
ECCLESIA DE EUCHARISTIA
ITTRA ENĊIKLIKA
TAL-PAPA
ĠWANNI PAWLU
II
LILL-ISQFIJIET,
LILL-PRESBITERI U LID-DJAKNI
U LILL-FIDILI
LAJĊI KOLLHA
DWAR L-EWKARISTIJA
FIR-RELAZZJONI
TAGĦHA
MAL-KNISJA
17 ta' April 2003
|
WERREJ
INTRODUZZJONI …
L-EWWEL
KAPITLU … Misteru
tal-fidi
IT-TIENI
KAPITLU … L-Ewkaristija
tibni l-Knisja
IT-TIELET
KAPITLU … L-Apostoliċità
ta’ l-Ewkaristija u tal-Knisja
IR-RABA’
KAPITLU … L-Ewkaristija
u l-komunjoni ekkleżjali
IL-ĦAMES
KAPITLU … Id-dekor
taċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika
IS-SITT
KAPITLU … Fl-iskola ta’
Marija, Mara “Ewkaristika”
KONKLUŻJONI ...
-
Il-Knisja
titmantna bl-Ewkaristija.
Din il-verità ma tesprimix
biss esperjenza ta’ kuljum
ta’ fidi, imma tiġbor
f’sintesi n-nukleu
tal-ministeru tal-Knisja.
Kollha ferħana hija
tesperimenta f’ħafna forom,
it-twettiq kontinwu
tal-wegħda: “U ara, jiena
magħkom dejjem, sa l-aħħar
taż-żmien” (Mt 28, 20); iżda
fl-Ewkaristija Mqaddsa,
minħabba l-bidla tal-ħobż u
ta’ l-inbid fil-ġisem u fid-demm
tal-Mulej, hija tifraħ b’din
il-preżenza b’intensità
unika. Sa minn meta,
permezz tal-Pentekoste,
il-Knisja, il-Poplu tal-Patt
il-Ġdid, bdiet il-mixja ta’
pellegrina lejn is-sema
pajjiżha, is-Sagrament Divin
kompla jkejjel il-jiem
tiegħu, filwaqt li jimlihom
b’tama fiduċjuża.
Il-Konċilju Vatikan II qal sewwa
meta pproklama li s-Sagrifiċċju
Ewkaristiku hu “l-għajn u l-quċċata
tal-ħajja Nisranija”.
“Fil-fatt, fl-Ewkaristija
Mqaddsa hemm miġbura l-ġid
spiritwali tal-Knisja, jiġifieri
l-istess Kristu, l-Għid tagħna u
ħobż ħaj li permezz ta’ l-istess
ġisem mogħti l-ħajja mill-Ispirtu
s-Santu u li jagħti l-ħajja,
jagħti lill-bnedmin il-ħajja”.
Għalhekk, il-ħarsa tal-Knisja
hija mitfugħa l-ħin kollu fuq
is-Sid tagħha, preżenti
fis-Sagrament ta’ l-Altar, u li
fih hija tiskopri l-wirja sħiħa
ta’ l-imħabba mmensa tiegħu.
-
Matul
il-Ġublew il-Kbir tas-Sena
2000, ġie mogħti lili l-permess
li niċċelebra l-Ewkaristija
fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalemm,
hemm fejn, skond it-tradizzjoni,
hija kienet ġiet imwettqa
għall-ewwel darba minn
Kristu nnifsu.
Iċ-Ċenaklu hu l-post tat-twaqqif
ta’ dan is-Sagrament
imqaddes. Kien hemmhekk
li Kristu ħa f’idejh il-ħobż,
qasmu u tah lid-dixxipli,
filwaqt li qal: “Ħudu u kulu
lkoll, dan hu ġismi li
jingħata għalikom” (ara
Mt 26,26; Lq
22,19; 1 Kor 11,24).
Imbagħad ħa f’idejh il-kalċi
bl-inbid u qalilhom: “Ħudu u
ixorbu minnu lkoll: dan hu
l-kalċi ta’ demmi, id-demm
tal-patt il-ġdid, li
jixxerred għalikom u għal
kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet”
(ara Mk 14,24; Lq
22,20; 1 Kor 11,25).
Inħossni tassew grat lejn
il-Mulej Ġesù li tani l-permess
nirrepeti fl-istess post,
filwaqt li obdejt il-amar
tiegħu: “Agħmlu dan
b’tifkira tiegħi” (Lq
22,19), l-istess kelmiet li
Hu tenna elfejn sena ilu.
L-Appostli li
ħadu sehem fl-Aħħar Ċena fehmu
t-tifsira tal-kelmiet li ħarġu
minn xofftejn Kristu? X’aktarx
li le. Dawk il-kelmiet kellhom
jiċċaraw ruħhom fil-milja
tagħhom fit-tmiem biss tat-Triduum
sacrum, jiġifieri f’dak
il-perijodu li kellu jgħaddi
mil-lejla tal-Ħamis sas-sbiħ
tal-jum tal-Ħadd. F’dawk
il-jiem inkiteb il-mysterium
paschale; u fihom ukoll
inkiteb il-mytserium
eucharisticum.
-
Mill-misteru
tal-Għid titwieled il-Knisja.
Proprju minħabba f’hekk, li
l-Ewkaristija, li hija s-sagrament
per eċċellenza tal-misteru
tal-Għid, tqiegħed lilha
nnfisha fiċ-ċentru tal-ħajja
ekkleżjali. Dan jidher
sa mill-ewwel xbihat
tal-Knisja, li joffrulna l-Atti
ta’ l-Appostli: “Huma kienu
jżommu sħaħ fit-tagħlim ta’
l-Appostli u fl-għaqda ta’
bejniethom, fil-qsim
tal-ħobż u fit-talb”
(2,42). Fil-“qsim tal-ħobż”
naraw l-Ewkaristija. Wara
elfejn sena aħna qed
inkomplu nwettqu dawk ix-xbihat
tal-bidu tal-Knisja. U
filwaqt li nwettquhom
fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika, l-għajnejn tar-ruħ
imorru fuq it-Tridu Paskwali:
għal dak li seħħ dak in-nhar
filgħaxija ta’ Ħamis ix-Xirka,
matul l-Aħħar Ċena, u dak li
seħħ wara. Fil-fatt, it-twaqqif
ta’ l-Ewkaristija antiċipa
sagramentalment dawk
il-ġrajjiet li ftit tal-ħin
wara kellhom jitwettqu, sa
mill-agunija fil-Ġetsemani.
Naraw lil Ġesù ħiereġ
miċ-Ċenaklu, jinżel flimkien
mad-dixxipli sabiex jaqsam
il-wied ta’ Kedron u jasal
fil-Ġnien taż-Żebbuġ. F’dak
il-ġnien għad hemm xi siġar
taż-żebbuġ antiki ħafna.
Forsi kienu xhieda ta’ dak
li seħħ għad-dell tagħhom
f’dik il-lejla, meta Kristu,
waqt li kien jitlob, ġarrab
dwejjaq tal-mewt “u l-għaraq
tiegħu sarlu bħal qtar tad-demm
iċarċar sa l-art” (Lq
22,44). Id-demm li ftit
qabel kien offra lill-Knisja
bħala xorb li jġib is-salvazzjoni
fis-Sagrament Ewkaristiku,
beda jixxerred ; it-tixrid
tiegħu kellu mbagħad
jitwettaq fil-milja tiegħu
fuq il-Golgota, u b’hekk
sar l-għodda tal-fidwa
tagħna: “Kristu […] li ġie
bħala l-qassis il-kbir
tal-ġid ġejjieni, […] hu
daħal darba għal dejjem
fis-Santwarju, mhux
bis-saħħa tad-demm
tal-mogħoż u tal-għoġiela,
imma bis-saħħa ta’ demmu
stess, u hekk kiseb fidwa
għal dejjem (Lhud 9,
11-12).
-
Is-siegħa
tal-fidwa tagħna.
Minkejja li kien imġarrab
immensament, Ġesù ma ħarabx
quddiem is-“siegħa” tiegħu:
“U x’naqbad ngħid? Missier
eħlisni minn din is-siegħa?
Imma jiena għalhekk ġejt:
għal din is-siegħa!” (Ġw
12,27). Huwa xtaq li d-dixxipli
jagħmlulu kumpanija, u kellu
jduq is-solitudni u l-abbandun:
“Mela ma flaħtux tishru
siegħa waħda miegħi? Ishru u
itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib”
(Mt 26, 40-41).
Ġwanni waħdu baqa’ taħt
is-Salib tal-Ġimgħa l-Kbira,
qrib Marija u xi nisa twajba.
L-agunija fil-Ġetsemani
kienet l-introduzzjoni
għall-agunija tas-Salib
tal-Ġimgħa l-Kbira. Is-Siegħa
Mqaddsa, is-siegħa
tal-fidwa tad-dinja. Meta
tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija
qrib il-qabar ta’ Ġesù,
f’Ġerusalemm, nerġgħu
nirritornaw b’mod tanġibbli
għas-“siegħa” tiegħu, is-siegħa
tas-salib u
tal-glorifikazzjoni. Kull
presbiteru li jiċċelebra l-Quddiesa
jwassal lilhu nnifsu,
flimkien mal-komunità
Nisranija li tkun qed tieħu
sehem miegħu, f’dak il-post
u f’dik is-siegħa.
“Hu ġie
msallab, miet u difnuh; fit-tielet
jum qam minn bejn l-imwiet”.
Għal dawn il-kelmiet ta’ l-istqarrija
tal-fidi jidwu l-kelmiet
tal-kontemplazzjoni u
tal-proklamazzjoni: “Ecce
lignum Crucis, in quo salus
mundi pependit. Venite adoremus”.
Din hija l-istedina li l-Knisja
tagħmel lil kulħadd fis-siegħat
ta’ wara nofs in-nhar tal-Ġimgħa
l-Kbira. Hija terġa’ tkompli l-għanja
tagħha matul iż-żmien tal-Għid
sabiex tistqarr: “Surrexit
Dominus de sepulcro qui pro
nobis pependit in ligno.
Alleluia”.
-
“Mysterium fidei!
– Misteru tal-fidi!” Meta
s-saċerdot igħid jew ikanta
dawn il-kelmiet, dawk li
jkun hemm preżenti jtennu:
“Inħabbru l-mewt tiegħek
Mulej, inxandru bil-ferħ
il-qawmien tiegħek,
nistennewk sa ma tiġi
fil-glorja”.
F’dawn
il-kelmiet jew inkella f’oħrajn
bħalhom, il-Knisja, filwaqt li
turi lil Kristu fil-misteru
tal-Passjoni tiegħu,
tirrivela ukoll il-misteru
proprju tiegħu: Ecclesia de
Eucharistia. Jekk bid-don
ta’ l-Ispirtu s-Santu
fil-Pentekoste l-Knisja toħroġ
għad-dawl u timxi mat-toroq tad-dinja,
mument tassew deċisiv
tal-formazzjoni tagħha huwa bla
dubju ta’ xejn it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija
fiċ-Ċenaklu. Il-pedament u l-għajn
tagħha huwa it-Triduum
paschale kollu kemm hu, iżda
dan qisu miġbur, antiċipat u
“konċentrat” għal dejjem fid-don
Ewkaristiku. F’dan ir-rigal,
Ġesù Kristu ta lill-Knisja l-attwalizzazzjoni
dejjiema tal-misteru paskwali.
Permezz tiegħu Huwa waqqaf
“kontemporanjetà” misterjuża
bejn dak it-Triduum u l-mixja
tas-sekli kollha.
Dan il-ħsieb
iwassalna għal sentimenti ta’
stagħġib kbir u mill-iżjed grati.
Fil-ġrajja paskwali u fl-Ewkaristija
li tattwaliżżah matul is-sekli,
hemm “ġabra” tassew enormi, li
fiha l-istorja kollha tinsab
miġbura, bħala destinatarja
tal-grazzja tal-fidwa. Dan l-istagħġib
għandu jimla’ dejjem lill-Knisja
miġbura fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika. Iżda b’mod tassew
speċjali hija trid issieħeb
il-ministru ta’ l-Ewkaristija.
Fil-fatt huwa dan il-ministru,
li minħabba l-fakulta’ mogħtija
lilu fis-sagrament ta’ l-Ordinazzjoni
saċerdotali, jwettaq
il-konsagrazzjoni. Huwa hu li
jtenni, bis-setgħa lilu mogħtija
u li tiġi għandu mingħand Kristu
taċ-Ċenaklu: “Dan hu ġismi
mogħti b’sagrifiċċju għalikom…
Dan huwa l-kalċi ta’ demmi,
mxerred għalikom…”. Is-saċerdot
jgħid dawn il-kelmiet, jew aħjar
jislef il-fomm u l-leħen
tiegħu għad-dispożizzjoni ta’
Dak li tennihom fiċ-Ċenaklu,
u ried li jiġu ripetuti minn
ġenerazzjoni għall-oħra minn
dawk kollha li fil-Knisja jieħdu
sehem ministerjalment
fis-saċerdozju tiegħu.
-
Jien nixtieq inħeġġeg mill-ġdid
din il-“meravilja”
Ewkaristika permezz ta’ din
l-istess ittra enċiklika,
f’kontinwità mal-wirt
ġubilari, li jiena ridt
nagħti lill-Knisja bl-Ittra
Appostolika Novo
millennio ineunte u
bl-inkoronament Marjan
tiegħu Rosarium Virginis
Mariæ. Li nikkontemplaw
il-wiċċ ta’ Kristu, u li
nikkontemplawh flimkien ma’
Marija, huwa l-“programm” li
jiena ħlaqt lill-Knisja
fiż-żerniq tat-tielet
millenju, filwaqt li
stedintha sabiex taqla’ ’il
barra fil-baħar ta’ l-istorja
bl-entużjażmu ta’ l-evanġelizzazzjoni
ġdida. Li nikkontemplaw lil
Kristu jimplika li nsiru
nagħrfuh f’kull post li fih
huwa juri lilu nnifsu, fin-numru
kbir ta’ preżenzi, iżda l-aktar
fis-Sagrament ħaj tal-ġisem
u tad-demm Tiegħu. Il-Knisja
tgħix bi Kristu Ewkaristiku,
minnu hi mitmugħa, minnu
hi mdawla. L-Ewkaristija
hija misteru ta’ fidi, u fl-istess
waqt “misteru tad-dawl”.
Kull darba li l-Knisja
tiċċelebrah, il-fidili
jistgħu jgħixu b’xi mod
mill-ġdid, l-esperjenza
taż-żewġ dixxipli ta’
Emmaws: “infetħulhom
għajnejhom u għarfuh” (Lq
24, 31).
-
Sa minn meta bdejt
il-ministeru tiegħi ta’
Suċċessur ta’ Pietru, jiena
dejjem irriservajt f’Ħamis
ix-Xirka, jum ta’
l-Ewkaristija u
tas-Saċerdozju, sinjal
ta’attenzjoni partikulari,
billi nibgħat ittra
lis-saċerdoti kollha
tad-dinja. Din is-sena,
il-ħamsa u għoxrin sena
tal-Pontifikat tiegħi,
nixtieq indaħħal bis-sħiħ
lill-Knisja kollha f’din
ir-riflessjoni Ewkaristika,
anki sabiex inrodd ħajr
lill-Mulej għar-rigal ta’
l-Ewkaristija u
tas-Saċerdozju: “Don u
misteru”.
Jekk, filwaqt li xandart
is-Sena tar-Rużarju, jiena
ridt inqiegħed il-ħamsa u
għoxrin sena tiegħi
fis-sinjal
tal-kontemplazzjoni ta’
Kristu fl-iskola ta’ Marija,
ma jistax ikun li nħalli
jgħaddi dan il-Ħamis
ix-Xirka 2003 bla ma nieqaf
quddiem il-“wiċċ
Ewkaristiku” ta’ Kristu,
filwaqt li nuri b’qawwa
ġdida lill-Knisja
ċ-ċentralità ta’
l-Ewkaristija. Il-Knisja
tgħix biha. Hija titmantna
b’dan “il-ħobż ħaj”. Kif
jista’ jkun li ma nħossx
il-ħtieġa li nħeġġeġ lil
kulħadd sabiex jagħmel
minnha esperjenza mġedda?
-
Meta
naħseb fuq l-Ewkaristija,
filwaqt li nħares lejn
il-ħajja tiegħi ta’ saċerdot,
ta’ Isqof, ta’ Suċċessur ta’
Pietru, dlonk inħoss
il-ħtieġa li niftakar f’tant
mumenti u f’tant postijiet
li fihom ġejt mogħti l-permess
sabiex niċċelebraha.
Niftakar fil-knisja
parrokkjali ta’ Niegowic,
fejn wettaqt l-ewwel ħidma
pastorali tiegħi,
il-kolleġġjata ta’ San
Floriano ġo Krakow,
il-katidral ta’ Wawel,
il-bażilika ta’ San Pietru u
l-ħafna bażiliċi u knejjes
ta’ Ruma u tad-dinja kollha.
Stajt niċċelebra l-quddiesa
f’kappelli mibnija fuq
qċaċet il-muntanji, fuq ix-xtut
ta’ għadajjar kbar, fuq xtut
il-baħar; iċċelebrajtha fuq
Altari mibnija fi stadiums,
fil-pjazez ta’ l-ibliet… Dan
ix-xenarju daqstant imżewwaq
taċ-Ċelebrazzjonijiet
Ewkaristiċi tiegħi jgħinuni
nesperimenta bis-sħiħ
il-karattru universali, u
saħansitra kożmiku. Iva,
kożmiku! Għaliex anki meta
tiġi ċċelebrata fuq Altar
ċkejken ta’ xi knisja
fil-kampanja, l-Ewkaristija
hija dejjem iċċelebrata,
f’ċertu sens, fuq
l-Altar tad-dinja. Hija
tgħaqqad l-art u s-sema.
Tiġbor fiha u tinfed
il-ħolqien kollu. L-Iben t’
Alla sar bniedem, sabiex
jagħti lura l-ħolqien, f’att
suprem ta’ tifħir, lil Dak
li għamlu mix-xejn. U hekk
Huwa, il-Qassis il-Kbir u
Etern, filwaqt li daħal
permezz tad-demm tas-Salib
tiegħu fis-santwarju etern,
jagħti lura lill-Ħallieq u
Missier il-ħolqien kollu
mifdi. Dan jagħmlu permezz
tal-ministeru saċerdotali
tal-Knisja, bħala glorja
lit-Trinità Qaddisa. Tassew
dan huwa il-mysterium
fidei li jwettaq lilu
nnifsu fl-Ewkaristija: id-dinja
li ħarġet minn idejn Alla
ħallieq terġa’ lura għandu,
mifdija minn Kristu.
-
L-Ewkaristija, preżenza
salvifika ta’ Ġesù
fil-komunità tal-fidili u l-ikel
spiritwali tagħha, hija dik
il-ħaġa l-iżjed prezzjuża li
qatt jista’ jkollha
fil-mixja ta’ l-istorja
tagħha. Hekk titfisser l-attenzjoni
premuruża li hija dejjem
irriservat għall-Misteru
Ewkaristiku, attenzjoni li
toħroġ b’mod awtorevoli fl-opra
tal-Konċilji u tal-Papiet.
Kif nistgħu ma nammirawx it-tagħlim
dottrinali tad-Digrieti dwar
l-Ewkaristija Mqaddsa u dwar
is-Sagrifiċċju Qaddis
tal-Quddiesa promulgati
mill-Konċilju ta’ Trento?
Fis-sekli li ġew wara dawk
il-paġni mexxew kemm it-teoloġija
kif ukoll il-katekeżi, u
għadhom sa llum il-punt ta’
riferiment dommatiku
għat-tiġdid kontinwu u
għat-tkabbir tal-Poplu ta’
Alla fil-fidi u fl-imħabba
lejn l-Ewkaristija. Fi
żminijiet aktar qrib tagħna,
ta’ min isemmi tliet
Enċikliċi: l-Enċiklika
Miræ Charitatis tal-Papa
Ljun XIII (28 ta’ Mejju
1902),
l-Enċiklika Mediator Dei
tal-Papa Piju XII (20 ta’
Novembru 1947)
u l-Enċiklika Mysterium
Fidei tal-Papa Pawlu VI
(3 ta’ Settembru 1965).
Il-Konċilju
Vatikan II, minkejja li ma
ppubblika l-ebda dokument
speċifiku dwar il-Misteru
Ewkaristiku, b’danakollu juri l-aspetti
varji matul l-ark sħiħ tad-dokumenti
tiegħu, u b’mod speċjali
fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar
il-Knisja Lumen Gentium
kif ukoll fil-Kostituzzjoni
tal-Liturġija Mqaddsa
Sacrosanctum Concilium.
Jiena stess, fl-ewwel snin
tal-Ministeru Appostoliku tiegħi
fuq il-Kattedra ta’ Pietru,
bl-Ittra Appostolika Dominicæ
Cenæ (24 ta’ Frar 1980),
kelli ċ-ċans li nittratta xi
aspetti tal-Ministeru
Ewkaristiku u dwar l-inċidenza
tiegħu fuq il-ħajja ta’ min hu
ministru. Illum qiegħed nerġa’
naqbad il-fil ta’ dak id-diskors
b’qalb dejjem iżjed mimlija
kommozzjoni u gratitudni, kważi
kważi ntenni mill-ġdid il-kelma
tas-Salmista: “Xi nrodd
lill-Mulej għall-ġid kollu li
għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi
tas-salvazzjoni u isem il-Mulej
insejjaħ” (Salm 116
ġ115ħ,12-13).
-
Għal dan
l-impenn ta’ tħabbir min-naħa
tal-Maġisteru jiena ltqajt
ukoll ma tkabbir interjuri
tal-komunità Nisranija.
M’hemmx dubju li r-riforma
liturġika tal-Konċilju
ġabet magħha vantaġġi tassew
kbar għal parteċipazzjoni
iktar magħrufa, attiva u
mimlija frott tal-fidili
fis-Sagrifiċċju Qaddis ta’
l-Altar. F’ħafna postijiet,
imbagħad, l-adorazzjoni
tas-Santissimu Sagrament
issib post iktar importanti
fil-ħajja ta’ kuljum u ssir
għajn li ma taqta’ qatt ta’
qdusija. Il-parteċipazzjoni
devota tal-fidili
fil-purċissjoni Ewkaristika
fis-solennità tal-Ġisem u d-Demm
ta’ Kristu hija grazzja
tal-Mulej li ta’ kull sena
jimla’ bil-ferħ lil kull min
jieħu sehem fiha. Hemm
imbagħad sinjali oħra
posittivi ta’ fidi u ta’
imħabba Ewkaristika li huma
ta’ min isemmihom.
Madankollu,
ħdejn dawn id-dwal kollha, ma
jistax ma jkunx hemm xi
dellijiet. Fil-fatt insibu
postijiet li fihom il-kult ta’
l-Adorazzjoni Ewkaristika ġiet
imwarrba kważi għal kollox.
Barra minn hekk, f’diversi
taqsimiet tal-Knisja, seħħew
abbużi li wasslu għal
konfużjonif’dak li għandu
x’jaqsam ma’ fidi soda u d-Duttrina
Kattolika marbuta ma’ dan is-Sagrament
ta’ l-għageb. Kultant jitfaċċa
għarfien batut wisq tal-Misteru
Ewkaristiku. Mela mneżża’ mill-valur
sagrifikali tiegħu, dan is-sagrament
jiġi ċċelebrat daqs li kieku
kien sempliċement ikla fost l-aħwa.
Barra minn hekk, il-ħtieġa
tas-saċerdozju ministerjali, li
serraħ fuq is-suċċessjoni
appostolika xi kull tant hi
mdella u n-natura s-sagramentali
ta’ l-Ewkaristija tiċċekken tant
li ssir sempliċement
dikjarazzjoni. Dan iwassal
sabiex ‘l hawn u ‘l hemm
jittieħdu xi inizjattivi
Ekumeniċi, li minkejja li
għandhom intenzjoni tajba,
jwasslu għall-prassi ewkaristiċi
li huma kuntrarji
għad-dixxiplina li fiha l-Knisja
tesprimi l-fidi tagħha. Kif
nistgħu, quddiem dan kollu, ma
nurux id-dulur profond tagħna?
L-Ewkaristija hija rigal kbir
wisq, biex naslu nittolleraw
ambigwità u tnaqqis fil-valur
tiegħu.
Nittama li
din l-Ittra enċiklika tiegħi
tasal biex tikkontribwixxi b’mod
tassew effettiv sabiex jinqerdu
dawn id-dellijiet tad-duttrini u
ta’ prattika li m’humiex
aċċettati, ħalli b’hekk l-Ewkaristija
tkompli tiddi bid-dija kollha
tal-misteru tagħha.
L-EWWEL
KAPITLU
MISTERU TAL-FIDI
-
“Il-Mulej Ġesù, fil-lejl li
fih kien ittradut” (1 Kor
11, 23), waqqaf is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku tal-ġisem u tad-demm
tiegħu. Il-kelmiet ta’ l-Appostlu
Pawlu jeħduna
fiċ-ċirkostanza drammatika
li fiha twieldet l-Ewkaristija.
Hija ġġorr miktub fuqha,
b’mod li ma jitħassar qatt,
il-ġrajja tal-passjoni u
tal-mewt tal-Mulej. Ma
hijiex biss tifkira, iżda r-ri-preżentazzjoni
sagramentali. Hija s-sagrifiċċju
tas-Salib li jkompli jeżisti
matul is-sekli.
Il-kelmiet “Inħabbru l-mewt
tiegħek, Mulej!” li
bihom il-poplu, fir-rit
latin, iwieġeb
għall-proklamazzjoni
tal-“misteru tal-fidi”
mtennija mis-saċerdot,
jesprimu tassew tajjeb din
il-verità.
Il-Knisja rċeviet l-Ewkaristija
mingħand Kristu, il-Mulej tagħha,
mhux sempliċement bħala rigal,
għalkemm prezzjuż, fost ħafna
rigali oħra oħra, iżda bħala
d-don per eċċellenza,
għaliex huwa rigal tiegħu nnifsu,
tal-persuna tiegħu fl-umanità
qaddisa tiegħu, kif ukoll ta’ l-opra
tas-salvazzjoni. Dan ma jibqax
imwaħħal mal-passat, peress li
“dak kollu li Kristu hu, dak
kollu li huwa wettaq u bata
għall-bnedmin kollha, jieħu
sehem fl-eternità divina u
għalhekk tiżboq kwalunkwe żmien”.
Meta l-Knisja tiċċelebra
l-Ewkaristija, it-tifkira
tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej
tagħha, din il-ġrajja ċentrali
ta’ salvazzjoni ssir realment
preżenti u “isseħħ l-opra
tal-fidwa tagħna”.
Dan is-sagrifiċċju hu daqstant
deċiżiv għas-salvazzjoni
tal-ġeneru uman, li Ġesù Kristu
wettqu u reġa’ lura biss għal
għand il-Missier wara li
ħallielna il-mezz sabiex nieħdu
sehem fih daqs li kieku
konna preżenti hemmhekk. B’hekk
kull fidil jista’ jieħu parti u
jduq il-frott li ma jispiċċa
qatt. Din hija l-fidi, li
minnha għexu ġenerazzjonijiet
ta’ Insara matul is-sekli. Din
il-fidi l-Maġisteru tal-Knisja
baqa’ dejjem jikkonfermaha bi
gratitudni kollha ferħ għal dan
ir-rigal imprezzabbli.
Irrid għal darba oħra niġbed l-attenzjoni
għal din il-verità, billi
ningħaqad magħkom, għeżież ħuti,
f’adorazzjoni quddiem dan
il-Misteru: Misteru kbir,
Misteru ta’ ħniena. X’seta’
jagħmel aktar għalina Ġesù?
Tassew, fl-Ewkaristija, huwa
jurina imħabba li tasal “sa l-aħħar”
(ara Ġw 13, 1), imħabba
li ma taf l-ebda kejl.
-
Dan l-aspett ta’ karità
universali tas-Sagrament
Ewkaristiku huwa mibni fuq
il-kelmiet stess
tas-Salvatur. Meta waqqfu,
huwa ma illimitax ruħu li
jgħid: “Dan huwa ġismi”,
“dan huwa demmi”, iżda żied
“mogħti lilkom… mxerred
għalikom” (Lq 22,
19-20). Huwa ma stqarrx
biss li dak li kien qiegħed
jagħtihom biex jieklu u biex
jixorbu kien il-ġisem u d-demm
tiegħu, imma wera wkoll
il-valur sagrifikali,
billi rrenda preżenti
b’mod sagramentali s-sagrifiċċju
tiegħu, li kellu jitwettaq
fuq is-Salib xi ftit siegħat
wara għas-salvazzjoni ta’
kulħadd. “Il-Quddiesa hi
fl-istess ħin ħaġa waħda
mat-tifkira sagrifikali li
fiha jiġġedded għal dejjem
is-sagrifiċċju tas-Salib u
l-ikla mqaddsa ta’ l-għaqda
mal-ġisem u d-demm ta’
Kristu bit-Tqarbin”.
Il-Knisja tgħix kontinwament
mis-sagrifiċċju tal-fidwa, u
lejh hija tersaq mhux biss
permezz ta’ dit-tifkira sħiħa,
iżda wkoll f’kuntatt reali,
għaliex dan is-sagrifiċċju ta’
fidi jiġġedded il-ħin kollu
perpettwat sagramentalment minn
kull komunità li toffrih permezz
ta’ l-idejn tal-ministru
kkonsagrat. B’dan il-mod, l-Ewkaristija
tagħti lill-bnedmin ta’ llum
ir-rikonċiljazzjoni miksuba
darba għal dejjem minn Kristu
għall-umanità ta’ kull żmien.
Fil-fatt, “is-sagrifiċċju ta’
Kristu u s-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija
huma
sagrifiċċju wieħed”.
San Ġwann Grisostmu kien diġà
qal b’mod mill-iżjed effettiv:
“Aħna noffru dejjem l-istess
Ħaruf, u mhux illum noffru
wieħed u għada noffru ieħor,
iżda dejjem l-istess. Minħabba
f’hekk, is-sagrifiċċju huwa
dejjem wieħed. […] Anki issa,
aħna noffru dik il-vittma, li
kienet ġiet offruta dak in-nhar,
u li ma tikkonsma ruħha qatt”.
Il-Quddiesa tagħmel preżenti s-sagrifiċċju
tas-Salib; ma iżżid xejn iżjed
miegħu u lanqas timmoltiplikah.
Dak li jirrepeti ruħu huwa ċ-ċelebrazzjoni
memorjali, “it-tifkira li
tidher” (memorialis
demostratio)
tiegħu, li permezz ta’ dan, is-sagrifiċċju
uniku u definittiv ta’ Kristu
jagħmel lilu nnifsu dejjem iżjed
attwali fiż-żmien. In-natura
sagrifikali tal-Misteru
Ewkaristiku ma tistax tiġi
aċċettata bħala xi ħaġa separata,
independentement mis-salib jew
inkella b’referiment biss
indirett għas-sagrifiċċju
tal-Kalvarju.
-
Minħabba r-rapport intimu
tagħha mas-sagrifiċċju
tal-Golgota, l-Ewkaristija
hija sagrifiċċju fis-sens
proprju tagħha, u mhux
biss fis-sens ġeneriku,
qisha xi ħaġa li tittratta
dwar Kristu li joffri lilu
nnifsu bħala ikel spiritwali
lill-fidili. Fil-fatt,
id-don ta’ l-imħabba u ta’
l-ubbidjenza tiegħu sa l-aħħar
ta’ ħajtu (ara Ġw 10,
17-18) huwa qabel xejn
id-don lill-Missier tiegħu.
Bla dubju ta’ xejn, huwa don
li ngħata għaliha, anzi
f’isem l-umanità kollha (ara
Mt 26,28; Mk
14,24); (Lq 22,20);
Ġw 10,15), iżda hu l-ewwel
u qabel kollox don
lill-Missier:
“sagrifiċċju li l-Missier
aċċetta, filwaqt li patta
din id-donazzjoni totali ta’
l-Iben tiegħu, li għamel
lilu nnifsu “ubbidjenti
sal-mewt” (Fil 2,8),
bid-donazzjoni paterna
tiegħu, jiġifieri bid-don ta’
ħajja ġdida immortali fir-resurrezzjoni”.
Bl-għoti tas-sagrifiċċju tiegħu
lill-Knisja, Kristu ried ukoll
jagħmel tiegħu s-sagrifiċċju
spiritwali tal-Knisja, li hi
msejħa sabiex toffri, permezz
tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, anki
lilha nnfisha. Dan jgħallimulna,
peress li jirrigwarda
lill-fidili kollha, il-Konċilju
Vatikan II: “Filwaqt li jieħdu
sehem fis-Sagrifiċċju
Ewkaristiku, l-għajn u l-quċċata
tal-ħajja Nisranija kollha, huma
joffru lil Alla l-Vittma Divina
u lilhom infushom magħha”.
-
L-Għid ta’ Kristu jiġbor fih,
flimkien mal-passjoni u l-mewt,
anki l-qawmien. Din il-ħaġa
hija mfakkra mill-akklamazzjoni
tal-poplu wara l-konsagrazzjoni:
“Inxandru l-qawmien
tiegħek”. Fil-fatt, is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku jagħmel preżenti
mhux biss il-misteru
tal-passjoni u tal-mewt
tas-Salvatur, imma wkoll
il-misteru tal-qawmien, li
fih is-sagrifiċċju jsib l-inkoronament
tiegħu. Hu proprju minħabba
l-fatt li huwa ħaj u mqajjem
mill-mewt li Kristu jista’
jagħmel mill-Ewkaristija
“ħobż tal-ħajja” (Ġw
6,35.48), “ħobż ħaj” (Ġw
6, 51). San Ambroġ fakkar
dan lil dawk li kienu qed
jitħejjew sabiex jitgħammdu,
bħala applikazzjoni
għall-ħajja tagħhom
fil-grajja tal-qawmien.:
“Jekk illum Kristu huwa
tiegħek, hu jirxoxta għalik
kull jum”.
Min-naħa tiegħu, San Ċirillu
ta’ Alessandrija kien jgħid
li s-sehem fil-Misteri
qaddisa “huwa stqarrija vera
u tifkira li l-Mulej miet u
reġa’ għall-ħajja għalina u
favur tagħna”.
-
Il-preżentazzjoni
sagramentali mill-ġdid
fil-Quddiesa tas-sagrifiċċju
ta’ Kristu nkurunat mill-qawmien
tiegħu fil-Quddiesa,
timplika preżenza mill-iżjed
speċjali, li – biex nużaw
il-kelmiet ta’ Pawlu VI –
“jingħad ‘reali’ mhux
b’esklużjoni, kważi kważi li
l-oħrajn mhumiex ‘reali’,
iżda b’antonomasja għaliex
hi sostanzjali, u minħabba
fiha, Kristu,
il-Bniedem-Alla, huwa
preżenti kollu kemm hu”.
Qed tiġi mill-ġdid
ri-proposta d-duttrina
dejjem valida tal-Konċilju
ta’ Trento:
“Bil-konsagrazzjoni tal-ħobż
u ta’ l-inbid titwettaq
il-bidla tas-sustanza kollha
tal-ħobż fis-sustanza
tal-Ġisem ta’ Kristu,
il-Mulej tagħna, u s-sustanza
kollha ta’ l-inbid
fis-sustanza tad-demm tiegħu.
Din il-bidla, b’mod
konvenjenti u approprijat,
hija msejħa mill-Knisja
Mqaddsa Kattolika,
transustanzjazzjoni”.
Tassew, l-Ewkaristija hija
mysterium fidei,
misteru li jegħleb
ir-raġunijiet kollha tagħna,
u jista’ jiġi aċċettat biss
bil-fidi, bħalma ta’ spiss
ifakkru s-Santi Padri
fil-Katekeżi dwar dan is-sagrament
divin. “La tarawx – itenni
San Ċirillu ta’ Ġerusalemm –
fil-ħobż u fl-inbid elementi
sempliċi u naturali, għaliex
il-Mulej qal espressament li
dawn huma l-ġisem u d-demm
tiegħu: il-fidi tassigurak
dwar dan, avolja s-sensi
jissuġġerulek xi ħaġa oħra”.
“Adoro te
devote, latens Deitas”
inkomplu nkantaw mad-Duttur
Anġeliku. Quddiem dan
il-misteru ta’ imħabba,
ir-raġuni umana tesperjenza l-limiti
tagħha. Nifhmu aħjar kif, matul
is-sekli, din il-verità ħeġġet
it-teoloġija għal sforzi tassew
iebsin ta’ komprensjoni.
Huma sforzi ta’ min ifaħħarhom,
daqstant utli u penetranti daqs
kemm huma kapaċi jorbtu l-eżerċizzju
kritiku tal-ħsieb mal-“fidi
ħajja” tal-Knisja, li tinstab
fil-“kariżma ċerta tal-verità”
tal-Maġisteru u “fl-għerf
interjuri tal-ħwejjeġ Spiritwali”
li jilħqu fuq kollox
sal-Qaddisin. Jibqa’ l-limitu
muri minn Pawlu VI: “Kull
tifsira teoloġika, li tipprova
b’xi mod tippenetra dan
il-misteru, sabiex tkun taqbel
mal-fidi Kattolika trid iżżomm
sħiħ li fir-realta’ oġġettiva,
independentement mill-ispirtu
tagħna, il-ħobż u l-inbid jieqfu
milli jeżistu wara l-konsagrazzjoni,
peress li f’dak il-mument huma
jinbidlu fil-ġisem u d-demm
adorabbli tal-Mulej Ġesù li huwa
realment quddiemna taħt l-ispeċi
tal-ħobż u ta’ l-imbid”.
-
L-effikaċja
salvifika tas-sagrifiċċju
titwettaq fil-milja tagħha
meta nitqarbnu, fil-waqt li
nkunu nirċievu il-ġisem u d-demm
tal-Mulej. Is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku huwa minnu
nnifsu orjentat lejn l-unjoni
intima tagħna l-fidili ma’
Kristu permezz tat-tqarbin:
nirċievu Lilu stess li offra
lilu nnifsu għalina,
il-Ġisem tiegħu li huwa ta
għalina fuq is-salib, id-demm
li huwa “xerred għall-ħafna,
għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt
26,28). Niftakru
fil-kelmiet tiegħu: “Bħalma
l-Missier, li hu ħaj bagħat
lili, u jiena ngħix
b’Missieri, hekk ukoll min
jiekol lili, hu wkoll jgħix
bija” (Ġw 6,57).
Ġesu stess jiżgurana li
għaqda bħal din, li hu
jqabbilha mal-ħajja tat-Trinità,
titwettaq verament. L-Ewkaristija
hija verament ikla, li
fiha Kristu joffri lilu
nnifsu bħala ikel. Meta,
għall-ewwel darba, Ġesù
jħabbar dan l-ikel, dawk li
semgħuh baqgħu mistagħġbin u
mifxulin, u dan ġiegħel
lill-Imgħallem jagħmel
enfasi fuq il-verità
oġġettiva tal-kelmiet tiegħu:
“Tassew tassew ngħidilkom,
jekk ma tiklux il-ġisem ta’
Bin il-bniedem u ma tixorbux
demmu, ma jkollkomx il-ħajja
fikom” (Ġw 6, 53).
Hawnhekk ma għandniex ikel
metaforiku: “Għax ġismi hu
ikel tassew, u demmi huwa
tassew xorb” (Ġw 6,
55).
-
Permezz ta’ l-għaqda mal-ġisem
tiegħu u mad-demm tiegħu,
Kristu jgħaddilna
lill-Ispirtu tiegħu. San
Efrem jikteb: “Sejjaħ
il-ħobż bħala ġisem ħaj,
imlieh bih innifsu u
bl-Ispirtu tiegħu. […] U dak
li jieklu bil-fidi, jiekol
in-Nar u l-Ispirtu. […]
Ħudu u kulu lkoll, u kulu
miegħu l-Ispirtu s-Santu.
Fil-fatt huwa verament
il-ġisem tiegħi u min jiekol
minnu jgħix għal dejjem”.
Il-Knisja titlob dan id-Don
divin, għerq ta’ kull don
ieħor, fl-epiklesi
Ewkaristika. Per eżempju
naqraw fil-Liturġija
Divina ta’ San Ġwann
Grisostmu: “Aħna nsejħulek,
aħna nitolbuk: ibgħat l-Ispirtu
s-Santu tiegħek fuqna lkoll
u fuq dawn id-doni […]
sabiex għal dawk kollha li
jieħdu sehem fihom, jkunu
tisfija tar-ruħ, maħfra tad-dnubiet,
komunikazzjoni ma’ l-Ispirtu
s-Santu”.
Fil-Missal Ruman,
iċ-ċelebrant jitlob ħerqan:
“Lilna li nieklu mill-ġisem
u d-demm ta’ l-Iben tiegħek,
agħtina l-milja ta’ l-Ispirtu
s-Santu, sabiex insiru fi
Kristu ġisem wieħed u spirtu
wieħed”.
B’hekk, permezz tad-don
tal-ġisem u tad-demm tiegħu,
Kristu jkabbar fina d-don ta’
l-Ispirtu tiegħu, diġà
msawwab fuqna fil-Magħmudija
u mogħti lilna bħala
”siġill” fis-sagrament
tal-Konfirmazzjoni.
-
L-akklamazzjoni li l-poplu
jtenni wara l-konsagrazzjoni
tagħlaq b’mod opportun billi
turi l-projezzjoni
eskataloġika li timmarka ċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika (ara 1 Kor
11, 26): “sa ma jiġi
fil-glorja”. L-Ewkaristija
hija forza li tmexxina lejn
l-iskop, tgħinna integħmu
minn qabel il-milja tal-ferħ
imwiegħed minn Kristu (ara
Ġw 15,11); f’ċertu
sens, hija antiċipazzjoni
tas-sema “rahan tal-glorja
li għad trid tiġi”.
Kollox fl-Ewkaristija
jesprimi l-istennija kollha
tama li “titwettaq it-tama
qaddisa u jiġi s-Salvatur
tagħna Ġesù Kristu”.
Dak li jiekol lil Kristu fl-Ewkaristija
ma għandux għalfejn joqgħod
jistenna d-dinja l-ġdida
sabiex jirċievi il-ħajja
eterna: jippossidiha diġà
minn din id-dinja stess,
bħala l-ewwel frott
tal-milja li għad trid tiġi,
li tirrigwarda lill-bniedem
fit-totalità kollha tiegħu.
Fil-fatt, fl-Ewkaristija
aħna nirċievu wkoll
il-garanzija tal-qawmien
tal-ġisem fl-aħħar tad-dinja:
“Min jiekol ġismi u jixrob
demmi, dan għandu l-ħajja ta’
dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar
jum” (Ġw 6, 54). Din
il-garanzija tal-qawmien li
għad irid jiġi, hija ġejja
mill-fatt li l-ġisem ta’ l-Iben
t’Alla, mogħti bħala ikel,
huwa l-ġisem irxuxtat tiegħu
fl-istat glorjuż. Permezz
ta’ l-Ewkaristija induqu,
biex ngħidu hekk, is-“sigriet”
tal-qawmien. Minħabba
f’hekk sewwa qal Sant
Injazju minn Antijokja meta
ddefinixxa l-Ħobż
Ewkaristiku bħala “mediċina
ta’ immortalità, antidotu
kontra l-mewt”.
-
It-tensjoni eskataloġika
mqabbda mill-Ewkaristija
tesprimi u ssaħħaħ
il-komunjoni mal-Knisja
tas-Sema. Mhux ta’
b’xejn li fl-Anafori
Orjentali u fit-talbiet
Ewkaristiċi Latini jiġu
mfakkra b’qima Marija dejjem
Verġni, Omm Alla tagħna u
tal-Mulej Ġesù Kristu,
l-anġli, il-qaddisin
Appostli, il-martri glorjużi
u l-qaddisin kollha. Dan hu
aspett wieħed ta’
l-Ewkaristija li jimmerita
li jingħata attenzjoni
akbar: filwaqt li aħna
niċċelebraw is-sagrifiċċju
tal-Ħaruf, aħna ningħaqdu
mal-“liturġija” tas-sema,
billi norbtu lilna nfusna
mal-moltitudni mmensa li
tgħajjat: “Is-salvazzjoni
nafuha lil Alla tagħna li
qiegħed fuq it-tron, u
lill-Ħaruf!” (Apok 7,
10) L-Ewkaristija hija
tassew dehra tas-sema kif
tidher minn fuq l-art. Hija
raġġ ta’ glorja ta’
Ġerusalemm tas-sema, li
tinfed is-sħab ta’ l-istorja
tagħna u tarmi d-dawl tagħha
fuq il-mixi tagħna.
-
Konsegwenza sinifikattiva
tat-tensjoni eskatoloġika li
tinsab fl-Ewkaristija hija
ukoll il-fatt li hija tagħti
mbuttatura lill-mixja
storika tagħna, filwaqt li
tqiegħed żerriegħa ta’ tama
vivaċi fir-rabta ta’ kull
jum ta’ kull wieħed u waħda
minna ma’ ħidmietu. Jekk
fil-fatt il-viżjoni
Nisranija twassal sabiex
inħarsu lejn “smewwiet ġodda”
u lejn “art ġdida” (ara
Apok 21, 1), dan ma
jdgħajjifx, iżda pjuttost
jistimola is-sens tagħna ta’
responsabiltà lejn d-dinja
preżenti.
Dan irrid nerġa’ ntennih
b’qawwa fil-bidu ta’ dan
il-millennju ġdid, sabiex l-Insara
jħossuhom dejjem iktar
impenjati biex ma
jittraskurawx id-dmirijiet
li huma għandhom bħala
ċittadini ta’ din l-art.
Xogħolhom hu li
jikkontribwixxu bid-dawl
tal-Vanġelu għall-bini ta’
dinja aktar umana u li
twieġeb bis-sħiħ għall-pjan
ta’ Alla.
Ħafna huma l-problemi li jdallmu
l-orizzont ta’ żmienna.
Biżżejjed niftakru fl-urġenza li
hemm biex inħabirku għall-paċi,
li naraw li bejn il-popli jkun
hemm rapporti tajba mibnija fis-sod
fuq premessi ta’ ġustizzja u ta’
solidarjetà, li niddefendu l-ħajja
umana mit-tnissil tagħha
sat-tmiem naturali tagħha. U xi
ngħidu, imbagħad, għall-eluf ta’
kontradizzjonijiet ta’ dinja
“globalizzata”, fejn l-iżjed
dgħajfa, iż-żgħar u l-iżjed
foqra jħossu li ftit li xejn
hemm x’jimliehom bit-tama? Hu
proprju f’din id-dinja fejn
għandha tiddi t-tama Nisranija!
Kien ukoll minħabba dan kollu li
l-Mulej ried jibqa’ magħna
fl-Ewkaristija, billi jagħmel
il-preżenza tiegħu fl-ikla u
fis-sagrifiċċju l-wegħda ta’
umanità mġedda mill-imħabba
tiegħu. B’mod tassew
sinifikattiv, sewwa sew fejn
is-Sinottiċi jirrakkontaw
it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija,
il-Vanġelu ta’ Ġwanni juri
it-tifsira mill-iżjed profonda,
fir-rakkont tal-“ħasil
tar-riġlejn”, li fih Ġesù
jagħmel lilu nnifsu għalliem ta’
komunjoni u ta’ qadi (ara Ġw
13, 1-20). Minn naħa tiegħu,
l-Appostlu Pawlu jqis bħala
“indenn” li l-komunità
Nisranija, tieħu sehem fl-Ikla
tal-Mulej, meta din isseħħ
f’kuntest ta’ diviżjoni u ta’
indifferenza lejn il-fqar (ara
1 Kor 11, 17-22.27-34).
Meta jħabbru
l-mewt tal-Mulej “sa ma jiġi” (1
Kor 11, 26) dawk kollha li
jieħdu sehem fl-Ewkaristija,
jimpenjaw ruħhom li jibdlu
l-ħajja, sabiex hija ssir,
b’ċertu mod, kollha kemm hi
“Ewkaristika”. Hu proprju dan
il-frott ta’ bidla ta’
l-eżistenza tagħna u l-impenn li
nibdlu d-dinja skond il-Vanġelu
juri fid-dija kollha tagħhom
il-ġibda eskataloġika u l-ħajja
kollha Nisranija: “Ejja, Mulej
Ġesù!” (Apok 22, 20).
IT-TIENI
KAPITLU
L-EWKARISTIJA
TIBNI L-KNISJA
-
Il-Konċilju
Vatikan II fakkar li ċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika hija fiċ-ċentru
tal-proċess ta’ tkabbir
tal-Knisja. Fil-fatt, wara
li qal li “il-Knisja, jew
aħjar is-saltna ta’ Kristu
diġà
preżenti f’misteru, tikber
viżibilment fid-dinja
minħabba l-qawwa ta’ Alla”,
kważi bħal biex iwieġeb
għall-mistoqsija: “Kif
tikber?”, il-Konċilju jżid:
“Kull darba li s-sagrifiċċju
tas-Salib ‘li permezz tiegħu
Kristu, il-ħaruf ta’ l-Għid
tagħna, jiġi offrut’ (1
Kor 5,7), jiġi ċċelebrat
fuq l-Altar, titwettaq l-opra
tal-fidwa tagħna. U flimkien,
mas-sagrament tal-ħobż
Ewkaristiku, tiġi
rappreżentata u prodotta l-unità
tal-fidili, li
jikkostitwixxu ġisem wieħed
fi Kristu (ara 1 Kor
10,17)).”
Hemm influss każwali ta’ l-Ewkaristija,
sa mill-oriġini proprji
tal-Knisja. L-Evanġelisti
jippreċiżaw li kienu t-Tnax, l-Appostli,
li ltaqgħu ma’ Ġesù fl-Aħħar
Ċena (ara Mt 26,20; Mk
14,17; Lq 22,14).
Dan hu dettal ta’ rilevanza
notevoli, għaliex l-Appostli
“kienu kemm iż-żerriegħa ta’
Iżrael il-ġdid u kemm l-oriġini
tal-ġerarkija qaddisa”.
Filwaqt li offra bħala ikel
il-ġisem u d-demm tiegħu, Kristu
daħħalhom misterjożament
fis-sagrifiċċju li kellu jiġi
kkunsmat ftit tas-sigħat wara
fuq il-Kalvarju. F’analoġija
ma’ l-Alleanza tas-Sinai,
issiġillata mis-sagrifiċċju u
mit-traxxix tad-demm,
il-ġesti u l-kelmiet ta’ Ġesù
fl-Aħħar Ċena poġġew
il-pedamenti tal-komunità
messjanika ġdida, il-Poplu
tal-Patt il-ġdid.
Waqt li
l-Appostli fiċ-Ċenaklu laqgħu
l-istedina ta’ Ġesù: “Ħudu u
kulu… Ixorbu lkoll…” (Mt
26, 26-27), daħlu għall-ewwel
darba, f’komunjoni sagramentali
Miegħu. Minn dak il-ħin ’il
quddiem, sat-temma tas-sekli,
il-Knisja bniet u se tkompli
tibni lilha nfisha permezz
tal-komunjoni sagramentali ma’
l-Iben t’ Alla offrut għalina:
“Agħmlu dan b’tifkira tiegħi…
Agħmlu dan kull meta tixorbu,
b’tifkira tiegħi” (1 Kor
11, 24-25; ara Lq 22,19)
-
L-inkorporazzjoni
fi’ Kristu, imwettqa permezz
tal-Magħmudija, iġġedded u
ssaħħaħ lilha nfisha
kontinwament bis-sehem
fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku,
speċjalment bis-sehem sħiħ
fih permezz tal-komunjoni
sagramentali. Nistgħu
ngħidu li mhux biss kull
wieħed u waħda minna
jirċievi ’l Kristu, iżda
wkoll li Kristu jirċievi
lil kull wieħed u waħda
minna. Hu jorbot
il-ħbiberija tiegħu magħna:
“Intom ħbiebi” (Ġw
15,14). Anzi aħna ngħixu
minħabba fih: “Min jiekol
lili, hu wkoll jgħix bija” (Ġw
6, 57). Bil-komunjoni
Ewkaristika jitwettaq b’mod
sublimi l-għajxien ta’
Kristu u kull wieħed mid-dixxipli
f’xulxin: “Ibqgħu fija u
jiena nibqa’ fikom” (Ġw
15,4).
Permezz ta’ l-għaqda tiegħu ma’
Kristu, il-Poplu tal-Patt
il-ġdid, minflok ma jingħalaq
fih innifsu, isir “sagrament”
għall-umanità,
sinjal u strument ta’
salvazzjoni mwettqa minn Kristu,
dawl tad-dinja u melħ ta’ l-art
(ara Mt 5, 13-16)
għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.
Il-missjoni tal-Knisja hija
f’kontinwità ma’ dik ta’ Kristu:
“bħalma l-Missier bagħat lili,
hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw
20,21). Għalhekk mill-perpetwazzjoni
tas-sagrifiċċju tas-Salib u
tal-komunjoni mal-ġisem u mad-demm
ta’ Kristu fl-Ewkaristija,
il-Knisja tixrob il-qawwa
spiritwali meħtieġa sabiex
twettaq il-missjoni tagħha.
B’hekk, l-Ewkaristija tqiegħed
lilha nfisha bħala għajn
u fl-istess ħin il-quċċata
ta’ l-evanġelizzazzjoni, peress
li l-fini tagħha hija l-komunjoni
tal-bnedmin ma’ Kristu u fiH
mal-Missier u ma’ l-Ispirtu s-Santu.
-
Bil-komunjoni Ewkaristika,
l-Knisja hija imsaħħa
bl-istess mod fl-unità
tagħha mal-ġisem ta’ Kristu.
San Pawl jirreferi għal din
il-qawwa li tgħaqqad
tal-parteċipazzjoni fl-Ikla
Ewkaristika meta huwa jikteb
lill-Korintin: “U l-ħobż li
naqsmu m’huwiex għaqda mal-ġisem
ta’ Kristu? Għax la l-ħobża
hija waħda, aħna, li aħna
ħafna, aħna ġisem wieħed:
billi lkoll kemm aħna nieħdu
sehem minn ħobża waħda” (1
Kor 10, 16-17) Puntwali
u profond jasal il-kumment
ta’ San Ġwann Grisostmu:
“X’inhu l-ħobż? Hu l-ġisem
ta’ Kristu. X’jsir minn
dawk li jirċievuh? Dawn
isiru l-Ġisem ta’ Kristu;
imma, mhux ħafna iġsma, iżda
ġisem wieħed. Fil-fatt
bħalma l-ħobż huwa ħaġa
waħda, minkejja l-fatt li
huwa magħmul minn ħafna
qamħiet u dawn, għalkemm ma
jidhrux, xorta jinsabu fih,
b’tali mod li d-differenza
ta’ bejniethom tisparixxi
minħabba l-fużjoni reċiproka
u perfetta tagħhom;
bl-istess mod anki aħna
nħossuna magħqudin
reċiprokament bejnietna u
lkoll kemm aħna ma’ Kristu”.
Dan l-argument huwa
konvinċenti: l-unjoni tagħna
ma’ Kristu, li hi don u
grazzja għal kull wieħed u
waħda minna, jagħmel li fiH
aħna wkoll inkunu msieħba
fl-unità tal-ġisem Tiegħu li
hi l-Knisja. L-Ewkaristija
ssaħħaħ l-għaqda fi Kristu,
li seħħet fil-Magħmudija
permezz tad-don ta’ l-Ispirtu
(ara 1 Kor 12, 13.27)
L-attività
magħquda u inseparabbli ta’ l-Iben
ma’ dik ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li tinsab sa fil-bidu tal-Knisja,
fit tisħiħ tagħha u fil-ħajja
dejjiema tagħha, tinsab taħdem
fl-Ewkaristija. Dan kien
evidenti għall-awtur tal-Liturġija
ta’ San Ġakbu: fl-epiklesi
ta’ l-Anafora Alla l-Missier hu
mitlub sabiex jibgħat l-Ispirtu
s-Santu fuq il-fidili tiegħu u
fuq l-offerti tiegħu, sabiex
il-ġisem u d-demm ta’ Kristu
“jgħin lil dawk kollha li jieħdu
sehem minhom
[…]
għat-tqaddis kemm tar-ruħ kif
ukoll tal-ġisem tagħhom”.
Il-Knisja hija msaħħa mill-Paraklitu
Divin permezz tat-tqaddis
tal-fidili fl-Ewkaristija.
-
Id-don ta’
Kristu u ta’ l-Ispirtu
tiegħu, li aħna nirċievu
fit-Tqarbin Imqaddes,
jwettaq jimla b’abbondanza
x-xewqat ħerqana ta’ unità
fraterna li jgħammru
fil-qalb tal-bniedem; fl-istess
ħin jgħolli ’il fuq l-esperjenza
ta’ fraternità li tinsab diġà
fil-parteċipazzjoni komuni
tagħna mill-istess mejda
Ewkaristika li hi f’livelli
wisq ogħla minn dik ta’
esperjenza konvivjali umana
sempliċi. Permezz
tal-komunjoni mal-ġisem ta’
Kristu, il-Knisja tilħaq
dejjem iżjed profondament
dak l-esseri tagħha “fi
Kristu bħala sagrament,
jiġifieri sinjal u strument
ta’ l-unjoni intima ma’ Alla
u ta’ l-unità ta’ l-umanità
kollha”.
Iż-żrieragħ
tal-firda, li l-esperjenza ta’
kuljum turi li għandhom
għeruqhom fl-umanità minħabba d-dnub,
isibu tifqilhom il-qawwa li
tgħaqqad tal-ġisem ta’
Kristu. L-Ewkaristija,
preċiżament billi tibni l-Knisja,
toħloq komunità fost il-bnedmin.
-
L-adorazzjoni
ta’ l-Ewkaristija barra
mill-Quddiesa
huwa ta’ valur li ma jistax
jitkejjel fil-ħajja
tal-Knisja. Dan il-kult
huwa strettament marbut
maċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.
Il-preżenza ta’ Kristu taħt
l-ispeċi qaddisa li jiġu
kkonservati wara l-Quddiesa
– preżenza li ddum sakemm
jibqgħu l-ispeċi tal-ħobż u
ta’ l-imbid
– tieħu miċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju u twassal
għall-komunjoni sagramentali
u spiritwali.
Huwa d-dmir tar-Rgħajja li
jinkoraġġixxu, anki
bix-xhieda personali tagħhom,
il-kult Ewkaristiku, b’mod
partikolari l-espożizzjoni
tas-Santissimu Sagrament,
kif ukoll mumenti ta’
adorazzjoni quddiem Kristu
preżenti taħt l-Ispeċi
Ewkaristiċi.
Hija ħaġa tassew sabiħa li
ngħaddu ftit tal-ħin Miegħu, u
nbaxxu rasna fuq is-sider tiegħu
bħad-dixxiplu predilett (ara
Ġw 13,25), u nħossuna
milquta mill-imħabba infinita
tal-qalb tiegħu. Jekk
il-Kristjaneżmu jrid
jiddistingwi ruħu, fi
żminijietna, fuq kollox bl-“arti
tat-talb”,
kif qatt nistgħu ma nħossux
il-ħtieġa mġedda li nieqfu fit-tul,
f’konversazzjoni spiritwali,
f’adorazzjoni siekta,
f’atteġġjament ta’ imħabba,
quddiem Kristu preżenti
fis-Santissimu Sagrament? Kemm
drabi, ħuti għeżież, għamilt din
l-esperjenza, u ksibt qawwa,
konsolazzjoni u għajnuna!
Din il-prattika mfaħħra u
rakkomandata kemm il-darba mill-Maġisteru,
jagħtuna eżempju tagħha
il-Qaddisin. B’mod partikolari,
jispikka f’dan San Alfons Marija
de’ Liguori, li kiteb hekk:
“Fost il-ħafna devozzjonijiet,
din li naduraw lil Ġesù
Sagramentat hija l-ewwel waħda
wara is-sagramenti, l-aktar
għażiża għal Alla u l-iżjed utli
għalina”.
L-Ewkaristija hija teżor li ma
jistax jitkejjel: billi mhux
biss niċċelebrawha, imma wkoll
billi nieqfu nitolbu quddiemha
barra mill-Quddiesa, aħna
nistgħu nersqu qrib l-għajn ta’
kull grazzja. Komunità
Nisranija li trid tkun kapaċi
tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu,
f’dak l-ispirtu li jiena
ssuġġerejt fl-Ittri apostoliċi
tiegħi Novo millennio ineunte
u Rosarium Virginis Mariæ,
ma tistax ma tiżviluppax ukoll
dan l-aspett tal-kult
Ewkaristiku, li fih jiġu mtawla
u mmultiplikati il-frott
tal-komunjoni tagħna mal-ġisem u
d-demm tal-Mulej.
IT-TIELET
KAPITLU
L-APOSTOLIĊITÀ
TA’ L-EWKARISTIJA
U TAL-KNISJA
-
Jekk, bħalma
semmejt iktar ’il fuq, l-Ewkaristija
tibni l-Knisja u l-Knisja
tagħmel l-Ewkaristrija,
jidher minnufih li l-konnessjoni
li hemm bejn waħda u l-oħra
hija konnessjoni mill-iżjed
stretta. Dan huwa tassew
minnu tant li jikkonsentilna
napplikaw lill-Misteru
Ewkaristiku dak li ngħidu
dwar il-Knisja, meta,
fis-Simbolu
niċenu-kostantinopolitan,
nistqarruha “waħda, qaddisa,
kattolika u appostolika”.
Waħda u kattolika hija wkoll
l-Ewkaristija. Hija wkoll
qaddisa, anzi hija s-Santissimu
Sagrament. Imma fuq kollox
hija l-appostoliċità tagħha
li lejha aħna rridu nitfgħu
l-attenzjoni tagħna.
-
Il-Katekiżmu tal-Knisja
Kattolika, meta jfisser
kif il-Knisja hija
appostolika, jew aħjar
mibnija fuq l-Appostli,
jindividwa sens triplu
ta’ espressjoni. Minn
naħa waħda “Hija twaqqfet u
għadha mwaqqfa ‘fuq
il-pedament ta’ l-Appostli’
(Ef 2, 20) xhieda
magħżula u mibgħuta
b’missjoni minn Kristu
nnifsu”.
Anki bħala pedament ta’ l-Ewkaristija
hemm l-Appostli, mhux
għaliex is-Sagrament ma
jwassalx sa Kristu nnifsu,
iżda peress li huwa ġie
afdat f’idejn l-Appostli
minn Kristu u ġie mgħoddi
minnhom lis-suċċessuri
tagħhom sa għandna. Huwa
f’kontinwità mal-ħidma ta’
l-Appostli u ubbidjenti
għall-amar tal-Mulej, li l-Knisja
tiċċelebrah matul is-sekli.
It-tieni sens ta’ l-appostoliċità
tal-Knisja, indikat fil-Katekiżmu
huwa li “tħares u twassal
bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu,
li jgħammar fiha, it-tagħlim,
it-teżor sabiħ, il-kliem qaddis
li ġie afdat lill-Appostli”.
Anki f’dan it-tieni sens, l-Ewkaristija
hija apostolika, għaliex tiġi
ċċelebrata f’konformità mal-fidi
ta’ l-Appostli. Il-Maġisteru
ekkleżjastiku f’diversi
okkażjonijiet, matul l-istorja
bi-millenarja tal-Poplu tal-Patt
il-ġdid, iddefinixxa b’mod aktar
preċiż id-duttrina Ewkaristika,
inkluża t-terminoloġija eżatta,
proprju biex tħares il-fidi
apostolika f’dan il-Misreu hekk
għoli. Din il-fidi tibqa’ bla
ma tinbidel u huwa essenzjali
għall-Knisja li hi tibqa’ dak li
hi.
-
Fl-aħħarnett, il-Knisja hija
appostolika fis-sens li
“tkompli tiġi mgħallma,
imqaddsa u mmexxija mill-Appostli,
sa meta jerġa’ jiġi Kristu,
permezz tas-suċċessuri
tagħhom fil-ħidma pastorali:
il-kulleġġ ta’ l-Isqfijiet,
“bl-għajnuna tas-saċerdoti,
u f’għaqda mas-suċċessur ta’
San Pietru, ir-ragħaj
il-kbir tal-Knisja’”.
Is-suċċessjoni ta’ l-Appostli,
fil-missjoni pastorali,
timplika neċessarjament is-sagrament
ta’ l-Ordni Sagri, jew
jiġifieri s-serje ma taqta’
xejn sa mill-bidu ta’ l-ordinazzjonijiet
validi ta’ l-Isqfijiet.
Din is-suċċessjoni hija
essenzjali, għaliex hemm
il-Knisja f’sens proprju u
sħiħ.
L-Ewkaristija tesprimi anki dan
is-sens ta’ appostoliċità.
Fil-fatt, bħalma jgħallem
il-Konċilju Vatikan II,
“il-fidili, minħabba s-saċerdozju
regali tagħhom, jingħaqdu
fis-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija”,
iżda huwa is-saċerdot
ministerjali li “iwettaq is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku fil-persuna ta’
Kristu u joffrih lil Alla f’isem
il-poplu kollu”.
Minħabba f’hekk fil-Messale
Romano hemm miktub li huwa
biss is-saċerdot li għandu
jirreċita t-talba Ewkaristika,
filwaqt li l-poplu, jossoċja
ruħu miegħu bil-fidi u fis-skiet.
-
L-espressjoni, ripetutament
użata mill-Konċilju Vatikan
II, li skond hi “is-saċerdot
ministerjali jwettaq is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku fil-persuna ta’
Kristu”,
kienet diġà
radikata sewwa fit-tagħlim
pontifiċju.
Bħalma kelli mod li nfisser
f’okkażjoni oħra, in
persona Christi “tfisser
ferm iżjed minn “f’isem”,
jew inkella “fil-parti” ta’
Kristu. In persona:
jiġifieri fl-identifikazzjoni
speċifika u sagramentali
mas-Saċerdot il-kbir u etern,
li hu l-awtur u s-suġġett
prinċipali ta’ dan is-sagrifiċċju
proprju tiegħu, li fih
il-verità ma tista’ qatt
tiġi mibdula minn ħadd”.
Il-ministeru tas-saċerdoti
li rċivew is-sagrament ta’
l-Ordni Sagri, fl-ekonomija
tas-salvazzjoni magħżula
minn Kristu, juri li l-Ewkaristija,
minnhom iċċelebrata, hija
don li jgħaddi radikalment
is-setgħa ta’ l-assemblea
u allura hu inostitwibbli
sabiex jorbot b’mod validu
il-Konsagrazzjoni
Ewkaristika mas-sagrifiċċju
tas-Salib u ma’ l-Aħħar Ċena.
L-assemblea li tingħaqad
flimkien għaċ-ċelebrazzjoni ta’
l-Ewkaristija teħtieġ
assolutament saċerdot ordnat li
jippresidiha sabiex tista’ tkun
verament Assemblea Ewkaristika.
Min-naħa l-oħra, il-komunità
mhix fi stat li tagħti lilha
nfisha, minn jeddha, il-ministru
ordnat. Dan huwa rigal li hija
tirċievi permezz
tas-suċċessjoni episkopali li
tmur lura sa l-Appostli. Hu
l-Isqof li, permezz
tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri,
jagħmel presbiteru ġdid filwaqt
li jsawwab fuqu is-setgħa li
jikkonsagra l-Ewkaristija. Għalhekk,
“il-Misteru Ewkaristiku ma jista’
qatt jiġi ċċelebrat fl-ebda’
komunità jekk mhux minn saċerdot
ordnat, bħalma għallem
espressament ir-Raba’ Konċilju
Lateranensi IV”.
-
Kemm din id-duttrina
tal-Knisja Kattolika dwar
il-ministeru saċerdotali
f’rapport ma’ l-Ewkaristija,
kif ukoll dik dwar is-Sagrifiċċju
Ewkaristiku, f’dawn l-aħħar
għaxriet ta’ snin, kienu
oġġett ta’ djalogu profiku
fil-qasam ta’ l-azzjoni
ekumenika. Jeħtieġ
inrodd ħajr lit-Trinita
Qaddisa għaliex f’dan
ir-rigward kien hemm
progressi u tqarrib
sinifikanti li jgħinuna
nittamaw f’ġejjieni ta’
kondiviżjoni sħiħa tal-fidi.
Għadha sa llum tassew
pertinenti l-osservazzjoni
magħmula mill-Konċilju dwar
il-Komunitajiet Ekkleżjali
li nibtu fl-Oċċident
mis-seklu XVI ’il hawn u li
huma mifrudin mill-Knisja
kattolika: “Il-Komunitajiet
Ekkleżjali mifrudin minna,
għalkemm tonqos minnhom dik
l-unità sħiħa magħna li hija
ġejja mill-Magħmudija, u
għalkemm aħna nemmnu li huma,
speċjalment minħabba in-nuqqas
tas-sagrament ta’ l-Ordni
Sagri, ma żammewx is-sustanza
ġenwina u integra
tal-Misteru Ewkaristiku,
safrattant, waqt li fl-Ikla
Qaddisa jagħmlu t-tifkira
tal-mewt u tal-qawmien
tal-Mulej, jkunu jistqarru
ħajja f’komunjoni ma’ Kristu
u jistennew il-miġja
glorjuża tiegħu”.
Il-fidili
kattoliċi, filwaqt li
jirrispettaw il-konvinzjonijiet
reliġjużi ta’ dawn ħutna mifruda,
m’għandhomx jieħdu sehem fit-tqarbin
mogħti fiċ-ċelebrazzjonijiet
tagħhom, sabiex b’hekk ma jkunux
jiċċertifikaw l-ambigwità dwar
in-natura ta’ l-Ewkaristija, u
minħabba f’hekk, jonqsu mid-dmir
li jixhdu b’ċarezza l-verità.
Dan iwassal biex itawwal
il-mixja lejn l-unità viżibbli u
sħiħa. Hekk ukoll, ma nistgħu
qatt naslu li nissostitwixxu l-Quddiesa
tal-Ħadd b’ċelebrazzjonijiet
ekumeniċi tal-Kelma jew
b’laqgħat ta’ talb flimkien ma’
Nsara li jappartienu lil dawn
il-Komunitajiet Ekkleżjali li
semmejna jew inkella bis-sehem
fis-servizz liturġiku tagħhom.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u
laqgħat, li minnhom infushom
huma ta’ min ifaħħarhom
f’ċirkustanzi opportuni, iħejju
għall-komunjoni sħiħa, anki
Ewkaristika, iżda ma jistgħux
jiħdulha postha.
Il-fatt li s-setgħa
li jikkonsagraw l-Ewkaristija
ġie afdat biss lill-Isqfijiet u
lill-presbiteri, ma
jikkostitwixxi l-ebda tnaqqis
għall-bqija tal-Poplu ta’ Alla,
peress li fil-komunjoni
tal-ġisem uniku ta’ Kristu li hu
l-Knisja, dan id-don jerġa’ jdur
bħala vantaġġ għal kulħadd.
-
Jekk l-Ewkaristija hija ċ-ċentru
u l-quċċata tal-ħajja
tal-Knisja, hekk ukoll hija
ċ-ċentru u l-quċċata
tal-ministeru saċerdotali.
Minħabba f’hekk, b’qalb
tassew grata lejn is-Sinjur
tagħna Ġesù Kristu, nerġa’
ntenni li l-Ewkaristija hija
l-iskop prinċipali u
ċentrali tas-Sagrament
tas-saċerdozju, li
effettivament twieled
fil-mument tat-twaqqif ta’
l-Ewkaristija u flimkien
magħha”.
L-attivitajiet pastorali
tal-presbiteru huma ħafna. Jekk
imbagħad inġibu quddiem
għajnejna l-kundizzjonijiet
soċjali u kulturali tad-dinja ta’
żmienna, hija ħaġa tassew faċli
li tifhem kemm hu difiċili
għall-presbiteri l-periklu ta’
tixrid f’numru tassew kbir
ta’ ħidmiet diversi. Il-Konċilju
Vatikan II lemaħ, fil-karità
pastorali, ir-rabta li tagħti l-unità
lil ħajjithom u l-attivitajiet
tagħhom. Hija – iżid jgħid
il-Konċilju – “toħroġ fuq kollox
mis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, li
allura huwa ċ-ċentru u l-għerq
tal-ħajja kollha tal-presbiteru”.
Għalhekk nifhmu kemm huwa
importanti għall-ħajja
spiritwali tas-saċerdot, kif
ukoll għall-ġid tal-Knisja u
tad-dinja li l-qassisin jimxu
fuq ir-rakkomandazzjoni
konċiljari billi jiċċelebraw ta’
kuljum l-Ewkaristija “li hija
dejjem att ta’ Kristu u
tal-Knisja tiegħu, anki meta
mhux possibli li jassistu l-fidili”.
B’dan il-mod, is-saċerdoti jkunu
jistgħu jirbħu kull tensjoni li
ttellifhom fil-ħajja, filwaqt li
jsibu fis-Sagrifiċċju
Ewkaristiku, ċentru tassew
tal-ħajja u tal-ministeru
tagħhom, l-enerġija spiritwali
meħtieġa sabiex jaffrontaw
il-ħidmiet pastorali diversi.
B’hekk il-ġranet tagħhom siru
tassew ewkaristiċi.
Miċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija
fil-ħajja u fil-ministeru
tas-saċerdoti toħroġ anki
ċ-centralità tagħha fil-pastorali
b’risq il-vokazzjonijiet
saċerdotali. Hu
fl-Ewkaristija illi t-talba
ħerqana għall-vokazzjonijiet
issib l-aqwa unjoni mat-talba
ta’ Kristu, is-Saċerdot il-kbir
u etern. Fl-istess ħin,
id-diliġenza tal-qassisin
fit-twettiq tal-Ministeru
Ewkaristiku flimkien mas-sehem
konxju, attiv u mimli frott
tal-fidili fl-Ewkaristija
tikkostitwixxi eżempju effettiv
u stimolu għat-tweġiba ġeneruża
miż-żgħażagħ għas-sejħa ta’
Alla. Alla ta’ spiss jinqeda’
bl-eżempju ta’ karità pastorali
żelanti ta’ xi saċerdot sabiex
jiżra’ u jiżviluppa fil-qalb ta’
żagħżugħ iż-żerriegħa ħajja
tas-sejħa għas-saċerdozju.
-
Dan kollu
juri kemm hija ta’ dwejjaq u
lil hinn min-normal is-sitwazzjoni
ta’ komunità Nisranija li,
filwaqt li tqis lilha
nnifisha bħala parroċċa
minħabba n-numru u l-varjetà
ta’ fidili, ma jkollhiex
saċerdot li jmexxiha.
Fil-fatt, il-parroċċa hija
komunità ta’ mgħammdin li
jesprimu u jaffermaw l-identità
tagħhom, fuq kollox, permezz
taċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.
Iżda dan jitlob il-preżenza
ta’ presbiteru, li hu biss
għandu s-setgħa li joffri l-Ewkaristija
in persona Christi.
Meta l-komunità hija mċaħħda
mis-saċerdot, ġustament hija
tipprova, b’xi mod, issib
rimedju, sabiex ikunu
jistgħu jitkomplew
iċ-ċelebrazzjonijiet ta’
nhar ta’ Ħadd, u r-reliġjużi
u l-lajċi li jmexxu fit-talb
lil ħuthom, irġiel u nisa,
jeżerċitaw b’mod ta’ min
ifaħħru, is-saċerdozju
komuni tal-fidili kollha,
mibni fuq il-grazzja
tal-Magħmudija. Iżda dawn
is-soluzzjonijiet għandhom
jinżammu biss proviżorjament,
meta l-komunità tkun qed
tistenna s-saċerdot.
L-inkompletezza
sagramentali ta’ dawn
iċ-ċelebrazzjonijiet għandha,
qabel xejn, tistimola
lill-komunità kollha sabiex
titlob b’fervur ikbar, ħalli l-Mulej
jibgħat ħaddiema fil-għalqa
tiegħu (ara Mt 9, 38);
għandha imbagħad tkun ta’
inċentiv għaliha sabiex tqiegħed
fil-prattika r-riżorsi meħtieġa
l-oħra kollha għall-promozzjoni
pastorali u adegwata ta’
vokazzjonijiet bla ma tħalli
lilha nfisha taqa’ fit-tentazzjoni
li tfittex soluzzjonijiet li
jnaqqsu l-kwalitajiet morali u
formattivi mitluba mill-kandidati
għas-saċerdozju.
-
Għalhekk mela, minħabba n-nuqqas
ta’ saċerdoti, tiġi afdata
f’idejn fidili li mhumiex
ordnati, il-parteċipazzjoni
fil-kura pastorali
tal-parroċċa, dawn għandhom
iżommu quddiem għajnejhom,
li, bħalma jgħallem
il-Konċilju Vatikan II,
“mhux possibbli li tiġi
ffurmata komunità Nisranija
jekk ma jkollhiex bħala
għeruq tagħha u bħala ċ-ċentru
tagħha iċ-ċelebrazzjoni ta’
l-Ewkaristija Mqaddsa”.
Għalhekk huma għandhom jaraw
li jżommu ħaj fil-komunità
“ġuħ” veru għall-Ewkaristija,
li jwassal sabiex ma
tintilef ebda okkażjoni li
jkun hemm ċelebrazzjoni
tal-Quddiesa, anki billi
japprofittaw ruħhom mill-preżenza
okkażjonali ta’ xi saċerdot
li mhux miżmum mid-dritt
tal-Knisja milli
jiċċelebraha.
IR-RABA’
KAPITLU
L-EWKARISTIJA U
L-KOMUNJONI EKKLEŻJALI
-
L-Assemblea straordinarja
tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet,
fl-1985, identifikat fl-“ekkleżjoloġija
tal-komunjoni” l-idea
ċentrali u fundamentali tad-dokumenti
tal-Konċilju Vatikan II.
Il-Knisja, waqt
il-pellegrinaġġ tagħha fuq
din l-art, hija msejħa
sabiex iżżomm u ġġib ’il
quddiem kemm il-komunjoni
ma’ Alla Trinità kif ukoll
il-komunjoni fost il-fidili.
Minħabba f’hekk hija għandha
l-Kelma u s-Sagramenti; fuq
kollox hija għandha l-Ewkaristija,
li permezz tagħha hija
“kontinwament tgħix u tikber”,
u li fiha, fl-istess ħin,
tesprimi lilha nfisha. Mhux
ta’ b’xejn li t-terminu
komunjoni sar wieħed
mill-ismijiet speċifiċi ta’
dan is-Sagrament hekk kbir.
L-Ewkaristija, għalhekk, tidher
bħala l-quċċata tas-Sagramenti
kollha, meta hija twassal
għall-perfezzjoni l-komunjoni
tagħha ma’ Alla l-Missier
permezz ta’ l-identifikazzjoni
ma’ l-Iben Waħdieni Tiegħu
bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Permezz ta’ fidi mill-iżjed
intensa, wieħed kittieb distint
tat-tradizzjoni Biżantina,
esprima din il-verità: Fl-Ewkaristija
“b’differenza minn kull
sagrament ieħor, il-misteru
ġtal-komunjoniħ hu daqstant
perfett li jwassalna sal-quċċata
ta’ dak kollu li hu tajjeb: hawn
jinsab l-iskop aħħari ta’ kull
xewqa umana, għaliex hawnhekk
nilħqu lil Alla u Alla jgħaqqad
lilu nnifsu magħna f’unjoni
mill-iżjed perfetta”.
Proprju minħabba f’hekk, tkun
ħaġa flokha li nikkoltivaw
f’ruħna x-xewqa kostanti
għas-Sagrament Ewkaristiku.
Hawn twieldet il-prattika
tal-“komunjoni spiritwali”
affermata tul sekli sħaħ mill-Knisja
u rakkomandata minn Qaddisin
għalliema tal-ħajja spiritwali.
Santa Tereża ta’ Ġesù kitbet:
“Meta ma titqarbnux u ma tiħdux
sehem fil-Quddiesa, intom
tistgħu titqarbnu spiritwalment,
u din il-ħaġa hija tassew
vantaġġjuża… Hekk fikom tiġi
stampata sewwa l-imħabba
tal-Mulej tagħna”.
-
Iżda ċ-ċelebrazzjoni
ta’ l-Ewkaristija ma tista’
tkun qatt il-punt tat-tluq
tal-komunjoni; Din tistenna
li hi tkun diġà
teżisti, sabiex issaħħaħha u
twassalha għall-perfezzjoni.
Is-Sagrament jesprimi din
ir-rabta ta’ komunjoni kemm
fid-dimensjoni inviżibbli
li, fi Kristu, bil-ħidma ta’
l-Ispirtu s-Santu, torbotna
mal-Missier u bejnietna, kif
ukoll fid-dimensjoni
viżibbli li timplika l-komunjoni
fid-duttrina ta’ l-Appostli,
fis-Sagramenti u fl-ordni
ġerarkiku. Ir-rapport
intimu eżistenti bejn l-elementi
inviżibbli u l-elementi
viżibbli tal-komunjoni
ekkleżjali hija kostituttiv
tal-Knisja bħala sagrament
ta’ salvazzjoni.
Hu biss f’dan il-kuntest li
jkollna ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija
u l-parteċipazzjoni vera
fiha. Għalhekk hija
esiġenza intrinsika
għall-Ewkaristija li din
tiġi ċċelebrata
fil-komunjoni, u żżomm bla
minsusa r-rabtiet ta’ dik
il-komunjoni.
-
Il-komunjoni inviżibbli,
minkejja li min-natura
tagħha, dejjem qed tikber,
tissoponi l-ħajja
tal-grazzja, li bis-saħħa
tagħha, “lilna sseħibna fin-natura
divina”( 2 Pt 1,4), u l-prattika
tal-virtujiet tal-fidi,
tat-tama u tal-karità.
Fil-fatt hekk biss ikun hawn
komunjoni vera mal-Missier,
ma’ l-Iben u ma’ l-Ispirtu
s-Santu. Mhux biżżejjed
il-fidi, hemm bżonn ukoll
il-perseveranza fil-grazzja
santifikanti u fil-karità,
filwaqt li aħna nibqgħu fi
ħdan il-Knisja bil-“ġisem” u
bil-“qalb”;
li jeħtieġ, għalhekk, biex
ngħiduha fi kliem San Pawl
hu, “il-fidi li taħdem
permezz tal-karità” (Gal
5,6).
L-integrità tar-rabtiet
inviżibbli huwa dmir morali
preċiż tan-Nisrani li jrid jieħu
sehem bis-sħiħ fl-Ewkaristija
billi jitqarben bil-ġisem u bid-demm
ta’ Kristu. Għal dan l-istess
dmir isejjaħ Appostlu Pawlu meta
jwissi: “Ħa jgħarbel il-bniedem
lilu nnifsu, imbagħad jiekol
il-ħobż u jixrob il-kalċi” (1
Kor 11,28). San Ġwann
Grisostmu, bil-qawwa ta’
l-elokwenza tiegħu, kien iħeġġeġ
lill-fidili: “Anki jien ngħolli
leħni, nitniehed, nitlob u
niskonġra li ma jkun hemm ħadd
li jersaq lejn din il-Mejda
mqaddsa b’kuxjenza mtebba’ jew
korrotta. Fil-fatt, li nersqu
b’dan il-mod ma jista’ qatt
jissejjaħ tqarbin, anki jekk
immissu elf darba l-ġisem
tal-Mulej, iżda jkun kundanna,
turment u żieda ta’ kastigi”.
Ġustament f’din il-linja l-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika
jistabilixxi: “Min ikun jaf li
huwa ħati ta’ dnub gravi,
l-ewwel għandu jirċievi
s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni
qabel jersaq jitqarben”.
Nixtieq għalhekk nerġa’ ntenni
li għadha tgħodd, u tibqa’
tgħodd fil-Knisja, in-norma li
biha l-Konċilju ta’ Trento
kkonkretizza t-twissija iebsa ta’
l-Appostlu Pawlu meta stqarr li
biex ikun hemm laqgħa denja ta’
l-Ewkaristija, “irid ikun hemm
qabel xejn il-maħfra tad-dnubiet,
meta wieħed huwa konxju ta’ dnub
mejjet”.
-
L-Ewkaristija
u l-Qrar huma żewġ
sagramenti marbutin
strettament flimkien. Billi
l-Ewkaristija tagħmel
preżenti s-sagrifiċċju
tas-Salib, u tkomplih
sagramentalment, dan ifisser
li minnha toħroġ il-ħtieġa
kontinwa ta’ konverżjoni, ta’
tweġiba personali
għall-eżortazzjoni li San
Pawl kien itenni lill-Insara
ta’ Korintu: “Nitlobkom
f’ġieħ Kristu, ħallu lil
Alla jħabbibkom miegħu” (2
Kor 5, 20). Jekk
imbagħad in-Nisrani għandu
fuq il-kuxjenza tiegħu l-piż
ta’ xi dnub gravi, allura l-itinerarju
ta’ penitenza permezz
tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni,
isir triq obbligatorja
sabiex wieħed jasal
għas-sehem sħiħ
fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku.
Bla dubju ta’ xejn, il-ġudizzju
dwar l-istat ta’ grazzja jaqa’
biss fuq il-persuna interessata,
peress li din hi kwistjoni ta’
valutazzjoni ta’ kuxjenza. Iżda
f’każi ta’ xi komportament
estern li hu b’mod gravi, ċar u
kostanti kuntrarju għan-norma
morali, il-Knisja, fil-kura
pastorali tal-bon ordni
komunitarju u minħabba r-rispett
lejn is-Sagrament, ma tistax
tistenna li ma tiġix indaħħla
fil-kwistjoni. Għal din is-sitwazzjoni
li turi nuqqas ta’ dispożizzjoni
morali, insibu n-norma
tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku
dwar l-inammissibilità
għat-tqarbin Ewkaristiku ta’
dawk “li jwebbsu rashom u
jkomplu jgħixu fi dnub gravi li
jidher”.
-
Il-komunjoni
ekkleżjali, bħalma diġà
fakkart, hi wkoll
viżibbli, u tesprimi
ruħha fl-“irbit” msemmi
mill-istess Konċilju meta
jgħallem: “Huma inkorporati
bis-sħiħ fis-soċjetà
tal-Knisja dawk li, filwaqt
li għandhom l-Ispirtu s-Santu,
jilqgħu bħala ħaġa sħiħa l-istruttura
tagħha kif ukoll il-mezzi
kollha ta’ salvazzjoni li
huma istitwiti fiha, u li
fl-istruttura viżibbli
tagħha huma magħqudin ma’
Kristu – li jmexxiha permezz
tal-Papa u ta’ l-Isqfijiet –
bl-irbit ta’ l-istqarrija ta’
fidi, tas-Sagramenti, tat-tmexxija
ekkleżjastika u
tal-komunjoni”.
L-Ewkaristija, peress li hija l-manifestazzjoni
suprema sagramentali tat-tqarbin
fil-Knisja, teżiġi li tkun
iċċelebrata f’kuntest fejn
ir-rabtiet esterni ta’ komunjoni
huma intatti. B’mod speċjali,
peress li hija “il-quċċata
tal-ħajja spiritwali u l-iskop
tas-Sagramenti kollha”,
tistenna li jkunu veri l-irbit
tal-komunjoni fis-Sagramenti,
partikolarment fil-Magħmudija u
fl-Ordni Sagri. Mhix ħaġa
possibli li jingħata t-tqarbin
lil xi persuna li ma tkunx ġiet
imgħammda jew li tirrifjuta l-verità
kollha tal-fidi dwar
il-Ministeru Ewkaristiku.
Kristu huwa l-verità u jagħti
xhieda tal-verità (ara Ġw
14,6; 18,37); is-Sagrament
tal-ġisem u tad-demm tiegħu ma
jaċċettax finzjonijiet.
-
Barra minn hekk, minħabba l-karattru
stess tal-komunjoni
ekkleżjali u minħabba r-relazzjoni
li għandu magħha s-sagrament
ta’ l-Ewkaristija, irid jiġi
mfakkar li s-“Sagrifiċċju
Ewkaristiku, minkejja li
jiġi ċċelebrat dejjem
f’komunità partikolari, ma
hux ċelebrazzjoni ta’ dik
il-komunità waħedha.
Fil-fatt, filwaqt li
tirċievi l-preżenza
Ewkaristika tal-Mulej,
il-komunità tirċievi wkoll
id-don sħiħ tas-salvazzjoni
u turi, anki li fil-forma
partikulari viżibbli u
dejjiema tagħha, hi l-immaġini
u preżenza reali ta’ Knisja
waħda, qaddisa, kattolika u
appostolika”.
Minn dan joħroġ li
komunità verament
Ewkaristika ma tista’ qatt
tkun magħluqa fiha nnfisha,
qisha kienet xi ħaġa
awto-suffiċjenti, iżda
għandha żżomm ruħha
f’sintonija ma’ kull
komunità kattolika oħra.
Il-komunjoni ekkleżjali ta’ l-assemblea
Ewkaristika hija komunjoni ma’
l-Isqof proprju u mal-Papa
Ruman. L-isqof,
effettivament, huwa l-bidu
viżibbli u l-pedament ta’ l-unità
fil-Knisja partikulari tiegħu.
Kienet tkun inkongruwenza tassew
kbira kieku s-Sagrament per
eċċellenza tal-Knisja kellu jiġi
ċċelebrat mingħajr komunjoni
vera ma’ l-Isqof. Sant Injazju
ta’ Antijokja kiteb hekk:
“Għandha tiġi meqjusa bħala ħaġa
żgura dik l-Ewkaristija li tiġi
ċċelebrata taħt it-tmexxija ta’
l-Isqof jew dak li jkun ġie
mogħti l-inkarigu mill-Isqof”.
Hekk ukoll, peress li “l-Papa
Ruman, bħala s-suċċessur ta’
Pietru, huwa l-prinċipju
perpetwu u viżibbli kif ukoll
il-pedament ta’ l-unità kemm ta’
l-Isqfijiet kif ukoll
tal-moltitudni ta’ fidili”,
il-komunjoni miegħu hija
eżiġenza intrinsika
għaċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.
Minn hawn toħroġ il-verità kbira
espressa b’modi diversi mil-Liturġija:
“Kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija
hija magħmula f’unjoni mhux biss
ma’ l-Isqof proprju iżda wkoll
mal-Papa, ma’ l-Ordni ta’ l-Isqfijiet,
mal-kleru kollu u mal-poplu
kollu. Kull ċelebrazzjoni
valida ta’ l-Ewkaristija
tesprimi din il-komunjoni
universali ma’ Pietru u mal-Knisja
kollha kemm hi, jew inkella
tfakkarha oġġettivament, bħalma
tagħmel fil-każ tal-Knejjes
Insara mifrudin minn Ruma”.
-
L-Ewkaristija toħloq
komunjoni u teduka
għall-komunjoni. San
Pawl kiteb lill-fidili ta’
Korintu, filwaqt li urihom
kemm il-firdiet tagħhom, li
kienu qed jidhru fil-laqgħat
ewkaristriċi, kienu
f’kuntrast ma’ dak li kienu
qed jiċċelebraw, l-Ikla
tal-Mulej. Konsegwentement,
l-Appostlu stedinhom
jirriflettu dwar ir-realta’
vera ta’ l-Ewkaristija,
sabiex jgħinhom jerġgħu lura
lejn l-ispirtu tal-komunjoni
fraterna (ara 1 Kor
11, 17-34). B’mod mill-iżjed
effikaċi tenna din l-eżiġenza
Sant Wistin, filwaqt li
fakkar il-kelmiet ta’ l-Appostlu:
“Intom il-ġisem ta’ Kristu u
kull wieħed minnkom membru
tiegħu” (1 Kor 12,
27). Hu żied jgħid: “Jekk
intom il-ġisem tiegħu u l-membri
tiegħu, fuq il-mejda
tal-Mulej hemm imqiegħed dak
li hu l-misteru tagħkom; iva,
intom tirċievu dak li hu
il-misteru tagħkom”.
Hu minn dan il-fatt huwa
ħareġ bil-konklużjoni:
“Kristu l-Mulej […]
ikkonsagra fuq il-mejda
tiegħu l-misteru tal-paċi u
ta’ l-unità tagħna. Min
jirċievi l-misteru ta’ l-unità,
iżda ma jikkonservax
ir-rabta tal-paċi, jirċievi
mhux xi misteru favur tiegħu,
iżda prova kontra tiegħu
nnifsu”.
-
Din l-effikaċja
partikulari ta’ l-Ewkaristija
li ġġib ’il quddiem
il-komunjoni, hija wieħed
mill-motivi ta’ l-importanza
tal-Quddiesa tal-Ħadd.
Fuqha u fuq ir-raġunijiet l-oħra
li jirrenduha fondamentali
għall-ħajja tal-Knisja u
tal-fidili individwali,
jiena diġà
tkellimt fl-Ittra
Appostolika dwar it-tqaddis
tal-Ħadd Dies Domini,
fejn kont fakkart, fost
affarijiet oħra, li huwa
obbligu għall-fidili li
jieħdu sehem fil-Quddiesa,
jekk mhux meta jkollhom xi
impediment gravi, u
lir-Rgħajja kont għabbejthom
bid-dmir li jmiss lilhom li
joffru lil kulħadd
il-possibilità effettiva li
jissodisfaw il-preċett.
Iktar reċenti, fl-Ittra
Appostolika Novo
millennio ineunte,
filwaqt li wrejt il-mixja
pastorali tal-Knisja
fil-bidu tat-tielet
millennju, jiena għamilt
enfasi partikulari fuq l-Ewkaristija
tal-Ħadd, billi sħaqt dwar
l-effikaċja kreattiva
tal-komunjoni: “Hija”, kont
ktibt, “il-post privileġġjat
fejn il-komunjoni hija
kostantement imħabbra u
kkultivata. Proprju permezz
tal-parteċipazzjoni
Ewkaristika, jum il-Mulej
isir ukoll jum il-Knisja,
li b’hekk tkun tista’
twettaq b’mod tassew
effettiv ir-rwol tagħha ta’
sagrament ta’ unità”.
-
Il-ħarsien
u l-promozzjoni
tal-komunjoni ekkleżjali
hija ħidma ta’ kull fidil,
li jsib fl-Ewkaristija bħala
sagrament ta’ l-unità
tal-Knisja, qasam ta’ ħeġġa
speċjali. Fil-konkret, din
il-ħidma taqa’ mill-ġdid
b’responsabbiltà partikulari
fuq ir-Rgħajja tal-Knisja,
kull wieħed fil-grad u skond
l-uffiċċju tiegħu
ekkleżjastiku. Għalhekk
il-Knisja ħolqot ċerti normi
li lkoll jimmiraw flimkien
sabiex jiffavorixxu l-aċċess
frekwenti u mimli frott
tal-fidili lejn il-Mejda
Ewkaristika u sabiex
jiddeterminaw
il-kundizzjonijiet oġġettivi
li fihom għandu jkun hemm
astensjoni fl-amministrazzjoni
tat-tqarbin. L-attenzjoni
li tgħin il-ħarsien fidil ta’
dawn in-normi ssir
espressjoni effettiva ta’
imħabba lejn l-Ewkaristija u
lejn il-Knisja.
-
Meta l-Ewkaristija tiġi
osservata bħala sagrament ta’
komunjoni ekkleżjali
niltaqgħu ma’ argument li ma
għandux jiġi mwarrab, u dan
minħabba l-importanza tiegħu.
Qed nirreferi għar-relazzjoni
ta’ l-Ewkaristija ma’ impenn
Ekumeniku. Aħna lkoll
għandna għax inroddu ħajr
lit-Trinità Qaddisa talli,
f’dawn l-aħħar għaxriet ta’
snin, ħafna fidili, f’kull
parti tad-dinja, ħassew ix-xewqa
qawwija ta’ l-unità fost l-Insara
kollha. Il-Konċilju Vatikan
II, fil-bidu tad-Digriet
dwar l-Ekumeniżmu, jara
f’dan kollu rigal speċjali
ta’ Alla.
Kienet grazzja effikaċi li
tat bidu għall-mixja matul
it-triq ekumenika kemm
għalina, ulied il-Knisja
kattolika, kif ukoll lil
ħutna tal-Knejjes l-oħra u
Komunitajiet ekkleżjali.
L-aspirazzjoni lejn il-mira ta’
l-unità timbuttana sabiex
nitfgħu ħarsitna fuq l-Ewkaristija,
li hija s-Sagrament ewlieni ta’
l-unità tal-Poplu ta’ Alla,
peress li hija l-espressjoni
adegwata u l-għajn insuperabbli
ta’ dik l-għaqda.
Fiċ-ċelebrazzjoni
tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku,
il-Knisja terfa’ ’il fuq it-talba
ħerqana tagħha lejn Alla,
Missier il-ħniena, sabiex jagħti
lil uliedu il-milja ta’ l-Ispirtu
s-Santu ħalli b’hekk isiru ġisem
wieħed u spirtu wieħed fi Kristu.
Filwaqt li toffri din it-talba
lill-Missier tad-dawl, li minnu
jiġu “kull għotja tajba u kull
don perfett” (Ġk 1,17),
il-Knisja temmen fl-effikaċja
tagħha, għaliex hija titlob
f’għaqda ma’ Kristu ras u għarus,
li jagħmel tiegħu it-talba
ħerqana tal-għarusa, filwaqt li
jgħaqqadha ma’ dik
tas-sagrifiċċju li jsalva.
-
Proprju għaliex l-unità
tal-Knisja, li l-Ewkaristija
twettaq permezz
tas-sagrifiċċju u l-għaqda
mal-ġisem u d-demm tal-Mulej,
għandha l-eżiġenza ta’
għaqda sħiħa fir-rabtiet ta’
l-istqarrijiet tal-fidi,
tas-Sagramenti u tat-tmexxija
ekkleżjastika, mhix possibli
tiċċelebra l-istess
liturġija Ewkaristika sakemm
ma terġax tiġi stabbilità l-integrità
ta’ dawn ir-rabtiet.
Konċelebrazzjoni magħmula
b’dan il-mod ma hijiex mezz
validu, anzi tista’ turi
ruħha bħala ostaklu li
jtellef milli tiġi milħuqa
bis-sħiħ il-għaqda,
filwaqt li jnaqqas is-sens
ta’ distanza mill-mira u
jintroduċi jew jippermetti
ambigwità fuq waħda jew oħra
mill-veritajiet tal-fidi.
Il-mixja lejn l-unità sħiħa
ma tistax titwettaq jekk
mhux fil-verità. F’dan
il-kontest, id-divjet
tal-liġi tal-Knisja ma
jħalli l-ebda spazju
għall-inċertezzi,
b’lealta’ għan-norma morali
proklamata mill-Konċilju
Vatikan II.
Irrid għalhekk
nerġa’ ntenni dak li kont
semmejt fl-Ittra enċiklika Ut
unum sint, wara li qist l-impossibilità
tal-kondiviżjoni Ewkaristika:
“Safrattant, aħna għandna x-xewqa
mħeġġa li niċċelebraw flimkien
l-unika Ewkaristija tal-Mulej, u
din ix-xewqa ssir diġà
tifħir komuni, implorazzjoni
waħda. Flimkien aħna nduru lejn
il-Missier u dan nagħmluh dejjem
iżjed ta’ spiss “b’qalb waħda”.
-
Waqt li
fl-ebda każ ma hija
leġittima l-konċelebrazzjoni
fin-nuqqas ta’ għaqda sħiħa,
ma jiġrix l-istess fir-rigward
ta’ l-amministrazzjoni ta’
l-Ewkaristija,
f’ċirkostanzi speċjali, lil
individwi li jagħmlu
parti mill-Knejjes jew
Komunitajiet ekkleżjali li
mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja
Kattolika. F’dan il-każ,
Fil-fatt, l-obbjettiv huwa
li tissodisfa l-ħtieġa
spiritwali gravi
għas-salvazzjoni dejjiema
tal-fidili individwali, u
mhux li toħloq
interkomunjoni, li hija
impossibbli sakemm ma jkunx
hemm xi għamla ta’ irbit
viżibbli ta’ komujoni
ekkleżjali.
F’dan is-sens tkellem
il-Konċilju Vatikan II, meta
ffissa l-komportament li għandu
jkun hemm ma’ l-Orjentali, li
filwaqt li jsibu ruħhom in
buona fede mifruda mill-Knisja
Kattolika, jitolbu spontanjament
li jirċievu l-Ewkaristija
mingħand il-ministru Kattoliku u
jkollhom id-dispożizzjoni
meħtieġa.
Dan il-mod ta’ kif wieħed għandu
jaġixxi kien ġie ratifikat
miż-żewġ Kodiċijiet, li fihom
jiġi kkunsidrat ukoll,
b’adattament neċessarju, il-każ
ta’ l-Insara l-oħra mhux
Orjentali li ma humiex f’għaqda
sħiħa mal-Knisja kattolika.
-
Fl-Enċiklika Ut unum sint
jiena stess urejt
apprezzament għal dawn in-normi,
li jagħmluha possibili li
tipprovdi għas-salvazzjoni
ta’ l-erwieħ, permezz ta’
dixxerniment opportun: “Hu
motiv ta’ ferħ li tiftakar
li l-ministri Kattoliċi
jistgħu, f’każi partikulari
determinati, jamministraw
is-Sagramenti ta’ l-Ewkaristija,
tal-Qrar, tal-Griżma
tal-Morda lill-Insara oħra
li m’humiex f’għaqda sħiħa
mal-Knisja Kattolika, iżda
li għandhom xewqa kbira li
jirċevuhom, li jitolbuhom
liberament u juru fil-beraħ
il-fidi li l-Knisja
Kattolika tistqarr f’dawn
is-Sagramenti. Reċiprokament,
f’każi dterminati u għal xi
ċirkostanzi partikolari,
anki l-Kattoliċi jistgħu
jitolbu dawn l-istess
Sagramenti lil ministri ta’
dawk il-Knejjes fejn dawn
is-Sagramenti huma validi”.
Jeħtieġ li wieħed joqgħod għal
dawn il-kundizzjonijiet, li huma
inderogabbli, minkejja li
jittrattaw dwar każi partikulari
determinati. Iċ-ċaħda ta’ waħda
jew aktar minn waħda
tal-veritajiet tal-fidi dwar
dawn is-Sagramenti, u fosthom,
ta’ dik li tikkonċerna il-ħtieġa
tas-Saċerdozju ministerjali
sabiex ikunu validi, tirrendi
lil min ikun jitlobhom mhux
dispost għall-amministrazzjoni
leġittima tagħhom. U bil-maqlub,
kattoliku fidil ma jistax
jirċievi t-tqarbin f’komunità li
fiha jkun hemm nieqes is-sagrament
validu ta’ l-Ordni Sagri.
L-osservanza fidila tal-ġabra
flimkien tan-normi stabiliti
f’din il-materja
hija manifestazzjoni, u fl-istess
ħin garanzija, ta’ imħabba kemm
lejn Ġesù Kristu fis-Santissimu
Sagrament, kif ukoll lejn l-aħwa
ta’ reliġjonijiet Insara oħra,
li lejhom għandha tiġi mogħtija
xhieda tal-verità, u wkoll
għall-istess kawża
tal-promozzjoni għall-unità.
IL-ĦAMES
KAPITLU
ID-DEKOR
TAĊ-ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
-
Min jaqra
fil-Vanġeli sinottiċi r-rakkont
tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija,
jibqa’ milqut mis-sempliċità
u fl-istess waqt
mis-“solennità”, li bihom
Ġesù, fil-lejl ta’ l-Aħħar
Ċena, waqqaf dan is-Sagrament
kbir. Hemm episodju li,
f’ċertu sens, jagħmilha ta’
preludju: huwa d-dilka ta’
Betanja. Waħda mara,
identifikata minn Ġwanni
bħala Marija oħt Lazzru,
ixxerred fuq ir-ras ta’ Ġesù
vażett ta’ fwieħa
prezzjuża, filwaqt li
pprovokat fost id-dixxipli –
b’mod partikulari f’Ġuda (ara
Mt 26,8; Mk
14,4; Ġw 12, 4) –
reazzjoni ta’ protesta, qisu
li dan il-ġest,
f’konsiderazzjoni mal-ħtiġijiet
tal-fqar, kien
jikkostitwixxi “ħela”
intollerabbli. Iżda l-valutazzjoni
ta’ Ġesù kienet ferm
differenti. Bla ma naqqas
xejn mid-dmir tal-karità
lejn min kien fqir, li
lilhom id-dixxipli kellhom
dejjem jagħtu l-attenzjoni
tagħhom – “Il-fqar huma
dejjem magħkom” (Mt
26,11; Mk 14,7; ara
Ġw 12, 8) – Huwa
jħares lejn il-ġrajja
imminenti tal-mewt tiegħu u
tad-difna tiegħu, u
japprezza d-dilka li kienet
saret lilu bħala
antiċipazzjoni ta’ dak l-unur
li l-ġisem tiegħu kien ser
ikompli jimmerita anki wara
l-mewt, magħqud bla ma jista’
qatt jinħall mal-misteru
tal-persuna tiegħu.
Fil-Vanġeli
sinottiċi, ir-rakkont ikompli,
bl-inkarigu li Ġesù ta lid-dixxipli
biex jippreparaw sewwa
“l-kamra l-kbira” meħtieġa
sabiex jagħmlu l-ikla tal-Għid (ara
Mk 14,15; Lq
22,12), u bir-rakkont tat-twaqqif
ta’ l-Ewkaristija. Filwaqt li
jħalli kemm kemm jidher
il-kwadru tar-riti lhud
taċ-ċena ta’ l-Għid sal-kant
tal-Hallel (ara Mt 26,30;
Mk 14,26), ir-rakkont
joffri b’mod konċiż kemm huma
solenni, għalkemm b’tibdiliet
tad-diversi tradizzjonijiet,
il-kelmiet li qal Ġesù fuq
il-ħobż u l-inbid, magħżulin
minnu bħala espressjonijiet
tal-għoti ta’ ġismu u t-tixrid
ta’ demmu. Dawn
il-partikularitajiet kollha huma
mfakkra mill-Evanġelisti fid-dawl
ta’ użanza tal-“qsim tal-ħobż”
diġà
kkonsolidata fil-Knisja
primittiva. Tassew, sa minn
żmien Ġesù, il-ġrajja ta’ Ħamis
ix-Xirka turi biċ-ċar sinjali ta’
“sensibilità liturġika, mfassla
fuq it-tradizzjoni tat-Testment
il-Qadim u lesta li terġa’
tfassal lilha nfisha mill-ġdid
fiċ-ċelebrazzjoni Nisranija
f’sintonija mal-kontenut ġdid
tal-Għid.
-
Bħal dik
il-mara tad-dilka ta’
Betanja, il-Knisja ma
beżgħet qatt “taħli”,
filwaqt li investiet l-aħjar
tar-riżorsi tagħha sabiex
tesprimi l-istagħġib tagħha
ta’ adorazzjoni quddiem ir-rigal
li ma jista’ qatt jitkejjel
ta’ l-Ewkaristija. Mhux
inqas mill-ewwel dixxipli li
ġew inkarigati sabiex iħejju
l-“kamra l-kbira”, hija
ħassitha imbuttata matul is-sekli
u mal-laqgħat ma’ kulturi
differenti sabiex tiċċelebra
l-Ewkaristija f’kuntest denn
ta’ Misteru tassew kbir.
Fuq l-eżempju tal-kelmiet u
tal-ġesti ta’ Ġesù, u waqt
li fl-istess ħin tiżviluppa
l-wirt ritwali tal-ġudajiżmu,
twieldet il-liturġija
Nisranija. Jista’ qatt
ikun hemm mod adegwat biex
jesprimi kif jiġi aċċettat
id-don li l-Għarus divin
kontinwament jagħmel minnu
nnifsu lill-Knisja-Għarusa,
filwaqt li jqarreb
ġenerazzjonijiet suċċessivi
ta’ nies li jemmnu, dan is-Sagrifiċċju
offrut darba għal kulħadd
fuq is-Salib, u hekk għamel
minnu ikel għall-fidili
kollha? Għalkemm il-loġika
ta’ l-“ikla” tispira
familjarità, il-Knisja ma
ċediet qatt għat-tentazzjoni
li tibbanalizza din
“il-kunfidenza” mal-Għarus
tagħha, billi tinsa’ li Huwa
wkoll is-Sid tagħha u li l-“ikla”
tibqa’ dejjem ikla
sagrifikali, immarkata bid-demm
imxerred fuq il-Golgotha.
L-Ikla Ewkaristika hija
verament ikla “qaddisa”,
li fiha s-sempliċità
tas-sinjali taħbi warajha l-abbiss
tal-qdusija ta’ Alla: “O
Sacrum convivium, in quo
Christus sumitur!” Il-ħobż
maqsum fuq l-Altari tagħna,
offrut lilna fil-kundizzjoni
tagħna ta’ pellegrini
f’mixja mat-toroq tad-dinja,
huwa “panis angelorum”,
ħobż ta’ l-anġli, li ma
nistgħux nersqu lejh jekk
mhux bl-umiltà taċ-ċenturjun
tal-Vanġelu: “Mulej, ma
jistħoqqlix li tidħol taħt
is-saqaf tiegħi” ( Mt
8,8; Lq 7,6).
-
B’dan is-sens
hekk għoli ta’ misteru,
wieħed jifhem kemm il-fidi
tal-Knisja fil-Misteru
Ewkaristiku tiġi espressa
fl-istorja mhux biss permezz
ta’ l-insistenza ta’
atteġġjament interjuri ta’
devozzjoni, iżda wkoll
permezz ta’ serje ta’
espressjonijiet esterni,
imqegħdin sabiex iġibu mill-ġdid
quddiem għajnejna u
jenfasizzaw il-kobor ta’ din
il-ġrajja ċċelebrata. Minn
hawnhekk tibda t-triq li
wasslet sabiex jitħejja
statut speċjali ta’
regolamentazzjoni
tal-Liturġija Ewkaristika,
fid-dawl ta’ diversi
tradizzjonijiet ekkleżjali
leġittimament imwaqqfa. Fuq
din il-bażi ġie żviluppat
ukoll patrimonju
artistiku għani. L-arkitettura,
l-iskultura, il-pittura,
il-mużika, filwaqt li ħallew
lilhom infushom jiġu
orjentati mill-misteru
Nisrani, sabu fl-Ewkaristija,
direttament jew
indirettament, motiv ta’
ispirazzjoni mill-aqwa.
Hekk jista’
jingħad, per eżempju,
għall-arkitettura li malli l-kuntest
storiku ppermetta, rat
il-passaġġ mis-sedi ewkaristiċi
tal-bidu mqegħdin fid-“domus”
tal-familji Nsara sal-bażiliċi
solenni ta’ l-ewwel sekli, kif
ukoll sal-katidrali
imponenti tal-Medjuevu, u l-knejjes
kbar jew żgħar, li bil-mod
il-mod imlew dawk l-artijiet li
fihom daħal il-Kristjaneżmu.
Il-forom ta’ l-Altari u tat-tabernakli
li żviluppaw fil-knejjes bil-mod
il-mod, ma kinux biss motivati
minn ispirazzjoni artistika,
iżda wkoll b’għarfien ċar
tal-Misteru. L-istess ħaġa
tista’ tingħad dwar il-musica
sacra; jekk wieħed jaħseb
ftit fuq il-melodiji gregorjani
ispirati, u l-ħafna awturi,
spiss ta’ kalibru, li ppruvaw
ikunu denji tat-testi liturġiċi
tal-Quddiesa. L-istess jista’
jingħad għall-kwantità enormi ta’
produzzjonijiet artistiċi,
mit-twettiq ta’ xogħol tassew
tajjeb fl-artiġġjanat sa’ l-opri
ta’ l-arti veri, fl-ambitu ta’
l-oġġetti u ta’ ilbiesi użati
għaċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika?
Jista’
jingħad ukoll li l-Ewkaristija,
filwaqt li għaġnet il-Knisja u
l-ispiritwalità tagħha, ħalliet
bis-sħiħ il-marka fuq
il-“kultura”, speċjalment fl-ambitu
estetiku.
-
F’dan l-isforz
ta’ adorazzjoni tal-Misteru,
meħud fil-prospettiva
ritwali u estetika, f’ċertu
sens kien hemm
“kompetizzjoni” bejn l-Insara
ta’ l-Oċċident u dawk ta’ l-Orjent.
Kif nistgħu ma nroddux ħajr
lill-Mulej, b’mod
partikulari, għall-kontribut
li ġie mogħti lill-arti
Nisranija mill-opri kbar
arkitettoniċi u ta’ pittura
tat-tradizzjoni
Greko-Bizantina u tal-qasam
ġeografiku u kulturali Slav
kollu? Fl-Orjent, l-arti
sagra kkonservat b’mod
speċjali, sens qawwi ta’
misteru, filwaqt li mbuttat
lill-artisti sabiex jaraw l-impenn
tagħhom fil-produzzjoni
tas-sabiħ mhux biss bħala
espressjoni tal-ġenju
tagħhom, iżda wkoll bħala
servizz awtentiku għall-fidi.
Filwaqt li jmorru lil hinn
minn sempliċi stħarriġ
tekniku, huma kienu kapaċi
jinfetħu b’doċilità
għall-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu
ta’ Alla.
L-isplenduri
ta’ l-arkitettura u tal-możajċi
fl-Orjent u fl-Oċċident Nisrani
huma patrimonju universali ta’
dawk li jemmnu, u jġorru fihom
awgurju, u ngħid jien impenn,
għall-milja ta’ komunjoni
mixtieqa fil-fidi u
fiċ-ċelebrazzjoni. Dan jistenna
u jeżiġi, bħall-kwadru ċelebri
tat-Trinità ta’ Rublev,
Knisja profondament “Ewkaristika”,
li fiha il-qsim tal-misteru ta’
Kristu fil-ħobż maqsum, tidher
mgħarrqa fl-unità ineffabbli
tat-tliet Persuni divini, li
tagħmel mill-istess Knisja
“ikona” tat-Trinità.
F’din il-prospettiva ta’ arti
mifruxa sabiex tesprimi,
fl-elementi kollha tagħha,
is-sens ta’ l-Ewkaristija skond
it-tagħlim tal-Knisja, jeħtieġ
li jingħata kull attenzjoni
għan-normi li jirregolaw
il-bini u t-tiżjin ta’ postijiet
sagri. L-ispazju kreattiv
li l-Knisja dejjem ħalliet
għall-artisti hu wiesa’, kif
jidher mill-istorja u kif jiena
stess semmejt fl-Ittra
lill-artisti.
Iżda l-arti sagra għandha
tiddistingwi lilha nnifisha
għall-kapaċità tagħha li
tesprimi b’mod xieraq il-Misteru
li hemm fil-milja tal-fidi
tal-Knisja u skond
l-indikazzjonijiet pastorali
konvenjentement offruti
mill-Awtorità kompetenti. Dan
hu kliem li jiswa kemm
għall-arti figurattiva kif ukoll
għall-mużika sagra.
-
Dak li
seħħ fl-artijiet ta’
Kristjanizzazzjoni antika,
f’dak li għandu x’jaqsam ma’
l-arti sagra u
mad-dixxiplina liturġika,
qiegħed jiżviluppa wkoll
fil-kontinenti li fihom
il-kristjaneżmu huwa iktar
żagħżugħ. Dan huwa
l-orjentament li kien għamel
il-Konċilju Vatikan II f’dik
li hija eżiġenza ta’
“inkulturizzazzjoni”
b’saħħitha u fl-istess ħin
doveruża. Fil-vjaġġi
pastorali numerużi li jiena
għamilt kelli ċ-ċans
nosserva, fil-partijiet
kollha tad-dinja, kemm hija
kapaċi li toħloq vitalità
ċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika
f’kuntatt mal-forom,
l-istili u s-sensibilità
tal-kulturi diversi.
Filwaqt li taddatta ruħha
għall-kundizzjonijiet li
jinbidlu skond iż-żmien u
l-ispazju, l-Ewkaristija
toffri nutriment mhux biss
għall-individwi imma wkoll
għall-istess popli, u
tagħġen kulturi li huma
ispirati mill-Kristjaneżmu.
Madankollu huwa meħtieġ li din
il-ħidma importanti ta’
adattament tkun imwetqa
fl-għarfien kostanti tal-Misteru
ineffabbli li miegħu kull
ġenerazzjoni tiġi msejħa sabiex
tkejjel lilha nfisha.
It-“teżor” huwa tassew
importanti u prezzjuż biex
jissogra li jiftaqar jew li jiġi
preġudikat, permezz ta’
sperimentazzjoni jew ħidmiet
introdotti mingħajr verifika
attenta min-naħa ta’
l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi
kompetenti. B’dana kollu,
iċ-ċentralità tal-Misteru
Ewkaristiku huwa tali li jeżiġi
li l-verifika ssir f’rapport
strett mas-Santa Sede. Kif
ktibt fl-Eżortazzjoni
Appostolika post-sinodali
Ecclesia in Asia,
“kollaborazzjoni bħal din hija
essenzjali għaliex il-Liturġija
Qaddisa tesprimi u tiċċelebra
l-unika fidi mistqarra minn
kulħadd u peress li hija wirt
tal-Knisja kollha ma tistax tiġi
determinata mill-Knejjes lokali
iżolati mill-Knisja Universali”.
-
Minn dan
li għidna, nifhmu
r-responsabbiltà kbira li
għandhom is-saċerdoti, qabel
kulħadd, fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika. Huma għandhom
id-dmir li jippreseduha
in persona Christi,
billi jassiguraw xhieda u
servizz ta’ komunjoni mhux
biss għall-komunità li
direttament tkun qed tieħu
sehem fiċ-ċelebrazzjoni,
iżda anki tal-Knisja
Universali, li hija parti
minn kull Ewkaristija. Iżda
ta’ min jilmenta li,
minħabba nuqqas ta’ ftehim
dwar is-sens ta’ kreattività
u ta’ adattament,
speċjalment fis-snin li ġew
wara ir-riforma liturġika
post-konċiljari, ma
naqsux abbużi, li kienu
mottiv ta’ tbatija għal
ħafna. Ċerta reazzjoni
kontra l-“formaliżmu”
wasslet lil xi wħud,
speċjalment f’ċerti reġjuni,
sabiex ma jibqgħux iżommu
bħala obligatorji il-“forom”
magħżula mit-tradizzjoni
kbira liturġika tal-Knisja u
tal-Maġisteru u jintroduċu
tiġdid mhux awtorizzat u ta’
spiss mill-iżjed
skonvenjenti.
Għalhekk
inħoss id-dmir li nagħmel appell
ħerqan sabiex, fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika, in-normi liturġiċi
jkunu mħarsa b’fedelta’ tassew
kbira. Huma espressjoni
konkreta ta’ l-ekkleżjalità
awtentika ta’ l-Ewkaristija; dan
hu s-sens l-iżjed profond
tagħhom. Il-liturġija qatt ma
tista’ tkun proprjetà privata
ta’ ħadd, la taċ-ċelebrant,
lanqas mal-komunità li fiha jiġu
ċċelebrati l-Misteri.
L-Appostlu Pawlu ħass il-ħtieġa
li jtenni kelmiet tassew ħorox
f’konfront tal-komunità ta’
Korintu minħabba n-nuqqasijiet
gravi fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika tagħhom, li kienet
saħansitra wasslet
għad-diviżjoni (skismata)
u għall-formazzjoni ta’
fazzjonijiet (‘aireseis)
(ara 1 Kor 11, 17-34).
Anki fiż-żminijiet tagħna,
l-ubbidjenza għan-normi
liturġiċi għandha terġa’ tiġi
skoperta u valoriżżata bħala
rifless u xhieda tal-Knisja
waħda u universali, li tinsab
preżenti f’kull ċelebrazzjoni
ta’ l-Ewkaristija. Is-saċerdot
li jiċċelebra fedelment
il-Quddiesa, skond in-normi
liturġiċi u l-komunità li
tikkonforma ruħha magħhom juru,
b’mod silenzjuż iżda fl-istess
ħin elokwenti, l-imħabba tagħhom
għall-Knisja. Proprju sabiex
jiġi msaħħaħ dan is-sens profond
tan-normi liturġiċi, jiena tlabt
lid-Dikasteri kompetenti
tal-Kurja Rumana sabiex iħejju
dokument iktar speċifiku,
b’sejħat ukoll ta’ karattru
ġuridiku, dwar dan is-suġġett
ta’ importanza kbira. Lil ħadd
ma qed jiġi mogħti l-permess li
jiżvaluta l-Misteru li ġie afdat
f’idejna: tant huwa kbir li ħadd
ma jista’ jittrattah b’mod
personali, li ma jirrispettax la
l-karattru sagru u lanqas
id-dimensjoni universali tiegħu.
IS-SITT
KAPITLU
FL-ISKOLA TA’
MARIJA, IL-MARA “EWKARISTIKA”
-
Jekk aħna rridu niskopru
fil-għana kollu tiegħu, ir-rapport
intimu li jorbot flimkien l-Knisja
u l-Ewkaristija, ma nistgħux
ninsew lil Marija, Omm u
mudell tal-Knisja. Fl-Ittra
appostolika Rosarium
Virginis Mariæ, filwaqt
li wrejt lill-Verġni
Santissima bħala Għalliema
fil-kontemplazzjoni tal-wiċċ
ta’ Kristu, jiena daħħalt
ukoll, fost il-misteri tad-dawl,
it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija.
Fil-fatt, Marija tista’
tmexxina lejn dan is-Sagrament
hekk Qaddis, għaliex għandha
miegħu relazzjoni profonda.
Ma’ l-ewwel
daqqa t’għajn, il-Vanġelu ma
jgħid xejn fuqha. Fir-rakkont
tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija,
fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka
Marija ma tissemmiex. Iżda nafu
li hija kienet preżenti fost l-Appostli,
“ilkoll qalb waħda kienu jitolbu
flimkien” (At 1,4) fl-ewwel
komunità miġbura wara t-tlugħ
fis-Sema u fl-istennija
tal-Pentekoste. Din
il-preżenza tagħha ma setgħetx
tkun nieqsa
fiċ-Ċelebrazzjonijiet
Ewkaristiċi fost il-fidili ta’
l-ewwel ġenerazzjoni Nisranija,
miġbura flimkien “fil-qsim
tal-ħobż” (At 2,42)
Iżda lil hinn
mill-parteċipazzjoni tagħha
fl-Ikla Ewkaristika, ir-rapport
ta’ Marija ma’ l-Ewkaristija
jista’ jiġi meqjus indirettament
li jibda’ mill-atteġġjament
interjuri. Marija hija mara
“Ewkaristika” b’ħajjitha kollha
kemm hi. Il-Knisja, filwaqt
li tħares lejn Marija bħala
l-mudell tagħha, hija msejħa
sabiex timitaha anki fir-rapport
ma’ dan il-Misteru hekk qaddis.
-
Mysterium fidei!
Jekk
l-Ewkaristija hija misteru
tal-fidi, li tissupera
bil-wisq l-intellett tagħna
saħansitra tasal biex
tobbligana għall-abbandun
mill-iżjed safi għall-Kelma
ta’ Alla, ħadd bħal Marija
ma jista’ jkun ta’ għajnuna
u ta’ gwida għalina f’dan
l-atteġġjament.
Ir-ripetizzjoni min-naħa
tagħna tal-ġest ta’ Kristu
fl-Aħħar Ċena fit-twettiq
tal-mandat tiegħu: “Agħmlu
dan b’tifkira tiegħi!”,
issir fl-istess waqt laqgħa
ta’ l-istedina ta’ Marija
sabiex nobduh mingħajr ebda
eżitazzjoni: “Agħmlu dak
kollu li jgħidilkom hu!” (Ġw
2,5) B’dik il-premura ta’
omm murija fit-tieġ ta’
Kana, Marija tidher qed
tgħidilna: “Toqgħodux
ittellgħu u tniżżlu. Afdaw
fil-kelma ta’ l-Iben
tiegħi. Hu, li kien kapaċi
jibdel l-ilma f’inbid, hekk
ukoll huwa kapaċi li jagħmel
mill-ħobż u mill-inbid
il-ġisem u d-demm tiegħu,
filwaqt li jafda permezz ta’
dan il-misteru f’idejn dawk
li jemmnu it-tifkira ħajja
tal-Għid tiegħu, sabiex
b’dan il-mod, jagħmel minnu
nnifsu ‘il-ħobż tal-ħajja’”.
-
F’ċertu
sens, Marija eżerċitat il-fidi
Ewkaristika tagħha
saħansitra qabel ma’
l-Ewkaristija kienet ġiet
imwaqqfa, minħabba l-fatt
stess li offriet il-ġuf
verġinali tagħha
għall-inkarnazzjoni tal-Verb
ta’ Alla.
L-Ewkaristija, filwaqt li
tfakkarna fil-passjoni u
fil-qawmien, tqiegħed lilha
nfisha f’kontinwità ma’
l-Inkarnazzjoni.
Fit-Tħabbira ta’ l-Anġlu
Marija nisslet lill-Iben
divin fil-verità fiżika
tal-ġisem u tad-demm, u
b’hekk antiċipat fiha dak li
f’ċertu kejl kellu jitwettaq
sagramentalment f’kull
bniedem li jemmen li
jirċievi, fis-sinjal
tal-ħobż u ta’ l-imbid,
il-ġisem u d-demm tal-Mulej.
Għalhekk,
hawnhekk għandna analoġija
profonda bejn il-fiat
li tenniet Marija għall-kelmiet
ta’ l-Anġlu, u l-amen li
kull fidil itenni meta jirċievi
il-ġisem tal-Mulej. Marija
kienet ġiet mitluba temmen li
dak li hija nisslet “bil-ħidma
ta’ l-Ispirtu s-Santu” kien
l-“Iben ta’ Alla” (ara Lq
1, 30-35) F’kontinwità mal-fidi
tal-Verġni, fil-Misteru
Ewkaristiku aħna qed niġu
mitluba nemmnu li dak l-istess
Ġesù, Iben ta’ Alla u Iben ta’
Marija, qed ipoġġi lilu nnifsu
preżenti bl-esseri sħiħ tiegħu
uman u divin taħt l-ispeċi
tal-ħobż u ta’ l-inbid.
“Imbierka dik
li emmnet” (Lq 1,45):
Marija antiċipat, fil-misteru
ta’ l-Inkarnazzjoni, anki l-fidi
Ewkaristika tal-Knisja. Meta
fil-Viżitazzjoni, ġarret f’ġufha
il-Verb inkarnat, hija għamlet
lilha nfisha, bħal qisha,
“tabernaklu” – l-ewwel
“tabernaklu” ta’ l-istorja –
fejn l-Iben ta’ Alla, li kien
għadu inviżibbli għall-għajnejn
tal-bnedmin, jagħti lilu nnifsu
għall-adorazzjoni ta’
Eliżabetta, qisu “jarmi d-dija”
permezz ta’ l-għajnejn u l-leħen
ta’ Marija. U l-ħarsa msaħħra
ta’ Marija meta hija
tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu
għadu kif twieled u fl-għafsa li
biha trossu f’dirgħajha, mhumiex
forsi dawn il-mudell li ma
jista’ jintlaħaq qatt ta’
imħabba u li għandha tispirana
kull darba li nitqarbnu?
-
B’ħajjitha kollha qrib Ġesù,
u mhux biss fuq il-Kalvarju,
Marija għamlet tagħha id-dimensjoni
sagrifikali ta’
l-Ewkaristija. Meta
ġarret lit-tarbija
sat-Tempju ta’ Ġerusalemm
“sabiex toffrih lill-Mulej”
(Lq 2,22), semgħet
jitħabbrilha mix-xwejjaħ
Xmuni li dik it-Tarbija
kellha tkun “sinjal ta’
kontradizzjoni” u li “sejf”
kellu jinfed lill-qalbha
(ara Lq 2, 34-35).
B’hekk ġie mħabbar minn
qabel id-dramm ta’ l-Iben
imsallab u b’xi mod anki “l-stabat
Mater” tal-Verġni
f’riġlejn is-Salib. Filwaqt
li kienet tħejji lilha
nfisha, ġurnata b’ġurnata,
għall-Kalvarju, Marija
kienet tgħix sura ta’
“Ewkaristija antiċipata”,
jew aħjar “komunjoni
spiritwali” ta’ xewqa u ta’
offerta, li ssib il-milja
tagħha fl-għaqda ma’ l-Iben
fil-passjoni, u li
tesprimiha, imbagħad,
fil-perijodu ta’ wara
l-Għid, fil-parteċipazzjoni
tagħha fiċ-Ċelebrazzjoni
Ewkaristika, ippreseduta
mill-Appostli, bħala
“tifkira” tal-passjoni.
Kif nistgħu
nimmaġinaw is-sentimenti ta’
Marija, fis-smigħ minn fomm
Pietru, Ġwanni, Ġakbu u
l-Appostli l-oħra, tal-kelmiet
ta’ l-Aħħar Ċena: “Dan huwa
ġismi li jingħata għalikom” (Lq
22, 19)? Dak il-ġisem
mogħti f’sagrifiċċju u
ppreżentat mill-ġdid fis-sinjali
sagramentali, kien l-istess
ġisem imnissel fil-ġuf tagħha!
Li tirċievi l-Ewkaristija kellu
jfisser għal Marija kważi laqgħa
mill-ġdid fil-ġuf ta’ dik
il-qalb li kienet ħabbtet
bl-istess ritmu mal-qalb tagħha,
kif ukoll li tgħix mill-ġdid dak
li kienet għaddiet minnu hija
stess taħt is-Salib.
-
“Agħmlu
dan b’tifkira Tiegħi” (Lq
22, 19). Fit-“tifkira”
tal-Kalvarju nsibu preżenti
dak kollu li Kristu wettaq
fil-passjoni tiegħu u
fil-mewt tiegħu. Għalhekk
ma jonqosx “dak li Kristu
wettaq anki b’risq Ommu
favur tagħna. Fil-fatt
lilha afdala f’idejha
lid-dixxiplu predilett
tiegħu u fih, afda wkoll lil
kull wieħed u waħda minna”
“Hekku ibnek!” Hekk ukoll
jgħid lil kull wieħed u
waħda minna: “Hekku ommok!”
(Ġw 19, 26-27).
Li tgħix
fl-Ewkaristija t-tifkira
tal-mewt ta’ Kristu, jimplika
wkoll li tirċievi kontinwament
dan ir-rigal. Dan ifisser li
aħna nieħdu għandna – fuq
l-eżempju ta’ Ġwanni – lil dik
li ta’ kull darba qed tiġi
mogħtija lilna bħala Omm.
Tfisser ukoll li fl-istess ħin
nieħdu fuqna l-impenn li
nikkonformaw ruħna ma’ Kristu,
billi nattendu fl-iskola ta’
l-Omm u nħallu lilna nfusna niġu
msieħba minnha. Marija hija
preżenti, mal-Knisja u bħala Omm
tal-Knisja, f’kull Ċelebrazzjoni
Ewkaristika tagħna. Jekk Knisja
u Ewkaristija huma maqgħuda
b’mod li ma jinħallux, hekk
ukoll jeħtieġ ngħidu dwar Marija
u Ewkaristija. Minħabba f’hekk,
sa mill-antikità, it-tifkira ta’
Marija minn dejjem kienet parti
miċ-Ċelebrazzjonijiet
Ewkaristiċi tal-Knejjes
tal-Lvant u tal-Punent
-
Fl-Ewkaristija, il-Knisja
tgħaqqad lilha nfisha
bis-sħiħ ma’ Kristu u
mas-sagrifiċċju tiegħu,
filwaqt li tagħmel tagħha
l-ispirtu ta’ Marija. Hija
verità li tista’ tinftihem
b’mod aktar profond meta
wieħed jaqra mill-ġdid
il-“Magnificat” fi
prospettiva Ewkaristika.
Fil-fatt, l-Ewkaristija,
bħalma hu l-kantiku ta’
Marija, hija qabel xejn
tifħir u radd il-ħajr. Meta
Marija tesklama “Ruħi
tfaħħar il-kobor tal-Mulej u
l-Ispirtu tiegħi jifraħ
f’Alla s-Salvatur tiegħi”,
hija tkun qed iġġorr fil-ġuf
tagħha lil Ġesù. Tfaħħar
lill-Missier “permezz” ta’
Ġesù, iżda tfaħħru wkoll
“f’Ġesù” u “ma’” Ġesù. U
preċiżament dan hu l-veru
“atteġġjament Ewkaristiku”.
Fl-istess ħin
Marija tiftakar fl-għeġubijiet
li wettaq magħha Alla fl-istorja
tas-salvazzjoni, skond il-wegħda
magħmula lil missirijietha (ara
Lq 1, 55), filwaqt li
tħabbar l-meravilja li
tgħaddihom kollha,
l-Inkarnazzjoni li tifdi. Fil-Magnificat
hija fl-aħħarnett preżenti
t-tensjoni eskataloġika ta’
l-Ewkaristija. Kull darba li
l-Iben ta’ Alla jippreżenta ruħu
mill-ġdid quddiemna fil-“faqar”
tas-sinjali sagramentali,
il-ħobż u l-inbid, titqiegħed
iż-żerriegħa ta’ dik l-istorja
ġdida li fiha “jitniżżlu
s-setgħana minn fuq it-tron
tagħhom” u jiġu “mgħollija ’il
fuq iċ-ċkejknin” (ara Lq
1, 52). Marija tkanta dawk
is-“smewwiet ġodda” u dik l-“art
ġdida” li fl-Ewkaristija jsibu
l-antiċipazzjoni tagħhom u
f’ċertu sens il-“pjan”
programmatiku tagħhom. Jekk il-Magnificat
tesprimi l-ispiritwalità ta’
Marija, xejn iżjed minn din
l-ispiritwalità ma jgħinna
ngħixu l-Misteru Ewkaristiku.
L-Ewkaristija ġiet mogħtija
lilna, sabiex ħajjitna, bħal dik
ta’ Marija, tkun kollha kemm hi
magnificat!
-
“Ave,
verum corpus natum de Maria
Virgine!” Ftit tas-snin
ilu jiena ċċelebrajt
il-ħamsin anniversarju
tas-saċerdozju tiegħi. Illum
għandi l-grazzja li noffri
lill-Knisja din l-Enċiklika
dwar l-Ewkaristija, f’Ħamis
ix-Xirka li jaħbat mal-ħamsa
u għoxrin sena tal-ministeru
Petrin. Dan qed nagħmlu
b’qalb mimlija bi
gratitudni. Għal aktar minn
nofs seklu, ta’ kull jum, sa
mit-2 ta’ Novembru 1946,
il-jum li fih ċċelebrajt
l-ewwel quddiesa tiegħi
fil-kripta ta’ San Leonardu
fil-Kattidral ta’ Wawel ġo
Krakoja, għajnejja jinġabru
fuq l-ostja u l-kalċi. B’xi
mod, iż-żmien u l-ispazju
“jingħaqdu” flimkien u
d-dramm tal-Golgotha jiġi
ppreżentat mill-ġdid, b’mod
ħaj, filwaqt li jikxef
il-“kontemporanjetà”
misterjuża tiegħu. Ta’ kull
jum il-fidi tiegħi kienet
tista’ tagħraf fil-ħobż u
fl-inbid ikkonsagrat,
il-Pellegrin divin li jum
wieħed resaq ħdejn iż-żewġ
dixxipli ta’ Emmaws sabiex
jiftħilhom għajnejhom
għad-dawl u l-qalbhom
għat-tama (ara Lq 24,
13-35).
Ħalluni,
għeżież ħuti, li naqsam magħkom
b’emozzjoni kbira, biex
nakkompanja u nsaħħaħ il-fidi
tagħkom, ix-xhieda tiegħi ta’
fidi fl-Ewkaristija Mqaddsa. “Ave,
verum corpus de Maria Virgine,
/ vere passum, immolatum, in
cruce pro homine!” Hawn
jinsab it-teżor tal-Knisja,
il-qalb tad-dinja, ir-rahan
tal-mira li għalih, kull bniedem
jixxennaq, anki bla ma jkun
jaf. Misteru kbir, li tassew,
jogħla ’il fuq minna, u li
jqiegħed għall-prova iebsa
l-ħila tal-moħħ tagħna li jmur
’il hinn minn dak li jidher.
Hawnhekk ifallu s-sensi tagħna –
“visus, tactus, gustus in te
fallitur”, hekk jintqal
fl-innu Adoro te devote –,
iżda l-fidi waħdanija, radikata
fil-kelma ta’ Kristu, mgħoddija
lilna mill-Appostli, hija
biżżejjed. Ħalluni, bħal Pietru
fit-tmiem tad-diskors
Ewkaristiku fil-Vanġelu ta’
Ġwanni, intenni lil Kristu,
f’isem il-Knisja kollha, f’isem
kull wieħed u waħda minna:
“Mulej għand min tridna mmorru?
Inti għandek il-kliem tal-ħajja
ta’ dejjem” (Ġw 6, 68).
-
Fiż-żerniq
ta’ dan it-tielet millennju,
aħna lkoll, ulied il-Knisja,
qed niġu mħeġġin nimxu
b’forza mġedda fil-ħajja
Nisranija. Kif ktibt
fl-Ittra Appostolika Novo
millennio ineunte, “dan
ma jfissirx li rridu
nivvintaw “programm ġdid”.
Il-programm diġà
jeżisti: huwa dak ta’
dejjem, miġbur fil-Vanġelu u
mit-Tradizzjoni ħajja.
Fl-aħħar mill-aħħar, huwa
jiċċentra ruħu fi Kristu
stess, biex nagħrfuh,
inħobbuh, nimitawh, ngħixu
fih il-ħajja Trinitarja, u
sabiex nittrasformaw miegħu
l-istorja sat-twettiq tagħha
f’Ġerusalemm ċelesti”.
It-twettiq ta’ dan
il-programm, ta’ din
il-forza mġedda fil-ħajja
Nisranija, jgħaddi
mill-Ewkaristija.
Kull impenn
ta’ qdusija, kull azzjoni
magħmula sabiex tirrealizza
l-missjoni tal-Knisja, kull
twettiq ta’ pjani pastorali
jeħtieġu li jieħdu l-qawwa
tagħhom meħtieġa mill-Misteru
Ewkaristiku u lejh għandhom
jimmiraw bħala l-quċċata
tagħhom. Fl-Ewkaristija għandna
lil Ġesù, għandna s-sagrifiċċju
li jifdi, għandna l-qawmien
tiegħu, għandna id-don ta’
l-Ispirtu s-Santu, għandna
l-adorazzjoni, l-ubbidjenza u
l-imħabba lejn il-Missier. Jekk
aħna nittraskuraw l-Ewkaristija,
kif nistgħu qatt nirmedjaw għal
dan in-nuqqas tagħna?
-
Il-Misteru Ewkaristiku –
sagrifiċċju, preżenza, ikla
– ma jikkonsentix tnaqqis
u lanqas
strumentalizzazzjoni;
irid ikun esperjenzat
fl-integrità tiegħu, kemm
fil-ġrajja ċelebrattiva,
kemm fil-kollokwju intimu
ma’ Ġesù li nkunu għadna kif
irċivejnih fit-tqarbin, kif
ukoll fil-mument ta’ talb
ta’ Adorazzjoni Ewkaristika
barra mill-Quddiesa. B’hekk
il-Knisja tiġi msaħħa
fl-istruttura tagħha u
tesprimi dak li verament hi:
waħda, qaddisa, kattolika u
appostolika; poplu, tempju u
familja ta’ Alla; ġisem u
għarusa ta’ Kristu, animata
mill-Ispirtu s-Santu;
sagrament universali ta’
salvazzjoni u komunjoni
ġerarkikament strutturata.
It-triq li
minnha għaddiet il-Knisja f’dawn
l-ewwel snin tat-tielet
millennju hija wkoll triq ta’
impenn ekumeniku mġedded.
L-aħħar għaxriet ta’ snin
tat-tieni millennju, li laħqu
l-quċċata tagħhom fil-Ġublew
il-Kbir, imbuttawna f’din
id-direzzjoni, filwaqt li ħeġġew
lill-imgħammdin kollha sabiex
iwieġbu għat-talba ta’ Ġesù “ut
unum sint” (Ġw 17,
11). Hija triq tassew twila,
mimlija b’ħafna diffikultajiet
li huma ferm ikbar
mill-kapaċitajiet tal-bnedmin;
iżda aħna għandna l-Ewkaristija
u quddiemha nistgħu nħossu
fil-fond ta’ qalbna, qishom
indirizzati lilna, l-istess
kelmiet li l-profeta Elija kien
sema’: “Qum u kul, inkella ma
tkunx tiflaħ għall-mixja li
fadallek” (1Slaten19,7).
It-teżor Ewkaristiku li l-Mulej
qiegħed għad-dispożizzjoni
tagħna, iħeġġiġna nimxu lejn
il-mira ta’ kondiviżjoni sħiħa
flimkien ma’ l-aħwa, li magħhom
tgħaqqadna l-Magħmudija komuni.
Sabiex ma nitilfux dan it-teżor,
jeħtieġ għalhekk nirrispettaw
l-eżiġenzi li joħorġu mill-fatt
li huwa Sagrament tal-komunjoni
fil-fidi u fis-suċċessjoni
appostolika.
Filwaqt li nagħtu
lill-Ewkaristija dak kollu li
jixirqilha, u filwaqt li nieħdu
ħsieb bi premura kbira li ma
nnaqqsu l-ebda dimensjoni jew
eżiġenza, aħna nuru ruħna li
nagħrfu l-kobor ta’ dan id-don.
Tistedinna għal dan kollu, ċerta
tradizzjoni li ma qatgħet qatt,
li sa mill-ewwel sekli dejjem
rat lill-komunità Nisranija
għassiesa fil-ħarsien ta’ dan
it-“teżor”. Imbuttata
mill-imħabba, il-Knisja tħabrek
li tgħaddi lill-ġenerazzjonijiet
Insara li ġew wara, bla ma
titlef anqas farka waħda,
il-fidi u d-duttrina dwar
il-Misteru Ewkaristiku. Ma hemm
l-ebda periklu li neżaġeraw
fil-ħarsien ta’ dan il-Misteru,
għaliex “f’dan is-Sagrament
jinġabar il-misteru kollu
tas-salvazzjoni tagħna”.
-
Għeżież
ħuti, ejjew inqegħdu lilna
nfusna fl-iskola
tal-Qaddisin, interpreti
kbar tal-vera pjetà
Ewkaristika. Fihom it-teoloġija
ta’ l-Ewkaristija tikseb is-sbuħija
kollha ta’ esperjenza reali;
“aħna nittieħdu minnha”, u
biex ngħidu hekk, “lilna
ssaħħanna”. Ejjew nisimgħu
lil Marija Santissima,
li fiha l-Misteru
Ewkaristiku jidher, iktar
minn fi ħwejjeġ oħra, bħala
misteru ta’ dawl.
Filwaqt li nħarsu lejha,
aħna nagħrfu l-qawwa
tremenda li tippossjedi l-Ewkaristija.
Fiha aħna naraw lid-dinja
tiġġedded fl-imħabba.
Filwaqt li nikkontemplawha
mtella’ fis-Sema bir-ruħ u
l-ġisem, aħna naraw biċċa
mis-“smewwiet ġodda” u
mill-“art ġdida” li jinfetħu
quddiem għajnejna mat-tieni
miġja ta’ Kristu. F’din id-dinja,
l-Ewkaristija tikkostitwixxi
r-rahan u, sa ċertu punt, l-antiċipazzjoni
tagħhom: “Veni, Domine
Iesu!” (Apok
22,20).
Fis-sinjal
umli tal-ħobż u ta’ l-inbid,
mibdula fil-ġisem u d-demm
tiegħu, Kristu jimxi magħna,
bħala saħħa tagħna u l-vjatku
tagħna, u jagħmilna għal kulħadd
xhieda ta’ tama. Jekk quddiem
dan il-Misteru r-raġuni tagħraf
il-limiti tagħha, il-qalb
imdawla mill-grazzja ta’ l-Ispirtu
s-Santu tifhem sewwa kif għandha
ġġib ruħha, filwaqt li titbaxxa
f’adorazzjoni u f’imħabba
mingħajr ebda limiti.
Nagħmlu
tagħna s-sentimenti ta’ San
Tumas d’Aquino, teologu mill-aqwa
u fl-istess ħin kantur
appassjonat ta’ Kristu
Ewkaristiku, u naraw li anki
qalbna tinfetaħ fit-tama ta’
kontemplazzjoni ta’ dik il-mira,
li lejha il-qalb tagħna
tixxennaq, għatxana kif inhi
għall-ferħ u għall-paċi:
“Bone
pastor, panis vere,
Iesu,
nostri miserere…”.
“Ragħaj it-Tajjeb, ħobż veru,
O Ġesù, ikollok
ħniena minna:
itmagħna u
ddefendina,
wassalna għall-ġid
etern
fl-art tal-ħajjin.
Int li kollox taf u
tista’
li titmagħna fuq din
l-art,
wassal lill-ħutek
għall-mejda tas-sema
fil-ferħ
tal-qaddisin”.
Mogħtija f’Ruma,
f’San Pietru, fis-17 ta’ April,
Ħamis ix-Xirka, tas-sena 2003,
il-ħamsa u għoxrin sena
tal-Pontifikat tiegħi, Sena tar-Rużarju.
Joannes Paulus
|