meta ltaqgħu flimkien iż-żewġ “punti”, biex insejħulhom hekk, tal-ħolqien u tal-fidwa Alla u l-bniedem. Il-Knisja tħabrek biex iġġedded u ssaħħaħ din l-għaqda, fl-istess għeruq tal-ġens tal- bnedmin, billi tqies ir-relazzjoni li għandu l-bniedem ma’ Alla bħala dak li ħalqu, bħala Sidu u bħala Feddej tiegħu. Din hi verità li,  immexxijien mill-Konċilju , nistgħu nimmeditaw fuqha, infissruha  u napplikawha fit-tifsir kollu tagħha, f’dan iż-żmien li fih se ngħaddu mit-tieni elf sena għat-tielet elf sena wara Kristu. Nieħdu pjaċir naraw li qegħdin  inħossu b’mod aktar ħaj li, fi ħdan il-ħidma tal-Knisja fil-ġrajja tas-salvazzjoni li hi parti mill-ġrajja kollha tal-bniedem, hemm l-Ispirtu s-Santu bil-ħidma tiegħu: dak  li jimla bin-nifs tal-ħajja  ta’ Alla l-mixi tal-bniedem fuq l-art u jwassal li  l-ħlejjaq kollha ― il-ġrajja kollha tad-dinja ― għall-għan tagħhom ta’ l-aħħar, ħa jidħlu fil-baħar bla qjies ta’ Alla.

 

6.L-ispirtu u l-Għarusa igħidu: “Ejja!”

 

65.Dan in-nifs tal-ħajja ta’ Alla, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu, b’mod l-aktar sempliċi u l-aktar komuni, jidher u jinħass fit-talb.

 

Hi ħaġa sabiħa u ta’ ġid għas-salvazzjoni, taħseb li, kull fejn fid-dinja hemm it-talb, hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu, bħala nifs  ħaj ta’ tjieba; hi wkoll ħaġa sabiħa u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna tagħraf li jekk isir talb kullimkien, fl-imgħoddi, issa u fil-ġejjieni, daqshekk ieħor hi mxerrda l-presenza u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li “jnebbaħ” it-talb fil-qalb tal-bniedem, fiċ-ċirkostanzi u l-qagħdiet kollha tal-ħajja, xi kull tant  ta’ ġid u xi kull tant ta’ deni għall-ħajja spiritwali u reliġjuża. Spiss, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, mill-fond tal-qalb tal-bniedem joħroġ it-talb, minkejja l-projbizzjonijiet u l-persekuzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet uffiċjali dwar il-karatru mhux reliġjuż jew ateju tal-ħajja publika. It-talb jibqa’ dejjem leħen dawk, li jidhru li ma għandhomx leħen ― f’dan il-leħen hemm dejjem l-eku ta’ dak il-“leħen għoli” li l-Ittra lil-Lhud tgħid kien ta’ Kristu.[280] It-talb juri wkoll il-qiegħ ta’ dik li hi l-qalb tal-bniedem: dan il-qiegħ li ġej minn Alla, Alla biss jista’ jimlieh, proprju bl-Ispirtu s-Santu! Naqraw fl-Evaġelju ta’ San Luqa: “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil-uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier tas-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu”.[281]

 

L-Ispirtu s-Santu hu dan id-don, li flimkien mat-talb jidħol fit-qalb tal-bniedem. Fit-talb l-Ispirtu s-Santu jidher qabel kollox u fuq kollox bħala dak li “jghinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna”. Dan il-ħsieb hekk għoli żviluppah San Pawl fl-Ittra lill-Rumani, meta kiteb: “Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bi kliem.”[282] Mela l-Ispirtu s-Santu mhux biss jagħtina l-ħila li nitolbu, imma fit-talb tagħna jmexxina “minn ġewwa”, u jagħmel tajjeb għall-faqar tagħna, u jfejjaq in-nuqqas tagħna fit-talb: hu jinsab fit-talb tagħna u jagħtih dimensjoni divina.[283]  Alla li bil-ħarsa tiegħu jinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa ta’ l-ispirtu u bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla”.[284] Mela t-talba magħmula bl-Ispirtu s-Santu ssir l-espressjoni dejjem aktar sħiħa tal-bniedem il-ġdid, li biha għandu sehem fil-ħajja ta’ Alla.

 

Iż-żmien iebes tal-lum jeħtieġlu t-talb b’mod speċjali. Jekk tul il-ġrajja kollha tal-bniedem ― il-bieraħ u il-lum ― tant irġiel u nisa taw xhieda tal-importanza tat-talb, huma u jikkonsagraw ħajjithom għat-tifħir ta’ Alla u għall-ħajja ta’ talb, l-aktar fil-monasteri, b’ġid kbir għall-Knisja, f’dawn l-aħħar snin qiegħed kuljum jiżdied l-għadd ta’ dawk li, li f’moviment u gruppi dejjem aktar jikbru qegħdin jagħtu l-aqwa importanza tat-talb, huma u jistennew mit-talb it-tiġdid tal-ħajja tar-ruħ. Dan hu sinjal ta’ faraġ kbir u li jfisser ħafna għaliex din l-esperjenza hi ta’ vera għajnuna għat-tiġdid tat-tjieba tal-insara, li fiha sabu għajnuna biex jgħarfu aħjar l-Ispirtu s-Santu bħala dak li jqajjem fi qlubhom xewqa kbira li jiksbu l-qdusija.

 

Ħafna individwi u ħafna komunitajiet qegħdin dejjem aktar jintebħu b’dan: għalkemm il-bniedem mexa ħafna l-quddiem fil-kultura teknika u xjentifika, u kiseb ħafna ħwejjeġ sbieħ u tal-għaġeb, u laħaq ħafna għanjiet tiegħu, b’dan kollu l-bniedem hu mhedded b’biża’ kbir bħalma hija mhedda l-familja kollha tal-bnedmin. Quddiem dan il-perikolu, waqt li qegħdin ukoll jaraw kif sejra lura b’mod tal-biża’, il-ħajja spiritwali tal-bniedem, ħafna individwi u komunitajiet sħaħ, qishom imqanqlin mis-sens ta’ fidi li hemm ġewwa fihom, qegħdin ifittxu s-saħħa biex jerfgħu mill-ġdid il-bniedem, biex isalvawh minnu nnifsu, u mill-iżbalji u t-taħwid kollu tiegħu li spiss jaslu jbiddlu l-istess rebħiet tal-bniedem fi ħsara għalih. B’hekk qegħdin isibu t-talb, li fih l-Ispirtu “jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.” Iż-żmienijiet li fihom qegħdin ngħixu, għalhekk, qegħdin iwasslu l-Ispirtu s-Santu lil ħafna nies li bdew jitolbu mill-ġdid. Nittamaw li dawn kollha, f’din l-enċiklika, isibu l-ikel meħtieġ biex, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, ikunu jistgħu jsostnu u jsaħħu l-ħajja tar-ruħ tagħom, bl-impenn tagħhom fit-talb skond it-tagħlim tal-Knisja u tal Maġisteru.

 

66.Fost tant diffikultajiet, qtigħ il-qalb u tamiet, taż-żmien tal-lum, waqt li xi wħud qed jitilqu l-Knisja u oħrajn jerġgħu lura lejha, hi tibqa’ żżomm sħiħ fil-fedeltà tagħha lejn il-misteru tal-bidu tagħha. Jekk hu veru li l-Knisja ħarġet miċ-Ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin, b’xi mod nistgħu ngħidu li qatt ma telqet minnu, miċ-Ċenaklu. Għalhekk, jekk inħarsu lejn il-ħaġa bi spirtu ta’ tjieba u devozzjoni, nistgħu ngħidu li l-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin m’hijiex biss ġrajja tal-imgħoddi: il-Knisja hi dejjem ġewwa iċ-Ċenaklu, li tgħożż f’qalbha. Il-Knisja titlob, kif kienu jgħamlu l-Appostli flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù u ma’ dawk kollha li f’Ġerusalemm taw bidu għall-ewwel komunità nisranija, huma u jitolbu, jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Knisja titlob ma’ Marija. Din ir-rabta fit-talb tal-Knisja  ma’ Omm Kristu hi parti mill-misteru tal-Knisja sa mill-bidu: lil Marija narawha f’dan il-misteru tal-Knisja, kif narawha wkoll fil-misteru ta’ Binha. Dan il-Konċilju rah meta qal: “Il-Verġni Marija... taħt id-dell tal-Ispirtu s-Santu wildet Iben, li Alla għamlu l-kbir fost ħafna aħwa (ara Rum 8,20), jiġifieri fost il-fidili li għat-twelid ġdid tagħhom u għall-formazzjoni tagħhom hi tagħti sehemha b’imħabba ta’ Omm”; barra dan, “bil-grazzji speċjali u d-dmirijiet tagħha hi marbuta b’mod tal-għaġeb mal-Knisja... hi x-xbieha tal-Knisja”.[285] “Il-Knisja mbagħad, hija u tikkontempla l-qdusija misterjuża tagħha u tfittex li tkun bħala fl-imħabba... issir hi wkoll Omm” u “hija u tfittex li tkun bħal Omm Sidha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tħares b’ safa ta’ verġni fidi sħiħa, tama qawwija, u mħabba siċiera”; “hi wkoll”, (il-Knisja, għax il-Knisja hi wkoll verġni) “tħares sħiħa u safja l-kelma li tat lill-Għarus tagħha.”[286]

 

Hekk nistgħu nifhmu għal-liema raġuni għolja l-Knisja, f’rabta sħiħa ma’ l-Omm Verġni, bla heda titkellem bħala Għarusa ma’ l-għarus tagħha, kif jixhdilna l-kliem tal-Apokalissi li jsemmi l-Konċilju: “ L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: ‘Ejja!’ “[287] It-talba tal-Knisja hi dejjem din l-invokazzjoni li biha l-Ispirtu jitlob għalina u b’xi mod itenni din it-talba mal-Knisja u fil-Knisja. L-Ispirtu jingħata għalhekk lill-Knisja biex, bil-qawwa tiegħu il-komunità kollha tal-Knisja, għalkemm mxerrda ma’ kullimkien u magħmula minn kull xorta ta’ nies, tibqa’ sħiħa fit-tama, f’dik it-tama li biha aħna salvi.[288] Din hi t-tama eskatoloġika, it-tama li nilħqu l-perfezzjoni sħiħa tagħna f’Alla, it-tama tas-saltna ta’ dejjem, li tilħaq it-tmiem tagħha fit-tisħib fil-ħajja tat-Trinità qaddisa. L-Ispirtu s-Santu li ngħata lill-Appostli bħala Difensur, iħares u jqawwi din it-tama fil-qalb tal-Knisja.

 

F’dan iż-zmien li qiegħed joqrob lejn it-tielet elf sena wara t-twelid ta’ Kristu, waqt li l-Ispirtu u l-għarusa jgħidu ‘Ejja!’, din it-talba tagħhom, kif dejjem kellha, għad għandha qawwa eskatoloġika, qawwa li trid tagħti wkoll tifsir sħiħ  liċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-kbir. Din it-talba hi dwar ġrajjiet ta’ salvazzjoni fil-ġejjieni, ġrajjiet li għalihom, bil-ħidma tiegħu, l-Ispirtu s-Santu jiftaħ qlub il-bnedmin tul iż-żmien kollu tal-ġrajja tal-bniedem fuq l-art. Fl-istess ħin, din it-talba hi wkoll dwar mument partikulari tal-ġrajja tal-bniedem, li jqiegħed f’dawl ġdid “il-milja taż-żminijiet”, il-mument tal-2000 sena wara Kristu. Għal dan il-Ġublew il-Knisja tixtieq thejji ruħha fl-Ispirtu s-Santu, kif thejjiet mill-Ispirtu s-Santu l-Verġni ta’ Nazaret, li fiha l-Verb sar bniedem.

 

 

 

 


 

 

EGĦLUQ

 

 

67.Nixtieq issa ntemm dawn il-ħsibijiet fil-qalb tal-Knisja u tal-bniedem. It-triq tal-Knisja tgħaddi mill-qalb tal-bniedem, għaliex f’dan il-post moħbi ssir il-laqgħa għas-salvazzjoni ma’ l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri ma’ Alla moħbi, u f’dan il-post ukoll l-Ispirtu s-Santu jsir “ghajn ta’ ilma li jwassal sal- ħajja ta’ dejjem.”[289] Hawn jiġi bħala Spirtu tal-verità u bħala Difensur skond il-wegħda ta’ Kristu. Hawn jiġi bħala Spirtu li jfarraġ, bħala Spirtu li jidħol għalina, bħala Avukat, biex jgħamel il-ħidma tiegħu ―  l-aktar mal-bniedem u mal-familja kollha tal-bnedmin, meta jsibu ruħhom taħt ġudizzju ta’ kundanna minn dak li jixlihom, li  dwaru jitkellem l-Appokalissi: “dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla”.[290]  L-Ispirtu s-Santu ma jieqaf qatt iħares t-tama f’qalb il-bniedem, dik it-tama li hi tal-bnedmin kollha u l-aktar ta’ dawk li għandhom l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu u “qegħdin jistennew il-fidwa ta’ ġisimhom.”[291]

 

L-Ispirtu s-Santu, li fir-rabta misterjuża tiegħu bħala Alla mal-Feddej tal-bniedem, jara li l-ħidma tiegħu qatt ma tiġi nieqsa: jieħu mingħand Kristu u jagħtih lil-kulħadd, u kontinwament jidħol fil-ġrajja tad-dinja permezz tal-qalb tal-bniedem. Fil-ġrajja tal-bniedem ― kif tgħid is-Sekwenza ta’ nhar Għid il-Ħamsin ― hu “missier il-foqra”, hu “dak li jġib id-doni miegħi,” hu “dawl li jagħni qlub l-ulied”; “fih kull hena x’ħin ikun magħna”: hekk bla heda ssellimlu l-Knisja fuq l-għatba tas-santwarju ta’ ġewwa nett ta’ kull bniedem. Hu jġib “serħ” u “ħarsien”  fost it-taħbit li fih isib  ruħu l-bniedem huwa u jaħdem b’idu u b’moħħu; jgħati “mistrieħ” u “kenn” waqt is-sħana tal-jum, waqt il-qtigħ il-qalb, l-inkwiet u l-perikoli ta’ kull żmien; jagħti fl-aħħarnett il-“faraġ” meta l-bniedem isib ruħu mġarrab min-niket u l-qtigħ il-qalb.

 

Għalhekk fl-istess Sekwenza jingħad: “Mingħajr dawlek li jmexxina,ebda ħajr ma jkun hemm jiena, ebda safa fl-għemil.” Għaliex l-Ispirtu s-Santu biss “jista’ juri li hemm żball dwar id-dnub” jiġifieri dwar id-deni, iġedded kull ma hu tajjeb fil-bniedem u f’dak kollu li hu tal-bniedem, biex”iġedded il-wiċċ ta’ l-art.” Hu għalhekk inaddaf kull fejn hemm “it-tbajja”, kull ma jnigges lill-bniedem; ifejjaq il-ġerhat kbar tal-ħajja tal-bniedem; ineħħi n-nixfa tar-ruħ u jbiddilha biex tagħti  kotra ta’ frott ta’ grazzja u ta’ qdusija. “Irattab fejn hemm l-ebusija, jagħti lill-berdin bżulija,” “jgħin” fit-triq tas-salvazzjoni “lil min hu beżgħan.”[292]

 

Hija u titlob b’dan il-mod il-Knisja, ixxandar bla heda l-fidi tagħha li f’din id-dinja maħluqa jinsab l-Ispirtu li huwa don mhux maħluq: hu l-Ispirtu tal-Missier u ta’ l-Iben; bħalhom  hu mhux maħluq, ta’ kobor bla qjies, għal dejjem, jista’ kollox, Alla, Mulej.[293] Dan l-Ispirtu ta’ Alla “jimla l-art”; kull ħaġa maħluqa fih issib l-identità tagħha, issib ukoll l-esprssjoni “traxendenti” tagħha; kull ħaġa maħluqa lejh iddur, lilu tistenna, miegħu titkellem b’dak kollu li hi; lejh, bħala Difensur u Spirtu ta’ verità u mħabba, iħares il-bniedem, għax il-bniedem jgħix bil-verità u l-imħabba, u mingħajr verità u mħabba ma jistax jgħix. Lejh iddur il-Knisja, li hi l-qalb tal-familja kollha tal-bnedmin, biex titolbu d-doni tiegħu għall-kulħadd u  biex tqassam lil kulħadd dawk id-doni tal-imħabba li permezz tiegħu “tissawwab fi qlubnqa”.[294] Lejh iddur il-Knisja fil-mixi tal-bniedem mill-mogħdijiet imwiegħra tad-dinja: u titolbu, u titolbu bla ma qatt taqta’, li l-egħmejjel kollha tal-bnedmin ikunu dejjem tajba bil-ħidma tiegħu; titolbu hena u faraġ, li hu biss, veru Spirtu ta’ faraġ, jista’ jagħti huwa u jissawwab fil-fond tal-qlub tal-bnedmin;[295] titolbu l-grazzja tal-virtujiet li jistħoqqilhom il-glorja tas-sema; titolbu s-salvazzjoni ta’ dejjem, fil-għoti sħiħ tal-ħajja ta’ Alla, il-ħajja ta’ dejjem li għaliha sa minn dejjem il-Missier ried li jkun “predestinati” l-bnedmin, maħluqin b’imħabba fis-sura u x-xbieha tat-Trinità qaddisa. 

 

Il-Knisja bil-qalb kollha tagħha, li fiha tħaddan il-qlub kollha tal-bnedmin, titlob mill-Ispirtu s-Santu dak il-hena li jista’ jseħħ biss f’Alla: il-ferħ”li ħadd ma jista’ jeħodulna”.:[296] dak il-ferħ li hu frott l-imħabba u għalhekk ġej minn Alla li hu Mħabba; titolbu “ġustizzja, sliem u grazzja fl-Ispirtu s-Santu, li jagħmlu, skond San Pawl “is-saltna ta’ Alla.”[297]

 

Is-sliem ukoll hu frott l-imħabba: dik il-paċi fil-qalb li l-bniedem għajjien ifittex fil-fond tiegħu nnifsu; dak is-sliem meħtieġ min-natura tal-bniedem, mill-familja kollha tal-bnedmin, mill-popli, minn-nazzjonijiet, mill-kontinenti li jistennew, b’tama ħerqana, li jiksbu f’dan iż-żmien li ġej bejn it-tieni u t-tielet elf sena wara Kristu.  It-triq tas-sliem fl-aħħar mill-aħħar, tgħaddi mill-imħabba u tfittex li toħloq iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, għalhekk il-Knisja tħares lejn dak li hu l-imħabba tal-Missier u ta’ l-Iben, u minkejja li qed joktru l-perikoli, ma tieqaf qatt tittama, ma tieqaf qatt titlob is-sliem għall-bniedem fid-dinja, u ma tieqaf qatt taqdi dan is-sliem. It-tama tagħha hi f’dak li, għax hu Spirtu-Mħabba, hu wkoll Spirtu ta’ sliem u ma jieqaf qatt f’din id-dinja tal-bnedmin, li jkun fil-qlub u l-kuxjenza tal-bnedmin, ħa “jimla l-art kollha” b’imħabba u sliem.

 

Jiena u ntemm dawn il-ħsibijiet tiegħi, ninżel għarkobbtejja quddiemu nitolbu biex, bħala Spirtu tal-Missier u ta’ l-Iben, jagħti lilna lkoll il-barka u l-grazzja tiegħu, li, f’isem it-Trinità Qaddisa, nixtieq inwassal lill-ulied kollha tal-Knisja u lill-famija kollha tal-bnedmin.

 

Ruma, minn San Pietru, fit-18 ta’ Mejju, sollennità  ta’ Għid il-Ħamsin, tas-sena1986, fit-tmien sena tal-Ponifikat.

 

Ġwanni Pawlu II


[1]  Ġw. 7,37s

[2]  Ġw 7, 39.

[3]  Ġw 4, 14; ara Lumengentium,4.

[4]  Ara Ġw 3, 5.

[5] Ara Ljun ΧΙΙΙ: Divinum illud munus (9-5-1927); Piju ΧΙΙ: Mystici corporis (20-6-1943)

[6]  Diskors fl-udjenza ġenerali tas-6 ta’ Ġunju1973.

[7] Missal Ruman; ara 2 Korn13, 13.

[8] Ġw 3,17.

[9]Fil 2,11.

[10] Ara Lumen gentium, 4; diskors tal-Papa Ġwanni ΙΙ lil dawk li ħadu sehem fil-Kungress  Teoloġiku dwar il- Pnewmatoloġija, fis-26 ta’ Marzu 1982.

[11] Ara Ġw 4, 24.  

[12] Ara Rum 8, 22; Gal 6, 15.

[13]Ara Mt 24, 35.

[14] Ara 4, 14.

[15] Lumen gentium, 17.

[16] allon parakleton:  Ġw 14, 16.

[17] Ġw  14,13.16s

[18] Ara  Ι Ġw 2,1.

[19] Ġw 14,26.

[20] Ġw  15,26s.

[21]  Ara Ι Ġw 1, 1-3; 4, 14. [21] 

[22] “Il-veritajiet rivelati minn Alla, li huma miġburinu mfissrin fil-kotba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, inkitbu bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu,”għalhekk “l-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tiġi interpretata bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu” Dei Verbum,11.12.

[23]Ġw  16,12.

[24]Atti, 11,1.

[25]Ġw 16,7s. 

[26]Ġw 16,15.

[27] Ġw 16,7s.

[28] Ġw  15, 26.

[29] Ġw 14, 16.

[30] Ġw 14, 26.

[31] Ġw 15, 26.

[32] Ġw 14,16.

[33] Ġw 16, 7.

[34]Ara Ġw 3,16s.34; 6, 57; 17, 3.18.23.

[35]Mt 28, 19.

[36]  Ara Ι Ġw 4, 8.16.

[37]  Ara Ι Kor 2, 10.

[38]  Ara San Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, Ι a,qq. 37-38.

[39]  Rum 5, 5.

[40]  Ġw 16, 14.

[41]  Ġen 1,1s.

[42]  Ġen 1, 26.

[43]  Rum 8, 19-22.

[44]  Ġw 16, 7.

[45]  Gal 4, 6; ara Rum 8, 15.

[46]  Ara Gal 4, 6; Fil 1, 19; Rum 8, 11.

[47]  Ara Ġw 16, 6.

[48] Ara Ġw 16, 20.

[49]

[50]  Atti 10,37s.

[51]  Ara Lq 4, 16-21; 3, 16; 4, 14; Mk 1, 10.

[52]  1s 11, 1-3.

[53]  1s 61,1s.

[54]  1s 48, 16.

[55]  1s 42, 1.

[56]  Ara 1s 53, 5-6.8.

[57]  1s 42, 1.

[58]  1s 42, 6.

[59]  1s 49, 6.

[60]  1s 59, 21.

[61]  Ara Lq 2, 25-35.

[62]  Ara Lq 1, 35.

[63] Ara Lq 2, 19.51.

[64]  Ara Lq 4, 16-21; 1s 61,1s.

[65]  Lq 3, 16; ara Mt 3, 11; Mk 1,7s; Ġw 1,33.

[66]  Ġw 1, 29.

[67]  Ara Ġw 1,33s.

[68]  Lq 3,21s; ara Mt 3, 16; Mk 1, 10.

[69]  Mt 3, 17.

[70]Ara San  Basilju, De Spiritu Sancto, XV Ι,39

[71]Ara Atti 1, 1.

[72]Ara Lq 4, 1.

[73]Ara Lq 10, 17-20.

[74]Lq 10,22; ara Mt 11,25s

[75]Lq 10, 22; ara Mt 11, 27.

[76]Mt 3, 11; Lq 3, 16.

[77]Ġw 16, 13.

[78]ĠW 16, 14.

[79]Ġw 16,15.

[80]Ġw 14, 26; 15, 26.

[81]Ġw 3, 16.

[82]Rum 1,3s.

[83]Ezek 36,26s; ara Ġw 7, 37-39; 19, 34.

[84]Ġw 16, 7.

[85]Ara S. Ċirillu ta’ Lixandra, In Ioannis Evangelium, lib. V, cap. ΙΙ.

[86]Ġw 20, 19-22.

[87]Ara Ġw 19,30

[88]Ara Rum 1, 4.

[89]Ara Ġw 16, 20.

[90]Ġw 16, 7.

[91]Ġw 16, 15.

[92]Lumen gentium, 4.

[93]Ġw 15,26s.

[94]  Ad gentes, 4.

[95]Ara Atti 1, 14.

[96]Lumen gentium, 4.Hemm tradizzjoni sħiħa fit-tagħalim ta’ Missirijiet il- Knisja u t-teoligi dwar ir-rabta sħiħa bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja, rabta li xi kull tant hi mfissra bix-xbieha tar-rabta tar-ruħ u l-ġisem fil-bniedem: ara S.  Irinew, Adversus haereses, ΙΙΙ, 24,1; S. Wistin, Sermo 267,4,4; Sermi 268,2; In Iohannis Evangelium tractatus  XXV,13;XXVΙΙ ,6; San Girgor il-kbir, In setem psalmos paenitentiales exposition, Ps V,1: Didimu ta’ Lixandra, De Trinitate, ΙΙ,1 S. atanasju, oratio ΙΙΙ contra Arianos, 22, 23, 24; San Gwann Grisostmu, In Epistulam ad Ephesios, Homil.  ΙX, 3.  San Tumas d’Aquino ħaddan it-tradizzjoni ta’ Missirijiet il-Knisja u tat-teologi ta’ qalbu, u wera l-Ispirtu s-Santu bħala “l-qalb” u “r-ruħ” tal- Knisja: Summa Theologiae, ΙΙΙ, q, 8, a.l ad 3; In symbolum Apostolorum exposition, a. IX: In tertium librum Sententiarum, dist. XIII, q.2, a.2, Quaestiuncula 3.

[97]Ara Apok 2, 29; 3, 6.13.22.

[98]Ara Ġw 12, 31; 14, 30; 16, 11.

[99]Gaudium et Spes, 1.

[100]Ibid. 41.

[101]Ibid, 26.

[102]Ġw 16,7s.

[103]Ġw 16, 7.

[104]Ġw 16,8-11.

[105]Ara Ġw 3,17; 12,47.

[106]Ara Ef 6,12.

[107]Gaudium et Spes, 2.

[108]Ara ibid. 10,13,27,37,73,79,80.

[109]Atti 2, 4.

[110]Ara S. Irinew, Adversus hareses, III, 17,2.

[111] Ara Atti 1, 4.5.8.

[112]Atti 2,22-24.

[113] Ara Atti 3,14s; 4, 10.27s; 10, 39; 12,28s; u oħrajn.

[114]Ara Ġw 3, 17; 12, 47.

[115]  Atti 2, 36.

[116]Atti 2,37s.

[117]Ara Mk 1, 15.

[118]Ġw 20, 22.

[119]Ara Ġw 16, 9.

[120]Hos 13, 14 (Vg); ara I Kor 15, 55.

[121]AraI Kor 2, 10.

[122]Ara 2 Tes 2, 7.

[123]Ara I Tim 3, 16.

[124]Ara Reconciliato et Paenitentia, 19-22.

[125]  Ara Ġen 1-3.

[126] Ara Rum 5, 19; Fil 2, 8.

[127] Ara Ġw 1, 1. 2. 3. 10.

[128] Ara Kol 1, 15-18.

[129] Ara Ġw 8, 44.

[130] Ara Ġen1, 2.

[131] Ara Ġen1, 26. 28. 29.

[132]  Dei verbum, 2.

[133] Ara I Kor 2, 10s

[134] Ara Gw 16, 11.

[135]Ara Fil 2,8.

[136]Ara Gen 2, 16s.

[137]Gen 3, 5.

[138] Ara Gen 3, 22 dwar “is-siġra tal-ħajja”;Ara wkoll Ġw 3, 36; 4,14; 5, 24; 6, 40. 47; 10.23;
  12, 50; 14, 6; Atti13, 48; Rum 6,23; Gal 6,8; I Tim 1,16;Tit 1,2;  3, 7; I Piet 3, 22; I Ġw

  1, 2; 2, 25; 5,11. 13; Apok 2, 7

[139] Ara San Tumas D’Aquino, Summu Theologiae, Ia-IIae,q.80,a.4 ad3.

[140]I Ġw 3, 8.

[141]Ġw 16. 11.

[142]Ara Ef 6, 12; Lq 22, 53.

[143]Ara  De civitate Dei, XIV,28

[144]Gaudium et Spes, 36.

[145]Fit-test grieg il-kelma hi parakalein: titolbu, issejjaħlu għandek.

[146]Ara Ġen 6, 7.

[147]Ġen 6, 5-7.

[148]Ara Rum 8, 20-22.

[149]Ara Mt 15, 32; Mk 8, 2.

[150]Lh 9,13s.

[151] Ġw 20, 22s.

[152] Atti 10, 38s.

[153] Lh 5, 7s.

[154] Lh 9, 14.

[155] Ara Lev 9,24; I Slat 18, 38; 2 Kron 7, 1.

[156] Ara Ġw 15, 26.

[157] Ġw 20,22s.

[158] Mt 3, 11.

[159] Ara Ġw 3, 8.

[160] Gw 20,22s.

[161] Ara Sekwenza: Spirtu s-Santu, ejja fina.

[162] S. Bonaventura, De septem donis Spiritus Sancti, Collatio II,3.

 

[163] Mk 1, 15.

[164]Ara Lh 9, 14.

[165]Gaudium et Spes, 16.

[166] Ara Ġen 2, 9. 17.

[167] Gaudium et Spes, 16.

[168] Ibid. 27.

[169] Ara ibid.13.

[170] Ara Reconciliatio et Paenitentia, 16.

[171] Gaudium et Spes, 10.

[172] Ara Rum 7, 14-14.19.

[173] Gaudium et Spes, 37.

[174] Ibid. 13.

[175]Ibid. 37.

[176] Ara s-Sekwenza ta’ Għid il-Ħamsin:”bik mimlija tkun il-qalb ta’ kull fidil”

[177] Ara S. Wistin, Enarrationes in Ps.XLI, 13: “Quae ergo abyssus quam invvocat abyssus? Si

  profunditas est abyssus, puntamus non cor hominis abyssus est? Quid enim est profundius hac

  abysso?  Loqui hominesspossunt , videri possunt per operationem membrorum,audiri in sermone; 

  sed cuiuscogitatio penetratur, cuius cor insspicitur?

 

[178]Ara Lh 9, 14.

[179]Ġw 14, 17.

[180]Mt 12, 32.

[181]Mk 3, 28s.

[182]Lq 12, 10.

[183]San Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, Ila-Ilae,q. 14, a. 3; ara S.Wistin, Epist.185,

 11, 48-49; S. Bonaventura,Commentarium in Evang.S.Lucae, cap. XIV, 15-16.

[184] Ara Salm 81 (80), 13; Ġer, 24; Mk 3, 5.

[185] Ara Reconciliatio et Paenitentia 18.

[186]Il-Papa Piju XII fil-messaġġ bir-radju lill-Kungress Kateketiku tal-Istati Uniti, li sar

  f’Boston fis-26 ta’ Ottubru1946.

[187] Reconciliatio et Paenitentia, 18.

[188] I Tes 5, 19; Ef n. 30.

[189] Ara Reconciliatio et Paenitentia, 14-22.

[190] Ara S. Wistin, De Civiati Dei XIV, 28.

[191] Ara Ġw 16, 11.

[192] Ara Ġw 16, 15.

[193] Ara Gal 4, 4.

[194] Apok 1, 8; 22, 13.

[195] Ġw 3, 16.

[196] Gal 4, 4s.

[197] Lq 1, 34s.

[198]Mt 1, 18.

[199]Mt 1, 20s.

[200]S. Tumas d’Aquino, Summa Theologiae,IIIa, q. 2; aa. 10. 12; q.6; q. 7, q. 13.

[201]Lq 1, 38.

[202]Ġw 1, 14.

[203]Kol 1, 15.

[204]Ara e.g. Ġen 9, 11; Dewt 5, 26; Ġob 34, 15; Is 40, 6; 52, 10; Salm 145(144), 21; Lq 3, 6;

 I Piet 1, 24.

[205] Lq 1, 45.

[206] Ara Lq 1, 41.

[207]Ara Ġw16, 9.

[208]2 Kor 3, 17.

[209]Ara Rum 1, 5.

[210]Rum 8, 29.

[211]Ara Ġw 1, 14. 4. 12s.

[212]Ara Rum 8, 14.

[213]Ara Gal 4, 6; Rum 5, 5; 2 Kor 1,22.

[214]Rum 8, 15.

[215]Rum 8, 16s.

[216]Ara Salm 104(103), 30.

[217]Rum 8, 19.

[218]  Rum 8, 29.

[219] Ara 2 Piet 1, 4.

[220] Ara Tf, 2, 18; Dei verbum, 2.

[221] Ara I Kor 2, 12.

[222] Ara Ef 1, 3-14.

[223] Ef 1, 13s.

[224] Ara Ġw 3, 8.

[225] Gaudium et Spes, 22; ara Lumen gentium, 16.

[226] Ġw 4, 24.

[227] ibid.

[228] Ara S. Wistin, Confessiones, III, 6, 11.

[229] Ara Tit 2, 11.

[230] Ara Is 45, 15.

[231] Ara Gyerf 1, 7.

[232] Lq 2, 27. 34.

[233] Gal 5, 17.

[234] Gal 5, 16.

[235] Ara  Gal 5, 19-21.

[236] Gal 5, 22s.

[237] Gal 5, 25.

[238] Ara Rum 8, 5. 9.

[239] Rum 8, 6. 13.

[240] Rum 8, 10.12.

[241] Ara I Kor 6, 20.

[242] Ara Gaudium et Spes, 19, 20, 21.

[243] Lq 3, 6; ara Is 40, 5.

[244] Ara Rum 8, 3.

[245] Rum 8, 26.

[246] Rum 8, 26.

[247] Rum 8, 11.

[248] Rum 8, 10.

[249] Redemptor hominis, 14.

[250] Ara Għerf 15, 3.

[251] Ara Ef 3, 14-16.

[252] Ara I Kor 2, 10s.

[253] Ara Rum 8, 9; I Kor 6,19.

[254] Ara Ġw 14, 23; S. Irinew, Adversus haereses, V, 6, 1; S. Illarju, De Trinitate, VIII, 19,

  212; San Ambrog, De Spiritu Sancto, I, 6, 8; S. Wistin, Enarrationes in Ps. XLIX, 2:

  San Ċirillu ta’ Lixandra. In Ioannis Evangelium. Lib. I, II; lib.IX: S. Atanasju Oratio

  III contra Arianos. 24; Epist. I ad Serapionem, 24; Didimu ta’ Lixandra. De Trinitate,

II, 6-7; S. Ġwann Grisostmu, In epist, ad Romanos homilia XIII, 8; S. Tumas d’Aquino,

Summa Theologiae, Ia,q. 43, aa. 1. 3-6.

[255] Ara Ġen 1. 26s: S. Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, Ia q. 93, aa. 4. 5. 8.

[256] Ara Gaudium et Spes, 24; Ara wkoll 25.

[257] Ara ibid.38, 40.

[258] Ara I Kor 15, 28.

[259] Ara Gaudium et Spes, 24.

[260]Ara S. Irinew, Adversus haereses, IV, 20, 7.

[261]S. Basilju, De Spiritu Sancto, IX, 22.

[262] Rum 8, 2.

[263] 2 Kor 3, 17.

[264] Ara Gaudium et Spes, 53-59.

[265] Ibid. 38.

[266] I Kor 8, 6.

[267] Ġw 16, 7.

[268] Ġw 14, 18.

[269] Mt 28, 20.

[270] Dan hu mfisser mill-“epiklesi” ta’ qabel il-konsagrazzjoni fit-tieni Talbe ewkaristika:

“Qaddes għalhekk, nitolbuk, dawn l-offerti bil-barka ta’ l-Ispirtu  tiegħek, biex isiru

għalina l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.”

[271] Ara Ef 3, 16.

[272] Gaudium et Spes, 24.

[273] Ibid.

[274] Ara Atti 2, 42.

[275] Unitatis redintegratio, 2.

[276] S. Wistin, In Ioannis Evangelium tractatus XXVI, 13.

[277] Lumen gentium, 1.

[278]Atti 17, 28.

[279]I Tim 2, 4.

[280] Ara Lh 5, 7.

[281] Lq 11, 13.

[282] Rum 8, 26.

[283] Ara Origene, De oratione, 2.

[284] Rum 8, 27.

[285] Lumen gentium, 63.

[286] Ibid. 64.

[287] Lumen gentium, 4: ara Apok. 22, 17.

[288] Ara Rum 8, 24.

[289] Ara Ġw 4, 14; Lumen gentium, 4.

[290] Ara Apok 12, 10.

[291] Ara Rum 8, 23.

[292] Ara s-Sekwenza: Spirtu s-Santu, ejja fina.

[293] Ara s-simbolu quicumque.

[294] Ara Rum 5, 5.

[295] Ta’ min ifakkar hawn l-importanza tal-esortazzjoni apostolika Guadete in Domino tal-

Papa Pawlu VI tad-9 ta’ Mejju tas-sena tal-Ġublew 1975: għad għandha l-qawwa kollha

Tagħha l-esortazzjoni ta’ dak in-nhar biex nitolbu “dan id-don ta’ ferħ” lill-Ispirtu s-Santu,

 u biex ukoll ingawdu “dak il-hena tassew spiritwali li hu frott l-Ispirtu s-Santu.”

 

[296] Ara Ġw 16, 22.

[297] Ara Rum 14, 17; Gal 5, 22.