Dives in
Misericordia
bl-Ingliż
⇨
Dives in
Misericordia
bit-Taljan
⇨
|
Stampa t-test kollu
tal-Enċiklika ...
IL-PAPA
ĠWANNI
PAWLU II
ITTRA
ENĊIKLIKA
lill-isqfijiet,
lis-saċerdoti
u
lill-insara
kollha
tal-Knisja
Kattolika
FUQ
IL-ĦNIENA
TA’ ALLA
30 ta'
Novembru
1980
|
Ħuti
miqjuma, uliedi
egħżież,
Sliem u barka
appostolika
Kapitlu I
MIN
JARA LILI JARA
LILL-MISSIERI (ara
Ġw 14, 9)
1.
Ir-rivelazzjoni
tal-ħniena
“Alla
għani fil-ħniena”
hu dak li Ġesù
Kristu wriena bħala
l-Missier: hu Ibnu
stess li, fih
innifsu, urihulna u
għarrafulna.
Dwar dan ta’ min
ifakkar il-waqt li
fih Filippu, wieħed
mit-tnax-il
Appostlu, dar lejn
Ġesù u qal: “Mulej,
urina l-Missier, u
jkun biżżejjed
għalina”; u Ġesù
wieġeb: “Ili
daqshekk magħkom u
għadek ma
għarraftnix...? Min
ra lili, ra
lill-Missier”.
Dan
il-kliem intqal
fid-diskors li
għamel Ġesù wara
l-Aħħar Ikla
mad-dixxipli tiegħu
biex isellmilhom,
diskors li warajh
seħħu l-ġrajjiet
kollha ta’ dawk
il-jiem imqaddsa li
fihom twettaq darba
għal dejjem il-fatt
li “Alla għani
fil-ħniena tiegħu,
bis-saħħa ta’
l-imħabba li biha
ħabbna, meta aħna
konna mejta minħabba
fi dnubietna, tana
ħajja ġdida flimkien
ma’ Kristu”.
Fl-enċiklika
Redemptor hominis
imxejt fuq
it-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan
II, għarbilt sewwa
l-ħtiġijiet speċjali
ta’ żminijietna u
tkellimt fuq
il-verità dwar
il-bniedem, verità
li ntweriet lilna
fil-għoli kollu
tagħha fi Kristu. U
issa ħtieġa mhux
inqas importanti
għal dawn
iż-żminijiet hekk
iebsin u hekk
kritiċi, iġġiegħelni
nerġa’ nitkellem
biex nerġgħu naraw
fi Kristu l-ħarsa
tal-Missier li hu
tassew “Missier
il-ħniena u Alla ta’
kull faraġ”.
Naqraw
fil-Kostituzzjoni
Gaudium et Spes
“Kristu, Adam
ġdid... juri
lill-bniedem innifsu
kollu kemm hu u
jurih f’dawl sħiħ
is-sejħa għolja
tiegħu”; u dan
jagħmlu huwa u
jurina l-misteru
tal-Missier u ta’
mħabbtu.
Dan il-kliem huwa
xhieda ċara tal-fatt
li l-bniedem ma
jistax jidher
fid-dinjità sħiħa
tiegħu bħala bniedem
mingħajr l-ebda
riferenza għal Alla,
u dan tarah mhux
biss bil-ħsieb imma
ukoll jekk tqis
il-bniedem fil-ħajja
sħiħa li jrid jgħix
fid-dinja.
Il-bniedem u s-sejħa
għolja tiegħu jidhru
fi Kristu permezz
tar-rivelazzjoni
tal-misteru
tal-Missier u ta’
mħabbtu.
Għalhekk jaqbel li
wieħed issa jaħseb
ftit fuq dan
il-misteru. Dan
jitolbuh
l-esperjenzi kollha
li minnhom għaddejja
l-Knisja u l-bniedem
tal-lum. Dan
jitolbuh il-qlub ta’
ħafna bnedmin,
it-tbatija u l-ħerqa
tagħhom, il-qtigħ
il-qalb u t-tamiet
tagħhom. Hu veru li
kull bniedem, fih
innifsu, kif għedt
fl-enċiklika
Redemptor hominis,
hu t-triq
għall-knisja, iżda
fl-istess waqt,
l-Evanġelju u
t-tradizzjoni kollha
tal-Knisja bla heda
juruna li rridu
nimxu minn din
it-triq ma’ kull
bniedem, kif
Kristu stess
għallimna meta
wriena fih innifsu
l-Missier u mħabbtu.
Kull darba li f’Ġesù
Kristu tinqabad din
it-triq
għall-bniedem, triq
fdata lill-Knisja
skond is-sura dejjem
tidbiddel ta’ kull
żmien, il-bniedem
kull darba jitqarreb
lejn il-Missier u
mħabbtu. Il-Konċilju
Vatikan II uriena
kemm hu veru dan
għal żminijietna.
Aktar
ma l-Knisja,
fil-missjoni tagħha,
tieħu ħsieb
il-bniedem aktar ma
tkun, biex ngħidu
hekk,
antropoċentrika –
aktar jeħtieġ
titwettaq u tkun
fil-fatt
teoċentrika,
jiġifieri, tkun
kollha kemm hi
mehdija fil-Missier
bi Kristu. Waqt li
fl-imgħoddi u issa
wkoll, il-ħsieb
tal-bniedem,
fis-suriet kollha li
wera u juri ruħu,
dejjem fittex u
għadu jfittex jifred
minn xulxin
it-teoċentriżmu u
l-antropoċentriżmu u
xi kultant iġibuhom
kontra xulxin,
il-Knisja, hija u
timxi wara Kristu,
tipprova tgħaqqadhom
flimkien fil-ġrajja
tal-bniedem, b’mod
tassew sħiħ. Dan hu
wieħed
mill-prinċipji
ewlenin, u forsi
l-prinċipju l-aktar
importanti,
tat-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan
II. Għalhekk, jekk
minħabba l-qagħda
tal-ġrajja
tal-Knisja llum
inqisu d-dmir
ewlieni tagħha hu li
naraw li jseħħ
tassew it-tagħlim
kollu tal-Konċilju,
irridu nimxu fuq dan
il-prinċipju sħiħ
tal-fidi, moħħna
miftuħ, u qalbna
qawwija.
Fl-enċiklika
Redemptor hominis
ridt nuri li għandu
dejjem aktar jiftaħ
għal Kristu qlubna u
fehmietna l-għarfien
dejjem aktar sħiħ
tal-Knisja nfisha
minnha stess,
għarfien li jagħniha
dejjem aktar u li hu
wkoll frott
tal-Konċilju. Illum
irrid nuri li l-ftuħ
għal Kristu, li
bħala Feddej
tad-dinja “juri
l-bniedem lilu
nnifsu” kollu kemm
hu, jista’ jinkiseb
biss b’riferenza
dejjem aħjar u
dejjem aqwa
għall-Missier u għal
imħabbtu.
2.
L-inkarnazzjoni
tal-ħniena
Għalkemm Alla
“igħammar f’dawl li
ħadd ma jista’
jersaq lejh”
hu jkellem
lill-bniedem permezz
tal-ħolqien kollu:
“il-kobor tiegħu li
ma jidhirx,
jiġifieri s-setgħa
tiegħu ta’ dejjem,
id-divinità tiegħu,
(il-bniedem) setgħu
jagħarfuh sa
mill-ħolqien
tad-dinja permezz
tal-ħlejjaq”.
Dan l-għarfien
indirett u mhux
perfett ta’ Alla, li
jinkiseb minn min
ifittex ′l Alla
permezz tal-ħlejjaq
u tad-dinja li
naraw, mhuwiex
“id-dehra
tal-Missier”. “Lil
Alla għadu ħadd ma
rah”, jikteb San
Ġwann biex aktar
isaħħaħ lill-fatt li
“għarrafhulna l-Iben
il-waħdieni ta’
Alla, li hu fi ħdan
il-Missier”.
Dan “it-tagħrif”
jurina ′l Alla
fil-misteru l-aktar
għoli tal-eżistenza
tiegħu. Alla wieħed
fi tliet Persuni,
imdawwar b’dawl “li
ħadd ma jista’
jersaq lejh”.
Madankollu b’dan
“it-tagħrif” li tana
Kristu, aħna sirna
nafu ′l Alla fuq
kollox “fl-imħabba
tiegħu
għall-bniedem”,
fil-“filantropija”
tiegħu. Hu proprju
f’din l-imħabba, li
tfeġġ in-natura
tiegħu “li ma
tidhirx” u narawha
b’mod wisq aqwa
milli nistgħu
narawha permezz “ta’
dak kollu li sar”:
narawha fi Kristu u
bi Kristu, permezz
ta’ l-għemejjel
tiegħu u tal-kliem
tiegħu, u
fl-aħħarnett
fil-mewt tiegħu fuq
is-Salib u
fil-qawmien tiegħu
mill-imwiet.
B’dan
il-mod, fi Kristu u
bi Kristu, Alla
jidher b’mod
speċjali fil-ħniena
tiegħu, jiġifieri
f’dak l-attribut ta’
Alla li fil-kotba
tal-Patt il-Qadim,
permezz ta’ għadd
ta’kliem u ħsibijiet
hu mfisser bħala
“ħniena”. Kristu
jagħti tifsir sħiħ
għal dejjem
lit-tradizzjoni
tal-Patt il-Qadim
dwar il-ħniena. Mhux
biss jitkellem fuqha
u jfissirha permezz
ta’ paraguni u
parabboli, iżda fuq
kollox jinkarnaha
fih innifsu u b’xi
mod ilibbisha
persuntu, għax
hu, b’xi mod, hu
l-ħniena fiha
nfisha. Għal min
jaraha fih u jsibha
bih, Alla “jidher”
b’mod speċjali bħala
l-Missier “għani
fil-ħniena”.
In-nies tal-lum,
fil-fehma tagħhom,
aktar forsi minn
nies ta’ dari, huma
kuntrarji
għall-fehma ta’ xi
Alla kollu ħniena,
tant li jfittxu
jwarrbu mill-ħajja u
jħennu minn qalb
il-bniedem l-istess
idea ta’ ħniena.
L-istess kelma ta’
“ħniena”, l-istess
ħsieb qishom idejqu
lil-bniedem, li,
minħabba l-iżvilupp
kbir li sar
fix-xjenza u
t-teknoloġija, li
qatt ma kien hemm sa
issa bħalu
fl-istorja, sar sid
l-art, u ħakimha.
Din il-ħakma
tad-dinja, li xi
kull tant tiftiehem
b’mod superfiċjali u
b’tifsir wieħed
biss, milli jidher
ma tħalli ebda lok
għall-ħniena. Iżda,
dwar dan jaqbel
insemmu kif ġiet
impinġija “l-qagħda
tal-bniedem
fid-dinja tal-lum”
fil-bidu
tal-kostituzzjoni
Gaudium et Spes.
F’din
il-kostituzzjoni
naqraw dawn
is-sentenzi li
ġejjin: “Meta dan,
id-dinja tidher li
hi fl-istess ħin
qawwija u dgħajfa,
kapaċi tagħmel dak
li hu l-aħjar u dak
li hu l-agħar, u
lesta biex tiftaħ
it-triq
għall-ħelsien u
għall-jasar,
għall-mixi ′l
quddiem u għall-mixi
lura, għall-imħabba
ta’ l-aħwa u
għall-mibegħda bejn
l-aħwa. Il-bniedem
qed jintebaħ li hu
dmiru jikkontrolla
l-qawwiet li
jqajjem, u li
jistgħu kemm jaħkmuh
u kemm jaqduh.
Il-qagħda tad-dinja
llum mhux biss turi
bidliet li jnisslu
tama mhux fiergħa
ta’ ġejjieni
aħjar
għall-bniedem fuq
l-art iżda turi
wkoll għadd ta’
theddid, wisq akbar
milli qatt konna
nobsru bih.
Il-Knisja, għalkemm
qatt ma tonqos li
turi x’inhu dan
it-theddid u
ssemmieh kemm-il
darba (bħalma sar
bid-diskors
fl-U.N.O.,
fl-U.N.E.S.C.O.,
fil-F.A.O. u
f’okkażjonijiet
oħra), trid dejjem
tistħarrġu fid-dawl
tal-verità li
rċeviet mingħand
Alla.
Il-verità dwar Alla,
“il-Missier ta’ kull
ħniena”,
mgħarrfa lilna fi
Kristu, tgħina
“narawh” qrib ħafna
għall-bniedem, u
l-aktar
għall-bniedem li
jbati, għall-bniedem
mhedded fil-qalba
ta’ ħajtu u
tad-dinjità tiegħu.
U dan għaliex,
fil-qagħda li fiha
jinsabu l-Knisja u
d-dinja llum, ħafna
individwi u gruppi,
imqanqlin minn
sentiment ħaj ta’
fidi, qegħdin
ifittxu, qisu minn
rajhom, biex ngħid
hekk, il-ħniena ta’
Alla. Huma żgur
imbuttati għal dan
minn Kristu stess
li, bl-Ispirtu
tiegħu, jaħdem fi
qlub il-bniedem. Dan
għaliex il-misteru
ta’Alla “l-Missier
ta’ kull ħniena”,
mgħarraf lilna minn
Kristu, fil-qagħda
ta’ theddid li fiha
jinsab il-bniedem
tal-lum, hu qisu
s-sejħa ewlenija li
qiegħda ssir
lill-Knisja.
B’din
l-enċiklika rrid
nilqa’ din is-sejħa:
mill-kliem
tar-rivelazzjoni u
tal-fidi, kliem ta’
dejjem u fl-istess
ħin – minħabba
s-sempliċità u
l-għoli tiegħu –
kliem li ma hemmx
ieħor bħalu, irrid
nasal biex b’dan
l-istess kliem
infisser quddiem
Alla u quddiem
il-bnedmin kollha
t-tħassib u l-qtigħ
il-qalb ta’
żminijietna.
Ir-rivelazzjoni u
l-fidi jwissuna biex
mhux biss nimmeditaw
il-misteru ta’ Alla
bħala “l-Missier ta’
kull ħniena”, fih
innifsu, qisu
maqtugħ għal kollox
mid-dinja, imma
wkoll, f’isem Kristu
u flimkien ma’
Kristu, infittxu din
il-ħniena ta’ Alla.
Ma qalilniex Kristu
li Missierna “li
jara dak li hu
moħbi”
dejjem jistenniena
mmorru għandu
fil-ħtiġijiet kollha
tagħna, biex nifhmu
l-misteru tiegħu,
il-Misteru
tal-Missier u ta’
mħabbtu?.
Nixtieq għalhekk li
dawn il-ħsibijiet
tiegħi jqarrbu
dejjem aktar dan
il-misteru lejn
kulħadd. Fl-istess
ħin nixtieq li dawn
il-ħsibijiet tieghi
jkunu s-sejħa
tal-Knisja, sejħa
ħierġa mill-qalb,
għall-ħniena, li
d-dinja tal-lum u
l-bnedmin kollha
kemm huma tant
jeħtieġu. Jeħtieġu
l-ħniena ta’ Alla
għalkemm ma
jintebhux b’dan.
Kapitlu II
Il-MESSAĠĠ
MESSJANIKU
3.
Meta
Kristu beda jagħmel
il-ġid u jgħallem
Lin-nies ta’ beltu,
Nazaret, Ġesù
fakkarhom fi kliem
il-profeta Isaija:
“L-Ispirtu tal-Mulej
fuqi, għax huwa
kkonsagrani biex
inwassal il-bxara
it-tajba
lill-fqajrin.
Bagħatni nħabbar
il-ħelsien
lill-imjassrin, u
d-dawl mill-ġdid
lill-għomja. Inrodd
il-ħelsien
lill-imjassrin u
nxandar sena
tal-grazzja
tal-Mulej”.
Dan il-kliem, skond
San Luqa, huwa
l-ewwel tħabbira
tiegħu bħala
Messija. Wara dan
il-kliem seħħ dak
l-għemil kollu u
dak, il-kliem li
nafuh
mill-Evanġelju.
B’dan il-kliem u
b’dan l-għemil
tiegħu Kristu ġab
il-Missier fost
il-bnedmin. Jiswa
ħafna ninnotaw li
n-nies li jissemmew
huma qabel xejn
il-fqar, dawk li
neqsin mill-meħtieġ
tal-ħajja, dawk
imċaħħdin
mil-libertà tagħhom,
dawk li għax għomja
ma jistgħux jaraw
il-ġmiel
tal-ħolqien, dawk
ta’ qalbhom maqsuma,
dawk li qegħdin
iġarrbu xi
inġustizzja soċjali,
u fl-aħħarnett
il-midinbin. Huwa
għal dawn in-nies
l-aktar li l-Messija
huwa sinjal, li
malajr intebħu bih,
ta’ Alla, li hu
mħabba, sinjal
tal-Missier Alla.
In-nies ta’ żmienna
– bħan-nies ta’ dari
– jistgħu jaraw
il-Missier f’sinjal
bħal dan li jidher.
Jiswa
wkoll li wieħed
jiftakar li meta
dawk li San Ġwann
Battista bagħat
għand Ġesù, resqu
lejh u staqsewh:
“Inti huwa dak li
għandu jiġi jew
nistennew lil
ħaddieħor?”,
weġibhom billi tahom
l-istess xhieda li
f”Nazaret biha ta
bidu għat-tagħlim
tiegħu: “Morru agħtu
lil Ġwanni l-aħbar
ta’ dak li rajtu u
smajtu: kif l-għomja
qegħdin jerġgħu
jaraw, iz-zopop
jimxu, l-imġiddmin
ifiqu, it-torox
jisimgħu, il-mejtin
iqumu u kif il-bxara
t-tajba qiegħda
tixxandar
lill-fqar”; u temm
kliemu billi qal:
“Hieni hu min ma
jitfixkilx minħabba
fija!”.
Bil-mod kif għex u
bl-għemil tiegħu
kollu, Ġesù,
għalhekk, wera kif
l-imħabba tinsab
fid-dinja li fiha
ngħixu – imħabba
ħabrieka li tqanqal
il-bniedem u tħaddan
dak kollu li bih
il-bniedem hu
bniedem. Din
l-imħabba tidher
fil-qawwa kollha
tagħha meta tiltaqa’
mal-mard,
mat-tiġrib,
mal-faqar – meta
tiltaqa’ mal-“qagħda
tal-bniedem” tul
il-ġrajja kollha
tiegħu, qagħda li
fis-suriet kollha
tagħha turi kemm hu
nieqes u dgħajjef
il-bniedem, sew
fir-ruħ u sew
fil-ġisem. Din
is-sura ta’ mħabba
għal min hu tassew
imġarrab,
l-Iskrittura
jsejħilha “ħniena”.
Kristu mela juri ′l
Alla, li hu Missier,
li San Ġwann
fl-ewwel ittra
tiegħu jgħollih għax
hu “Mħabba”;
Kristu juri ′l Alla
bħala “għani
fil-ħniena” kif
naqraw fl-ittra ta’
San Pawl.
Din l-verità, aktar
milli hi xi suġġett
ta’ tagħlim, hi fiha
nfisha fatt konkret,
mgħarraf u muri
lilna minn Kristu.
Kristu kien iħoss li
l-aqwa prova
tad-dmir u
tal-missjoni tiegħu
bħala Messija kienet
il-fatt li bih
il-Missier deher
fost il-bnedmin
bħala Mħabba u
ħniena. Dan
iwettqu l-kliem li
qal l-ewwel darba
fis-sinagoga ta’
Nazaret li mbagħad,
quddiem id-dixxipli
tiegħu tennih lil
dawk li San Ġwann
Battista kien bagħat
għandu.
Għaliex ried juri ′l
Alla fost il-bnedmin
l-aktar bħala
Missier, Imħabba u
Ħniena, Ġesù għażel
il-ħniena bħala
wieħed mit-temi
ewlenin tat-tħabbir
tiegħu. Kif kienet
id-drawwa tiegħu,
l-ewwel għallem
permezz
tal-parabboli, għax
b’hekk seta’ jfiehem
aħjar il-qofol
tan-natura ta’ kull
ħaġa. Biżżejjed
insemmu l-parabbola
tal-iben il-ħali
jew dik
tas-Samaritan
it-tajjeb
, jew – għalkemm din
hi l-maqlub
tal-oħrajn – dik
tal-qaddej ħażin.
Fit-tagħlim ta’
Kristu niltaqgħu ma’
ħafna okkażjonijiet
li fihom dejjem isib
xi triq ġdida biex
ifisser l-imħabba u
l-ħniena. Biżżejjed
inġibu quddiem
għajnejna r-ragħaj
it-tajjeb li jmur
ifittex in-nagħġa
mitlufa.
L-Evanġelista li
l-aktar jitkellem
fuq dan huwa San
Luqa, hekk li
l-Evanġelju tiegħu
stħaqqlu jissejjaħ
“L-Evanġelju
tal-ħniena”.
Meta
niġu għax-xandir
tal-Kelma t’Alla,
niltaqgħu ma’
problema li għandha
mportanza kbira,
il-problema xi
jfissru l-kliem u
x’inhu l-ħsieb li
jridu jfissru;
irridu naraw
l-ewwelnett x’nifhmu
bil-kelma “ħniena” u
kif inhi marbuta ma’
“l-imħabba”. Jekk
nifhmu sewwa
x’inhuma “l-ħniena”
u ‘l-imħabba”
jkollna f’idejna
qisu muftieħ biex
nifhmu verament
x’inhi l-ħniena.
Iżda qabel ma mmorru
′l quddiem f’din
il-ħaġa, jiġifieri
qabel stess ma
niffissaw il-qawwa
kollha tal-kliem u
t-tifsir sewwa ta’
x’inhi “il-ħniena”,
irridu nfakkru li
Kristu, huwa u
jurina l-imħabba u
l-ħniena ta’ Alla,
fl-istess waqt ried
li n-nies
f’ħajjithom kollha
jkunu mmexxija
mill-imħabba u
l-ħniena.
Dan huwa l-qofol
tal-messaġġ ta’
Kristu bħala
Messija, u huwa
l-qalba ta’ l-ethos
tal-Evanġelju.
Kristu l-Imgħallem
tagħna dan jurih
kemm permezz
tal-Kmandament li
jgħidilna li hu
“l-kmandament
il-kbir u l-ewwel
wieħed”
u permezz tal-barka
li fuqha jitkellem
fid-diskors
tal-muntanja:
“Ħenjin dawk li
jħennu, għax huma
jsibu l-ħniena”.
B’hekk it-tħabbira
messjanika
tal-ħniena għandha
sura speċjali, umana
u divina, Kristu, li
fih intemmu
l-profeziji kollha
dwar il-Messija,
għax hu
l-inkarnazzjoni
tal-imħabba li turi
l-qawwa kollha
tagħha ma’ dawk li
qegħdin ibatu,
mal-imsejknin, u
mal-midinbin,
iwassal fostna u
juri dejjem aħjar
il-Missier, li hu
Alla “għani
fil-ħniena”. U meta
aktar bil-għemil
milli bil-kliem,
Kristu sar
għall-bnedmin xempju
ta’ mħabba kollha
ħniena għall-oħrajn,
huwa għamel dik
l-istedina
għall-ħniena li hi
waħda mill-elementi
ewlenin tal-ethos
tal-Evanġelju. Għax
hawn mhux il-każ
biss ta’ ħarsien ta’
xi kmandamenti jew
ta’ xi preċett dwar
imġiba tajba; hu każ
tal-ħarsien ta’
kondizzjoni li
għandha piż kbir
biex Alla juri ruħu
lill-bnedmin
fil-ħniena tiegħu:
“Dawk li
jħennu...isibu
ħniena”.
Kapitlu III
IL-PATT IL-QADIM
4.
Il-fehma
tal-“ħniena” għandha
ġrajja twila u
għonja tul iż-żmien
tal-Patt il-Qadim.
Jeħtieġ inqisuha
sewwa, biex tiddi
aktar il-ħniena li
biha għarrafna
Kristu. Meta Kristu
bil-kliem u b’għemil
wera x’inhi
l-ħniena, hu kien
qed juri x’inhi lil
nies li mhux biss
kienu jifhmu x’inhi
imma wkoll, bħala
l-poplu ta’ Alla
tal-Patt il-Qadim,
fil-ġrajja twila
tagħhom, kemm-il
darba ġarrbu b’mod
speċjali l-ħniena
ta’ Alla, u ġarrbuha
mhux biss kull
wieħed għal rasu,
imma wkoll bħala
soċjetà u komunità.
Israel kien poplu
tal-Patt ta’ Alla,
li ta’ spiss kienu
jiksruh.
Kull
darba li dan
il-poplu kien
jintebaħ li naqas
mill-fedeltà
għall-patt – u
fil-ġrajja twila ta’
Israel qatt ma kienu
nieqsa l-profeti u
nies oħra li
jġiegħeluh jintebaħ
b’dan – il-poplu
kien jitlob ħniena.
Dwar dan il-kotba
tal-Patt il-Qadim
jagħtuna ħafna
eżempji. Fost
il-fatti u
l-ġrajjiet l-aktar
importanti ta’ min
isemmi: il-bidu
tal-ġrajja
tal-Imħallfin,
it-talba ta’ Salamun
fid-dedikazzjoni
tat-tempju,
parti mit-tħabbir
tal-profeta Mikea,
il-faraġ u
l-wegħdiet imħabbra
mill-profeta Isaija,
it-talba tal-Lhud
eżiljati ′l bogħod
minn pajjiżhom,
it-tiġdid tal-patt
wara li l-Lhud
reġgħu lura
mill-eżilju.
Għandu qawwa kbira
l-fatt li l-profeti
fit-tħabbir tagħhom,
ta’ spiss isemmu
l-ħniena, u,
minħabba d-dnubiet
tal-poplu,
igħaqqduha ma’
xbieha li tfisser
l-imħabba ta’ Alla.
Alla jħobb lil
Israel b’imħabba li
m’hemmx oħra bħalha,
imħabba tixbaħ ħafna
l-imħabba
tal-miżżewġin għal
xulxin,
għalhekk lest dejjem
biex jaħfer
sal-ħtijiet
tal-infedeltà u
tat-tradiment. Iżda
Alla, meta jiltaqa’
mal-indiema u
l-konverżjoni
sinċiera, ireġġa
lura għall-grazzja
dan il-poplu tiegħu.
Fit-tagħlim
tal-profeti l-ħniena
tfisser l-aktar dik
il-qawwa ta’ mħabba
li tirbaħ id-dnub u
n-nuqqas ta’ fedeltà
tal-poplu magħżul
ta’ Alla.
Jekk
il-ħniena titqies
taħt dan l-aspett
“soċjali” tassew
wiesgħa, tidher
qisha dik
l-esperjenza li
jħoss f’qalbu kull
bniedem li jinsab
fid-dnub jew hu
mġarrab mit-tbatija
u kull xorta ta’
disgrazzji. Kemm
id-deni tal-ġisem u
dak tar-ruħ (li hu
d-dnub) iwasslu ′l
ulied Israel biex
iduru lejn il-Mulej
jitolbuh ħniena.
Hekk David idur lejn
il-Mulej meta
jintebaħ bil-kobor
tad-dnub tiegħu.
Hekk ukoll Ġob, wara
li jkun ħadha kontra
Alla, idur lejh
fil-kobor tat-tiġrib
tiegħu.
U Ester lilu titlob
malli tagħraf
it-tiġrib tal-mewt
li kien qed ihedded
lil ġensha.
U nsibu ħafna
eżempji oħra bħal
dawn fil-kotba
tal-Patt il-Qadim.
Din
il-konvinzjoni hekk
sħiħa ta’ kull
bniedem Lhudi u
tal-poplu kollu, li,
matul iż-żminijiet
kollha, juruna
l-kotba tal-Patt
il-Qadim, għandha
l-bidu tagħha f’dak
li ġarrab il-poplu
magħżul ta’ Alla,
fil-bidu ta’
ġrajjietu, fi żmien
il-ħruġ mill-Eġittu.
Alla għaraf
it-tiġrib tal-poplu
mjassar, u sama’
l-għajat tiegħu, u
ra t-tbatijiet
tiegħu, u ried
jeħlishom.
F’dan l-għemil
tal-Mulej biex
jeħles il-poplu
tiegħu, il-profeta
seta’ jara kemm
l-imħabba u kemm
il-ħniena ta’ Alla.
Hu proprju għalhekk
li kull bniedem
Lhudi u l-poplu
kollu kien konvint
li dejjem seta’
jafda fil-ħniena ta’
Alla f’kull tiġrib.
Ma’
dan għandna nżidu
l-fatt li d-dnub
ukoll iwaqqa’
l-bniedem
fil-miżerja. Din
il-miżerja l-poplu
tal-Patt il-Qadim
ġarrabha sa
miż-żmien tal-ħruġ
mill-Egittu, meta
għamlu l-għoġol
tad-deheb. Alla
nnifsu ħareġ rebbieħ
fuq dan il-ksur hekk
ikraħ tal-Patt, meta
lil Mosè qallu:
“Jahweh! Jahweh!
Alla li jagħder u
jħenn, tqil biex
jagħdab u kbir
fit-tjieba u
s-sewwa”.
Hi f’din
ir-rivelazzjoni
ewlenija li l-poplu
magħżul ta’ Alla, u
kull wieħed minnhom,
kull darba li kien
jidneb, kien
imbagħad isib
il-qawwa u r-raġuni
biex idur lejn
il-Mulej, u jfakkru
f’dak kollu li kien
ħabbar fuqu nnifsu u
jitolbu ħniena.
Bil-kliem u
bl-għemil il-Mulej
wera l-ħniena tiegħu
sa mill-bidunett
tal-ġrajja tal-poplu
li għażel għalih, li
matul ġrajjietu
kollha, dejjem ried
jafda f’Alla ta’
kull ħniena kemm
meta kienu jiġu fuqu
d-disgrazzji u kemm
meta kien jintebaħ
bid-dnub tiegħu.
Is-suriet kollha
tal-imħabba,
fl-irqaqat kollha
tagħhom, jidhru
fil-ħniena li Alla
kien juri ma’ dawk
li għażel għalih; hu
Missierhom,
għaliex Israel hu
l-ewwel wieħed fost
uliedu;
il-Mulej hu wkoll
l-għarus ta’ dik li
l-profeta jsejħilha
ruhama –
il-maħbuba ta’ ruħi
u ta’ qalbi, għaliex
magħha se juri
l-ħniena kollha
tiegħu.
U
wkoll meta Alla,
minħabba n-nuqqas
ta’ fedeltà
tal-poplu tiegħu,
jaħseb biex jitilqu
waħdu, b’dan kollu
l-kobor bla qjies
ta’ mħabbtu
għall-magħżulin
tiegħu, jasal dejjem
biex jegħleb
l-għadab għalihom.
Malajr għalhekk
wieħed jifhem
għaliex il-kittieba
tas-salmi, meta
riedu jgħannu
bl-ogħla tifħir
lill-Mulej, ilissnu
innijiet lil Alla
ta’ l-imħabba,
tal-ħlewwa,
tal-ħniena u
tal-fedeltà.
Minn
dan naraw li
l-ħniena ma
għandhiex x’taqsam
biss man-natura ta’
Alla, iżda turi
wkoll il-ħajja
kollha kemm hi
tal-poplu ta’ Israel
u ta’ kull wieħed u
waħda minnhom:
il-qofol tal-ħniena
huwa l-mod kif huma
l-midħla sewwa
tal-Mulej tagħhom,
jiġifieri l-mod kif
jitkellmu miegħu.
Huwa taħt dan
l-aspett li tidher
il-ħniena fil-Kotba
kollha tal-Patt
il-Qadim, imfissra
b’għadd tassew sabiħ
ta’ kelmiet. Forsi
m’hijiex ħaġa ħafifa
f’dawn il-kotba ssib
it-tweġiba purament
teroretika
(definizzjoni li
twieġeb)
għall-mistoqsija:
x’inhi l-ħniena?
Iżda l-kelmiet li
jintużaw f’dawn
il-kotba biex
ifissrulna l-ħniena
għandhom ħafna
x’jgħallmuna.
Il-kotba tal-Patt
il-Qadim, biex
ifissru l-ħniena,
jużaw ħafna kelmiet
li għandhom kważi
l-istess tifsir,iżda
li jintgħażlu minn
xulxin bit-tifsir
speċjali li għandha
kull kelma; iżda
nistgħu ngħidu li
dawn il-kelmiet
kollha, kull waħda
minn rajha,
magħqudin flimkien,
ifissru ħsieb
ewlieni wieħed,
jiġifieri l-għana
bla qjies
tal-ħniena, u
fl-istess waqt
iwassluha taħt ħafna
suriet lill-bniedem.
Il-Patt il-Qadim
iħeġġeġ lil dawk li
huma mġarrbin minn
xi disgrazzja, u
l-ewwelnett lil dawk
li huma mgħobbijin
bid-dnubiet – u lil
Israel kollu wkoll,
li għandu patt ma’
Alla – biex jitolbu
ħniena u jqawwilhom
ukoll qalbhom, biex
jafdaw għal kollox
fiha: għax
ifakkarhom
fil-ħniena ta’ Alla
fiż-żmien ta’
waqgħat tagħhom u
ta’ meta wrew ruħhom
kemm kienu dgħajfa.
U wara, il-kotba
tal-Patt il-Qadim
iroddu ħajr lil Alla
u jsebbħuh
għall-ħniena tiegħu,
kull darba li
l-ħniena ta’ Alla
tidher fil-ġrajja
tal-poplu kollu jew
fil-ħajja ta’ kull
wieħed jew waħda
minnhom.
Il-ħniena ta’ Alla,
b’hekk, b’xi mod,
tidher qisha qed
tmur kontra
l-ġustizzja ta’
Alla, u spiss tidher
mhux biss aqwa
minnha imma wkoll
ogħla minnha.
Il-Patt il-Qadim
igħallem ukoll li
l-ġustizzja hija
virtù vera
fil-bniedem u
perfezzjoni li
tiżboq kollox
f’Alla; iżda
l-imħabba hi “aqwa”
mill-ġustizzja, u
hija wisq aqwa għax
hija l-ewwel waħda u
l-qofol ta’ kollox.
L-imħabba, biex
ngħidu hekk, ittaffi
l-ġustizzja, u,
fl-aħħar mill-aħħar,
hija l-ġustizzja li
taqdi l-imħabba.
Huwa permezz
tal-ħniena li naraw
kemm l-imħabba tiġi
qabel u hi aqwa
mill-ġustizzja ( u
dan narawh
fir-rivelazzjoni
kollha). Din hi ħaġa
hekk ċara
għall-profeti u
għall-kittieba
tas-salmi, li jaslu
biex, bil-kelma
“ġustizzja”, ifissru
s-salvazzjoni li
l-Mulej jagħti
fil-ħniena tiegħu.
Il-ħniena tingħażel
mill-ġustizzja imma
ma hijiex kontra
tagħha jekk nammettu
– kif jammettu
l-kotba kollha
tal-Patt il-Qadim –
li fil-ġrajja
tal-bniedem jinsab
Alla, li, bħala
ħallieq ta’ kollox,
hu marbut
mal-ħlejjaq tiegħu
b’rabta ta’ mħabba.
L-imħabba minnha
nfisha, twarrab
il-mibegħda u kull
xewqa ta’ deni
kontra dak li darba
tkun tajtu lilek
innifsek: “Ma
stmerrejt xejn minn
dak li għamilt”.
Dan il-kliem juri
fuq liema sisien
tinbena f’Alla
r-relazzjoni
tal-imħabba u
l-ġustizzja
bejniethom, f’kull
ma għandu x’jaqsam
mal-bniedem u
mad-dinja. Dan
il-kliem jurina
ukoll l-egħruq u
r-raġuni ewlenija
ta’ din ir-rabta
tal-imħabba u
l-ġustizzja
bejniethom tinsab
fil-bidu ta’ kollox,
fil-misteru stess
tal-ħolqien. Dan
il-kliem ġà jħabbar
fi żmien il-Patt
l-Qadim id-dehra
sħiħa ta’ Alla, li
hu “Mħabba”.
Marbut ħaġa waħda
mal-misteru
tal-ħolqien hu
l-misteru ta’
l-għażla, li b’mod
speċjali sawwar
il-ġrajja tal-poplu
li bħala missier
spiritwali għandu ′l
Abraham, minħabba
l-fidi tiegħu.
Madankollu, permezz
ta’ dan il-poplu
miexi ′l quddiem tul
il-ġrajja kollha
tal-Patt il-Qadim u
l-Patt il-Ġdid,
il-misteru
tal-għażla jolqot
kull bniedem waħdu u
l-bnedmin kollha
kemm huma flimkien.
“B’imħabba ta’
dejjem ħabbejtek
għalkemm fit-tjieba
tiegħi ġbidtek
lejja”.
“Jistgħu jitħarrku
l-għoljiet...imma
mħabbti ma
titħarrekx minn
miegħek u l-patt
tiegħi ta’ sliem ma
jitneħħiex”.
Din il-verità,
imħabbra darba lil
Israel, tħaddan
magħha l-ġrajja
kollha tal-bniedem,
ġrajja li fl-istess
ħin, storika u
eskatoloġika.
U f’dehra storika u
eskatoloġika fi qlub
ġa mħejjija
għalhekk, Kristu
juri ′l Missier; u
dan juruh il-paġni
kollha tal-Patt
il-Qadim. Fi tmiem
ta’ din
ir-rivelazzjoni, ewl
il-lejl qabel ma
miet, Kristu jgħid
dan il-kliem
lill-appostlu
Filippu: “Ili
daqshekk magħkom u
għadek ma
għaraftnix? Min ra
lili ra l-Missier”.
Kapitlu IV
IL-PARABBOLA TA’
L-IBEN IL-ĦALI
5.
Analoġija
Fil-bidu stess
tal-Patt il-Ġdid,
żewġ ilħna
f’armonija waħda
jidwu fl-Evanġelju
ta’ San Luqa biex
iħabbru l-ħniena ta’
Alla, li bil-qawwa
kollha qishom bħal
eku, itennu kull ma
jgħid il-Patt
il-Qadim. Fihom
insibu t-tifsir
kollu tal-ħafna
kelmiet li bihom
il-kotba tal-Patt
il-Qadim fissru
l-ħniena. Marija,
hija hu dieħla f’dar
Zakkarija, tfaħħar
il-kobor tal-Mulej
b’ruħha kollha
għall-“ħniena tiegħu
li tinfirex f’kull
żmien” fuq dawk li
jibżgħu minnu. U
ftit wara, hija u
tfakkar l-għażla ta’
Israel, ixxandar
il-ħniena li minn
dejjem fiha jiftakar
dak li għażilha.
U fl-istess dar,
aktar tard, meta
twieled Ġwanni l-
Battista, missieru
Zakkarija,ibierek
il-Mulej Alla ta’
Israel u jsebbħu
għall-ħniena li
għamel ma’
missirijietna u
jiftakar fil-patt
qaddis tiegħu.
Fit-tagħlim ta’
Kristu stess
il-ħsieb li ntwerit
mill-Patt il-Qadim
jidher aktar
sempliċi u aktar
għoli. Dan il-ħsieb
forsi jidher b’mod
aktar ċar
fil-parabbola
tal-iben il-ħali.
F’din il-parabbola
ma niltaqgħux
mal-kelma “ħniena”,
iżda l-parabbola
turi l-qofol
tal-ħniena ta’ Alla
b’mod tassew ċar.
Dan iseħħ l-aktar
mhux bil-kliem li
jingħad, kif kien
jiġri fil-Patt
il-Qadim, imma
mill-istorja nfisha,
li tgħina nifhmu
aktar fil-fond
il-misteru
tal-ħniena bħala
ġrajja tal-biki li
fiha jiltaqgħu
flimkien l-imħabba
ta’ missier u l-ħala
u d-dnub ta’ iben.
Dan
l-iben, li ħa
mingħand missieru
sehmu tal-wirt u
telaq mid-dar, mar
f’pajjiz ′l bogħod u
berbaq ġidu kollu
“b’ħajja mtajra”,
huwa b’xi mod
il-bniedem ta’ kull
żmien, ibda minn dak
li kien l-ewwel
wieħed li tilef
il-wirt tal-grazzja
u tal-ġustizzja
tal-bidu. Hawn
l-analoġija tidher
fil-wesgħa kollu
tagħha.
Indirettament
il-parabbola tolqot
kull ksur tal-patt
tal-imħabba, kull
telfien tal-grazzja,
kull ħtija. Iżda
jekk inqabblu din
l-analoġija
mat-tradizzjoni
kollha tal-profeti,
f’dan it-tqabbil ma
tantx jissemma
in-nuqqas ta’
fedeltà tal-poplu
kollu ta’ Israel,
għalkemm
il-parabbola
tal-iben il-ħali
b’xi mod tista’
tfisser ukoll dan
in-nuqqas ta’
fedeltà. “Meta ħela
kull ma kellu...”
dan l-iben “beda
jħoss ruħu
fil-bżonn”, l-aktar
għaliex “waqa’ ġuħ
kbir” fuq il-pajjiz
fejn kien mar wara
li ħareġ minn dar
missieru. Fil-qagħda
li fiha sab ruħu
kien lest jiekol
kollox imqar
“il-ħarrub li kienu
jieklu l-qżieqeż”,
li hu kien jirgħa
għal “wieħed minn
dak il-pajjiz”. Imma
minn dan ukoll ġie
mċaħħad.
Il-parabbola issa
qed tifli l-qalb
tal-bniedem. Il-wirt
li kien tah missieru
kien kotra ta’ ġid
materjali, iżda minn
dan il-ġid kollu
baqgħet dejjem wisq
aqwa għalih
id-dinjità tiegħu
ta’ iben f’dar
missieru. Il-qagħda
li fiha sab ruħu,
għax berbaq ġidu
kollu, kellha
ġġiegħelu jintebaħ
f’din id-dinjità li
kien tilef. Żgur ma
ħasibtx fuq dan meta
talbu ′il missieru
jagħtih sehmu
tal-wirt biex jitlaq
mid-dar. U lanqas
jidher li ntebaħ
b’dan issa li daħal
fih innifsu u qal:
“Kemm lavranti ma’
Missieri għandhom
ħobż bix-xaba’, u
jien qiegħed hawn
immut bil-ġuħ!”
Kien
qed iqis il-qagħda
tiegħu mill-ġid li
tilef, jiġifieri li
hu “ma kellux” dak
li “kellhom”
il-lavranti ta’
missieru. Kliemu
juri kif kien
jaħsibha l-aktar fuq
il-ġid tad-dinja,
imma moħbi f’dan
il-kliem hemm
it-traġedja
tad-dinjità li kien
rema, u l-għarfien
li kien tajjar
mar-riħ id-dinjità
tiegħu ta’ iben.
Wasal
imbagħad biex
jiddeċiedi: “Ħa nqum
u mmur għand
missieri u ngħidlu:
“Missier, dnibt
kontra s-sema u
kontra tiegħek; ma
jistħoqqlix iżjed
nissejjaħ ibnek:
żommni b’wieħed
mil-lavranti
tiegħek”.
Hu dan il-kliem li
juri b’aktar qawwa
l-qofol
tal-problema.
Minħabba l-qagħda
materjali mħawda li
fiha sab ruħu l-iben
il-ħali għall-bluha
tiegħu, wasal biex
għaraf x’kienet
id-dinjità li tilef.
Malli għamel f’rasu
li jerġa’ lura f’dar
missieru u jitolbu
jerġa’ jilqgħu –
mhux bi dritt bħala
ibnu, imma bħala
lavrant – wieħed
għall-ewwel jista’
jaħseb li dan għamlu
minħabba l-ġuħ u
l-għera li fiha kien
waqa’; iżda ma’ din
ir-raġuni hemm
imsieħeb l-għarfien
ta’ telf ta’ ħaġa
aqwa: lavrant f’dar
missieru kien żgur
għalih nuqqas kbir
ta’ ġieh u ta’
mistħija liema
bħalha. U b’dan
kollu l-iben il-ħali
kien lest iġarrab
din il-mistħija u
dan in-nuqqas ta’
ġieh. Għaraf li ma
kien baqagħlu ebda
dritt ieħor ħlief li
jkun lavrant f’dar
missieru. Meta
għamel f’rasu li
jerġa’ lura f’dar
missieru, kien jaf
tajjeb x’kien
jistħoqqlu, u xi
dritt kien baqagħlu
skond il-ġustizzja.
U proprju dan juri
li l-iben il-ħali
beda jintebaħ
x’kienet id-dinjità
li tilef, dik
id-dinjità li tiġi
mir-rabta tal-iben
ma’ missieru. U
b’din il-fehma qabad
it-triq biex jerġa’
lura.
Fil-parabbola ta’
l-iben il-ħali
l-kelma “ġustizzja”
ma niltaqgħux magħha
darba waħda biss,
kif lanqas insibu
l-kelma “ħniena”
fit-test oriġinali
tal-Evanġelju, B’dan
kollu r-rabta
bejn il-ġustizzja u
l-imħabba li turi
ruħha fil-ħniena
nsibuha mdaħħla,
bl-għaqal kollu,
fit-tagħlim proprju
ta’ din il-parabbola
tal-Evanġelju. Żgur
li l-imħabba
tinbidel fi ħniena
kull darba li jkun
meħtieġ li wieħed
imur ′l hemm
mir-regola fissa
tal-ġustizzja,
regola eżatta u
spiss ukoll dejqa
żżejjed. Wara li
kien berbaq il-ġid
li tah missieru,
l-iben il-ħali, meta
reġa lura, kien
jistħoqqlu jaqla’
ħobża jaħdem bħala
lavrant f’dar
missieru, u mbagħad,
bil-mod il-mod,
iġemma’ ftit ta’
ġid, għalkemm forsi
qatt daqskemm kien
berbaq. Dan titlob
il-ġustizzja, aktar
u aktar għaliex dan
l-iben mhux biss
tilef is-sehem li
kien imissu tal-ġid,
imma wkoll għax
weġġa’ u nikket lil
missieru bl-imġiba
kollha tiegħu.
L-imġiba ta’ l-iben
il-ħali, li,
fil-fehma tiegħu
stess, ċaħħditu
mid-dinjità tiegħu
ta’ iben, ma
setgħetx ma tolqotx
lil missieru. Kellha
ġġiegħelu jitnikket.
B’xi mod kellha
tolqtu. Fl-aħħar
mill-aħħar dak kien
ibnu, u r-rabta
miegħu bħala iben ma
setgħetx la titneħħa
u lanqas tiġi
fix-xejn b’xi
għemil, ikun li
jkun. L-iben il-ħali
ntebaħ b’dan kollu:
u huwa proprju dan
li ġiegħelu jagħraf
liema kienet
id-dinjità li tilef
u jqis sewwa x’seta’
jistenna li jkollu
f’dar missieru.
6.
Id-dinjità
tal-bniedem
Issa
li rajna sewwa
x’kien il-ħsieb li
qanqal lill-iben
il-ħali biex jerġa’
lura għand missieru,
nistgħu nifhmu sewwa
x’inhi l-ħniena
t’Alla. F’din
l-istorja hekk
sempliċi u hekk
tolqtok, kulħadd
jaqbel li l-missier
hu xbieha ta’ Alla
bħala Missier.
L-għemil tal-missier
fil-parabbola u
l-imġiba kollha
tiegħu, li juri
x’kien iħoss
f’qalbu, igħinuna
naraw fiha s-suriet
kollha tal-ħniena
ta’ Alla kif jidhru
fil-kotba tal-Patt
il-Qadim, minsuġin
flimkien f’sura
ġdida, aktar
sempliċi u aktar
għolja. Missier
l-iben il-ħali juri
ruħu fidil
għan-natura tiegħu
ta’ missier, fidil
għall-imħabba li
dejjem wera ma’
ibnu. Din
il-fedeltà,
fil-parabbola,
tidher mhux biss
għaliex minnufih
ħaddan miegħu ′l
ibnu li kien reġa’
lura għandu, wara li
berbaq ġidu kollu;
juriha wisq aktar
bil-ferħ u bil-festa
kbira li għamel bla
ma ħares xejn lejn
l-ispejjeż, festa
hekk kbira li
lill-iben il-kbir,
li qatt ma kien
tbiegħed minn
missieru u lanqas
ħalla daru,
ġegħelitu jinkorla u
jgħir.
Il-fedeltà
tal-missier lejh
innifsu – fedeltà li
fil-kotba tal-Patt
il-Qadim hi mfissra
mill-kelma hesed
– hi fl-istess
ħin imwettqa
b’mod kollu mħabba.
Naqraw dan: meta
l-missier ra ′l ibnu
ġej lura, “tħassru u
b’ġirja waħda mar
inxteħet fuq għonqu
u biesu”.
Dan żgur għamlu
mqanqal minn imħabba
liema bħalha: u dan
ġara għaliex laqa’
′l ibnu b’qalb hekk
kbira, li ġiegħelet
l-iben il-kbir
jinkorla. Iżda rridu
nfittxu aktar
fil-fond ir-raġuni
ta’ din il-qalb
kbira kollha. Ara:
il-missier jintebaħ
li ġie salvat ġid
tassew mill-aqwa:
il-ġid ta’ ibnu
bħalha bniedem.
Għalkemm ibnu kien
berbaq wirtu, b’dan
kollu, hu, bħalha
bniedem, kien salv.
Id-dinjità tiegħu
bħalha bniedem, b’xi
mod, reġgħet
instabet. Dan jixhdu
l-kliem tal-missier
li qal lil ibnu
l-kbir: “Kien
meħtieġ li nagħmlu
festa u nifirħu,
għax ħuk kien mejjet
u reġa’ qam, kien
mitluf u nstab”.
Fl-istess kapitlu 5
tal-Evanġelju ta’
San Luqa niltaqgħu
mal-parabboli
tan-nagħġa l-mitlufa
u tal-biċċa flus
mitlufa li reġgħu
nstabu.
Kull darba,
bil-qawwa kollha,
jissemma l-ferħ li
niltaqgħu miegħu
fil-parabbola
tal-iben il-ħali.
Il-fedeltà
tal-missier lejh
innifsu hi kollha
kemm hi miġbura
f’ibnu bħala bniedem
u fid-dinjità tiegħu
bħala bniedem.
B’hekk li l-aktar
jitfisser il-ferħ
tassew kbir ta’ meta
l-iben reġa’ lura
d-dar.
Nistgħu nżidu u
ngħidu li l-imħabba
tal-missier għal
ibnu, imħabba li
toħroġ mill-istess
natura tiegħu ta’
missier, b’xi mod
iġġiegħel il-missier
jieħu ħsieb
id-dinjità ta’ ibnu.
Dan it-tħassib huwa
l-qjies ta’ mħabbtu,
imħabba li fuqha San
Pawl kiteb:
“l-imħabba taf
tistabar u tħenn...
ma tfittex dak li hu
tagħha, xejn ma
tinkorla, ma żżommx
f’qalbha
għad-deni... tifraħ
bil-verità... kollox
tittama, kollox
tissaporti” u “ma
tintemm qatt”.
Il-ħniena – kif
urina Kristu
fil-parabbola
tal-iben il-ħali –
għandha fiha dik
is-sura tal-imħabba
li fil-kotba
tal-Patt il-Ġdid hi
msejħa “agape”.
Imħabba bħal din
tintwera ma’ kull
iben ħali, ma’ kull
sura ta’ miżerja li
jista’ jġarrab
bniedem, u l-aktar
ma’ dik il-miżerja
morali li hu d-dnub.
Meta dan iseħħ,
il-bniedem li miegħu
ssir ħniena bħal din
ma jħoss ruħu
mċekken, iżda li
“reġa’ qam” u
“nstab”. Dan il-ferħ
juri li hemm xi ġid
li baqa’ sħiħ:
l-iben minkejja li
kien ħali, baqa’
iben missieru: dan
il-ferħ juri wkoll
ġid li reġa’ nkiseb
li, fil-każ tal-iben
il-ħali, hu l-fatt
li reġa’ għaraf
il-verità fuqu
nnifsu.
Ma
għandniex inqisu
biss “minn barra”
dak li skond
il-parabbola ta’
Kristu ġara bejn
il-missier u l-iben
dwar ir-rabta
tagħhom ma’ xulxin.
Il-fehmiet mgħawġa
tagħna kollha dwar
il-ħniena huma,
tista’ tgħid, kollha
ġejjin mill-fatt li
nħarsu lejn
il-ħniena biss “minn
barra”. Jiġri xi
kull tant li aħna u
nqisu l-ħniena b’dan
il-mod, naslu biex
naħsbu li dak li
juri ħniena u dak li
miegħu ssir ħniena
m’humiex f’qagħda
indaqs. U għalhekk
insibu ruħna malajr
qed inħaddnu din
il-fehma: li ma’ min
issir il-ħniena
jonqoslu ġiehu,
titnaqqaslu
d-dinjità tiegħu ta’
bniedem. Iżda
l-parabbola tal-iben
il-ħali turi li
jiġri proprju
l-maqlub ta’ dan:
il-ħniena tinbena
fuq dak li kull
bniedem iqis li hu
l-ġid ta’ kulħadd,
il-bniedem fih
innifsu, u fuq dak
li kull bniedem iqis
li hi d-dinjità
tiegħu bħala
bniedem. Dan li kull
bniedem iħoss
ġiegħel lill-iben
il-ħali jara
l-verità sħiħa
tiegħu nnifsu u ta’
kull ma għamel (din
id-dehra sħiħa
tal-verità hija sura
vera ta’ umiltà);
min-naħa l-oħra
minħabba f’hekk
l-iben isir il-ġid
li nkiseb minn din
id-dehra misterjuża
ta’ verità u
ta’mħabba, li
l-imħabba qisha
tnissih id-deni
kollu magħmul minn
ibnu.
Il-parabbola ta’
l-iben il-ħali
għalhekk, b’mod
tassew sempliċi u
fl-istess ħin għoli
wkoll, turi l-verità
tal-konversjoni.
Il-konversjoni hija
wiri tassew
bil-fatti tal-ħidma
tal-imħabba u
tal-ħniena fid-dinja
tal-bniedem tal-lum.
Il-qawwa vera u
proprja tal-ħniena
m’hijiex biss ħarsa
qawwija kollha
mogħdrija lejn kull
xorta ta’ deni,
morali, fiżiku u
materjali; il-ħniena
tidher fis-sura vera
u proprja tagħna
meta turi x’jiswa
l-ġid u ġġibu ′l
quddiem u toħorġu
minn kull xorta ta’
deni li hawn
fid-dinja u
fil-bniedem. Meta
nifhmu hekk
il-ħniena, naraw li
hi l-qofol tal-bxara
t-tajba ta’ Kristu
l-Messija u l-qawwa
li fuqha hi mibnija
l-missjoni tiegħu.
Id-dixxipli ta’
Kristu u dawk li
marru warajh hekk
fehmu l-ħniena u
hekk urewha.
Il-ħniena qatt ma
naqset li turi
ruħha, f’qalbhom u
f’għemilhom, bħala
prova li toħloq
imħabba, li ma
tħallix il-ħażen
jirbaħha, iżda
“tirbaħ il-ħażen
bit-tajjeb”.
Jeħtieġ għalhekk li
nagħrfu mill-ġdid
x’inhi verament
il-ħniena; minkejja
l-ħajja preġudizzji
tal-lum, il-ħniena
hi verament meħtieġa
għal żminijietna.
Kapitlu V
IL-MISTERU TA’
L-GĦID
7.
Il-ħniena tintwera
fis-Salib u
fil-qawmien
mill-imwiet
It-tħabbira
messjaniku ta’
Kristu u l-ħidma
tiegħu fost
il-bnedmin jintemmu
fuq is-salib u
bil-qawmien tiegħu
mill-imwiet. Irridu
nidħlu fil-fond
sewwa ta’ din
il-ġrajja ta’
l-aħħar – li,
speċjalment fi kliem
il-Konċilju, hi
msejħa l-misteru
ta’ l-Għid –
jekk irridu naraw sa
fejn tasal il-verità
sħiħa tal-ħniena, sa
fejn waslet
il-ħniena fil-ġrajja
kollha
tas-salvazzjoni
tagħna. Issa, b’dawn
il-ħsibijiet tagħna,
irridu nersqu aktar
fil-qrib lejn
it-tagħlim li hemm
fl-enċiklika
Redemptor hominis.
Jekk il-fidwa,
meta nħarsu lejha
min-naħa
tal-bniedem, turi
l-kobor liema bħalu
tal-bniedem li
stħoqqlu jkollu
“Feddej kbir bħal
dan”,
fl-istess ħin meta
nħarsu lejha
min-naħa ta’ Alla,
tgħinna naraw, biex
ngħid hekk, -
l-aktar
mill-esperjenża u
mill-“istorja” –
kemm hi għolja dik
l-imħabba li bla
ebda mod ma tistmerr
is-sagrifiċċju
tassew ta’ l-għaġeb
tal-Iben, biex ma
tonqos il-fedeltà
ta’ Alla, il-Ħallieq
u l-Missier, lejn
il-bnedmin, maħluqin
sura xbieha tiegħu u
“sa mill-bidu”
magħżulin biex
ikollhom grazzja u
glorja.
Dak
kollu li ġara nhar
il-Gimgħa l-Kbira,
u, qabel, l-istess
talba fil-Ġetsemani,
ġabu bidla tassew
kbira fil-kors sħiħ
tar-rivelazzjoni
tal-imħabba u
l-ħniena permezz
tal-missjoni
messjanika ta’
Kristu. Dak li
“għadda jagħmel
il-ġid u jfejjaq”
“kull xorta ta’ mard
u ′l kull min kien
nieqes minn saħħtu”,
issa hu stess
jeħtieġ min jurih
ħniena u qiegħed
jitlobha għax maqbud
u mżeblaħ,
ikkundannat u
fflaġellat,
inkurunat b’kuruna
tax-xewk, u msammar
fuq is-salib irodd
ruħu fost tbatijiet
mill-aktar kiefra.
F’dan il-waqt hu dak
li l-aktar
jistħoqqlu jsib
ħniena mingħand dawk
li għamlilhom tant
ġid: u ma sabiex. U
dawk stess li kienu
l-aktar qrib tiegħu
ma setgħux igħinuh u
jaħtfuh minn idejn
dawk li kienu
jaħqruh. F’dawn
l-aħħar mumenti
tal-ħidma messjanika
tiegħu jseħħ fi
Kristu kliem
il-profeti u l-aktar
kliem tal-profeta
Isaija dwar
il-Qaddej ta’
Jahweh: “bis-swat
tiegħu sibna
l-fejqan tagħna”.
Bħala
l-bniedem, li
fil-Ġnien taż-Żebbuġ
u fuq il-Kalvarju
qed ibati tbatijiet
tassew tal-biża’,
Kristu jdur lejn
il-Missier, lejn dak
il-Missier li fuq
imħabbtu
għall-bnedmin hu
kien jippriedka
lin-nies u ta’
xhieda tal-ħniena
tiegħu b’kull ma
għamel. Iżda ma
ħelishiex l-anqas hu
l-kefrija tal-mewt
fuq is-Salib. Dak li
ma kienx jaf x’inhu
d-dnub, Alla għamlu
dnub għalina,
kiteb San Pawl, meta
ried jiġbor fi ftit
kliem il-kobor
tal-misteru
tas-Salib u
fl-istess ħin jara
x’kienet min-naħa
ta’ Alla l-verità
sħiħa tal-fidwa.
Il-fidwa hija
l-aħħar u l-aqwa
rivelazzjoni
tal-qdusija ta’
Alla, li fih innifsu
hu l-milja sħiħa
tal-perfezzjoni:
il-milja ta’
ġustizzja u mħabba,
għaliex il-ġustizzja
tinbena fuq
l-imħabba, minnha
toħroġ u lejha
twassal. Fis-sabar
ta’ Kristu u
fil-mewt tiegħu –
għax il-Missier
lanqas lil Ibnu
stess ma ħelisha,
imma “għamlu dnub
għalina”
– tintwera b’mod
sħiħ il-ġustizzja
għaliex Kristu jbati
u jmut minħabba
d-dnubiet
tal-bnedmin.
Il-ġustizzja “kotrot
fuq li kotrot”,
għaliex id-dnubiet
tal-bnedmin
“tpattew”
bis-sagrifiċċju
tal-Bniedem-Alla.
Din is-sura ta’
ġustizzja, li hi
ġustizzja “ skond
il-qjies ta’ Ala”,
ġejja kollha kemm hi
mill-imħabba t’Alla:
mill-imħabba
tal-Missier u ta’
l-Iben; u kollha
kemm hi tagħti frott
l-imħabba. Minħabba
f’dan, il-ġustizzja
ta’ Alla li dehret
fis-Salib ta’
Kristu, hi ġustizzja
“skond il-qjies ta’
Alla”, għax ġejja
mill-imħabba u
tintemm fl-imħabba,
hija u tagħti
l-frott
tas-salvazzjoni.
Il-fidwa, min-naħa
ta’ Alla, mhux biss
isseħħ malli ssir
it-tpattija
għad-dnubiet, imma
meta lill-imħabba
tingħata dik
il-qawwa fil-bniedem
li twasslu biex
mill-ġdid jilħaq dik
il-milja tal-ħajja u
tal-qdusija li tiġi
minn Alla. B’hekk
il-fidwa turi
l-ħniena fil-milja
kollha tagħha.
Fil-misteru ta’
l-Għid jidher u
jseħħ il-qofol kollu
tal-ħniena li tista’
tiġġustifika
l-bniedem u ġġedded
lill-istess
ġustizzja, dik
il-ġustizzja li hi
l-ordni
tas-salvazzjoni li
Alla ried sa
mill-bidu
tal-bniedem, u,
permezz tal-bniedem,
fid-dinja. Kristu fi
tbatijietu jkellem
b’mod speċjali kull
bniedem, u mhux biss
il-bniedem li
jemmen. Għaliex
ukoll min ma jemminx
fi Kristu jista’
jsib dik il-qawwa li
ġġiegħelu jissieħeb
mal-bnedmin kollha
f’xortihom, u dik
il-ħerqa f’waqtha,
bla ebda interess,
għall-ġid
tal-bniedem,
għall-verità u
għall-imħabba. Iżda
min-naħa ta’ Alla
l-misteru ta’ l-Għid
imur aktar fil-fond.
Is-Salib fuq
il-Kalvarju, li minn
fuqu Kristu
jitkellem
għall-aħħar darba
mal-Missier, qisu
hiereġ mill-qalba
stess tal-imħabba li
ġiet mogħtija bħala
don lill-bniedem,
maħluq sura xbieha
t’Alla, skond
il-pjan ta’ dejjem
ta’ Alla. Alla, kif
urihulna Kristu,
mhux biss hu marbut
b’rabtiet liema
bħalhom mad-dinja
għax ħalaqha u huwa
l-bidu tal-ħajja
kollha tagħha;
il-Missier hu wkoll
marbut b’rabtiet
wisq aktar qawwija
minn dik tal-ħolqien
mal-bniedem, li hu
sejjaħ għall-ħajja
f’din id-dinja li
tidher. Għax
l-imħabba mhux biss
toħloq il-ġid imma
twassal ukoll biex
ikun hemm tisħib
fl-istess ħajja ta’
Alla: il-Missier,
l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu. Għax min
iħobb, irid jagħti
lilu nnifsu.
Is-Salib ta’ Kristu
fuq il-Kalvarju hu
qrib it-triq ta’ dik
il-bidla tal-għaġeb
– l-admirabile
commercium – li
hi l-għoti ta’ Alla
nnifsu stess
lill-bniedem, għoti
li jħaddan fih ukoll
is-sejħa
lill-bniedem biex
jissieħeb fl-istess
ħajja ta’ Alla billi
jagħti lilu nnifsu
lil Alla, flimkien
mad-dinja kollha li
tidher, u biex,
bħala iben adottiv,
jissieħeb fil-verità
u fl-imħabba li hemm
f’Alla, u li ġejja
min Alla. Hu proprju
fit-triq ta’
l-għażla, sa minn
dejjem, tal-bniedem
biex ikun iben
adottiv ta’ Alla, li
jidher fl-istorja,
il-kobor tas-Salib
ta’ Kristu, l-Iben
waħdieni, li bħala
“Dawl minn Dawl,
Alla veru minn Alla
veru”,ġie
biex jagħti l-aħħar
u l-aqwa xhieda
tal-Patt tal-għaġeb
ta’ Alla mal-bnedmin
kollha u ma’ kull
bniedem. Dan
il-Patt, antik daqs
il-bniedem, jasal sa
l-istess misteru
tal-ħolqien:
imġedded kemm-il
darba mal-poplu
magħżul, hu llum
il-Patt il-ġdid u
ta’ l-aħħar, li seħħ
fuq il-Kalvarju, u
huwa mhux biss ma’
poplu wieħed,
mal-poplu ta’
Israel, imma hu
miftuħ għal kull
bniedem u
għall-bnedmin
kollha.
X’jgħallimna aktar
s-Salib ta’ Kristu,
li hu b’xi mod
l-aħħar kelma
tat-tħabbira
messjanika u
tal-missjoni ta’
Kristu? Għalkemm,
b’dan kollu, għadu
m’huwiex l-aħħar
kelma ta’ Patt ta’
Alla: din il-kelma
ntqalet mas-sebħ ta’
dak il-jum li fih,
l-ewwel in-nisa, u
mbagħad l-appostli,
marru lejn il-qabar
ta’ Kristu msallab,
sabuh vojt u
għall-ewwel darba
semgħu l-aħbar:
“Irxoxta”. Huma
tennew din l-aħbar
lill-oħrajn u
mbagħad saru xhieda
ta’ Kristu rxoxt.
Iżda f’din
il-glorifikazzjoni
tal-Iben ta’ Alla,
is-Salib jibqa’
wkoll is-Salib li,
tul ix-xbieha
messjanika kollha
tal-Bniedem-Iben, li
fuqu miet, jitkellem
u ma jehdiex
jitkellem fuq il-Missier
li qatt ma jonqos
mill-fedeltà ma’
l-imħabba tiegħu ta’
dejjem
għall-bnedmin,
għaliex hekk “ħabb
id-dinja” – u
għalhekk, hekk ħabb
il-bniedem li hu
fid-dinja – “li ta
lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen
fih ma jintilifx,
iżda jkollu l-ħajja
ta’ dejjem”.
Temmen fl-iben
imsallab għalhekk
ifisser “tara
l-Missier”;
ifisser li fid-dinja
tinsab l-imħabba u
li din l-imħabba
hija aqwa min kull
xorta ta’ deni, li
fih hu mdaħħal
il-bniedem,
il-bnedmin kollha,
id-dinja. Temmen
f’imħabba bhal din
ifisser temmen
fil-ħniena.
Għalhekk il-ħniena
hi parti meħtieġa
ta’ l-imħabba, u
qisha t-tieni isem
ta’ l-imħabba;
fl-istess waqt hu
permezz tal-ħniena
li tidher l-imħabba
u tegħleb il-ħażen
veru li hawn
fid-dinja jġarrab u
jhedded il-bniedem
għax jindiehes
saħansitra f’qalbu u
jista’ jwasslu biex
“jeqirdu l-infern”.
8.
L-imħabba li hi
aktar qawwija
mill-mewt, aktar
qawwija mid-dnub
Is-Salib ta’ Kristu
fuq il-Kalvarju huwa
wkoll xhieda
tal-qawwa tal-ħażen
kontra l-Iben ta’
Alla, jiġifieri
kontra dak li hu
waħdu fost kollha
kemm huma wlied
il-bnedmin li kien
min-natura tiegħu
stess ħieles minn
kull ħtija u
mingħajr ebda dnub,
u li d-dħul tiegħu
fid-dinja kien għal
kollox ħieles
mit-tebgħa
tad-disubbidjenza
ta’ Adam u mill-wirt
tad-dnub tan-nisel.
U proprju fih, fi
Kristu, sar ħaqq
mid-dnub
bis-sagrifiċċju
tiegħu u
bl-ubbidjenza tiegħu
“sal-mewt”.
Hu, li ma kienx jaf
x’inhu dnub, Alla
“għamlu dnub
għalina”.
Sar ħaqq ukoll
mill-mewt li, sa
mill-bidu tal-ġrajja
tal-bniedem, kienet
dejjem imsieħba
mad-dnub. Jekk sar
ħaqq mill-mewt, dan
sar bil-mewt ta’
Kristu stess, li ma
kellu ebda dnub, u
għalhekk bil-mewt
tiegħu seta’ jagħti
l-mewt lill-mewt.
B’dan il-mod,
is-Salib ta’ Kristu
li fuqu l-Iben,
natura waħda
mal-Missier, jagħmel
tpattija sħiħa
lill-ġustizzja ta’
Alla, hu dehra
tassew “radikali”
tal-ħniena, jew
aħjar tal-imħabba li
hi kollha kemm hi
kontra l-veru għerq
tal-ħażen kollu li
hemm fl-istorja
tal-bniedem:
speċjalment id-dnub
u l-mewt.
Permezz tas-Salib
Alla jitbaxxa u
jiċċekken
għall-bniedem u għal
dak li l-bniedem –
l-aktar fi żminijiet
iebsin u mwiegħra
tal-lum – isejjaħ
ix-xorti ħażina
tiegħu. Is-Salib
qisu jmiss b’imħabba
ta’ dejjem kollha
ħlewwa l-ġerħat
kiefra u jweġġgħu
tal-ħajja
tal-bniedem fuq
l-art; hu t-tmiem sa
l-aħħar tal-missjoni
tal-Messija li
Kristu kien ħabbar
fis-sinagoga ta’
Nazaret
u reġa’ tenna lil
dawk li San Ġwann
kien bagħat għandu.
Skond il-kliem li ġa
nsibu fil-profeziji
ta’ Isaija
din il-ħidma kellha
twassal biex turi
mħabba kollha ħniena
għall-foqra,
għall-imnikktin,
għal dawk li huma
fil-ħabs,
għall-għomja,
għall-maħqurin u
għall-midinbin. Iżda
fil-misteru ta’
l-Għid immorru ′l
hemm mill-għatba
tad-deni ta’ kull
sura li jissieħeb
mal-bniedem tul
ħajtu fuq l-art:
is-Salib ta’ Kristu
jwassalna biex naraw
li l-egħruq
tal-ħażen jaslu ′l
isfel sad-dnub u
l-mewt; hekk
is-Salib isir sinjal
eskatoloġiku. Biss
fit-tmiem ta’
kollox, fl-eskaton,
u fit-tiġdid sħiħ
tad-dinja,
l-imħabba,
fil-magħżulin
kollha, tegħleb
l-egħjun l-aktar
fil-qiegħ tal-ħażen;
hija u twassal
għall-milja kollha
tagħha s-Saltna
tal-ħajja u
tal-qdusija u
tal-immortalità
glorjuża. Is-sisien
ta’ dan it-tiġdid
eskatoloġiku ġa
jinsab fis-Salib u
l-mewt ta’ Kristu.
Il-fatt li Kristu
“qam mill-imwiet
fit-tielet jum”
hu fih innifsu
l-aħħar u l-aqwa
sinjal tal-missjoni
ta’ Kristu bħala
Messija, għax itemm
ir-rivelazzjoni
sħiħa tal-imħabba
kollha ħniena
f’dinja maħkuma
mill-ħażen.
Fl-istess ħin hu
sinjal li jħabbar
“sema ġdida u art
ġdida”,
meta Alla
“jixxottalhom kull
demgħa minn
għajnejhom, ma jkunx
hemm iżjed mewt,
anqas biki jew
għajjat jew tbatija
ma jkun hemm iżjed,
għax għabu l-ħwejjeġ
ta’ qabel”.
Meta
fit-tmiem ta’ kollox
kull ħaġa tilħaq
il-perfezzjoni
tagħha, il-ħniena
tidher bħala mħabba,
waqt li issa, f’din
id-dinja, fil-ġrajja
tal-bniedem – li hi
fl-istess waqt
ġrajja ta’ dnub u
ta’ mewt – l-imħabba
tidher l-aktar
bħalha ħniena u
sseħħ bħala għemil
ta’ ħniena. L-għan
ta’ Kristu bħala
Messija, għan ta’
ħniena, isir l-għan
tal-poplu tiegħu,
l-għan tal-Knisja.
Iżda f’nofs
il-Knisja dejjem
hemm is-Salib, għax
fis-Salib tidher
fil-milja tagħha
l-imħabba kollha
ħniena. Sakemm
“il-ħwejjeġ ta’
qabel”
ma jgħaddux,
is-Salib jibqa’ dik
il-“ħaġa” li magħha
jrid jorbot il-kliem
l-ieħor
tal-Apokalissi ta’
San Ġwann: “Ara,
jien fil-bieb, u
qiegħed inħabbat,
jekk xi ħadd
jismagħni u jiftaħli
l-bieb, jien nidħol
għandu u niekol
miegħu, u hu jiekol
miegħi”.
B’mod speċjali Alla
juri l-ħniena
tiegħu, kull meta
jistieden lil
bniedem juri
“ħniena” ma Ibnu
l-waħdieni, ma’
l-Imsallab.
Kristu, proprju
bħala l-Imsallab,
huwa l-Kelma li qatt
ma tgħaddi,
huwa dak li qiegħed
fil-bieb u qiegħed
iħabbat mal-qalb ta’
kull bniedem,
mingħajr ma
jxekkillu l-libertà
tiegħu, imma
jipprova minn din
il-libertà joħroġ
l-imħabba, li mhux
biss hi waqfien ma’
Bin il-Bniedem fi
tbatijietu, imma
wkoll, b’xi mod,
“ħniena” li kull
wieħed minna juri
lil Bin il-Missier
etern. F’kull ħidma
ta’ Kristu bħala
Messija, f’kull
rivelazzjoni
tal-ħniena permezz
tas-Salib,
id-dinjità
tal-bniedem ma
tiksibx forsi aktar
rispett u ġieh,
meta, huwa u “juri
ħniena”, b’xi mod,
issir ukoll ħniena
miegħu?
Fl-aħħar mill-aħħar
mhux Kristu stess
juri dan
is-sentiment
tal-qalb
għall-bniedem meta
jgħid:”Kull ma
għamiltu ma’ wieħed
minn
dawn...għamiltuh
miegħi”?.
Il-kliem “Ħenjin
dawk li jħennu, għax
huma jsibu ħniena”
b’xi mod jiġbor fih
il-Bxara t-tajba
kollha, u l-“bidla
glorjuża” kollha (l-admirabile
commercium) li
tinsab fiha: Din
il-“bidla glorjuża”
hija l-liġi ħafifa,
soda u “kollha
ħlewwa” tal-pjan
stess
tas-salvazzjoni. U
l-kliem mid-diskors
tal-muntanja, kliem
li mill-ewwel juri
sa fejn tasal qalb
il-bniedem –
jiġifieri li
l-bnedmin għandhom
il-ħila jħennu – ma
jurix forsi wkoll
fl-istess dawl
misteru ieħor ta’
Alla? Il-misteru
għoli u kbir ta’
Alla wieħed fi Tliet
Persuni, il-Missier,
l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu, fejn
l-imħabba msieħba
mal-ġustizzja,
tiftaħ it-triq
għall-ħniena, li
mbagħad min-naħa
tagħha turi
l-perfezzjoni
tal-ġustizzja?
Il-misteru ta’
l-Għid huwa Kristu
stess fil-qofol
tar-rivelazzjoni
tal-misteru ta’ Alla
li ebda moħħ
tal-bniedem ma
jista’ jifhem. Hawn
seħħ għal kollox
il-kliem li ntqal
fiċ-Ċenaklu: “Min
jara lili, jara
lill-Missier”.
Kristu, li lanqas
lilu l-Missier “ma
ħafirha”
minħabba l-bniedem,
u li fost
it-turmenti u
t-tiġrib tas-Salib
ma rax ħniena
mill-bnedmin, wera
fil-qawmien tiegħu
mill-imwiet il-milja
kollha tal-imħabba
tal-Missier għalih,
u, fih,
għall-bnedmin
kollha. “Alla mhux
tal-mejtin, iżda
tal-ħajjin!”.
Fil-qawmien tiegħu
mill-imwiet Kristu
wriena lil Alla
tal-imħabba u
l-ħniena, għaliex hu
laqa’ s-Salib bħala
t-triq għall-qawmien
mill-imwiet.
Għalhekk, meta
niftakru fis-Salib
ta’ Kristu, u
fil-Passjoni u
l-Mewt tiegħu,
il-fidi u t-tama
tagħna jmorru fuq
l-Irxoxt, fuq dak
Kristu li “dak
il-Ħadd
fil-għaxija..qagħad
f’nofshom”,
iċ-Ċenaklu fejn
kienu
d-dixxipli...“nefaħ
fuqhom u qalilhom:
‘Ħudu l-Ispirtu
s-Santu. Dawk li
taħfrulhom
dnubiethom ikunu
maħfura, dawk li
żżommuhomlhom ikunu
miżmuma’ ”.
Araw
l-Iben t’Alla li
il-qawmien tiegħu
mill-imwiet ġarrab
bis-sħiħ il-ħniena,
jiġifieri l-imħabba
tal-Missier, imħabba
li hi aktar qawwija
mill-mewt. Hu Kristu
wkoll, Kristu,
l-Iben t’Alla, li
sat-tmiem, anzi b’xi
mod, aktar ′l hemm
mit-tmiem
tal-missjoni tiegħu
bħala Messija, wera
lilu nnifsu bħala
għajn ta’ ħniena li
qatt ma tonqos,
għajn ta’ dik
l-istess imħabba li,
minn dak il-mument u
matul il-ġrajja
twila
tas-salvazzjoni,
fil-Knisja, qatt ma
naqset li turi ruħha
aktar qawwija
mid-dnub. Kristu,
fil-misteru ta’
l-Għid, huwa
l-inkarnazzjoni
darba u għal dejjem
tal-ħniena u sinjal
ħaj tagħha; sinjal
ta’ salvazzjoni
storiku u
eskatoloġiku. B’dan
l-istess ħsieb,
il-liturġija ta’
żmien il-Għid
tqiegħed fuq fommna
l-kliem tas-Salm:
“Il-ħniena tal-Mulej
irrid dejjem
ngħanni”.
9.
Omm
tal-ħniena
F’dan
il-kliem tal-Knisja
fi żmien il-Għid,
jidwi l-kliem
profetiku li qalet
Marija meta żaret
lil Eliżabetta, mart
Zakkarija:
“Il-ħniena tiegħu
... f’kull żmien”.
Dan il-kliem
mill-ewwel mument
tal-Inkarnazzjoni,
juri dehra ġdida
tal-istorja
tas-salvazzjoni.
Wara l-qawmien ta’
Kristu mill-imwiet
din id-dehra hi
ġdida kemm fl-aspett
storiku u kemm
fl-aspett
eskatoloġiku tagħha.
Minn dak iż-żmien
kien hemm nisel wara
l-ieħor ta’ bnedmin,
dejjem jiżdiedu
fil-għadd, kien hemm
nisel wara l-ieħor
tal-Poplu ta’ Alla,
immarkat bis-sinjal
tas-Salib u
tal-qawmien
mill-imwiet, u
“issiġġillat”
bis-siġill
tal-misteru ta’
l-Għid ta’ Kristu,
għax f’dan il-Poplu
jseħħ
ir-rivelazzjoni
sħiħa ta’ dik
il-ħniena li Marija
ħabbret fuq
il-għatba tad-dar
tal-qariba tagħha
Elizabetta:
“Il-ħniena tiegħu
... f’kull żmien”.
Marija hija dik li
b’mod tassew
tal-għaġeb, b’mod li
ma hemmx ieħor
bħalu, għarfet
x’inhi l-ħniena, u
ebda ħadd ieħor ma
għarafha qatt
daqsha; fl-istess
waqt, b’mod tassew
speċjali, permezz
tas-sagrifiċċju ta’
qalbha seta’ jseħħ
it-tisħib tagħha
fir-rivelazzjoni
tal-ħniena ta’ Alla.
Dan is-sagrifiċċju
ta’ qalbha hu marbut
b’rabta liema bħalha
mas-sagrifiċċju ta’
Binha fuq is-Salib,
li fejnu qagħdet fuq
il-Kalvarju.
Is-sagrifiċċju
tagħha hu tisħib
tassew speċjali
fir-rivelazzjoni
tal-ħniena,
jiġifieri hu tisħib
fil-fedeltà sħiħa
ta’ Alla
għall-imħabbtu, u
għall-patt li sa
minn ewl id-dinja
ried u, tul
iż-żminijiet, għamel
mal-bniedem, ma’
poplu, mal-bnedmin
kollha; hu tisħib
fir-revelazzjoni li
saret darba għal
dejjem permezz
tas-Salib. Bħal
Marija, Omm
l-Imsallab, ħadd ma
ġarrab il-misteru
tas-Salib, jiġifieri
l-għaqda
tal-ġustizzja ta’
Alla, li tiżboq,
kollox, mal-imħabba
tiegħu tal-għaġeb:
“il-bewsa”
mogħtija
lill-ġustizzja
mill-ħniena. Daqs
Marija ħadd ma laqa’
f’qalbu dan
il-misteru:
jiġifieri l-qofol
tal-ħidma ta’ Alla
fil-fidwa li seħħet
fuq il-Kalvarju
bil-mewt ta’ Binha
flimkien
mas-sagrifiċċju
tal-qalb tagħha ta’
omm u bil-“fiat”
sħiħ tagħha (“Ikun
minni skond
kelmtek”).
Marija għalhekk hija
dik li għarfet
l-għoli kollu
tal-misteru
tal-ħniena ta’ Alla,
għarfet ukoll kemm
tiswa u fehmet kemm
kienet tassew
tal-għaġeb. Għalhekk
insejħulha Omm
il-ħniena, Sidtna
tal-ħniena, Omm
il-ħniena ta’ Alla.
F’dawn it-titoli
hemm moħbija qawwa
teoloġika kbira,
għaliex juru kemm u
kif kienet imħejjija
ruħha,
l-intelliġenza
tagħha, anzi hija
kollha kemm hi, biex
tagħraf il-ħniena,
l-ewwel fil-ġrajja
mqallba ta’ Israel,
mbagħad fil-ġrajja
ta’ kull bniedem u
fl-aħħar tal-bnedmin
kollha kemm huma,
dik il-ħniena li
“f’kull żmien”
għandna sehem minnha
għax hekk minn
dejjem riedet
it-Trinità Qaddisa.
It-titoli mogħtijin
lil Omm Alla, li
għadna kemm
semmejna, jitkellmu
l-ewwelnett fuqha
bħala Omm l-Imsallab
u l-Irxoxt:
jiġifieri jitkellem
fuq dik li ġarrbet
ħniena b’mod tassew
ta’ l-għaġeb u
bl-istess mod
speċjali “immeritat”
din il-ħniena tul
ħajjitha kollha fuq
l-art u l-aktar fejn
is-Salib ta’ Binha;
u fuq dik li,
fil-moħbi imma
fl-istess ħin
imsieħba b’mod
tal-għaġeb
fil-missjoni ta’
Binha bħala Messija,
intgħażlet b’mod
speċjali biex
twassal lill-bnedmin
dik l-imħabba li
Binha ġie biex
jurihom, dik
l-imħabba li
tintwera b’mod
l-aktar konkret ma’
dawk li qed ibatu,
mal-fqar, ma’ dawk
li huma mċaħħdin
mil-libertà tagħhom,
mal-għomja,
mal-maħqurin,
mal-midinbin, kif
qal Kristu fuqhom bi
kliem il-profeta
Isaija l-ewwel
fis-sinagoga ta’
Nazaret,
imbagħad meta wieġeb
għall-mistoqsija ta’
dawk li bagħat
għandu San Ġwann
Battista.
Hi
proprju f’din
l-imħabba “kollha
ħniena”, li l-aktar
tidher fejn hemm
id-deni tar-ruħ u
tal-ġisem, li kellha
sehem b’mod tassew
speċjali u singulari
l-qalb ta’ dik li
kienet Omm
l-Imsallab u
l-Irxoxt: li kellha
sehem Marija. U fiha
u biha din l-imħabba
ma tehda qatt tidher
fil-Knisja u
fil-ġrajja
tal-bniedem. Dan
il-mod kif tintwera
l-imħabba jagħti
kotra ta’ frott
għaliex, f’Omm Alla,
ġej minn kif taħdem
il-qalb tagħha ta’
omm, minn kif tħoss
għall-oħrajn, minn
kemm tasal biex
tilħaq lil dawk
kollha li aktar
malajr lesti biex
jilqgħu l-imħabba
kollha ħniena li
turi omm. Dan huwa
wieħed mill-misteri
kbar tat-twemmin
nisrani, misteru li
jagħti l-ħajja,
misteru marbut
b’rabta liema bħalha
mal-misteru
tal-inkarnazzjoni.
Fuq
dan il-Konċilju
Vatikan II
igħallimna li Marija
saret ommna u għadha
ommna fl-ordni
tal-grazzja: bdiet
tkun ommna minn dak
il-waqt li, b’fidi
kbira, laqgħet
il-messaġġ li
tħabbrilha
mill-Anġlu; bla
biża’ ta’ xejn
baqgħet iġġib ruħha
ta’ ommna fejn
is-Salib; u għadha u
tibqa’ dejjem ommna
sa ma sseħħ għal
kollox ix-xirka
kollha
tal-magħżulin. Għax
għalkemm ġiet
imtellgħa s-sema
hija ma telqitx minn
taħt idejha din
il-ħidma
għas-salvazzjoni
tagħna, imma għadha
tidħol għalina
b’kull mod biex Alla
jagħtina l-grazzji
meħtieġa
għas-salvazzjoni ta’
dejjem. Fl-imħabba
tagħha ta’ omm hija
l-ħin kollu taħseb
f’ħut Binha fil-mixi
tagħhom lejn
is-sema, “fost
it-tiġrib u
d-dwejjaq kollu
tal-ħajja, sa ma
jaslu fil-hena
tas-sema pajjiżhom”.
Kapitlu VI
“ ĦNIENA ... F’KULL
ŻMIEN”
10.
Xbieha għan-nisel
tagħna
Għandna kull dritt
nemmnu li għal
żmienna wkoll igħodd
il-kliem li qalet
l-Omm ta’ Alla meta
faħħret il-ħniena li
– “f’kull żmien”
tinfirex fuq dawk li
jibżgħu minn Alla.
Kliem il-Verġni
Marija fil-Magnificat
għandu tagħlim
profetiku li ma
huwiex biss dwar
l-imgħoddi ta’
Israel imma wkoll
dwar il-ġejjieni
kollu tal-Poplu ta’
Alla fuq l-art. Aħna
lkoll li llum
ninsabu fid-dinja,
aħna dak in-nisel li
jaf li qed toqrob
it-tielet elf sena u
qed iħoss il-bidla
li qiegħda sseħħ
fl-istorja. Iż-żmien
tagħna jqis ruħu
xxurtjat għax
il-progress qed
jagħtih tant
opportunitajiet li
ftit għaxriet ta’
snin ilu ħadd ma
kien jobsorhom.
Il-ħidma kreattiva
tal-bniedem,
l-intelliġenza
tiegħu u x-xogħol
tiegħu ġabu tibdil
kbir kemm fl-oqsma
tax-xjenza u
tat-teknoloġija u
kemm fl-oqsma
tal-ħajja soċjali u
tal-kultura.
Il-bniedem għaraf
is-setgħa tiegħu fuq
il-ħolqien u kiseb
tagħrif akbar dwar
il-liġijiet li
jirregolaw l-imġiba
tal-bniedem
fis-soċjetà. Ra
jiġġarfu u jiġu
fix-xejn l-ostakoli
u d-distanzi bejn
bniedem u ieħor u
bejn in-nazzjonijiet
għax kiber is-sens
ta’ l-universalità,
għax sirna nafu
b’mod aktar ċar li
l-bnedmin kollha
huma familja waħda,
għax illum inħossu
li kulħadd għandu
jgħin wieħed
lill-ieħor meta jkun
hemm bżonn li naqbżu
għal xulxin, għax
fl-aħħarnett kibret
fina x-xewqa u
s-setgħa li
nitkellmu ma’ ħutna
l-bnedmin l-oħra, ′l
hemm
mid-diviżjonijiet
ġeografiki
artifiċjali u
mit-trufijiet kollha
bejn nazzjonijiet
jew ġnus. Qabel
kulħadd, iż-żgħażagħ
il-lum jifhmu li
l-progress
tax-xjenza u
tat-teknika qed
joħolqu mhux biss
ġid materjali imma
wkoll tisħib akbar
fil-għerf
tal-bnedmin.
Il-progress
tal-għaġeb fil-mezzi
tal-informazzjoni,
biex insemmu
eżempju, ikabbru
l-ħila tal-bniedem
ħa jagħmel ħwejjeġ
ġodda u jiftaħ
għalih il-bieb
għall-ġid u l-għana
tal-kultura u
tal-intelliġenza ta’
ġnus oħra.
Mezzi
ġodda fit-teknika
tax-xandir igħinu
biex wieħed
jissieħeb aktar
f’dak li qed jiġri u
fit-tqabbil
tal-fehmiet. Dak li
kisbu x-xjenzi
bijoloġiċi,
psikoloġiċi, u
soċjali jgħinu
l-bniedem biex
jagħraf aktar u
aħjar l-għana
tan-natura tiegħu
stess. U għalkemm
dan il-progress
kollu sal-lum għadu
wisq il-privileġġ
tal-pajjiżi
industrijalizzati,
ma nistgħux niċħdu
li fil-ġejjieni
n-nazzjonijiet u
l-ġnus kollha jista’
jkollhom sehem minn
dan il-ġid kollu;
din mhijiex xi ħolma
fiergħa jekk ikun
hemm rieda politika
vera dwar dan. Iżda
barra dan
il-progress kollu –
anzi flimkien ma’
dan il-progress –
hemm ħafna
diffikultajiet li
jinbtu kull fejn
ikun hemm
il-progress.
Il-bniedem jaqta’
qalbu u jħossu
dgħajjef meta jiġi
biex jagħti dik
it-tweġiba
mill-qiegħ ta’ qalbu
li jħoss li għandu
jagħti. Id-dehra
tad-dinja l-lum fiha
wkoll ħafna
nuqqasijiet u
dellijiet li mhux
dejjem huma biss
superfiċjali, li
mhux dejjem jidhru
minn barra.
Il-kostituzzjoni
pastorali, Gaudium
et Spes,
tal-Konċilju Vatikan
II mhijiex
id-dokument waħdieni
li jitkellem fuq
il-ħajja ta’
żmienna, imma hu
dokument ta’
importanza speċjali.
“L-iżbilanċ kollu li
qiegħed iħawwad
id-dinja tal-lum”,
naqraw fih, “huwa
marbut ma’ dak
l-iżbilanċ aktar
mill-qiegħ li għandu
l-egħruq tiegħu
fil-qalb
tal-bniedem. Għax
il-bniedem għandu
fih innifsu bosta
elementi li jeħduha
kontra xulxin.
Min-naħa l-waħda ta’
bniedem maħluq li
hu, b’ħafna modi
jħoss li għandu tarf
sa fejn jista’
jasal; min-naħa
l-oħra mbagħad iħoss
li ma għandu ebda
tarf għax-xewqat
tiegħu li hu msejjaħ
għall-ħajja ogħla.
Fost il-ħafna
ħwejjeġ li jħajruh u
jiġbduh, huwa dejjem
isib ruħu f’qagħda
li jkollu bilfors
jagħżel xi wħud, u
oħrajn iwarrabhom.
Mhux biss, imma ta’
dgħajjef u midneb li
hu, sikwit jagħmel
dak li ma jridx u ma
jagħmilx dak li
jrid. Għalhekk
iġarrab firda fih
innifsu u din
l-istess firda ġġib
ħafna nuqqas kbir
ta’ ftehim
fis-soċjetà.
Lejn
it-tmiem tad-daħla
tal-kostituzzjoni
naqraw: “Fl-iżvilupp
li d-dinja laħqet
il-lum qegħdin
niltaqgħu dejjem
iżjed ma’ nies li
jqanqlu
kwistjonijiet
l-iżjed fondamentali
jew iħarsu lejhom
b’ħarsa ġdida li
tinfed ′il ġewwa.
X’inhu l-bniedem?
Għalfejn it-tbatija,
id-deni, il-mewt, li
għadna nħabbtu
wiċċna magħhom
minkejja li mxejna
tant ′l quddiem?
X’fejda sibna
fil-ħafna rebħiet
miksuba bi prezz
kbir?”.
Tul
il-ħmistax-il sena
minn mindu ntemm
il-Konċilju Vatikan
II din id-dehra ta’
tensjoni u ta’
theddid, proprju ta’
żmienna, forsi
naqset xi ftit li
tinkwetana? Milli
jidher, le. Anzi,
bil-maqlub,
it-tensjonijiet u
t-theddid li
fid-dokument
tal-Konċilju jidhru
qishom għadhom
qegħdin jinbtu u
kienu għadhom ma
jurux il-ħażen moħbi
fihom mill-egħruq,
illum, f’dan
l-intervall ta’
snin, dehru aktar
x’inhuma, b’kemm-il
sura wrew li huma
ta’ periklu, u
għalhekk ma jagħtux
aktar lok
għall-illużjonijiet
tal-imgħoddi.
11.
Minn
fejn ġej il-qtigħ
il-qalb ta’ żmienna
Minħabba f’hekk
id-dinja tħoss li
l-periklu qiegħed
dejjem aktar jikber.
Qiegħed jikber dak
il-biża’ fil-ħajja
ta’ kull jum – kif
semmejt fuq fuq
fl-enċiklika
Redemptor hominis
– li tqum xi gwerra
li, minħabba l-għadd
kbir ta’ armi
nukleari li hawn
illum, tista’
tfisser il-qerda ta’
parti kbira
tal-bnedmin minnhom
stess. Imma
t-theddida ma hijiex
biss ta’ dak li
l-bnedmin jistgħu
jagħmlu ′l xulxin
bil-mezzi li
tagħtihom f’idejhom
it-teknika militari;
il-periklu ġej ukoll
minn ħafna theddid
ieħor, li hu l-frott
ta’ soċjetà
materjalistika li,
għalkemm ixxandar
fehmiet
“umanistiċi”,
b’dan kollu żżomm li
l-ġid materjali hu
aqwa mill-persuna
tal-bniedem.
Il-bniedem tal-lum
għalhekk jibża’ li,
bl-użu ta’ mezzi
maħluqa minn soċjetà
ta’ din is-sura,
l-individwi,
il-komunitajiet,
is-soċjetajiet u
n-nazzjonijiet
jistgħu jġarrbu
moħqrija u ħsara
minn individwi jew
komunitajiet jew
soċjetajiet oħra.
L-istorja
taż-żminijiet tagħna
tagħtina eżempji
kemm irridu ta’ dan.
Minkejja l-ħafna
dikjarazzjonijiet
dwar id-drittijiet
tal-bniedem bħala
bniedem kollu kemm
hu, jiġifieri
tal-bniedem fir-ruħ
u l-ġisem tiegħu, ma
nistgħux ngħidu li
dawn l-eżempji huma
biss xi ħaġa
tal-imgħoddi.
Bir-raġun kollu
l-bniedem jibża’
jaqa’ vittma
tal-moħqrija li
ttellfu l-libertà li
jaħsibha kif irid hu
u li jgħid il-verità
kif iħossha, il-fidi
li jħaddan,
is-setgħa li jobdi
leħen il-kuxjenza
tiegħu li turih
it-triq li għandu
jaqbad. Il-mezzi
tekniċi li għandha
f’idejha is-soċjetà
tal-lum, għandhom
moħbija fihom mhux
biss il-qawwa li
jeqirdu lilhom
infushom f’xi
gwerra, imma wkoll
is-setgħa li,
“paċifikament”
jaħkmu individwi,
komunitajiet,
soċjetajiet sħaħ u
nazzjonijiet ukoll,
li, għal xi raġuni
jew oħra, jitqiesu
li huma ta’ tfixkil
għal dawk li
għandhom f’idejhom
dawn il-mezzi u
lesti dejjem
jużawhom bla ebda
skrupli ta’
kuxjenza. Ta’ min
ifakkar li fid-dinja
tal-lum teżisti
wkoll it-tortura, li
qiegħda tiġi wżata
bi ħsieb minn min
għandu s-setgħa
jaħkem u jaħqar
politikament,
tortura li
l-qaddejja ta’ dawn
is-setgħanin jużawha
mingħajr ħadd ma
jgħidilhom xejn.
Flimkien
mat-theddida
bijoloġika l-bniedem
iħoss li qiegħda
tikber ukoll
theddida oħra li
aktar tista’ teqred
dak li hu verament
tal-bniedem
jiġifieri dak li
jaqbel perfettament
mad-dinjità
tal-bniedem u
mad-dritt tiegħu
għall-verità u
għall-libertà.
Dan
kollu qiegħed iseħħ
waqt li fost
il-bnedmin hemm
djieqa għax
fid-dinja, flimkien
ma’ nies u
soċjetajiet għonja u
mfawwra b’kull ġid,
u mogħtijin
għall-ħala u
għax-xalar, jinsabu
wkoll nies u
soċjetajiet li
qegħdin ibatu l-ġuħ.
Hemm trabi li
qegħdin imutu
bil-ġuħ taħt
il-ħarsa mnikkta ta’
ommijiethom. F’ħafna
partijiet tad-dinja
u f’ħafna sistemi
soċjali-ekonomiċi
jinsabu oqsma kbar
ta’ faqar, ta’
miżerja, u ta’
nuqqas kbir ta’
progress u ta’
żvilupp. Dan il-lum
kulħadd jafu. Anzi
mhux biss hawn
individwi u
nazzjonijiet
f’qagħda wisq agħar
minn oħrajn, iżda
l-għadd tagħhom
dejjem qed tikber. U
l-lum qed jiġri
wkoll li, bieb ma’
bieb ma’ dawk li
huma għonja u qed
jgħixu
fl-abbundanza, hemm
oħrajn li qed jgħixu
f’faqar kbir, qed
iġarrbu l-miżerja u
spiss qed imutu
bil-ġuħ; u l-għadd
tagħhom jilħaq
l-għaxriet, anzi
l-mijiet ta’ eluf u
eluf. Minħabba f’dan
kollu ma jistax ikun
li ma jikbirx
il-qtigħ il-qalb.
Bilfors hemm xi
difett fondamentali,
jew aħjar għadd ta’
nuqqasijiet, u
nuqqasijiet kbar
fl-amministrazzjoni
tal-ġid,
tal-ekonomija ta’
żmienna flimkien ma’
nuqqasijiet kbar
fl-istess soċjetà
ċivili li ma jħallux
lill-bnedmin jeħilsu
minn qagħdiet hekk
kiefra u ħżiena.
Din
id-dehra tad-dinja
tal-lum – fejn hawn
tant deni fir-ruħ u
fil-ġisem, hekk li
d-dinja qisha
mxekkla minn għadd
ta’
kontradizzjonijiet u
ta’ tensjonijiet
waqt li hija wkoll
imġarrba minn ħafna
theddid għal-libertà
fil-kuxjenza
tal-bniedem u
għar-reliġjon –
turina għaliex
il-biża’ qed jaħkem
il-bniedem tal-lum.
Qegħdin iġarrbu llum
dan il-qtigħ il-qalb
mhux biss il-fqar u
l-maħqurin, imma
wkoll dawk li qed
igawdu l-ġid u
l-progress u
għandhom is-setgħa
f’idejhom. U
għalkemm ma jonqsux
nies li qed iħabirku
biex jifhmu għaliex
hawn dan il-qtigħ
il-qalb kollu
fid-dinja, għalkemm
hawn nies li qegħdin
jippruvaw jegħilbuh
bil-mezzi materjali,
li jiġuhom
mill-flus,
mit-teknika u
mis-setgħa li
għandhom, b’dan
kollu, fil-qiegħ
tal-qalb
tal-bniedem, dan
il-qtigħ tal-qalb hu
aqwa minn dawn
il-mezzi kollha.
Għax, kif għaraf sew
ir-raġunijiet
l-Konċilju Vatikan
II, dan il-qtigħ
il-qalb ġej minħabba
l-problemi
fondamentali
tal-ħajja
tal-bniedem. Dan
il-qtigħ il-qalb hu
marbut mat-tifsir
stess tal-ħajja
tal-bniedem fuq
l-art u hu tħassib
dwar il-ġejjieni
tal-bniedem u
tal-bnedmin kollha
ta’ żmienna; jeħtieġ
għalhekk li
jittieħdu
deċiżjonijiet
b’rieda sħiħa,
deċiżjonijiet li ma
jistgħux jeħilsu
aktar minnhom
il-bnedmin kollha.
12.
Il-ġustizzja
biżżejjed?
Mhijiex ħaġa tqila
tintebaħ li
fid-dinja tal-lum
is-sens
tal-ġustizzja
qiegħed dejjem aktar
jiġi f’tiegħu: ħaġa
bħal din żgur turi
aħjar x’qiegħed isir
kontra l-ġustizzja
fir-relazzjonijiet
bejn bniedem u
ieħor, bejn gruppi
soċjali u bejn
“klassijiet”, bejn
popli u bejn
nazzjonijiet, u,
fl-aħħarnett, bejn
sistemi politiċi,
bejn dinja u oħra,
kif jgħidu. Din
il-fehma għolja, li
turi ruħha f’aktar
minn sura waħda, u
li, fil-kuxjenza
tal-bniedem tal-lum,
għandha l-bidu
tagħha mis-sens
tal-ġustizzja, li
hemm fil-bniedem,
tixhed li
t-tensjonijiet u
l-ġlied kollu li
hawn fid-dinja
għandhom karattru
morali.
Il-knisja
flimkien mal-bnedmin
tal-lum, tixtieq
bil-ħeġġa kollha
ħajja ġusta fl-oqsma
kollha, u qatt ma
tonqos tistieden
lil-bnedmin iqisu
s-suriet kollha
tal-ġustizzja,
meħtieġa mill-ħajja
tal-bniedem u
tas-soċjetà. Prova
ta’ dan l-interess
tal-Knisja hu
t-tagħlim soċjali
tagħha, li żviluppa
b’mod tassew ta’
l-għaġeb tul din
l-aħħar mitt sena.
Fid-dawl ta’ dan
it-tagħlim qed
tingħata llum
l-edukazzjoni u
titrawwem
il-kuxjenza
tal-bniedem fi
spirtu ta’
ġustizzja; fid-dawl
ta’ dan it-tagħlim
ukoll qed issir
ħidma individwali,
l-aktar fil-qasam
tal-appostolat
tal-lajċi: ħidma li
qiegħda tiżviluppa
proprju b’dan
l-ispirtu.
Iżda
mhijiex xi ħaġa
tqila biex tifhem
li, ta’ spiss
fehmiet u ħidmiet li
jkollhom il-bidu
tagħhom f’sens ta’
ġustizzja u għalhekk
għandhom iwasslu
biex isseħħ
il-ġustizzja fost
il-bnedmin u fost
il-gruppi u
soċjetajiet
tal-bnedmin, ta’
spiss fil-fatt
imorru żmerċ.
Għalkemm ikomplu
jgħidu li qed
iħabirku
għall-ġustizzja,
l-esperjenza turina
li l-ġustizzja
fil-fatt tiġi
megħluba mill-piki,
mill-mibegħda, u, xi
kull tant,
mill-kefrija wkoll,
u minn qawwiet
negattivi oħra bħal
dawn. F’dawn il-każi
l-ħeġġa biex teqred
l-għadu, biex
ixxekkillu l-libertà
tiegħu, jew ukoll
tpoġġih f’qagħda li
jkun jiddependi għal
kollox min
ħaddieħor, isir
l-għan ewlieni ta’
kull ma jiġri; u dan
hu kontra l-essenza
tal-ġustizzja li
fin-natura tagħha
stess, trid li jseħħ
il-qbil u l-armonija
bejn dawk li huma
miġġieldin
bejniethom. Din
is-sura ta’ abbuż
tal-ġustizzja, dan
it-tagħwiġ tagħha
bil-fatti, juri kemm
għemil il-bniedem
jista’ jitbiegħed
mill-istess
ġustizzja, ukoll
meta, dak li
jagħmel, igħid li
qiegħed jagħmlu
f’isem il-ġustizzja.
Mhux ta’ xejn Kristu
ċanfar lil dawk li
kienu jisimgħuh,
għax kienu jġibu
ruħhom skond
it-tagħlim tal-Patt
il-Qadim imfisser
bil-kliem “Għajn
b’għajn, u sinna
b’sinna”.
Dak iż-żmien hekk
kienu jgħawġu
l-ġustizzja; il-mod
kif tiġi mgħawġa
llum jixbaħ lil dan.
Qed jiġri li f’isem
ġustizzja taparsi
(il-ġustizzja ta’
l-istorja, kif
igħidu, jew
il-ġustizzja ta’
“klassi”), xi kull
tant, il-proxxmu qed
jiġi meqrud, maqtul,
imċaħħad mil-libertà
tiegħu, u mnezza’
mid-drittijiet
tiegħu ta’ bniedem
li hu. L-esperjenza
tal-imgħoddi u
tal-lum juruna li
l-ġustizzja waħedha
mhijiex biżżejjed, u
tista’ twassal biex
tiċħad u teqred
lilha nfisha, jekk
ma tħallix il-qawwa
aktar setgħana
tal-imħabba ssawwar
il-ħajja tal-bniedem
fl-oqsma kollha
tagħha. Kienet
l-esperjenza ta’
l-istorja li ħolqot,
fost ħwejjeġ oħra,
l-espressjoni:
summum ius,
summa iniuria.
Espressjoni bħal din
ma tnaqqas xejn
mill-qawwa
tal-ġustizzja u
lanqas tnaqqas xejn
mit-tifsir tal-ordni
li hu mibni fuqha;
turi biss, taħt
aspett ieħor, kemm
hu meħtieġ li
joħorġu mir-ruħ
qawwiet wisq aqwa
biex isawru l-istess
ordni tal-ġustizzja.
Il-Knisja,
hija u żżomm quddiem
għajnejha ż-żmien
tagħha tal-lum,
iġġarrab l-istess
qtigħ il-qalb ta’
tant nies ta’
żmienna. U wieħed ma
jistax ma jitħassibx
jara kemm qegħdin
jonqsu u jiġu
fix-xejn ħafna
prinċipji
fondamentali li huma
ta’ għana bla qjies
mhux biss
għall-imġiba
nisranija imma wkoll
għall-imġiba
tal-bniedem bħala
bniedem, u
għall-kultura morali
tiegħu: fost dawn
il-valuri hemm
il-ħarsien tal-ħajja
sa mill-ewwel mument
tat-tnissil fil-ġuf,
il-ħarsien
tas-sħuħija
taż-żwieġ fir-rabta
tiegħu li ma
tinħallx, ir-rispett
tas-sħuħija
tal-familja.
L-imġiba laxka
l-aktar li tolqot hu
fl-oqsma l-aktar
sensittivi tal-ħajja
u tas-soċjetà.
Flimkien ma’ dan
kollu, hemm ukoll
il-kriżi tal-verità
fil-relazzjonijiet
tal-bnedmin
bejniethom,
in-nuqqas ta’ sens
ta’ responsabbiltà
f’dak li wieħed
jgħid, it-tfixxija
biss ta’ dak li
jaqbel
fir-relazzjonijiet
ta’ bniedem ma’
ieħor, in-nuqqas ta’
apprezzament ta’ dak
li hu tassew ta’ ġid
għal kulħadd, u
l-ħeffa li biha
qiegħed jiġi mwarrab
kull ma hu tajjeb u
ta’ ġid.
Fl-aħħarnett kull
ħaġa qiegħda titlef
is-sura qaddisa
tagħha u b’hekk
malajr issir ħaġa
ta’ deni
għall-bniedem: għax
il-bniedem u
s-soċjetà, li ma
baqgħalhom xejn
“qaddis” għalihom
malajr jiġġarfu
moralment minkejja
lli juru ħaġa
b’oħra.
Kapitlu VII
IL-ĦNIENA TA’ ALLA
FIL-MISSJONI
TAL-KNISJA
Quddiem din id-dehra
ta’ żmienna, dehra
li ma jistax ikun ma
ġġibilniex ħafna
qtigħ ta’ qalb,
ħsiebna malajr imur
f’dawk il-kelmiet
li, wara li l-Iben
ta’ Alla sar
bniedem, instemgħu
fl-innu ta’ Marija,
il-Magnificat,
kelmiet li jfaħħru
l-ħniena ta’ Alla –
f’kull żmien”.
Il-Knisja ta’
żmienna, hija u
timmedita bla heda
fuq il-qawwa ta’ dan
il-kliem ispirat
minn Alla, waqt li
tapplikah
għat-tbatijiet
tal-bnedmin kollha,
għandha tħoss dejjem
aktar u aktar
fil-fond il-ħtieġa
li fil-missjoni
kollha tagħha tagħti
xhieda tal-ħniena
ta’ Alla, u hekk
tkun timxi
mat-tradizzjoni
tal-Patt il-Qadim u
tal-Patt il-Ġdid, u,
aktar u aktar, ma’
Kristu stess u
mal-Appostli.
Il-Knisja trid
tagħti xhieda
tal-ħniena ta’ Alla
li dehret fi Kristu,
fil-missjoni kollha
tiegħu bħala
Messija, u trid
ixxandarha
l-ewwelnett bħala
verità tal-fidi li
ssalvana u bħala
ħtieġa għall-ħajja
mdawwla bil-fidi, u
mbagħad trid tħabrek
biex
iddaħħalha u
tinkarnaha fil-ħajja
tal-bnedmin kollha
ta’ rieda tajba.
Fl-aħħarnett
il-Knisja – hija u
xxandar il-ħniena u
turi fedeltà sħiħa
lejha – għandha
d-dritt u d-dmir
titlob għall-ħniena
ta’ Alla, meta tara
tant suriet ta’ deni
tar-ruħ u l-ġisem, u
tant theddid li bħal
sħab qed jinġabar
fuq ix-xefaq kollu
tal-ħajja
tal-bnedmin tal-lum.
13.
Il-Knisja tistqarr
il-ħniena ta’ Alla u
xxandarha
Il-Knisja
trid tistqarr u
xxandar il-ħniena
ta’ Alla fil-verità
sħiħa tagħha, kif
waslitilna
mit-tradizzjoni.
Ippruvajna,
fil-paġni ta’ dan
id-dokument, nagħtu
almenu l-punti
ewlenin ta’ din
il-verità li hi
mfissra b’mod hekk
sabiħ fil-kotba ta’
l-Iskrittura u
fit-tradizzjoni
mqaddsa. Fil-ħajja
ta’ kuljum
tal-Knisja,
il-verità dwar
il-ħniena ta’ Alla,
imfissra
fl-Iskrittura,
tinstama’ bla qatt
ma tieqaf, fil-ħafna
qari tal-Liturġija
mqaddsa. Is-sens
veru tal-fidi
tal-Poplu ta’ Alla
wkoll jintebaħ b’din
il-verità, kif
jixhdu l-ħafna
egħmejjel ta’ tjieba
ta’ kull xorta minn
individwi u minn
komunitajiet.
Mhijiex ħaġa ħafifa
tagħmel lista
tagħhom kollha jew
tgħid fil-qosor
x’inhuma għax ħafna
minnhom huma
minquxin b’mod
tassew ħaj fil-fond
tal-qalb u tar-ruħ
ta’ ħafna nies. Xi
teoloġi jgħidu li
l-ħniena hija
l-akbar fost
il-perfezzjonijiet u
l-attributi kollha
ta’ Alla, u
l-Iskrittura,
it-Tradizzjoni, u
l-ħajja kollha
tal-fidi tal-Poplu
ta’ Alla jagħtu
provi qawwija ta’
dan. Hawn m’aħniex
nitkellmu fuq
il-ħniena bħala
perfezzjoni
tan-natura ta’ Alla
li tisboq kull ma
l-bniedem jista’
jifhem, fuq
il-ħniena
fil-misteru ta’ Alla
nnifsu, imma qegħdin
nitkellmu fuq
il-ħniena bħala dik
il-perfezzjoni u dak
l-attribut li bih
il-bniedem,
fil-verità sħiħa ta’
ħajtu stess,
jiltaqa’ ma’ Alla
l-ħaj ta’ spiss u
mill-qrib. “Id-dehra
tal-Missier” kif qal
Kristu lil Filippu
– dehra ta’ Alla
permezz tal-fidi –
imlaqqa’ mal-ħniena
ta’ Alla, hi mument
liema bħalu ta’
sempliċità tar-ruħ u
ta’ verità, mument
bħal dak li
niltaqgħu miegħu
fil-parabbola ta’
l-iben il-ħali.
“Min
ra lili ra
lill-Missier”.
Il-Knisja tistqarr
il-ħniena ta’ Alla u
biha tgħix
l-esperjenza kbira
tagħha ta’ fidi u
ta’ tagħlim ukoll
hija u tikkontempla
bla heda ′l Kristu,
mehdija bih,
b’ħajtu,
bl-Evanġelju tiegħu,
bis-salib u
l-qawmien tiegħu
mill-imwiet,
bil-misteru tiegħu
kollu kemm hu. Kull
ma jwassal
għad-“dehra” ta’
Kristu fil-fidi
ħajja u fit-tagħlim
tal-Knisja,
iqarrabna lejn
“id-dehra
tal-Missier”
fil-qdusija kollha
tal-ħniena tiegħu.
Il-Knisja b’mod
speċjali tidher li
qiegħda tistqarr
il-ħniena ta’ Alla u
tqimha meta tħares
lejn il-Qalb ta’
Kristu. Hu proprju
dan it-tqarrib lejn
Kristu fil-misteru
tal-Qalb tiegħu, li
jgħina nieqfu fuq
dan il-ħsieb – ħsieb
li hu ħafif ħafna
għall-bnedmin biex
jifhmuh, u, b’xi
mod, hu wkoll
il-qofol
tar-rivelazzjoni
tal-imħabba kollha
ħniena tal-Missier,
rivelazzjoni li
kienet il-qofol
tal-missjoni
messjanika tal-Iben
t’Alla.
Il-Knisja
tkun tgħix ħajja
vera meta tistqarr u
xxandar il-ħniena –
l-aqwa attribut jew
perfezzjoni ta’ Alla
l-Ħallieq u l-Feddej
– u meta tressaq
lill-bnedmin lejn
l-egħjun tal-ħniena
tas-Salvatur, li
huma fdati lilha
biex tħarishom u
tqassam minnhom.
F’dan il-qasam tgħin
ħafna l-meditazzjoni
bla heda tal-Kelma
ta’ Alla u fuq
kollox it-tisħib
sħiħ u attiv
fl-Ewkaristija u
fis-sagrament
tal-penitenza u
tar-rikonċiljazzjoni.
L-Ewkaristija
tqarrabna dejjem
aktar lejn dik
l-imħabba li hi
aktar qawwija
mill-mewt: “Kull
meta nieklu dan
il-ħobż u nixorbu
dan il-kalċi” mhux
biss inħabbru mewt
il-Feddej imma wkoll
il-Qawmien tiegħu
mill-imwiet “sa ma
jiġi” fil-glorja.
Iċ-ċelebrazzjoni
ewkaristika
b’tifkira ta’ Dak li
fil-missjoni
messjanika tiegħu
wriena l-Missier bi
kliemu u fuq
is-Salib, tagħti
xhieda tal-imħabba
bla qjies, li biha
jrid jingħaqad u
jkun ħaġa waħda
magħna, biex
jiltaqa’ mal-qalb
ta’ kull bniedem.
Is-sagrament
tal-penitenza jew
rikonċiljazzjoni
jiftaħ it-triq
tal-ħniena għal kull
bniedem, ukoll għal
dawk li huma
mtaqqlin b’ħafna
ħtijiet. F’dan
is-sagrament kull
bniedem iġarrab
b’mod speċjali
l-ħniena, jiġifieri
dik l-imħabba li hi
aktar qawwija
mid-dnub. Fuq dan ġa
tkellimt
fl-enċiklika
Redemptor hominis,
imma jaqbel li
nerġgħu nitkellmu
fuq dan is-suġġett
importanti.
Hu
proprju għaliex hawn
id-dnub fid-dinja li
“Alla hekk ħabb...
li ta lil Ibnu
l-waħdieni”;
jiġifieri Alla, li
“Hu mħabba”,
ma setax juri lilu
nnifsu jekk mhux
bħala ħniena. Dan
jaqbel mhux biss
mal-verità kollha
ta’ dik l-imħabba li
hi Alla stess, imma
wkoll mal-verità
sħiħa tal-bniedem
fih innifsu u
tad-dinja li hi
l-għamara tiegħu
għaż-żmien li jgħix
fuq l-art.
Il-ħniena
fiha nfisha, bħala
perfezzjoni ta’ Alla
li hu ta’
perfezzjoni bla
qjies, hi wkoll bla
qjies, infinita. U
hi bla qjies ukoll,
għalhekk, u ma
tonqos qatt,
ir-rieda mħeġġa ta’
Alla li jilqa’ kull
iben il-ħali li
jerġa’ lura d-dar.
Bla qjies hija
r-rieda u l-qawwa
tal-maħfra li bla
heda joħorġu
mis-sagrifiċċju
tal-Iben ta’ siwi
tassew ta’ l-għaġeb.
Ebda dnub
tal-bniedem ma
jista’ jegħleb din
il-qawwa jew
jillimitaha.
Min-naħa tal-bniedem
jillimitaha biss
in-nuqqas ta’ rieda
tajba, in-nuqqas ta’
ħeġġa
għall-konverżjoni u
għall-indiema; fi
kliem ieħor,
jillimitaha
l-bniedem li jwebbes
qalbu, li jfixkel
il-grazzja u jmur
kontra l-verità, u
dan l-aktar quddiem
ix-xhieda tas-Salib
u tal-Qawmien ta’
Kristu.
Il-Knisja
għalhekk tistqarr u
xxandar
il-konverżjoni.
Il-konverżjoni lejn
Alla dejjem tfisser
issib il-ħniena,
jiġifieri ssib dik
il-ħniena li hi
l-imħabba li
“tistabar u tħenn”,
skond il-qjies ta’
Alla l-Missier li
ħalaq kollox; dik
l-imħabba li “Alla u
Missier Sidna Ġesù
Kristu”
hu fidil għaliha sa
l-aħħar fil-ġrajja
kollha tal-patt
tiegħu mal-bniedem,
sas-Salib u l-mewt u
l-qawmien
mill-imwiet
tal-Iben.
Il-konverżjoni lejn
Alla hi dejjem
il-frott li jikseb
min “isib” mill-ġdid
lill-Missier, għani
fil-ħniena.
Il-konverżjoni
mhux biss
il-konverżjoni bħala
l-bidla ta’ mument
fir-ruħ, imma wkoll
il-konverżjoni li hi
mod ta’ mġiba li
jibqa’, li hi qagħda
tar-ruħ, tibda
dejjem meta wieħed
jagħraf verament lil
Alla tal-ħniena, lil
Alla ta’ l-imħabba
ħanina. Dawk biss li
jaslu biex jagħarfu
′l Alla b’dan
il-mod, li “jarawh”
b’dan il-mod,
jistgħu jgħixu
f’qagħda ta’
konverżjoni bla
waqfien lejn Alla.
Qegħdin jgħixu
għalhekk in statu
conversionis; u
hija din il-qagħda
ta’ konverżjoni li
turi x’għandha tkun
is-sura ewlenija
tal-mixi ta’ kull
bniedem fuq din
l-art: in statu
viatoris.
Il-Knisja tistqarr
il-ħniena ta’ Alla,
irrivelata lilna fi
Kristu msallab u
rxoxt, mhux biss
fit-tagħlim tagħha,
imma, l-aktar,
fit-taħbit tal-ħajja
tal-Poplu ta’ Alla
kollu kemm hu. B’din
ix-xhieda ta’ ħajja
l-Knisja taqdi
l-missjoni proprja
tal-Poplu ta’ Alla,
missjoni li għandha
sehem fil-missjoni
messjanika ta’
Kristu stess u b’xi
mod tkompliha.
Il-Knisja
ta’ żmienna tifhem
sewwa li biss fuq
il-pedament
tal-ħniena ta’ Alla
hi tista’ tkompli
d-dmirijiet li
jiġuha mit-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan
II u, l-ewwelnett,
id-dmir ekumeniku li
jrid iwassal
għall-għaqda
bejniethom ta’ dawk
kollha li jistqarru
′l Kristu.
Fit-tħabrik kollu
tagħha għal dan
il-għan, il-Knisja,
bl-umiltà kollha,
tistqarr li biss
l-imħabba, li hi
aktar qawwija
mill-firdiet dgħajfa
tal-bnedmin
bejniethom, tista’
ġġib darba għal
dejjem dik il-għaqda
li Kristu talab
għaliha lill-Missier
u li l-Ispirtu
s-Santu ma jehda
qatt jitlobha
għalina “bi tnehid
li ma jistax
jitfisser bi kliem.
14.
Il-Knisja tħabrek
biex turi ħniena
Kristu
għallem li l-bniedem
mhux biss isib u
jara l-ħniena ta’
Alla, imma hu wkoll
imsejjaħ biex “juri
ħniena” ma’
l-oħrajn: “Ħenjin
dawk li jħennu,
għaliex huma jsibu
ħniena”.F’dan
il-kliem il-Knisja
tara sejħa
għall-ħidma, u
għalhekk tħabrek
biex turi ħniena.
Jekk it-tmien
beatitudni
tad-diskors
tal-muntanja kollha
juru t-triq
għall-konverżjoni u
għall-bidla
fil-ħajja,
il-beatitudni li
titkellem fuq dawk
li jħennu, titkellem
b’qawwa tassew kbira
fuq hekk. Il-bniedem
jersaq lejn
l-imħabba ħanina ta’
Alla, lejn il-ħniena
ta’ Alla, daqskemm
hu jinbidel fih
innifsu fl-ispirtu
ta’ l-imħabba għal
għajru.
Din
il-bidla verament
evanġelika m’hijiex
xi bidla fir-ruħ li
sseħħ darba għal
dejjem: hija sura
sħiħa ta’ ħajja, hi
sinjal meħtieġ għal
dejjem tas-sejħa
nisranija.
Tikkonsisti filli
wieħed kontinwament
isib x’inhi
l-imħabba u bla heda
juri li hija dejjem
qawwa li tgħaqqad u
ttejjeb, minkejja
kull tfixkil
psikoloġiku u
soċjali: imħabba
bħal din mhix ħlief
imħabba kollha
ħniena, imħabba li
fiha nfisha, toħloq
dejjem ħaġa ġdida.
Fir-relazzjonijiet
tal-bnedmin
bejniethom, din
l-imħabba kollha
ħniena qatt ma tkun
ġejja min-naħa
waħda biss, qatt
ma tkun għemil ta’
naħa waħda biss.
Ukoll meta qisu
jidher li naħa waħda
biss tkun qed tagħti
u toffri sinjali ta’
mħabba, u in-naħa
l-oħra tkun qiegħda
biss tirċievi u
tieħu (bħalma jiġri,
biex insemmu xi
eżempji, meta tabib
ifejjaq, jew surmast
igħallem, jew
ġenituri jaħsbu
għat-trobbija ta’
wliedhom, jew xi
benefattur jgħin lil
min hu fil-bżonn),
fil-fatt dak li qed
jagħti qiegħed ukoll
jikseb xi ħaġa. Hu
x’inhu, dejjem
jista’ jsib ruħu
f’qagħda ta’ wieħed
li jrid jirċievi, li
jikseb xi ġid, li
juruh imħabba u
ħniena: hu wkoll
jista’ jsib ruħu
f’qagħda li jkun
jeħtieġ li juruh
ħniena.
Kristu
msallab hu f’dan
l-aqwa eżempju
għalina, eżempju li
jqawwina u
jħeġġiġna. Meta aħna
nimxu fuq eżempju
bħal dan li tant
iqanqalna, inkunu
nistgħu, bl-umiltà
kollha, nuru ħniena
ma’ l-oħrajn, għax
nafu li Kristu
jqisha magħmulha
miegħu.
Fuq eżempju bħal dan
jeħtieġ li bla heda
nsaffu kull għemil u
kull fehma tagħna li
bihom nuru li
l-ħniena li qed
nagħmlu ma’
l-oħrajn, minn
għalina ġejja
min-naħa tagħna
biss. Veru għemil
ta’ mħabba u ħniena
huwa biss dak
l-għemil li, aħna u
qegħdin nagħmluh,
inħossu fil-fond ta’
qalbna li dawk
in-nies stess li
qegħdin nuruhom
ħniena, qegħdin
juruna huma wkoll
ħniena. Jekk ma
hemmx din il-fehma,
għemilna għadu
mhuwiex veru għemil
ta’ ħniena, u lanqas
għadha ma seħħet
għal kollox
il-konverżjoni li
Kristu wriena t-triq
għaliha bi kliemu u
b’għemilu, sa fuq
is-Salib, u lanqas
għadna ma qegħdin
nieħdu għal kollox
sehem minn dik
il-għajn tal-għaġeb
ta’ mħabba u ħniena
li hu wriena.
Għalhekk
it-triq li Kristu
wriena fid-diskors
tal-muntanja
bil-beatitudni dwar
dawk li jħennu hi
wisq aktar għonja
minn dak li nsibu
fil-fehmiet
tal-bnedmin dwar
il-ħniena. F’dawn
il-fehmiet
tal-bnedmin
il-ħniena hi għemil
min-naħa waħda, u
tqis li hemm u żżomm
ċertu bogħod bejn
dak li qed juri
ħniena u dak li
miegħu qed issir
ħniena, bejn dak li
qed jagħmel xi ġid u
dak li jirċevih.
Minħabba din
il-fehma, ħafna
jridu li
r-relazzjonijiet
kollha bejn bniedem
u ieħor u f’kull
soċjetà ikunu
mibnija mhux fuq
il-ħniena imma biss
fuq
il-ġustizzja.Iżda
fehma bħal din fuq
il-ħniena ma tasalx
biex tara x’rabta
fondamentali hemm
bejn il-ħniena u
l-ġustizzja, li
fuqha titkellem
it-tradizzjoni
kollha
fl-Iskrittura, u
wisq aktar
il-missjoni
messjanika ta’ Ġesù
Kristu. Il-vera
ħniena, biex ngħidu
hekk, hi l-għajn
ewlenija
tal-ġustizzja. Jekk
il-ġustizzja fiha
nfisha tiswa fost
il-bnedmin
għall-“arbitraġġ”
biex jitqassam skond
is-sewwa l-ġid
materjali,
l-imħabba, u
l-imħabba biss, (dik
l-imħabba kollha
tjieba wkoll, li
nsejħulha “ħniena”)
tista’ treġġa lura
l-bniedem
għad-dinjità tiegħu
ta’ bniedem li hu.
Il-ħniena
nisranija tassew
imbagħad hi wkoll,
b’xi mod,
l-inkarnazzjoni
l-aktar perfetta
tal-“egwaljanza”
bejn il-bnedmin, u
għalhekk l-inkarnazzjoni
l-aktar perfetta
wkoll tal-ġustizzja,
meta l-ġustizzja
trid tilħaq l-istess
skop fil-qasam
tagħha. Iżda
l-“egwaljanza” li
tista’ ġġib
il-ġustizzja hi biss
fil-qasam tal-ġid
materjali u
oġġettiv, waqt li
l-imħabba u l-ħniena
jġibu l-“egwaljanza”
f’dak il-valur il hu
l-bniedem fih
innifsu, fid-dinjità
tiegħu bħala
bniedem. Fl-istess
ħin l-“egwaljanza”
bejn il-bnedmin
permezz ta’
l-imħabba li
tistabar u tħenn
ma twarrabx
id-distinzjonijiet:
dak li jagħti jsir
aktar ġeneruż meta
jħoss li hu qed
jikseb ġid minn
għand dak li qed
jirċievi meta
jintebaħ li huwa
wkoll qed jagħmel
ġid lil min qed
jagħtih, huwa u
jilqa’ dak li qed
jingħatalu, huwa
wkoll, bil-mod
tiegħu, qed igħin
biex iġib ′l quddiem
id-dinjità
tal-bniedem: u dan
igħin ħafna biex
jgħaqqad il-bnedmin
flimkien b’mod aktar
profond.
Il-ħniena
b’hekk issir element
meħtieġ ħafna ħa
jissawru
relazzjonijiet bejn
il-bnedmin fi spirtu
ta’ rispett kbir
għal kull ma hu
tal-bniedem, u fi
spirtu ta’ rispett
għal xulxin bħal
aħwa. Ma tistax
isseħħ rabta bħal
din bejn il-bnedmin,
jekk ikunu jridu
jfasslu
r-relazzjonijiet ta’
bejniethom biss
skond il-ġustizzja.
Fl-oqsma kollha
tar-relazzjonijiet
tal-bnedmin
bejniethom,
il-ġustizzja, biex
ngħid hekk, trid
tkun imtaffija sewwa
b’dik l-imħabba li
San Pawl jgħidilna
li taf “tistabar” u
“tħenn”, jew, fi
kliem ieħor, li
għandha dawk
il-kwalitajiet ta’
mħabba kollha ħniena
tant meħtieġa
għall-Evanġelju u
għar-reliġjon
nisranija. Ma
ninsewx imbagħad li
l-imħabba kollha
ħniena tfisser ukoll
dik l-imħabba kollha
ħlewwa u dik il-qalb
tajba li l-parabbola
ta’ l-iben il-ħali
turi b’mod hekk
qawwi,
u kif juruhom ukoll
il-parabboli
tan-nagħġa mitlufa u
tal-biċċa flus
mitlufa.
Għalhekk bl-ebda mod
ma jistgħu jgħaddu
mingħajr din
l-imħabba kollha
ħniena dawk li huma
qrib ħafna lejn
xulxin: il-miżżewġin
bejniethom,
il-ġenituri u
l-ulied, il-ħbieb
bejniethom; u ma
tista’ qatt tonqos
lanqas
fl-edukazzjoni u
l-ħidma pastorali.
Iżda
l-ħidma ta’ din
l-imħabba m’hijiex
daqshekk biss. U
jekk Pawlu VI aktar
minn darba tkellem
fuq “iċ-ċiviltà ta’
l-imħabba”
bħala l-għan ta’
kull ħidma mhux biss
fl-oqsma ekonomiċi u
politiċi, irridu
zżidu u ngħidu wkoll
li qatt ma se nilħqu
dan il-għan jekk fi
ħsibijietna u
f’għemilna u f’dak
kollu li għandu
x’jaqsam mal-ħafna
oqsma kbar u iebsin
tas-soċjetà
tal-bniedem, aħna
nibqgħu marbutin
mal-prinċipju:
“għajn b’għajn u
sinna b’sinna”,u
ma nippruvawx
inbiddlu dan
il-prinċipju
mill-fond tiegħu
billi nġedduh bi
spirtu ieħor. Iva,
il-Konċilju Vatikan
II imexxina lejn dan
meta jitkellem ta’
spiss u jgħid li
d-dinja jeħtieġ li
tkun aktar “umana”,
u jżid jgħid li
l-missjoni
tal-Knisja llum hi
proprju li tara li
dan iseħħ fid-dinja.
Is-soċjetà ssir
aktar “umana” jekk,
fir-relazzjonijiet
ta’ kull xorta
tal-bnedmin
bejniethom u bejn
is-soċjetajiet,
indaħħlu mhux biss
il-ġustizzja imma
ukoll dik “l-imħabba
kollha ħniena” li hi
l-qofol tal-messaġġ
messjaniku
tal-Evanġelju.
Is-soċjetà
tista’ “ssir aktar
umana” biss jekk
fir-relazzjonijiet
kollha tal-bnedmin
bejniethom li juru
s-sura morali
tas-soċjetà, ikun
hemm żmien u lok
għall-maħfra li hi
l-qofol tal-messaġġ
tal-Evanġelju.
Il-maħfra turi li
fid-dinja hemm
imħabba li hi aktar
qawwija mid-dnub.
Il-maħfra hija
kondizzjoni li
mingħajrha ma jistax
ikun hemm
rikonċiljazzjoni,
mhux biss bejn Alla
u l-bniedem, imma
wkoll bejn bniedem u
ieħor. Dinja li
minnha titwarrab
il-maħfra ma hijiex
ħlief dinja ta’
ġustizzja kiesħa u
bierda, u nieqsa
minn kull sentiment,
li f’isimha kull
bniedem jitlob
id-drittijiet kollha
tiegħu kontra
l-bnedmin l-oħra
kollha: is-suriet
kollha tal-egoiżmu
li hemm moħbija
fil-bniedem imbagħad
jibdlu l-ħajja u
s-soċjetà
tal-bnedmin
f’sistema fejn min
hu dgħajjef jinħaqar
minn min hu
b’saħħtu, u fejn
qatt ma jieqaf
il-ġlied bejn grupp
u ieħor.
Għalhekk il-knisja
tqis bħala wieħed
mid-drittijiet
ewlenin tagħha –
f’kull żmien
tal-istorja tagħha u
l-aktar fi żmienna –
li xxandar u ddaħħal
fil-ħajja
tal-bniedem
il-misteru
tal-ħniena, mgħarraf
lilna fil-milja
kollha tiegħu minn
Ġesù Kristu. U mhux
għall-Knisja biss
bħala x-xirka ta’
dawk li jemmnu,
imma, b’xi mod,
għall-bnedmin
kollha, dan
il-misteru hu għajn
ta’ ħajja li ma
taqbel xejn ma’ dik
il-ħajja li
l-bniedem jibni meta
jsib ruħu maħkum
mill-qawwa kbira
tat-tliet ġibdiet li
hemm fih.
Hu f’isem dan
il-misteru li Kristu
jgħallimna naħfru
dejjem. Kemm-il
darba ntennu
f’talbna dak
il-kliem li hu
għallimna, aħna u
ngħidulu “jaħfrilna
ħtijietna bħalma
naħfru lil min hu
ħati għalina”, kliem
li jfisser li aħna
wkoll ħatjin ta’ xi
ħaġa kontra tagħna.
Hi ħaġa tassew tqila
turi x’siwi kbir
għandha l-imġiba li
dan il-kliem ifisser
u jgħallem. Kemm
ħwejjeġ sbieħ igħid
dan il-kliem lil
kull wieħed minna
fuq l-oħrajn u fuqu
nnifsu! Il-fatt li
nagħarfu li aħna
naħtu għal xulxin
imur flimkien
mal-fatt li aħna
nħossu li għandna
naqbżu għal xulxin
bħal aħwa, ħaġa li
San Pawl ifissirha
b’erba’ kelmiet
kollha ħeġġa: “aħmlu
u ħobbu ′l xulxin”.
X’tagħlim kbir ta’
umiltà hemm f’dan
il-kliem dwar
il-bniedem, u wkoll
dwar il-proxxmu u
dwarek innifsek! Xi
skola ta’ rieda
tajba għall-ħajja
ta’ kuljum,
għas-suriet kollha
tal-ħajja li ngħixu.
Jekk ser inħallu
fil-ġenb dan
it-tagħlim, x’ikun
jifdal mill-programm
“umanistiku”
tal-ħajja u ta’
l-edukazzjoni?
Kristu
jtenni hekk
bil-qawwa l-ħtieġa
tal-maħfra ta’
l-oħrajn li meta San
Pietru staqsieh
kemm-il darba għandu
jaħfer lil għajru,
wieġbu bin-numru
simboliku ta’
“sebgħa u sebgħin”
biex ifissirlu li
għandu jaħfer dejjem
lil kulħadd. Ma
għandniex naħsbu li
l-kmandament ta’
maħfra daqshekk kbir
se jneħħi l-ħtieġa
oġġettiva
tal-ġustizzja.
F’ebda pass
tal-Evanġelju,
il-maħfra, u
l-ħniena li hi
l-għajn tal-maħfra,
ifissru mogħdrija
għad-deni,
għall-ħażen,
għall-iskandli,
għall-ħsarat,
għall-insulti.
It-tpattija
għad-deni li jsir,
għall-iskandli li
jingħataw,
għall-ħsara,
għall-insulti hi
meħtieġa dejjem,
għal kull każ, biex
ikun hemm maħfra.
L-istruttura
fondamentali
tal-ġustizzja dejjem
tidħol fil-qasam
tal-ħniena. Iżda
l-ħniena għandha
l-qawwa li tagħti
tifsir ġdid
lill-ġustizzja,
tifsir li jidher,
b’mod tassew
sempliċi u sħiħ,
fil-maħfra.
Il-maħfra turi li,
aktar minn kull
“tpattija” u
“waqfien
mill-ġlied”, li huma
proprji
tal-ġustizzja, hi
meħtieġa l-imħabba
biex il-bniedem juri
ruħu ta’ bniedem li
hu. Is-sħuħija
fil-kondizzjonijiet
li titlob
il-ġustizzja hi
meħtieġa biex
l-imħabba tidher
sewwa dak li hi.
Meta studjajna
il-parabbola
tal-iben il-ħali,
rajna li min jaħfer
u min jikseb
il-maħfra jiltaqgħu
flimkien f’pont
importanti ħafna,
fid-dinjità jew
fis-siwi
fondamentali
tal-bniedem, pont li
ma jistax jintilef,
pont li meta wieħed
isostnih bil-qawwa
jew meta wieħed
jerġa’ jsibu wara li
jkun tilfu, ikun
għalih għajn ta’
ferħ bla qjies.
Il-Knisja
għalhekk tagħmel
sewwa tqis bħala
dmirha u bħala skop
tal-missjoni tagħha
li tħares il-verità
tal-maħfra kemm
fil-ħajja u kemm
fl-imġiba, kemm
fil-ħidma edukattiva
u kemm fil-ħidma
pastorali. Tħarisha
billi tħares il-bidu
tagħha, li hu
l-misteru tal-ħniena
ta’ Alla nnifsu kif
ġie rivelat lilna
minn Ġesù Kristu.
Il-missjoni
tal-Knisja, fl-oqsma
kollha li fuqhom
jitkellmu l-ħafna
dokumenti tal-aħħar
Konċilju u, tul
il-mijiet tas-snin,
l-esperjenza kollha
tal-appostolat,
bħala pedament ma
għandhiex ħlief li
“timla l-ilma
mill-egħjun
tas-salvazzjoni”:
hu dan li jmexxi
s-suriet kollha
tal-qadi u tal-ħidma
tal-Knisja fil-ħajja
ta’ kull nisrani,
ta’ kull komunità, u
wkoll tal-Poplu
kollu ta’ Alla.
“Timla l-ilma
mill-egħjun
tas-salvazzjoni
jista’ biss isir fi
spirtu ta’ faqar, li
għalih aħna lkoll
msejħin mill-kliem u
mill-eżempju
tal-Mulej: b’xejn
ħadtu, b’xejn agħtu”.
Għalhekk fis-suriet
kollha tal-ħajja u
tal-ministeru
tal-Knisja – permezz
tal-faqar evanġeliku
tal-ministri u
tal-amministraturi
tagħha u tal-poplu
kollu li jagħti
xhieda
tal-“għemejjel kbar”
tal-Mulej – deher
dejjem aktar aħjar
Alla li hu “għani
bil-ħniena”.
Kapitlu VIII
IT-TALBA TAL-KNISJA
FI ŻMINIJIETNA
15.
Il-Knisja titlob
ħniena lil
Alla
Il-Knisja
tħabbar il-verità
tal-ħniena ta’ Alla
li ntweriet lilna fi
Kristu msallab u
rxoxt, u tistqarrha
b’ħafna modi. Barra
dan, tfittex turi
ħniena mal-bnedmin
permezz ta’ bnedmin
oħra, u f’dan tara
kondizzjoni meħtieġa
għat-tħabrik biex
ikun hemm dinja
aħjar u “aktar
xierqa
għall-bniedem”,
illum u għada. Iżda
qatt u f’ebda żmien
tal-istorja tagħha –
speċjalment fi
żminijiet kritiċi
bħal tagħna – ma
tista’ l-Knisja
tinsa dik it-talba
li hi għajta
għall-ħniena ta’
Alla quddiem
il-qawwiet kollha
tal-ħażen li qed
jagħfsu fuq
il-bnedmin u
jhedduhom. Aktar
mal-kunxjenza
tal-bniedem iċċedi
quddiem
is-sekularizzazzjoni
, u titlef
it-tifsir sħiħ
tal-kelma “ħniena”,
u aktar ma twarrab
minn Alla u
titbiegħed
mill-misteru
tal-ħniena, aktar
għandha il-Knisja
titlob ħniena
mingħand Alla
“b’leħen għoli”.
Dan “il-leħen għoli”
għandu jkollha
l-Knisja ta’
żmienna, leħen li
jitla’ quddiem Alla
jitlob ħniena, dik
il-ħniena li
l-Knisja tistqarr u
xxandar li seħħet fi
Kristu msallab u
rxoxt, jiġifieri
l-misteru ta’
l-Għid. Hu dan
il-misteru li juri
b’mod tassew sħiħ
il-ħniena jiġifieri
dik l-imħabba li hi
aktar qawwija
mill-mewt, li terfa’
l-bniedem meta jaqa’
fil-fond u teħilsu
minn kull theddid
kbir. Il-bniedem
tal-lum iħossu sewwa
dan it-theddid. Dak
li għidna fuq dan
it-theddid f’dan
id-dokument hu biss
xi ħaġa fuq fuq.
Il-bniedem tal-lum
spiss b’qalbu
maqtugħa jistaqsi
meta ser jispiċċaw
dawk it-tensjonijiet
tal-biża’ li nġabru
fuq id-dinja u qed
jixterdu fost
il-bnedmin. U jekk
il-bniedem il-lum,
xi kull tant, ma
għandux ħila jgħid
il-kelma “ħniena”
jew jekk
fil-kuxjenza tiegħu
ma jsib xejn
x’jixbah il-ħniena
għax nieqes minn
kull sentiment
reliġjuż, wisq aktar
kbira hi għalhekk
il-ħtieġa li
l-Knisja tgħidha din
il-kelma “ħniena”,
mhux biss f’isimha,
imma wkoll f’isem
il-bnedmin kollha
ta’ żmienna.
Kull
ħaġa li għidt f’dan
id-dokument fuq
il-ħniena jeħtieġ li
bla heda jinbidel
f’talba mħeġġa,
f’leħen għoli jitlob
ħniena skond
il-ħtiġijiet
tal-bniedem
fid-dinja tal-lum.
Jalla dan il-leħen
għoli jkun mimli
b’dik il-verità fuq
il-ħniena, li nsibu
mfissra b’għana hekk
kbir ta’ kliem
fl-Iskrittura u
t-tradizzjoni, kif
ukoll fil-ħajja vera
tal-fidi ta’
ġenerazzjonijiet bla
għadd tal-Poplu ta’
Alla. B’dan il-leħen
għoli , bħalma
għamlu l-kittieba
qaddisin, nitolbu
aħna ′l Alla li ma
jista’ jistmerr xejn
minn dak li għamel,
′l Alla li hu fidil
għalih innifsu,
għall-imħabba
tiegħu,
għall-paternità
tiegħu. U bħal
profeti nitolbu għal
dik l-imħabba, li,
bħala omm, tmur
tiġri wara wliedha
kollha, wara kull
nagħġa mitlufa,
ukoll jekk huma eluf
ta’ eluf, ukoll jekk
fid-dinja l-ħażen
qed jegħleb il-ġid,
ukoll jekk
il-bnedmin kollha
jkun jistħoqqilhom
jinqerdu minn
“dilluvju” ieħor
minħabba dnubiethom,
kif ġara fi żmien
Noѐ. Nirrikorru għal
dik l-imħabba ta’
missier li wriehilna
Kristu fil-missjoni
tiegħu bħala
Messija, imħabba li
laħqet il-quċċata
tagħha fuq is-Salib,
bil-mewt u l-qawmien
tiegħu mill-imwiet.
Nirrikorru għand
il-Missier bi
Kristu, aħna u
niftakru fil-kliem
tal-Magnificat ta’
Marija li jxandar
l-ħniena ta’ Alla –
“kull żmien”.
Nitolbu l-ħniena ta’
Alla għal żmienna.
Jalla l-Knisja fuq
l-eżempju ta’
Marija, tfittex li
tkun l-omm
spiritwali
tal-bnedmin kollha,
u f’din it-talba
għall-ħniena turi
l-ħerqa tagħha ta’
omm u fl-istess ħin
l-imħabba tagħha
kollha tama, dik
l-imħabba li minnha
tiġi l-ħtieġa kbira
tat-talb.
Ngħollu
t-talb tagħna,
imqanqlin mill-fidi,
mit-tama,
mill-imħabba li
Kristu ħawwel fi
qlubna. Din l-imġiba
hi wkoll imħabba ta’
Alla, ta’ dak Alla
li l-bniedem tal-lum
xi drabi jbiegħed ′l
bogħod ħafna minnu,
jagħmlu barrani
għalih, u b’ħafna
modi jxandar li Alla
hu “żejjed” għalih.
Din hi mela
l-imħabba ta’ Alla,
li l-bniedem tal-lum
qed jiċħad u
joffendi b’mod hekk
ikrah, ċaħda li
nħossu f’qiegħ
qalbna u twassalna
biex ma’ Kristu fuq
is-Salib ngħidu:
“Missier, aħfrilhom
għax ma jafux
x’qegħdin jagħmlu”.
Hi wkoll imħabba
għall-bniedem,
għall-bnedmin
kollha, huma min
huma, huma minn fejn
huma, bla ebda
għażla ta’ razza,
kultura, ilsien u
fehmiet fuq
id-dinja, mingħajr
għażla bejn ħbieb u
għedewwa. Din hi
mħabba għall-bnedmin
– tixtieq il-ġid lil
kull bniedem, lil
kull komunità ta’
bnedmin, lil kull
familja, lil kull
nazzjon, lil kull
grupp soċjali,
liż-zgħażagħ,
lill-kbar,
lill-ġenituri,
lix-xjuħ – imħabba
għal kulħadd bla
eċċezzjoni. Din hi
mħabba, jew aħjar
ħerqa mħeġġa biex
tara li kull bniedem
għandu kull ġid veru
u biex tbiegħed minn
kull bniedem kull
xorta ta’ deni.
U
jekk xi wħud
min-nies ta’ żmienna
ma għandhomx il-fidi
u t-tama li qed
imexxu lili, bħala
qaddej ta’ Kristu u
amministratur
tal-misteri ta’ Alla
biex nitlob
il-ħniena ta’ Alla
għall-bnedmin kollha
f’din is-siegħa
tal-istorja,
għall-inqas
jippruvaw jifhmu
t-tħassib tiegħi, li
ġej mill-imħabba
tiegħi
għall-bniedem, għal
kull ma hu
tal-bniedem, li, kif
jaħsbu ħafna nies
ta’ żmienna, hu
mħedded minn periklu
tassew kbir.
Il-misteru ta’
Kristu, li jurina
s-sejħa għolja
tal-bniedem, li
ġiegħelitni
nitkellem bil-qawwa
fuq id-dinjità liema
bħalha tal-bniedem
fir-Redemptor
hominis,
igiegħelni wkoll
inxandar li l-ħniena
hi l-imħabba kollha
ħniena ta’ Alla,
irrivelata lilna
f’dan l-istess
misteru ta’ Kristu.
Iġiegħelni wkoll
nirrikorri għal din
il-ħniena u nitlob
għaliha f’dan
il-mument hekk iebes
u hekk kritiku
tal-ġrajja
tal-Knisja u
tad-dinja, aħna u
qegħdin noqorbu
għat-tmiem tat-tieni
elf sena.
F’isem
Kristu msallab u
rxoxt, fl-ispirtu
tal-missjoni tiegħu
bħala Messija, li
għadha sejra
fil-ġrajja
tal-bniedem, ngħollu
leħenna u nitolbu li
l-Imħabba li
l-Missier għandu
għalina, għal darba
oħra, tiġi revelata
lilna f’dan
il-mument tal-ġrajja
tal-bniedem, u li,
bil-ħidma ta’ l-Iben
u tal-Ispirtu
s-Santu, tidher
fid-dinja tal-lum, u
turi li hi aktar
qawwija minn kull
deni, aktar qawwija
mid-dnub u l-mewt.
Nitolbu dan
bl-interċessjoni ta’
dik li ma tehdiex
ixxandar il-ħniena
ta’ Alla – “f’kull
żmien”, u
bl-interċessjoni ta’
dawk ukoll li
għalihom seħħu għal
kollox il-kliem
tad-diskors
tal-muntanja:
“Ħenjin dawk li
jħennu għax huma
jsibu l-ħniena”.
Hija
u tkompli l-ħidma
iebsa tagħha biex
jitwettaq
il-Konċilju Vatikan
II, li fih bir-raġun
kollu naraw fażi
ġdida ta’ kif
il-Knisja sseħħ fiha
nfisha – skond ma
jitolbu ż-żminijiet
li fihom ngħixu –
il-Knisja stess trid
bla heda tifhem
sewwa li f’din
il-ħidma hi,
għall-ebda raġuni,
ma tista’ tingħalaq
fiha nfisha.
Il-Knisja twaqqfet
biex turi lil Alla,
il-Missier, li
jħallina “narawh” fi
Kristu.
Qawwija kemm hi
qawwija r-reżistenza
tal-istorja
tal-bniedem, huma
x’inhuma l-ħafna
għażliet ta’ kull
xorta taċ-ċiviltà
ta’ żmienna, kbira
kemm hi kbira
ċ-ċaħda ta’ Alla
fid-dinja
tal-bniedem tal-lum,
wisq aktar trid
il-Knisja tersaq
qrib il-misteru, li
moħbi għall-mijiet
ta’ snin f’Alla, ġie
fiż-żmien irrivelat
lill-bniedem permezz
ta’ Ġesù Kristu.
Bil-Barka Apostolika
tiegħi.
Mogħtija f’Ruma,
f”San Pietru, fit-30
ta’ Novembru,
l-ewwel Ħadd ta’
l-Avvent tas-sena
1980, it-tielet sena
tal-Pontifikat.
IOANNES PAULUS pp II
|