L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

San Ġwanni Pawlu II dwar Madre Teresa

 

BEATIFIKAZZJONI TA’ MADRE TERESA TA’ CALCUTTA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

 

Jum Dinji tal-Missjonijiet

Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru 2003

 

1. “Min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:44). Dan il-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli, li għadna kemm erġajna smajna jidwi f’din il-pjazza, jurina x’inhi l-mixja li twassal għall-“kobor” Evanġeliku. Hi t-triq li Kristu nnifsu mexa sa fuq is-Salib; mixja ta’ mħabba u ta’ qadi, li taqleb ta’ taħt fuq kull loġika tal-bniedem. Sar il-qaddej ta’ kulħadd!

 

Din hi l-loġika li ħalliet tmexxiha Madre Teresa ta’ Calcutta, Fundatriċi tal-Missjunarji tal-Karità, li llum bil-ferħ kollu qed inniżżel fil-Ktieb tal-Beati. Personalment għandi gratitudni kbira lejn din il-mara qalbiena, li dejjem ħassejtha qrib tiegħi. Ikona tas-Samaritan it-Tajjeb, hi ġriet ma’ kullimkien taqdi lil Kristu fl-ifqar fost il-fqar. Lanqas il-ġlied u l-gwerer ma seħħilhom iwaqqfuha.

 

Kultant kienet tiġi tkellimni fuq l-esperjenzi tagħha ta’ qadi b’riżq il-valuri tal-Vaġelu. Niftakar, ngħidu aħna, l-interventi tagħha b’riżq il-ħajja u kontra l-abort, anki fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi (Oslo, 10 ta’ Diċembru 1979). Kienet tħobb tgħid: “Jekk tisimgħu b’xi mara li ma tridx iżżomm lit-tarbija tagħha u għandha f’moħħha li tagħmel abort, ippruvaw dawrulha ħsiebha biex iġġibli dik it-tarbija, ħa nħobbha jien, għax fiha nilmaħ is-sinjal tal-imħabba ta’ Alla”.

 

2. Forsi mhux sinjal kbir dan li l-beatifikazzjoni tagħha qed isseħħ sewwasew fil-jum li fih il-Knisja qed tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Missjonijiet? Bix-xhieda ta’ ħajjitha Madre Teresa tfakkar lil kulħadd li l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni li għandha l-Knisja trid tgħaddi mit-triq tal-karità, imqawwija mit-talb u mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Dan l-istil missjunarju joħroġ qawwi fix-xbieha li turi lill-Beata l-ġdida tħaddan f’idha tarbija ċkejkna, waqt li bl-oħra żżebbeġ il-kuruna tar-Rużarju.

 

Kontemplazzjoni u azzjoni, evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana: Madre Teresa xxandar il-Vanġelu b’ħajjitha mogħtija kollha kemm hi lill-foqra, imma, fl-istess ħin, hi mgeżwra fit-talb.

 

3. Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom (Mk 10:43). B’emozzjoni kbira nfakkru llum lil Madre Teresa, qaddejja kbira tal-foqra, tal-Knisja u tad-dinja kollha. Ħajjitha hi xhieda tad-dinjità u l-privileġġ tal-qadi umli. Hi għażlet li tkun mhux biss l-iżgħar imma l-qaddejja tal-iżgħar. Ta’ vera omm għall-foqra, hi mielet fuq dawk li kienu jbatu minn kemm-il xorta ta’ faqar. Il-kobor tagħha qiegħed fil-ħila li kellha li tagħti mingħajr ma toqgħod tqis kemm jiswa, li tagħti “sa ma tuġa’”. F’ħajjitha għexet b’mod radikali u xandret bil-kuraġġ il-Vanġelu.

 

Il-karba ta’ Ġesù fuq is-salib, “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28), li tesprimi kemm hi kbira x-xenqa li għandu Alla għall-bniedem, nifdet il-qalb ta’ Madre Teresa u sabet art fertili f’qalbha. Li taqta’ l-għatx ta’ Ġesù għall-imħabba u għall-erwieħ f’għaqda ma’ Marija, Omm Ġesù, kien sar l-għan waħdieni ta’ ħajjet Madre Teresa u l-qawwa ġewwenija li ġibditha barra minnha nfisha u ġagħlitha “tħaffef” mgħaġġla madwar il-globu biex tħabrek għas-salvazzjoni u l-qdusija tal-ifqar fost il-fqar.

 

4. “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Din is-silta tal-Vanġelu, hekk kruċjali biex nistgħu nifhmu s-servizz ta’ Madre Teresa lill-foqra, kienet il-pedament tal-konvinzjoni kollha fidi tagħha li hi u tmiss il-ġisem imfarrak tal-foqra kienet qed tmiss il-ġisem ta’ Kristu. Il-qadi tagħha kien indirizzat lejn Ġesù nnifsu, moħbi taħt il-ġisem batut tal-ifqar fost il-fqar. Madre Teresa turina x’inhi t-tifsira l-aktar għolja tal-qadi – għemil ta’ mħabba ma’ min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, ħabsi (ara Mt 25:34-36) ikun isir ma’ Ġesù nnifsu.

 

Hi għarfitu, u qdietu bil-qima kollha ta’ qalbha, bil-ħlewwa tal-imħabba tagħha ta’ għarusa. Hekk fl-għotja sħiħa tagħha nfisha lil Alla u lill-proxxmu, Madre Teresa sabet il-milja tagħha u għexet l-aqwa kwalitajiet tal-femminilità tagħha. Riedet tkun sinjal ta’ “l-imħabba ta’ Alla, il-preżenza ta’ Alla, il-mogħdrija ta’ Alla” u hekk tfakkar lilna lkoll fil-valur u d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minn ulied Alla, “maħluqa biex iħobbu u jiġu maħbuba”. Hekk Madre Teresa “ressqet l-erwieħ għand Ġesù u lil Ġesù għand l-erwieħ” u qatgħet l-għatx ta’ Kristu, speċjalment għal min hu l-iktar fil-bżonn, għal min il-viżjoni tiegħu ta’ Alla sfat imċajpra mit-tbatija u l-uġigħ.

 

5. Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mk 10:45). Madre Teresa qasmet ma’ Kristu Msallab il-passjoni tiegħu, speċjalment tul is-snin twal ta’ “dalma interjuri”. Din kienet prova li ġarrbitha mhux ftit, imma hi laqgħetha bħala “don u privileġġ” waħdieni.

 

Fl-iktar sigħat mudlama hi kienet tiggranfa b’perseveranza ikbar mat-talb quddiem is-Santissmu Sagrament. Din il-prova spiritwali iebsa wasslitha biex titwaħħad dejjem iżjed ma’ dawk li ta’ kuljum kienet taqdi, u hekk mhux biss waslet biex daqet l-uġigħ, imma anki xi jfisser tkun miċħuda. Kienet tħobb ittenni li l-ikbar faqar hu li ħadd ma jridek, li ma jkollok lil ħadd jieħu ħsiebek.

 

6. “Agħtina, Mulej, il-grazzja tiegħek, aħna fik nittamaw!”. Kemm drabi, mas-Salmista, anki Madre Teresa fil-mumenti ta’ deżolazzjoni fil-qalb tagħha tenniet lill-Mulej tagħha: “Fik, Mulej, jien nistkenn!”.

 

Ħa nagħtu ġieħ għal din il-mara ċkejkna nnamrata ma’ Alla, ħabbara umli tal-Vanġelu u benefattriċi enerġetika tal-bniedem. Fiha nweġġħu waħda mill-personalitajiet l-aktar rilevanti ta’ żmienna. Nilqgħu l-messaġġ tagħha u nimxu fuq l-eżempju tagħha.

 

Verġni Marija, Sultana tal-Qaddisin kollha, għinna nkunu ta’ qalb ħelwa u umli bħal din il-ħabbara qalbiena tal-Imħabba. Agħtina li naqdu bil-ferħ u t-tbissima lil kull persuna li magħha niltaqgħu. Għinna nsiru missjunarji ta’ Kristu, is-sliem u t-tama tagħna. Amen!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard