KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA
TAL-FIDI
Ittra Iuvenescit Ecclesia lill-Isqfijiet
tal-Knisja Kattolika
dwar ir-relazzjoni bejn id-doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
għall-ħajja u l-missjoni
tal-Knisja
Introduzzjoni
Id-doni tal-Ispirtu s-Santu
fil-Knisja li hi f’missjoni
1. Il-Knisja ssir dejjem
iżjed żagħżugħa bil-qawwa
tal-Vanġelu u l-Ispirtu
dejjem iġeddidha, jibniha u
jmexxiha “b’doni ġerarkiċi u
b’kariżmi”.[1]
Il-Konċilju Vatikan II
fakkar kemm-il darba fl-opra
tal-għaġeb tal-Ispirtu s-Santu
li jqaddes il-Poplu ta’ Alla,
imexxih, iżejnu
bil-virtujiet u jagħnih bi
grazzji speċjali għall-bini
tiegħu. L-azzjoni
tal-Paraklitu divin tieħu
bosta xejriet fil-Knisja,
kif iħobbu juruna l-Missirijiet
tagħha. Jikteb Ġwanni
Griżostmu: “Liema grazzji li
jwettqu s-salvazzjoni tagħna
ma ssawbux mill-Ispirtu s-Santu?
Bih niġu
meħlusa mill-jasar u msejħa
għall-ħelsien, imwassla
għall-adozzjoni ta’ wlied u,
biex ngħidu hekk, imsawra
mill-ġdid, wara li nkunu
neħħejna l-piż tqil u ikrah
tad-dnubiet tagħna. Minħabba
fl-Ispirtu s-Santu għandna
ġmiegħi ta’ saċerdoti u
kotra
ta’ dutturi; minn din l-għajn
igelglu doni ta’
rivelazzjonijiet, grazzji ta’
fejqan u l-kariżmi l-oħra
kollha li jżejnu lill-Knisja
ta’ Alla”.[2]
Grazzi għall-istess ħajja
tal-Knisja, għall-għadd ta’
interventi tal-Maġisteru u
għat-tiftix teoloġiku,
nithennew naraw kif kiber l-għarfien
tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu
taħt bosta xejriet
fil-Knisja, b’attenzjoni
partikulari
lejn
id-doni
kariżmatiċi, li bihom f’kull
żmien il-Poplu ta’ Alla
stagħna għat-twettiq
tal-missjoni tiegħu.
Id-dmir li
nwasslu l-Vanġelu b’mod li
jħalli l-frott hu
partikularment urġenti fi
żmienna. Il-Qdusija Tiegħu
Franġisku, fl-Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudum,
ifakkarna li “jekk
hemm xi ħaġa li bir-raġun
kollu għandha tinkwetana u
tħassibna fil-kuxjenza
tagħna hi li tant minn ħutna
qed jgħixu mingħajr il-qawwa,
id-dawl u l-faraġ
tal-ħbiberija ma’ Ġesù
Kristu, mingħajr komunità ta’
fidi li tilqagħhom għandha,
mingħajr ebda xefaq ta’ sens
u ta’ ħajja”.[3]
L-istedina biex inkunu
Knisja “li toħroġ” iġġagħalna
nerġgħu naqraw
il-ħajja kollha Nisranija
minn lenti missjunarja.[4]
Il-missjoni
tal-evanġelizzazzjoni tolqot
l-oqsma kollha tal-Knisja:
il-pastorali ta’ kuljum, it-tħabbira
lil dawk li telqu l-fidi
Nisranija,
u b’mod partikulari lil dawk
li qatt ma ntlaħqu mill-Vanġelu
ta’ Ġesù jew li dejjem
ċaħduh.[5]
F’din il-missjoni essenzjali
ta’ evanġelizzazzjoni ġdida
hu meħtieġ iżjed minn qatt
qabel li nagħrfu u nagħtu
valur lill-bosta kariżmi li
jistgħu jerġgħu jqajmu u
jsaħħu l-ħajja tal-fidi
tal-Poplu ta’ Alla.
Aggregazzjonijiet ekkleżjali
ta’ bosta xejriet
2. Sew qabel u wara
l-Konċilju Vatikan II dehru
għadd ta’ aggregazzjonijiet
ekkleżjali li huma riżorsa
kbira ta’ tiġdid
għall-Knisja u
għall-“konverżjoni pastorali
u missjunarja”[6]
urġenti
fil-ħajja
kollha tal-Knisja. Mal-valur
u l-għana tar-realtajiet
kollha ta’ għaqdiet
tradizzjonali,
ikkaratterizzati minn
skopijiet partikulari, kif
ukoll tal-Istituti ta’ ħajja
kkonsagrata u
tas-Soċjetajiet ta’ ħajja
appostolika, jiżdiedu dawk
ir-realtajiet iżjed riċenti
li jistgħu jiġu mfissra
bħala aggregazzjonijiet ta’
fidili, movimenti ekkleżjali
u komunitajiet ġodda, li
fuqhom qed jieqaf
jirrifletti
dan
id-dokument. Dawn ma
jistgħux jiġu mifhuma
sempliċement bħala xi ġemgħa
ta’ persuni li ltaqgħu
flimkien minn jeddhom biex
iwettqu għan partikulari ta’
karattru reliġjuż jew
soċjali. Il-karattru ta’
“moviment” jagħżilhom
fil-qafas ekkleżjali bħala
realtajiet dinamiċi, li
kapaċi jqanqlu ġibda
partikulari lejn il-Vanġelu
u jissuġġerixxu proposta ta’
ħajja Nisranija
li
tendenzjalment tieħu sura
globali, billi jinvestu fuq
kull aspett tal-ħajja umama.
Il-ġabra ta’ għadd ta’ fidili
flimkien fejn huma
intenzjonalment jaqsmu
ħajjithom
ma’ xulxin,
biex jissaħħu fil-ħajja
tal-fidi, it-tama u
l-imħabba, tesprimi tajjeb
id-dinamika ekkleżjali bħala
misteru ta’ komunjoni
għall-missjoni u tidher
bħala sinjal ta’ għaqda
tal-Knisja fi Kristu. F’dan
is-sens, dawn
l-aggregazzjonijiet
ekkleżjali, imqanqla minn
kariżma komuni, normalment
għandhom bħala għan tagħhom
“l-iskop appostoliku
tal-Knisja”.[7]
F’din il-perspettiva,
l-aggregazzjonijiet
tal-fidili, il-movimenti
ekkleżjali u komunitajiet
ġodda jipproponu xejriet
imġedda tal-mixja wara
Kristu fejn huma jinżlu
iktar fil-fond tal-communio
cum Deo u tal-communio
fidelium, waqt li
jwasslu fil-kuntesti soċjali
ġodda l-ġmiel
tal-laqgħa mal-Mulej Ġesù u
l-ġmiel tal-ħajja Nisranija
megħjuxa b’mod sħiħ. F’dawn
ir-realtajiet tidher ukoll
xejra partikulari ta’
missjoni u ta’ xhieda, li
għandha l-għan li tgħin u
tiżviluppa kemm għarfien ħaj
tal-vokazzjoni Nisranija
tal-persuna, u kemm
itinerarji b’saħħithom ta’
formazzjoni Nisranija u
mixjiet ta’ perfezzjoni
Evanġelika. F’dawn
ir-realtajiet ta’ persuni
flimkien, skont id-diversi
kariżmi, jistgħu jieħdu
sehem fidili ta’ stati
differenti ta’ ħajja (lajċi,
ministri ordnati u persuni
kkonsagrati), biex hekk
jidher l-għana ta’ diversi
għamliet li għandha
l-komunjoni ekkleżjali.
Il-ħila qawwija li għandhom
dawn ir-realtajiet li jiġbru
n-nies flimkien
tirrappreżenta xhieda kbira
ta’ kif il-Knisja ma tikbirx
“bil-proselitiżmu imma
‘bl-attrazzjoni’”.[8]
Huwa u jkellem
lir-rappreżentanti
tal-movimenti u
tal-komunitajiet ġodda,
Ġwanni Pawlu II lemaħ fihom
“tweġiba providenzjali”[9]
imqanqla mill-Ispirtu
s-Santu għall-ħtieġa ta’
nwasslu l-Vanġelu b’mod
konvinċenti fid-dinja
kollha, waqt li nqisu
l-bidliet kbar li qed iseħħu
fuq livell dinji, spiss
immarkati minn kultura
għalkollox sekularizzata.
Dan it-tħeġġiġ tal-Ispirtu
“ħoloq fil-ħajja tal-Knisja
element ġdid u mhux
mistenni, u xi drabi anki
xokkanti”.[10]
L-istess Papa fakkar li għal
dawn l-aggregazzjonijiet
ekkleżjali kollha beda
ż-żmien tal-“maturità
ekkleżjali”, li jitlob li
jingħataw il-valur sħiħ
tagħhom u jiġu inseriti
“fil-Knejjes lokali u
fil-parroċċi, dejjem
f’komunjoni mar-Ragħajja u
f’attenzjoni
għall-indikazzjonijiet
mogħtija minnhom”.[11]
Dawn ir-realtajiet ġodda, li
għall-eżistenza tagħhom
il-qalb
tal-Knisja timtela bil-ferħ
u l-gratitudni, huma msejħa
jirrelataw pożittivament
mad-doni l-oħra kollha
preżenti fil-ħajja
tal-Knisja.
L-għan ta’ dan id-dokument
3. B’dan
id-dokument
il-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi
tixtieq tfakkar, fid-dawl
tar-relazzjoni bejn id-doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi,
f’dawk l-elementi teoloġiċi
u ekkleżjoloġiċi li, jekk
nifhmuhom sewwa, jistgħu
jgħinu għal sehem iktar
għammiel u ordnat
tal-aggregazzjonijiet
il-ġodda fil-komunjoni u
l-missjoni tal-Knisja. Għal
dan il-għan qed jiġu
ppreżentati qabelxejn xi
elementi essenzjali kemm
tat-tagħlim fuq il-kariżmi
kif joħroġ mit-Testment
il-Ġdid u kemm
tar-riflessjoni
tal-Maġisteru fuq dawn
ir-realtajiet ġodda. Wara,
ibda minn xi prinċipji ta’
ordni teoloġiku sistematiku,
joffri elementi
dwar
l-identità
tad-doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi,
flimkien ma’ xi kriterji
għad-dixxerniment
tal-aggregazzjonijiet ġodda
fil-Knisja.
I. Il-kariżmi skont
it-Testment il-Ġdid
Grazzja u kariżma
4. “Kariżma” hi t-traskrizzjoni
tal-kelma Griega chárisma,
li nsibuha użata spiss fl-Ittri
ta’ San Pawl u tidher ukoll
fl-Ewwel Ittra ta’ Pietru.
Din għandha s-sens ġenerali
ta’ “don ġeneruż” u fit-Testment
il-Ġdid tintuża biss
f’riferiment għal doni li
ġejjin minn Alla. F’xi
siltiet, il-kuntest jagħtiha
sens iżjed preċiż (ara
Rum 12:6; 1 Kor 12:4,31; 1
Piet 4:10), li l-aspett
fundamentali tiegħu hu t-tqassim
ta’ doni differenti.[12]
Dan hu wkoll is-sens
prevalenti fl-ilsna moderni
tal-kliem imnissel minn dan
il-vokabularju Grieg. Kull
kariżma mhix don mogħti lil
kulħadd (ara 1 Kor 12:30),
b’differenza
mill-grazzji fundamentali,
bħalma hi l-grazzja
santifikanti, jew id-doni
tal-fidi, tat-tama u
tal-imħabba, li mill-banda
l-oħra huma indispensabbli
għal kull Nisrani. Il-kariżmi
huma doni partikulari li l-Ispirtu
jqassam “kif jogħġbu” (1 Kor
12:11). Biex ifakkruna
fil-preżenza meħtieġa
tad-diversi
kariżmi fil-Knisja, iż-żewġ
testi l-iżjed espliċiti
(Rum 12:4-8; 1 Kor 12:12-30)
jinqdew bix-xebh tal-ġisem
uman: “Bħalma
aħna għandna ħafna membri
f’ġisem wieħed, iżda mhux
il-membri kollha għandhom l-istess
xogħol, hekk aħna ġisem
wieħed fi Kristu u kull
wieħed minna membru
tal-ieħor. Aħna għandna doni
differenti skont il-grazzja
li Alla tana” (Rum 12:4-6).
Fost il-membri tal-ġisem,
id-diversità mhix xi
anomalija li għandha tiġi
evitata, imma
għall-kuntrarju hi ħtieġa li
minnha jgawdu kollha, li
biha jistgħu jitwettqu d-diversi
funzjonijiet vitali. “Kieku
kollha kellhom ikunu membru
wieħed, fejn hu l-ġisem?
Imma ħafna, iva, huma l-membri,
iżda wieħed hu l-ġisem” (1
Kor 12:19-20). Pawlu f’Rum
12:6 u Pietru f’1 Piet 4:10
jaffermaw ir-relazzjoni
stretta bejn il-kariżmi
partikulari
(charísmata) u l-grazzja
(cháris) ta Alla.[13]
Il-kariżmi huma wirja
tal-“grazzja
ta’ Alla, li hi ta’ ħafna
xorta” (1 Piet 4:10). Mela
hawn m’għandniex
sempliċi ħiliet umani. L-oriġni
divin tagħhom hu
espress b’diversi modi:
skont xi testi dawn ġejjin
minn Alla (ara Rum 12:3; 1
Kor 12:28; 2
Tim 1:6; 1 Piet 4:10); skont
Efes 4:7, ġejjin minn Kristu;
skont 1 Kor 12:4-11, mill-Ispirtu.
Billi din l-aħħar silta hi
l-iżjed waħda insistenti (seba’
darbiet issemmi lill-Ispirtu),
il-kariżmi soltu jiġu
ppreżentati bħala
“rivelazzjoni tal-Ispirtu”
(1 Kor 12:7). Madankollu, hu
ċar li din l-attribuzzjoni
mhix esklussiva u ma tmurx
kontra t-tnejn ta’ qabilha.
Id-doni ta’ Alla jimplikaw
dejjem ix-xefaq Trinitarju
sħiħ,
kif dejjem
u
sa mill-bidu ġie affermat
mit-teoloġija, kemm
fil-Punent u kemm fil-Lvant.[14]
Doni mqassma “ad utilitatem”
u l-primat tal-imħabba
5. F’1 Kor
12:7, Pawlu jiddikjara li “lil
kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni
tal-Ispirtu għall-ġid”.
Ħafna tradutturi jżidu
“għall-ġid ta’ kulħadd”,
għax il-parti l-kbira
tal-kariżmi msemmija mill-Appostlu,
anki jekk mhux kollha, għandhom
direttament siwi komuni. Din
id-destinazzjoni għall-bini
ta’ kulħadd fehemha tajjeb,
ngħidu aħna, Bażilju l-Kbir,
meta qal: “U dawn id-doni
kull wieħed jirċevihom iktar
għall-oħrajn milli għalih
innifsu […]. Fil-ħajja
komuni hemm bżonn li l-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu mogħtija
lil wieħed tingħadda lil
kulħadd. Min jgħix għalih
waħdu, forsi jista’ jkollu
kariżma, imma jġibha bla
siwi għax ma jħaddimhiex,
għax jostorha ġewwa fih
innifsu”.[15]
Imma Pawlu ma jeskludix li
kariżma tista’ tkun ta’ siwi
biss għall-persuna li
rċevietha. Dan hu l-każ ta’
min jitkellem bl-ilsna, li
f’dan l-aspett hu differenti
mid-don tal-profezija.[16]
Il-kariżmi li għandhom siwi
komuni, kemm jekk huma
kariżmi tal-kelma (tal-fehma,
tal-għerf, tal-profezija,
tal-eżortazzjoni) jew ta’
azzjoni (tal-qawwa,
tal-ministeru, tat-tmexxija),
għandhom ukoll siwi
personali, għax is-servizz
tagħhom lill-ġid komuni
jiffavorixxi f’min
iħaddanhom
il-progress
fl-imħabba. Dwar dan Pawlu
josserva li jekk tonqos l-imħabba,
anki l-ogħla kariżmi ma
jiswew xejn lill-persuna li
tirċevihom (ara 1 Kor
13:1-3). Passaġġ qawwi
tal-Vanġelu ta’ Mattew (ara
Mt 7:22-23) jesprimi l-istess
realtà: it-tħaddim ta’
kariżmi
li huma aktar viżibbli
(profeziji, eżorċiżmi,
mirakli) sfortunatament
jista’ jeżisti
wkoll fejn
hemm in-nuqqas
ta’ relazzjoni awtentika
mal-Feddej. B’konsegwenza,
kemm Pietru u kemm Pawlu
jisħqu fuq il-ħtieġa li l-kariżmi
kollha jkunu orjentati lejn
l-imħabba. Pietru joffri
regola ġenerali: “Kull
wieħed minnkom jgħix skond
id-don li rċieva u jinqeda
bih għall-ġid tal-oħrajn;
hekk tkunu amministraturi
tajbin tal-grazzja ta’ Alla,
li hi ta’ ħafna xorta” (1
Piet 4:10). Pawlu moħħu
partikularment fuq kif
jitħaddmu l-kariżmi
fil-laqgħat tal-komunità
Nisranija u jgħid: “kollox
iservi għall-edifikazzjoni”
(1 Kor 14:26).
Il-firxa
wiesgħa ta’
kariżmi
6. F’xi testi
nsibu lista sħiħa ta’
kariżmi, xi drabi ġabra
fil-qosor (ara 1 Piet 4:10),
drabi oħra iżjed dettaljata
(ara 1 Kor 12:8-10,28-30;
Rum 12:6-8). Fost dawk
imniżżla
hemm doni eċċezzjonali
(tal-fejqan,
ta’ opri ta’ qawwa, ta’
kotra ta’ ilsna) u doni
ordinarji (tat-tagħlim,
tal-qadi, tal-ġid
għall-oħrajn), ministeri
għat-treġija tal-komunità
(ara Efes 4:11) u doni
mogħtija bit-tqegħid
tal-idejn (ara 1 Tim 4:14; 2
Tim 1:6). Mhuwiex dejjem ċar
jekk dawn id-doni kollha
humiex meqjusa jew le
“kariżmi” fil-veru sens
tal-kelma. Fil-fatt id-doni
eċċezzjonali, imsemmija
ripetutament f’1 Kor 12-14,
bħal jgħibu
fit-testi ta’ wara; il-lista
ta’ Rum 12:6-8 tippreżenta
biss kariżmi li jidhru inqas
fl-għajn,
imma
li għandhom
siwi kostanti għall-ħajja
tal-komunità Nisranija.
L-ebda waħda minn dawn
il-listi ma hi kompluta.
Band’oħra, ngħidu aħna,
Pawlu jissuġġerixxi li
l-għażla taċ-ċelibat
għall-imħabba ta’ Kristu
tingħaraf bħala frott ta’
kariżma, u l-istess dik
taż-żwieġ (ara 1 Kor 7:7,
fil-kuntest tal-kapitlu
kollu). Hu jagħti tifsiriet
b’eżempji li jiddipendu
mill-grad ta’ żvilupp li
kienet laħqet il-Knisja
f’dak iż-żmien u li allura
huma suxxettibbli għal
żidiet oħra ’l quddiem.
Fil-fatt il-Knisja dejjem
tikber fiż-żmien grazzi
għall-azzjoni tal-Ispirtu li
jagħti l-ħajja.
It-tħaddim tajjeb
tal-kariżmi fil-komunità
ekkleżjali
7. Minn dan
kollu li ntqal joħroġ ċar li
fit-testi tal-Iskrittura ma
nsibux kontrappożizzjoni
bejn id-diversi kariżmi,
imma pjuttost rabta armonika
u kumplimentarjetà
bejniethom. L-antiteżi bejn
Knisja istituzzjonali ta’
bixra Ġudeo-Kristjana u
Knisja kariżmatika tal-bixra
Pawlina, affermata minn
ċerti interpretazzjonijiet
ekkleżjoloġiċi riduttivi,
fir-realtà ma ssib l-ebda
bażi tajba fis-siltiet
tat-Testment il-Ġdid. Pawlu
mhux talli ma jqegħidx
il-kariżmi fuq naħa u
r-realtajiet istituzzjonali
fuq l-oħra, jew joħloq
oppożizzjoni bejn il-Knisja
“tal-imħabba” u l-Knisja
“tal-istituzzjoni”, imma hu
jiġbor f’lista waħda lil
dawk li huma mogħnija
bil-kariżmi ta’ awtorità u
tagħlim, b’kariżmi li huma
ta’ ġid għall-ħajja
ordinarja tal-komunità u
b’kariżmi li
jispikkaw
iżjed.[17]
L-istess Pawlu jfisser
il-ministeru tiegħu ta’
Appostlu bħala “ministeru
tal-Ispirtu” (2 Kor 3:8). Hu
jħossu mlibbes bl-awtorità (exousía),
mogħtija lilu mill-Mulej
(ara 2 Kor 10:8; 13:10),
awtorità li testendi ruħha
anki fuq dawk li għandhom
xi kariżma.
Kemm hu u kemm Pietru jagħtu
lill-kariżmatiċi
istruzzjonijiet fuq kif
għandhom iħaddmu l-kariżmi.
Qabelxejn huma jġibu ruħhom
billi jilqgħuhom mill-qalb;
jidhru konvinti mill-oriġni
divin tal-kariżmi; imma ma
jqisuhomx bħala doni li
jawtorizzawhom
jonqsu
mill-ubbidjenza lejn
il-ġerarkija
ekkleżjali jew jagħtuhom xi
jedd
fuq
ministeru
awtonomu. Pawlu donnu jaf
bl-inkonvenjenti
li t-tħaddim diżordinat
tal-kariżmi jista’
jipprovoka fil-komunità
Nisranija.[18]
Għalhekk l-Appostlu jindaħal
b’awtorità biex iwettaq
regoli preċiżi għat-tħaddim
tal-kariżmi “fil-Knisja” (1
Kor 14:19,28), jiġifieri
fil-laqgħat tal-ġemgħa
komunitarja (ara 1 Kor
14:23,26). Hu jrażżan,
ngħidu aħna, it-tħaddim
tal-ilsna.[19]
Regoli simili jingħataw
ukoll għad-don tal-profezija
(ara 1 Kor 14:29-31).[20]
Doni ġerarkiċi u kariżmatiċi
8. Fi ftit
kliem, meta wieħed jifli
t-testi Bibliċi dwar
il-kariżmi, jirriżulta li
t-Testment il-Ġdid, anki
jekk ma joffrix tagħlim
sistematiku sħiħ,
jippreżenta
affermazzjonijiet ta’
importanza kbira li
jorjentaw ir-riflessjoni u
l-prassi ekkleżjali. Irridu
wkoll nagħrfu li ma nsibu
l-ebda użu wieħed
tat-terminu “kariżma” li
għandu tifsira unika;
pjuttost insibu firxa
wiesgħa ta’ tifsiriet, li
r-riflessjoni teoloġika u
l-Maġisteru jgħinuna nifhmu
fl-ambitu ta’ viżjoni sħiħa
tal-misteru tal-Knisja.
F’dan id-dokument qed nixħtu
l-attenzjoni tagħna fuq
l-espressjoni binomika li
tinsab fin-nru 4
tal-Kostituzzjoni dommatika
Lumen gentium, li
titkellem dwar “doni
ġerarkiċi u kariżmi”, li
r-relazzjoni bejniethom hi
qawwija u artikulata. Huma
għandhom l-istess oriġni u
l-istess għan. Huma doni ta’
Alla, tal-Ispirtu s-Santu,
ta’ Kristu, mogħtija biex
jgħinu, b’diversi modi,
fil-bini tal-Knisja. Min
irċieva
d-don li jrieġi lill-Knisja
għandu wkoll id-dmir li
jgħasses fuq it-tħaddim
tajjeb tal-kariżmi l-oħra,
biex hekk kollox jaħdem
flimkien għall-ġid
tal-Knisja u għall-missjoni
tagħha li tevanġelizza, għax
jaf tajjeb li hu l-Ispirtu
li jqassam id-doni
kariżmatiċi lil kull wieħed
kif jogħġbu (ara 1 Kor
12:11). L-istess Spirtu
jagħti lill-ġerarkija
tal-Knisja l-ħila
tad-dixxerniment tal-kariżmi
awtentiċi, li tilqagħhom
bil-ferħ u l-gratitudni, li
tippromovihom b’ġenerożità u
li sseħibhom bħal missier li
jgħasses fuq uliedu.
L-istess storja tixhdilna
l-azzjoni tal-Ispirtu li hi
ta’ bosta xorta, u li
permezz tagħha l-Knisja,
mibnija “fuq
is-sisien tal-Appostli u
tal-profeti, fejn Kristu hu
l-ġebla tax-xewka” (Efes
2:20), tgħix il-missjoni
tagħha fid-dinja.
II. Ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
fil-Maġisteru riċenti
Il-Konċilju Vatikan II
9. It-tqanqil
ta’ kariżmi differenti
fl-istorja tal-Knisja qatt
ma naqas mal-medda
tas-sekli, madankollu kien
biss fl-aħħar żminijiet li
żviluppat riflessjoni
sistematika fuqhom.
Dwar dan, jagħti spazju
sinifikanti lit-tagħlim dwar
il-kariżmi l-Maġisteru
espress ta’ Piju XII
fl-Ittra enċiklika
Mystici corporis,[21]
waqt li pass deċiżiv biex
stajna nifhmu b’mod xieraq
ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi seħħ
bit-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II. Is-siltiet li
jgħoddu għal dan li qed
ngħidu[22]
jindikaw fil-ħajja
tal-Knisja, barra l-Kelma
ta’ Alla, miktuba u
trasmessa, is-Sagramenti u
l-ministeru ġerarkiku
ordnat, il-preżenza
tad-doni, ta’ grazzji
speċjali jew kariżmi,
imqassma mill-Ispirtu fost
il-fidili
ta’ kull qagħda. Is-silta
emblematika dwar dan hi dik
li toffrilna l-Lumen
gentium, n. 4:
“L-Ispirtu […] iwassal
il-Knisja għall-verità
kollha (ara Ġw 16:13),
jgħaqqadha fis-sħubija u
fis-servizz, jagħniha
b’għotjiet differenti,
b’doni ġerarkiċi u
b’kariżmi, u b’dawn id-doni
jmexxiha u jżejjinha
bil-frott tal-grazzja tiegħu
(ara Efes 4:11-12; 1 Kor
12:4; Gal 5:22).[23]
B’dan il-mod
il-Kostituzzjoni dommatika
Lumen gentium, meta
tippreżenta d-doni
tal-istess Spirtu, permezz
tad-distinzjoni bejn id-doni
ġerarkiċi u dawk
kariżmatiċi, tagħfas fuq
id-differenza ta’ bejniethom
fl-istess għaqda tagħhom ma’
xulxin. Jidhru sinifikanti
ħafna l-affermazzjonijiet
fil-Lumen gentium, n.
12 dwar ir-realtajiet
kariżmatiċi, fil-kuntest
tas-sehem tal-Poplu ta’ Alla
fl-uffiċċju profetiku ta’
Kristu, fejn tagħraf kif
l-Ispirtu s-Santu ma
jillimitax ruħu li “jqaddes
u jmexxi l-poplu ta’ Alla
bis-sagramenti u l-ministeri
u jżejnu
bil-virtujiet”, imma
“jqassam ukoll lil kull grad
ta’ fidili grazzji speċjali
biex bihom ikunu jistgħu
jidħlu aħjar u b’ħeġġa akbar
għall-ħidmiet u
għad-dmirijiet li bihom
il-Knisja tkun tista’ tiġġedded
u tinbena aktar fil-wisa’”.
Fl-aħħar nett, insibu
deskrizzjoni tal-bosta xorta
u benefiċċji tagħhom: “Dawn
il-kariżmi, kemm dawk
straordinarji u kemm dawk
sempliċi u iżjed imxerrda,
huma ta’ siwi
għall-ħtiġijiet tal-Knisja u
jaqblu magħha; għalhekk
għandhom jintlaqgħu
b’sentiment ta’ radd il-ħajr
u ta’ faraġ”.[24]
Riflessjonijiet jixxiebhu
nsibuhom ukoll fid-Digriet
tal-Konċilju dwar
l-appostolat tal-lajċi.[25]
L-istess dokument jafferma
kif dawn id-doni
m’għandhomx jitqiesu bħala
xi għażla fil-ħajja
tal-Knisja li wieħed jista’
ma jagħmilx; pjuttost “kull
Nisrani, għaliex jirċievi
dawn id-doni, anki l-aktar
sempliċi, ikollu d-dritt u
d-dmir li jeżerċitahom
għall-ġid tal-bnedmin u
tal-Knisja, kemm fl-istess
Knisja u fid-dinja,
bil-libertà tal-Ispirtu”.[26]
Għalhekk, il-kariżmi
awtentiċi jitqiesu bħala
doni ta’ importanza
essenzjali għall-ħajja u
l-missjoni tal-Knisja.
Fl-aħħar nett, hu kostanti
fit-tagħlim tal-Konċilju
l-għarfien tar-rwol
essenzjali tar-ragħajja
fid-dixxerniment tal-kariżmi
u għat-tħaddim ordnat
tagħhom fi ħdan il-komunjoni
ekkleżjali.[27]
Il-Maġisteru post-Konċiljari
10. Fil-perjodu ta’ wara
l-Konċilju Vatikan II,
l-interventi tal-Maġisteru
dwar dan is-suġġett kotru
bis-sħiħ.[28]
Tat sehemha f’dan
il-vitalità dejjem tikber
ta’ movimenti ġodda,
aggregazzjonijiet tal-fidili
u komunitajiet ekkleżjali,
flimkien mal-esiġenza li
jiġi ppreċiżat il-post
tal-ħajja kkonsagrata fi
ħdan il-Knisja.[29]
Ġwanni Pawlu II
fil-Maġisteru tiegħu insista
partikularment fuq
il-prinċipju tal-ko-essenzjalità
ta’ dawn id-doni: “Iżjed
minn darba sħaqt fuq kif
fil-Knisja m’hemmx kuntrast
jew kontrappożizzjoni bejn
id-dimensjoni istituzzjonali
u d-dimensjoni kariżmatika,
li tagħha l-Movimenti huma
espressjoni qawwija.
It-tnejn li huma huma
ko-essenzjali għall-qafas
divin tal-Knisja mwaqqfa
minn Ġesù, għax flimkien
jikkonkorru biex jagħmlu
preżenti l-misteru
ta’ Kristu u l-ħidma
salvifika tiegħu fid-dinja”.[30]
Il-Papa Benedittu
XVI, mhux biss saħaq fuq
il-koessenzjalità tagħhom,
imma niżel iktar fil-fond
tal-affermazzjoni
tal-predeċessur tiegħu, u
fakkar li “fil-Knisja anki
l-istituzzjonijiet
essenzjali huma kariżmatiċi
u min-naħa l-oħra l-kariżmi
għandhom b’xi mod jew ieħor
jistituzzjonalizzaw ruħhom
biex ikollhom koerenza u
kontinwità. Hekk, iż-żewġ
dimensjonijiet, li oriġinaw
mill-istess Spirtu s-Santu
għall-istess Ġisem ta’
Kristu, jikkonkorru flimkien
biex jagħmlu preżenti
l-misteru u l-opra salvifika
ta’ Kristu fid-dinja”.[31]
Id-doni ġerarkiċi u dawk
kariżmatiċi ilhom
f’relazzjoni reċiproka
bejniethom sa mill-bidu
tagħhom. Fl-aħħar nett,
il-Qdusija Tiegħu Franġisku
fakkarna fl-“armonija” li
l-Ispirtu joħloq bejn
id-diversi doni, u reġa’
sejjaħ
lill-aggregazzjonijiet
kariżmatiċi għall-ftuħ
missjunarju,
għall-ubbidjenza meħtieġa
lejn ir-ragħajja u
għall-immanenza ekkleżjali,[32]
għax “hu
fi ħdan il-komunità li
jinbtu u jwarrdu d-doni li
jxerred fuqna l-Missier; u
hu f’ġuf il-komunità li
nitgħallmu nagħrfuhom bħala
sinjal ta’ mħabbtu għal
uliedu kollha”.[33]
Għalhekk hu ċar li
fil-Maġisteru ekkleżjali
riċenti nistgħu naraw qbil
dwar il-koessenzjalità bejn
id-doni ġerarkiċi u dawk
kariżmatiċi. Kemm jekk
nippruvaw inqegħduhom kontra
xulxin, u kemm jekk
nippruvaw ngħaqqduhom bħala
ħaġa waħda, dan ikun sintomu
ta’ għarfien żbaljat jew
insuffiċjenti tal-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu
fil-ħajja u fil-missjoni
tal-Knisja.
III. Il-fundament teoloġiku
tar-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
Xefaq Trinitarju u
Kristoloġiku tad-doni
tal-Ispirtu s-Santu
11. Biex nistgħu nifhmu
r-raġunijiet profondi
tar-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
tajjeb li nfakkru fil-bażi
teoloġika tagħha. Fil-fatt,
il-ħtieġa li negħlbu kull
konfrontazzjoni sterili jew
tgħaqqid estrinsiku bejn
doni ġerarkiċi u
kariżmatiċi, titlobha
l-istess ekonomija
tas-salvazzjoni, li tiġbor
fiha r-relazzjoni intrinsika
bejn il-missjonijiet
tal-Verb inkarnat u
tal-Ispirtu s-Santu.
Fir-realtà, kull don
tal-Missier jimplika
r-riferiment għall-azzjoni
konġunta u differenzjata
tal-missjonijiet divini:
kull don ġej mill-Missier,
permezz tal-Iben, fl-Ispirtu
s-Santu. Id-don tal-Ispirtu
fil-Knisja hu marbut
mal-missjoni tal-Iben, u
jitwettaq b’mod insuperabbli
fil-misteru tal-Għid tiegħu.
Ġesù stess jorbot it-twettiq
tal-missjoni tiegħu mal-fatt
li hu jibgħat l-Ispirtu
fil-komunità ta’ dawk li
jemmnu.[34]
Għalhekk l-Ispirtu s-Santu
ma jista’ bl-ebda mod
jinawgura ekonomija
differenti minn dik tal-Logos
divin inkarnat, mislub u
rxoxt.[35]
Fil-fatt, l-ekonomija
sagramentali kollha
tal-Knisja hi t-twettiq
pnewmatoloġiku
tal-Inkarnazzjoni: għalhekk
l-Ispirtu s-Santu jitqies
mit-Tradizzjoni bħala r-ruħ
tal-Knisja, Ġisem ta’
Kristu. L-azzjoni ta’ Alla
fl-istorja timplika dejjem
ir-relazzjoni
bejn l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu, li Irinew ta’ Lyons
suġġestivament isejjaħ
“iż-żewġ dirgħajn
tal-Missier”.[36]
F’dan is-sens, kull don
tal-Ispirtu ma jistax għajr
ikun f’relazzjoni mal-Verb
magħmul bniedem.[37]
Għalhekk,
ir-rabta oriġinali bejn
id-doni ġerarkiċi, mogħtija
bil-grazzja sagramentali
tal-Ordni, u d-doni
kariżmatiċi, imqassma b’mod
ħieles mill-Ispirtu s-Santu,
għandha l-aqwa
għeruq tagħha fir-relazzjoni
bejn il-Logos divin
inkarnat u l-Ispirtu
s-Santu, li hu dejjem Spirtu
tal-Missier u tal-Iben.
Propju biex nevitaw
viżjonijiet teoloġiċi
ekwivoċi li jħarsu lejn
“Knisja tal-Ispirtu”,
differenti u mifruda
mill-Knisja
ġerarkika-istituzzjonali,
jeħtieġ nagħfsu fuq kif
iż-żewġ missjonijiet divini
jimplikaw lil xulxin
f’kull don mogħti
lill-Knisja. Fir-realtà,
il-missjoni ta’ Ġesù Kristu
timplika, diġà fi ħdanha,
l-azzjoni tal-Ispirtu.
Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra
enċiklika tiegħu fuq
l-Ispirtu s-Santu,
Dominum et vivificantem,
kien wera l-importanza
deċiżiva tal-azzjoni
tal-Ispirtu fil-missjoni
tal-Iben.[38]
Benedittu XVI niżel iktar
fil-fond ta’ dan
fl-Eżortazzjoni appostolika
Sacramentum caritatis,
meta fakkar li l-Paraklitu
“li diġà ħadem fil-ħolqien
(ara Ġen 1:2), hu preżenti
b’mod sħiħ fil-ħajja kollha
tal-Verb inkarnat”. Ġesù
Kristu “tnissel mill-Verġni
Marija
bil-ħidma tal-Ispirtu
s-Santu (ara Mt 1:18; Lq
1:35); fil-bidu tal-missjoni
pubblika tiegħu, fuq ix-xatt
tal-Ġordan, rah nieżel fuqu
f’għamla ta’ ħamiema (ara Mt
3:16 u par); f’dan
l-istess Spirtu, hu jaġixxi,
jitkellem u jfaħħar lil Alla
(ara Lq 10:21); u fih li hu
jista’ joffri lilu nnifsu
(ara Lhud 9:14). Fl-hekk
imsejħa ‘diskorsi tat-tluq’,
li nsibu fi Ġwanni, Ġesù
jqiegħed f’relazzjoni ċara
d-don ta’ ħajtu fil-Misteru
tal-Għid mad-don tal-Ispirtu
lil dawk li kienu tiegħu
(ara Ġw 16:7). Meta rxoxta,
bis-sinjali tal-Passjoni fuq
ġismu, hu
seta’
jsawwab l-Ispirtu (ara Ġw
20:22), u hekk ta
lid-dixxipli tiegħu sehem
fl-istess missjoni tiegħu
(ara Ġw 20:21). Imbagħad
kien dan l-Ispirtu li
għallimhom kollox u
fakkarhom f’dak kollu li
Kristu qal (ara Ġw 14:26),
għax hu xogħlu, bħala Spirtu
ta’ verità (ara Ġw 15:26),
li juri lid-dixxipli
l-verità kollha (ara Ġw
16:13). Fir-rakkont tal-Atti,
l-Ispirtu jinżel fuq
l-Appostli miġbura fit-talb
ma’ Marija dakinhar ta’ Għid
il-Ħamsin (ara 2:1-4), u
jħeġġiġhom għall-missjoni li
jxandru l-Bxara t-tajba
lill-ġnus kollha”.[39]
L-azzjoni tal-Ispirtu
s-Santu fid-doni ġerarkiċi u
kariżmatiċi
12. Meta nħarsu lejn
ix-xefaq Trinitarju u
Kristoloġiku tad-doni
divini, niġu mdawla anki fuq
ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi.
Fil-fatt, fid-doni
ġerarkiċi, marbuta
mas-sagrament tal-Ordni,
tidher quddiem nett
ir-relazzjoni mal-ħidma
salvifika ta’ Kristu, bħal
ngħidu aħna t-twaqqif
tal-Ewkaristija (ara Lq
22:19s; 1 Kor 11:25),
is-setgħa tal-maħfra
tad-dnubiet (ara Ġw 20:22s),
il-mandat appostoliku
bid-dmir li jevanġelizzaw u
jgħallmu (ara Mk 16:15s; Mt
28:18-20); daqstant ieħor
jidher li l-ebda sagrament
ma jista’ jingħata mingħajr
l-azzjoni tal-Ispirtu
s-Santu.[40]
Min-naħa l-oħra d-doni
kariżmatiċi msawba
mill-Ispirtu, “li jonfoħ
fejn irid hu” (Ġw 3:8) u
jqassam id-doni tiegħu “kif
jogħġbu” (1 Kor 12:11), huma
oġġettivament f’relazzjoni
mal-ħajja ġdida fi Kristu,
għax “kull wieħed minnkom”
(1 Kor 12:27) hu membru ta’
Ġismu. Għalhekk, biex nifhmu
sew id-doni kariżmatiċi, dan
irridu nagħmluh
f’riferiment għall-preżenza
ta’ Kristu u għall-qadi
tiegħu; kif afferma Ġwanni
Pawlu II, “il-veri kariżmi
ma jistgħux għajr iressquna
għal-laqgħa ma’ Kristu
fis-Sagramenti”.[41]
Għalhekk id-doni ġerarkiċi u
dawk kariżmatiċi jidhru
magħquda flimkien
f’riferiment għar-relazzjoni
intrinsika bejn Ġesù Kristu
u l-Ispirtu s-Santu.
Il-Paraklitu hu fl-istess
waqt Dak li jxerred b’mod
effikaċi, permezz
tas-Sagramenti, il-grazzja
salvifika offruta minn
Kristu li miet u rxoxta, u
Dak li jqassam il-kariżmi.
Fit-tradizzjoni liturġika
tal-Insara tal-Lvant, u
speċjalment f’dik Sirjaka,
ir-rwol tal-Ispirtu s-Santu,
irrappreżentat fix-xbieha
tan-nar, jgħin biex jidher
dan kollu. It-teologu u
poeta kbir Efrem tas-Sirja
fil-fatt jgħid li “in-nar
tal-kompassjoni niżel u
għammar fil-ħobż”,[42]
biex juri l-azzjoni tiegħu
li tibdel, f’rabta mhux biss
mad-doni imma wkoll ma’ dawk
li jemmnu u jieklu mill-ħobż
Ewkaristiku. Il-perspettiva
Orjentali, bl-effikaċja
tax-xbihat tagħha, tgħinna
nifhmu kif, jekk nersqu lejn
l-Ewkaristija, Kristu
jagħtina l-Ispirtu. L-istess
Spirtu, imbagħad, permezz
tal-azzjoni tiegħu f’dawk li
jemmnu, jitma’ l-ħajja
tagħhom fi Kristu, u
jwassalhom mill-ġdid għal
ħajja sagramentali iżjed
profonda, fuq kollox
fl-Ewkaristija. B’dan
il-mod, l-azzjoni ħielsa
tat-Trinità Qaddisa
fl-istorja tilħaq lil dawk
li jemmnu bid-don
tas-salvazzjoni u fl-istess
waqt tqawwihom biex
jgħaqqduh b’mod ħieles u
sħiħ mal-impenn ta’
ħajjithom.
IV. Ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
fil-ħajja u fil-missjoni
tal-Knisja
Fil-Knisja bħala misteru ta’
komunjoni
13. Il-Knisja hi bħal “poplu
miġmugħ mill-għaqda
tal-Missier, tal-Iben u
tal-Ispirtu s-Santu”,[43]
fejn ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
tidher indirizzata lejn
is-sehem sħiħ tal-fidili
fil-komunjoni u fil-missjoni
tal-evanġelizzazzjoni. Għal
din il-ħajja ġdida bla ma
stħaqqilna ġejna
ppredestinati fi Kristu (ara
Rum 8:29-31; Efes 1:4-5).
L-Ispirtu s-Santu “jagħmel
dik l-għaqda tal-għaġeb
tal-fidili u jgħaqqadhom
ilkoll fi Kristu b’mod hekk
intimu illi huwa jkun
il-prinċipju tal-unità
tal-Knisja”.[44]
Fil-fatt, hu fil-Knisja li
l-bnedmin jiġu msejħa biex
isiru membri ta’ Kristu[45]
u hu fil-komunjoni
ekkleżjali li jixxierku fi
Kristu, bħala membri ta’
xulxin. Il-komunjoni
dejjem
hi “sehem doppju vitali:
l-inkorporazzjoni tal-Insara
fil-ħajja ta’ Kristu, u
t-tqassim tal-istess imħabba
fost il-ġemgħa kollha
tal-fidili, f’din id-dinja u
fl-oħra. Għaqda ma’ Kristu u
fi Kristu; u għaqda fost
l-Insara, fil-Knisja”.[46]
F’dan is-sens il-misteru
tal-Knisja jilma “fi
Kristu, bħal sagrament jew
sinjal u strument tal-għaqda
intima ma’ Alla u tal-unità
tal-ġens kollu tal-bnedmin”.[47]
Hawn jidhru l-għeruq
sagramentali tal-Knisja
bħala misteru ta’ komunjoni:
“Din fundamentalment hi
l-komunjoni ma’ Alla permezz
ta’ Ġesù Kristu, fl-Ispirtu
s-Santu. Din il-komunjoni
sseħħ fil-Kelma ta’ Alla u
fis-Sagramenti.
Il-Magħmudija”, f’għaqda
sħiħa mal-Konfirmazzjoni,
“hi l-bieb u l-bażi
tal-komunjoni fil-Knisja.
L-Ewkaristija hi l-għajn u
l-quċċata tal-ħajja kollha
tan-Nisrani”.[48]
Fuq dawn is-sagramenti
tal-bidu tinbena l-ħajja
Nisranija u fuqhom iserrħu
d-doni ġerarkiċi u
kariżmatiċi. Il-ħajja
tal-komunjoni ekkleżjali,
hekk ordnata b’mod sħiħ,
tgħix fis-smigħ kontinwu
bil-fidi tal-Kelma ta’ Alla
u tiġi mitmugħa
mis-Sagramenti. L-istess
Kelma ta’ Alla tippreżenta
ruħha lilna f’rabta profonda
mas-Sagramenti, b’mod
partikulari mal-Ewkaristija,[49]
fi ħdan l-uniku xefaq
sagramentali
tar-Rivelazzjoni.
It-tradizzjoni tal-Lvant
tara lill-Knisja, il-Ġisem
ta’ Kristu, mogħtija l-ħajja
mill-Ispirtu s-Santu, bħala
unità ordnata, ħaġa li
tesprimiha wkoll fuq
il-livell tad-doni tagħha.
Il-preżenza effikaċi
tal-Ispirtu fil-qalb ta’
dawk li jemmnu (ara Rum 5:5)
hi l-għerq ta’ din l-għaqda
anki għal dawk li huma
manifestazzjonijiet
kariżmatiċi.[50]
Fil-fatt, il-kariżmi
mogħtija lill-individwi
jagħmlu parti mill-istess
Knisja u huma ddestinati
għal ħajja ekkleżjali iktar
intensa. Din il-perspettiva
toħroġ anki mill-kitbiet ta’
John Henry Newman: “Hekk
il-qalb ta’ kull Nisrani
għandha tirrappreżenta
fiċ-ċokon il-Knisja
Kattolika kollha, ladarba hu
Spirtu wieħed li jagħmel
lill-Knisja kollha u lil
kull membru tagħha t-Tempju
tagħha”.[51]
Dan jagħmel iktar
ċara
r-raġuni għaliex mhuwiex
leġittimu
la li nqiegħdu kontra xulxin
u lanqas li ngħaqqdu qishom
kienu ħaġa waħda d-doni
ġerarkiċi u d-doni
kariżmatiċi.
Fil-qosor, ir-relazzjoni
bejn id-doni kariżmatiċi u
l-istruttura sagramentali
ekkleżjali tikkonferma
l-koessenzjalità bejn doni
ġerarkiċi – minnhom infushom
stabbli, permanenti u
irrevokabbli – u doni
kariżmatiċi. Għalkemm dawn
tal-aħħar fix-xejriet
storiċi tagħhom qatt ma
kienu garantiti għal dejjem,[52]
id-dimensjoni
kariżmatika qatt ma tista’
tonqos fil-ħajja u
l-missjoni tal-Knisja.
L-identità
tad-doni ġerarkiċi
14. Fl-ordni
tat-tqaddis ta’ kull membru
tal-Poplu ta’ Alla u
tal-missjoni
tal-Knisja fid-dinja, fost
id-diversi doni, “l-ogħla
waħda hija l-grazzja
mogħtija lill-Appostli li
għall-awtorità tagħhom
l-Ispirtu nnifsu
jissottometti saħansitra lil
dawk imżejna bil-kariżmi”.[53]
Ġesù Kristu nnifsu ried li
jkun hemm doni ġerarkiċi
biex jiżguraw li
l-medjazzjoni salvifika
waħdiena tiegħu taħdem
fl-istess waqt kullimkien:
“L-Appostli kienu mogħnija
minn Kristu b’effużjoni
speċjali tal-Ispirtu s-Santu
li niżel fuqhom (Atti 1:8;
2:4; Ġw 20:22-23). Huma
stess bit-tqegħid tal-idejn
għaddew dan id-don
spiritwali
lill-kollaboraturi tagħhom
(ara 1 Tim 4:14; 2 Tim
1:6-7)”.[54]
Għalhekk, l-għoti tad-doni
ġerarkiċi għandu jitlaq
qabelxejn mill-milja
tas-sagrament tal-Ordni,
mogħtija bil-konsagrazzjoni
episkopali, li tagħti
“d-dmir li jqaddsu
lill-oħrajn, dak li jgħallmu
u jiggvernaw. Iżda dawn
id-dmirijiet, min-natura
tagħhom stess, ma jistgħux
ikunu eżerċitati jekk mhux
f’komunjoni ġerarkika
mar-ras u mal-membri
tal-Kulleġġ episkopali”.[55]
Għalhekk, “huwa
fl-isqfijiet, megħjuna
mill-presbiteri, illi
l-Mulej Ġesù Kristu,
il-Qassis il-Kbir, huwa
preżenti fost dawk li jemmnu
[…]; permezz tal-ministeru
għoli tagħhom li huwa
jxandar il-Kelma ta’ Alla
lill-ġnus kollha u
jamministra l-ħin kollu
s-sagramenti tal-fidi lil
dawk li jemmnu; permezz
tal-uffiċċju tagħhom ta’
missirijiet (ara 1 Kor 4:15)
huwa jgħaqqad, bi twelid
sopranaturali ġdid, membri
ġodda fil-ġisem tiegħu; u
fl-aħħar nett, bl-għerf u
bil-prudenza tagħhom, huwa
jmexxi u jiddirieġi l-poplu
tat-Testment il-Ġdid
fil-mixja tiegħu lejn l-hena
ta’ dejjem”.[56]
It-tradizzjoni Nisranija
tal-Lvant, hekk marbuta
b’mod ħaj mal-Missirijiet
tal-Knisja, dan kollu taqrah
fil-kunċett partikulari tat-taxis.
Skont Bażilju l-Kbir, hu ċar
li l-ordinament tal-Knisja
hu opra tal-Ispirtu s-Santu,
u l-istess ordni (taxis)
li fiha
Pawlu jagħti l-lista
tal-kariżmi (ara 1 Kor
12:28) “hi
skont it-tqassim tad-doni
mill-Ispirtu”,[57]
li
tindika
bħala l-ewwel waħda dik
tal-Appostli. Ibda
mir-riferiment
għall-konsagrazzjoni
episkopali, nifhmu wkoll
id-doni ġerarkiċi
f’riferiment għall-gradi
l-oħra tal-Ordni; qabelxejn
dak tal-presbiteri, li huma
“kkonsagrati biex
jipprietkaw l-Evanġelju,
jirgħu l-fidili u
jiċċelebraw il-kult divin” u
“taħt l-awtorità tal-isqof
huma jmexxu dik il-parti
tal-merħla fdata f’idejhom u
jqaddsuha” u, billi jsiru
huma wkoll “eżempju
tal-merħla, huma għandhom
jippresiedu l-komunità
lokali u jservuha”.[58]
Lill-isqfijiet
u l-presbiteri,
fis-sagrament tal-Ordni,
id-dilka saċerdotali
tagħmilhom “jixxiebhu ma’
Kristu l-Qassis, b’mod li
jkollhom il-qawwa li jagħmlu
għemil fil-persuna ta’
Kristu r-Ras”.[59]
Ma’ dawn irridu nżidu d-doni
mogħtija lid-djakni, “li
fuqhom jitqiegħdu l-idejn
‘mhux għas-saċerdozju iżda
għall-ministeru’”; u li,
“imsaħħin mill-grazzja
sagramentali fid-djakonija
tal-liturġija,
tal-predikazzjoni u
tal-karità, iservu l-poplu
ta’ Alla f’għaqda mal-isqof
u l-presbiterju tiegħu”.[60]
Fil-qosor, id-doni ġerarkiċi
propji tas-sagrament
tal-Ordni, fid-diversi gradi
tiegħu, jingħataw biex
fil-Knisja bħala komunjoni
qatt ma jonqsu lil kull
fidil l-offerta oġġettiva
tal-grazzja fis-Sagramenti,
it-tħabbira normattiva
tal-Kelma ta’ Alla u l-kura
pastorali.
L-identità
tad-doni kariżmatiċi
15. Jekk bit-tħaddim
tad-doni ġerarkiċi tiġi
żgurata, matul l-istorja,
l-offerta tal-grazzja ta’
Kristu b’riżq il-Poplu kollu
ta’ Alla, il-fidili kollha
huma msejħa jilqgħuha u
jikkorrispondu magħha
personalment fiċ-ċirkustanzi
konkreti ta’ ħajjithom.
Id-doni kariżmatiċi,
għalhekk, jitqassmu b’mod
ħieles mill-Ispirtu s-Santu
biex il-grazzja sagramentali
tagħmel il-frott fil-ħajja
Nisranija b’mod diversifikat
u fuq il-livelli kollha
tagħha. Billi dawn
il-kariżmi qegħdin hemm
“għall-ħtiġijiet tal-Knisja
u jaqblu magħha”,[61]
permezz tal-għana ta’ bosta
xorta tagħhom il-Poplu ta’
Alla jista’ jgħix fil-milja
tagħha l-missjoni
tal-evanġelizzazzjoni, billi
jgħarbel is-sinjali
taż-żminijiet u
jinterpretahom għad-dawl
tal-Vanġelu.[62]
Fil-fatt, id-doni
kariżmatiċi jqanqlu
lill-fidili biex iwieġbu,
b’libertà sħiħa u b’mod li
jixraq liż-żminijiet,
għad-don tas-salvazzjoni,
biex jagħmlu minnhom
infushom don ta’ mħabba
għall-oħrajn u xhieda
awtentika tal-Vanġelu
quddiem il-bnedmin kollha.
Il-qsim
tad-doni kariżmatiċi
16. F’dan il-kuntest jiswa
li niftakru kemm jistgħu
jkunu differenti minn xulxin
id-doni kariżmatiċi, mhux
biss minħabba fil-karattri
speċifiċi tagħhom imma anki
fil-firxa tagħhom fi ħdan
il-komunjoni ekkleżjali.
Id-doni kariżmatiċi “jingħataw
lill-individwi, iżda jista’
jkollhom sehem minnhom
oħrajn ukoll, b’mod li
jkomplu minn żmien għal
żmien bħala wirt għażiż u
ħaj, li joħloq sura ta’
affinità spiritwali bejn
in-nies”.[63]
Ir-relazzjoni bejn
il-karattru personali
tal-kariżma u l-possibbiltà
li wieħed ikollu sehem fiha
tesprimi element deċiżiv
tad-dinamika tagħha, għax
tolqot ir-relazzjoni li
fil-komunjoni ekkleżjali
torbot dejjem iżjed ma’
xulxin il-persuna u
l-komunità.[64]
Id-doni kariżmatiċi
fil-prattika tagħhom jistgħu
jiġġeneraw affinità, qrubija
u parentela spiritwali li
permezz tagħhom il-wirt
kariżmatiku, ibda
mill-persuna tal-fundatur,
jieħdu sehem fih u
japprofonduh oħrajn, u hekk
dan jagħti ħajja lil familji
spiritwali fil-veru sens
tal-kelma. L-aggregazzjonijiet
ekkleżjali, fid-diversi
xejriet tagħhom,
jippreżentaw ruħhom bħala
doni kariżmatiċi li jinqasmu
bejn ħafna. Il-movimenti
ekkleżjali u komunitajiet
ġodda juru kif kariżma
partikulari oriġinali tista’
tiġbor flimkien għadd ta’
fidili u tgħinhom jgħixu
b’mod sħiħ il-vokazzjoni
Nisranija tagħhom u l-istat
ta’ ħajjithom għall-qadi
tal-missjoni ekkleżjali.
L-għamliet konkreti u
storiċi ta’ dan il-qsim
jistgħu jkunu differenti
minn xulxin; raġuni għaliex
minn kariżma oriġinali
fil-bidu, li minnha jkun sar
it-twaqqif, jistgħu joħorġu,
kif turina l-istorja
tal-ispiritwalità, diversi
fundazzjonijiet.
L-għarfien min-naħa
tal-awtorità tal-Knisja
17. Fost
id-doni kariżmatiċi, li
l-Ispirtu jqassam kif irid
hu, hemm ħafna li ġew
milqugħa u għexuhom persuni
fi ħdan il-komunità
Nisranija mingħajr l-ebda
bżonn ta’ regolamentazzjoni
partikulari. Imma meta
kariżma tippreżenta ruħha
bħala “kariżma oriġinarja”
jew “fondazzjonali”, allura
hemm bżonn li din ikollha
rikonoxximent speċifiku,
biex għana bħal dan jiġi
artikulat kif inhu xieraq
fil-komunjoni ekkleżjali u
jingħadda fedelment
fiż-żmien. Hawn jidher
id-dmir deċiżiv li għandha
l-Awtorità
ekkleżjastika li tagħmel
dixxerniment.[65]
Li tagħraf l-awtentiċità
tal-kariżma mhuwiex dejjem
ħidma ħafifa, imma hu
servizz doveruż li
r-Ragħajja huma marbuta
jwettqu. Fil-fatt, il-fidili
għandhom id-“dritt li jiġu
mgħarrfa mir-Ragħajja fuq
l-awtentiċità tal-kariżmi u
fuq l-affidabbiltà ta’ dawk
li jidhru li
qed iħaddnuhom”.[66]
Għaldaqstant, l-Awtorità
għandha tkun konxja minn
kemm effettivament huma
imprevedibbli l-kariżmi
mqanqla
mill-Ispirtu s-Santu, u
tiżinhom skont ir-regola
tal-fidi fid-dawl tal-bini
tal-Knisja.[67]
Dan hu proċess li jrid
iż-żmien biex jiġu
awtentiċizzati,
b’dixxerniment serju li
jwassal għall-għarfien
ekkleżjali tal-ġenwinità
tagħhom. Ir-realtà ta’
aggregazzjoni li tinħoloq
minn kariżma għandu
jingħatalha
ż-żmien opportun ta’
sperimentazzjoni u ta’
maturazzjoni, li jmur lil
hemm mill-ħeġġa tal-bidu u
jimxi lejn arranġament iktar
stabbli. Tul il-mixja kollha
ta’ verifika, l-Awtorità
tal-Knisja għandha ssieħeb
bil-ħlewwa din ir-realtà
ġdida aggregattiva. Dan irid
ikun tisħib min-naħa
tar-Ragħajja li qatt
m’għandu jonqos, għax qatt
ma għandha tonqos
il-paternità ta’ dawk li
fil-Knisja huma msejħa jkunu
vigarji ta’ Dak li hu
r-Ragħaj it-Tajjeb, li
l-għożża tiegħu ma tieqaf
qatt issieħeb bl-imħabba
lill-merħla tiegħu.
Kriterji għad-dixxerniment
tad-doni kariżmatiċi
18. F’dan il-qafas
nistgħu nfakkru f’xi
kriterji għad-dixxerniment
tad-doni kariżmatiċi
f’riferiment
għall-aggregazzjonijiet
ekkleżjali li l-Maġisteru
tal-Knisja qies matul
l-aħħar snin. Dawn
il-kriterji għandhom l-għan
li jgħinu għall-għarfien
tal-ekkleżjalità awtentika
tal-kariżmi.
a) Primat tal-vokazzjoni
ta’ kull Nisrani
għall-qdusija. Kull
realtà li titwieled
mis-sehem f’kariżma
awtentika għandha dejjem
tkun strument ta’ qdusija
fil-Knisja u, għalhekk, ta’
tisħiħ fl-imħabba u
fil-mixja awtentika lejn
il-perfezzjoni tagħha.[68]
b) Impenn għat-tixrid
missjunarju tal-Vanġelu.
Ir-realtajiet kariżmatiċi
awtentiċi huma “rigali
tal-Ispirtu mxierka
fil-ġisem tal-Knisja, li
jinġibdu lejn il-qalba li hi
Kristu, mnejn imbagħad
b’qawwa evanġelizzatriċi
jiġu indirizzati lejn kanali
differenti”.[69]
Għaldaqstant, “il-għan
tagħhom ikun jaqbel mal-għan
appostoliku tal-Knisja u
jissieħeb miegħu”, biex hekk
“ikun hemm vera ħeġġa
missjunarja biex minn jum
għal ieħor isiru dejjem
aktar xandara ġodda
tal-Evanġelju”.[70]
ċ) Stqarrija tal-fidi
Kattolika. Kull realtà
kariżmatika għandha ssir
imkien ta’ edukazzjoni
fil-fidi b’mod sħiħ, “billi
l-lajċi Nsara jilqgħu
l-verità dwar Kristu,
il-Knisja u l-bniedem, u
jxandruha, b’ubbidjenza lejn
il-Maġisteru tal-Knisja, li
biss jista’ jfissirha b’mod
awtentiku”;[71] għalhekk
għandhom jiġu evitati
avventuri “’l hemm
(proagon)
mid-duttrina u
mill-komunità ekkleżjali”;
fil-fatt, jekk “ma nibqgħux
fihom, ma nkunux magħqudin
ma’ Alla ta’ Ġesù Kristu
(ara 2 Ġw 1:9)”.[72]
d) Xhieda
ta’ komunjoni attiva
mal-Knisja kollha. Dan
jitlob “xirka
sħiħa
[…]
mal-Papa ‘li
hu dejjem il-bidu u
l-pedament li jidher
tal-għaqda fil-Knisja
universali’,
u mal-Isqof li hu dejjem
‘il-bidu u l-pedament li
jidher tal-Knisja lokali’”.[73]
Dan jimplika
d-“dispożizzjoni li l-Insara
juru li huma lesti jilqgħu
bil-fedeltà kollha t-tagħlim
tagħhom u jħarsu wkoll
in-normi pastorali li
jagħtu”,[74]
kif ukoll “id-dispożizzjoni
għall-kollaborazzjoni
mal-programmi u
l-attivitajiet tal-Knisja
kemm dik lokali, u kemm ta’
dik nazzjonali jew
universali; l-impenn
fit-tagħlim tal-katekiżmu,
imsieħeb ma’ tħejjija
pedagoġika serja
għall-edukazzjoni
tal-Insara”.[75]
e) Għarfien
u stima tal-kumplimentarjetà
reċiproka ta’ komponenti
kariżmatiċi oħra fil-Knisja.
Minn hawn toħroġ ukoll
disponibbiltà
għall-kollaborazzjoni
reċiproka.[76]
Fil-fatt, “sinjal
ċar tal-awtentiċità
ta’ kariżma
hi l-ekkleżjalità
tagħha,
il-ħila tagħha li tintegra
ruħha b’armonija mal-ħajja
tal-Poplu qaddis ta’ Alla
għall-ġid ta’ kulħadd. Meta
l-Ispirtu jqanqal xi ħaġa
ġdida li tkun awtentika, din
ma titfax xi dell fuq
spiritwalitajiet u doni
oħrajn biex tafferma lilha
nfisha”.[77]
f) Aċċettazzjoni
tal-mumenti ta’ prova
fid-dixxerniment
tal-kariżmi.
Ladarba d-don kariżmatiku
jista’ jkollu “kwantità ta’
element ġdid ta’ ħajja
spiritwali għall-Knisja
kollha, li għall-ewwel taf
tidher ukoll skomda”,
kriterju ta’ awtentiċità
jidher fl-“umiltà li wieħed
jissaporti l-kuntrarju:
ir-relazzjoni tajba bejn
il-kariżma ġenwina,
il-perspettiva tal-ġdid u
t-tbatija interjuri hi
element storiku komuni li
jorbot flimkien kariżma u
salib”.[78]
Meta titfaċċa t-tensjoni,
dan jitlob min-naħa ta’
kulħadd il-prassi ta’ mħabba
ikbar, fid-dawl ta’
komunjoni u ta’ għaqda
ekkleżjali dejjem iżjed
profondi.
g) Preżenza
tal-frott spiritwali
li huma l-imħabba, l-hena,
is-sliem u ċerta maturità
umana (ara Gal 5:22); li
wieħed “jgħix aħjar il-ħajja
tal-Knisja”,[79]
żelu ikbar għas-“smigħ u
l-meditazzjoni tal-Kelma”;[80]
“il-gost imġedded fit-talb,
il-kontemplazzjoni,
l-imħabba għal-liturġija u
għas-sagramenti, il-ħidma
favur il-vokazzjonijiet
għaż-żwieġ Nisrani,
għas-saċerdozju
ministerjali, għall-ħajja
kkonsagrata”.[81]
h) Dimensjoni soċjali
tal-evanġelizzazzjoni.
Irridu nagħrfu li, grazzi
għall-impuls tal-karità, “il-kerygma
għandha kontenut soċjali:
fl-istess qalba tal-Vanġelu
hemm il-ħajja komunitarja u
l-impenn fil-konfront
tal-oħrajn”.[82]
Dan il-kriterju ta’
dixxerniment, li ma
jirriferix esklussivament
għar-realtajiet lajkali
fil-Knisja, jagħfas fuq
il-ħtieġa ta’ “għejun ħajja
ta’ parteċipazzjoni u
solidarjetà, biex fi ħdan
l-istess soċjetà jkun hemm
dejjem aktar kundizzjonijiet
ta’ ġustizzja u ta’
fraternità”.[83]
Hawnhekk għandhom sinifikat
qawwi “l-isforz biex ikun
hemm preżenza Nisranija
fl-oqsma kollha tal-ħajja
soċjali, flimkien
mat-twaqqif u
l-animazzjoni ta’ opri
karitattivi, kulturali u
spiritwali; spirtu ta’ ċaħda
għall-ġid tad-dinja u ta’
faqar evanġeliku, li minnu
tiġi mħabba akbar għal
kulħadd”.[84]
Huwa deċiżiv ukoll
ir-riferiment għad-Duttrina
soċjali tal-Knisja.[85]
B’mod partikulari,
“mill-fidi tagħna fi Kristu
li sar fqir, u kien dejjem
qrib tal-foqra u
l-imwarrbin, tiġi l-għożża
tagħna għall-iżvilupp sħiħ
ta’ dawk l-aktar imwarrbin
mis-soċjetà”,[86]
li ma tistax tonqos f’realtà
ekkleżjali awtentika.
V.
Il-prattika
ekkleżjali tar-relazzjoni
bejn doni ġerarkiċi u doni
kariżmatiċi
19.
Jeħtieġ,
fl-aħħar nett, naffrontaw xi
aspetti tal-prattika
konkreta fil-Knisja dwar
ir-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u dawk id-doni
kariżmatiċi li jissawru f’aggregazzjonijiet
kariżmatiċi fi ħdan
il-komunjoni ekkleżjali.
Riferiment għal xulxin
20.
Qabelxejn,
il-prattika ta’ relazzjoni
tajba bejn id-diversi doni
fil-Knisja titlob li
r-realtajiet kariżmatiċi
jinserixxu ruħhom attivament
fil-ħajja pastorali
tal-Knejjes partikulari.
Dan, qabelxejn, ifisser li
d-diversi
aggregazzjonijiet
jagħrfu l-awtorità
tar-ragħajja fil-Knisja
bħala realtà interna
għall-ħajja Nisranija, u
jixxennqu b’mod sinċier li
jkunu rikonoxxuti, milqugħa
u eventwalment imsoffija
minnhom, waqt li jingħataw
għall-qadi tal-missjoni
tal-Knisja. Min-naħa l-oħra,
dawk li huma mogħnija
bid-doni ġerarkiċi, waqt li
jwettqu d-dixxerniment u
t-tisħib tal-kariżmi,
għandhom jilqgħu bi mħabba
dak li l-Ispirtu jqanqal fi
ħdan il-komunjoni
ekkleżjali, u jżommuhom
quddiem għajnejhom meta jiġu
għall-azzjoni pastorali waqt
li jagħtu valur
lill-kontribut tagħhom bħala
riżorsa awtentika għall-ġid
ta’ kulħadd.
Id-doni kariżmatiċi
fil-Knisja universali u
partikulari
21.
F’rabta mat-tixrid u
mal-partikularità
tar-realtajiet kariżmatiċi
jeħtieġ inżommu quddiem
għajnejna r-relazzjoni
essenzjali u kostituttiva
bejn Knisja universali u
Knejjes partikulari
(lokali). Hawn ta’ min
jisħaq li l-Knisja ta’
Kristu, kif nistqarru
fil-Kredu tal-Appostli, “hi
l-Knisja universali,
jiġifieri l-komunità
universali tad-dixxipli
tal-Mulej, preżenti u attiva
fil-partikularità u
d-diversità ta’ persuni,
gruppi, żminijiet u
postijiet”.[87]
Għalhekk id-dimensjoni
partikulari hi intrinsika
għal dik universali, u
bil-kontra; fil-fatt bejn
Knejjes partikulari u Knisja
universali hemm relazzjoni
ta’ “interjorità reċiproka”.[88]
Id-doni ġerarkiċi
tas-Suċċessur ta’ Pietru,
f’dan il-kuntest, hu
jħaddimhom biex
jiggarantixxi u jiffavorixxi
l-immanenza tal-Knisja
universali fil-Knejjes
lokali; wara kollox l-istess
kif l-uffiċċju appostoliku
tal-isqfijiet individwali ma
jibqax magħluq fid-djoċesi
tagħhom imma hu msejjaħ
jerġa’ jnixxi fil-Knisja
kollha, anki permezz
tal-kolleġġjalità affettiva
u effettiva u fuq kollox
permezz tal-komunjoni ma’
dak iċ-centrum
unitatis Ecclesiæ li
hu l-Isqof ta’ Ruma.
Fil-fatt, hu bħala
“suċċessur ta’ Pietru, huwa
l-prinċipju perpetwu u
viżibbli tal-unità bejn
l-isqfijiet u tal-ġemgħa
tal-fidili u wkoll
il-fundament tagħha.
L-isqfijiet, meħudin wieħed
wieħed, huma l-prinċipju u
l-fundament tal-unità
fil-Knejjes tagħhom
partikulari li huma mwaqqfa
fuq ix-xhieda tal-Knisja
Kattolika waħda u
waħdanija”.[89]
Dan jimplika li f’kull
Knisja partikulari “tinsab
preżenti u attiva l-Knisja
ta’ Kristu, Waħda, Qaddisa,
Kattolika u Appostolika”.[90]
Għalhekk, ir-riferiment
għall-awtorità tas-Suċċessur
ta’ Pietru – il-komunjoni
cum Petro et
sub Petro –
hu
kostituttiv ta’ kull Knisja
lokali.[91]
B’dan il-mod, il-qafas sod
għar-relazzjonijiet bejn
doni ġerarkiċi u kariżmatiċi
hu mqiegħed fi ħdan
ir-relazzjoni bejn Knisja
universali u Knejjes
partikulari. Fil-fatt, minn
naħa, id-doni kariżmatiċi
jingħataw lill-Knisja
kollha; mill-oħra,
id-dinamika ta’ dawn id-doni
ma tistax ħlief titwettaq
fis-servizz lil djoċesi
konkreta, li hi “parti
mill-Poplu ta’ Alla, fdata
għall-kura pastorali
tal-Isqof, megħjun
mill-presbiterju tiegħu”.[92]
Għal dan il-għan, tajjeb li
wieħed jiftakar fi-każ
tal-ħajja kkonsagrata;
fil-fatt, din mhix realtà
esterna jew indipendenti
mill-ħajja tal-Knisja
lokali, imma hi mod
partikulari, immarkat
mir-radikaliżmu tal-Vanġelu,
kif tkun preżenti fi ħdanha,
bid-doni speċifiċi tagħha.
Il-privileġġ tradizzjonali
tal-“eżenzjoni”, marbut ma’
diversi istituti ta’ ħajja
kkonsagrata,[93]
għandu bħala tifsira tiegħu
mhux xi
sovralokalità
maqtugħa mir-realtà jew
awtonomija mifhuma ħażin,
imma interazzjoni iżjed
profonda bejn id-dimensjoni
universali u dik partikulari
tal-Knisja.[94]
Bl-istess xebh,
ir-realtajiet ġodda
kariżmatiċi, meta għandhom
karattru sopradjoċesan,
m’għandhomx iħarsu lejhom
infushom b’mod għalkollox
awtonomu fir-rigward
tal-Knisja partikulari;
pjuttost għandhom jagħnuha u
jaqduha skont il-karattru
partikulari tagħhom li huma
jħaddnu anki lil hemm
mill-konfini ta’ djoċesi
waħda.
Id-doni
kariżmatiċi u l-istati ta’
ħajja tan-Nisrani
22.
Id-doni
kariżmatiċi mqassma
mill-Ispirtu s-Santu jistgħu
jirrelataw mal-ordni sħiħ
tal-komunjoni ekkleżjali,
kemm f’riferiment
għas-Sagramenti u kemm
għall-Kelma ta’ Alla. Skont
id-diversi partikularitajiet
tagħhom, huma jistgħu
jagħmlu ħafna frott
fit-twettiq ta’ dawk
id-dmirijiet li joħorġu
mill-Magħmudija,
mill-Griżma, miż-Żwieġ u
mill-Ordni, kif ukoll
jagħmlu possibbli għarfien
spiritwali aqwa
tat-Tradizzjoni Appostolika;
li, barra milli bl-istudju u
bil-predikazzjoni ta’ dawk
li huma mogħnija bil-charisma
veritatis certum,[95]
tista’ tiġi approfondita
bil-“fehma
profonda li l-Insara
jakkwistaw tal-ħwejjeġ
spiritwali”.[96]
F’din il-perspettiva jiswa
li nsemmu l-argumenti
fundamentali dwar
ir-relazzjonijiet bejn doni
kariżmatiċi u l-istati
differenti ta’ ħajja,
b’riferiment partikulari
għas-saċerdozju komuni
tal-Poplu ta’ Alla u
għas-saċerdozju ġerarkiku,
li “għalkemm huma differenti
fl-essenza u mhux biss
fil-grad, madankollu huma
maħsuba għal xulxin għaliex
it-tnejn, kull wieħed
bil-mod tiegħu,
jipparteċipaw mis-saċerdozju
wieħed ta’ Kristu”.[97]
Fil-fatt, dawn huma “żewġ
modi ta’ sehem
fis-saċerdozju waħdieni ta’
Kristu, li fih huma preżenti
żewġ dimensjonijiet, li
jixxierku flimkien fl-ogħla
att tas-sagrifiċċju
tas-salib”.[98]
a)
L-ewwel nett
jeħtieġ nagħrfu t-tjieba
tad-diversi kariżmi li
minnhom jinbtu
aggregazzjonijiet
ekkleżjali bejn il-fidili
kollha, imsejħa biex jagħmlu
l-frott mill-grazzja
sagramentali, taħt
it-treġija tar-ragħajja
leġittimi. Huma
jirrappreżentaw possibbiltà
awtentika biex wieħed jgħix
u jiżviluppa l-vokazzjoni
Nisranija tiegħu.[99]
Dawn id-doni kariżmatiċi
jagħtu lill-fidili li jgħixu
ta’ kuljum is-saċerdozju
komuni tal-Poplu ta’ Alla:
bħala “dixxipli ta’ Kristu,
waqt li jżommu sħiħ fit-talb
u jfaħħru lil Alla (ara Atti
2:42-47), joffru lilhom
infushom b’sagrifiċċju ħaj,
qaddis, jogħġob lil Alla
(ara Rum 12:1), jagħtu
xhieda ta’ Kristu kullimkien
u, lil kull min jitlobhom,
tifsira tat-tama li għandhom
fil-ħajja ta’ dejjem (ara 1
Piet 3:15)”.[100]
F’din il-linja nsibu wkoll
dawk l-aggregazzjonijiet
ekkleżjali li huma
partikularment sinifikattivi
għall-ħajja Nisranija
fiż-żwieġ, li jistgħu
validament “isaħħu
bit-tagħlim u bil-ħidma
ż-żgħażagħ u l-istess
miżżewġin, speċjalment dawk
li jkunu għadhom kemm
iżżewġu, u jagħtuhom
formazzjoni għall-ħajja
familjari, soċjali u
appostolika”.[101]
b)
Anki
l-ministri ordnati,
bis-sehem tagħhom f’realtà
kariżmatika, jistgħu
jiġġeddu fis-sejħa li
għandhom kemm
mill-Magħmudija tagħhom, li
biha saru wlied Alla, u kemm
mill-vokazzjoni u l-missjoni
speċifika tagħhom. F’aggregazzjoni
ekkleżjali partikulari
membru ordnat tal-Knisja
jista’ jsib il-qawwa u
l-għajnuna meħtieġa biex
jgħix b’impenn ikbar dak li
hu mitlub mill-ministeru
speċifiku tiegħu, kemm
fil-konfront tal-Poplu kollu
ta’ Alla, u b’mod
partikulari tal-parti li hi
fdata lilu, kemm
f’riferiment
għall-ubbidjenza sinċiera
dovuta lill-Ordinarju
tiegħu.[102]
Diskors jixxiebah jgħodd
ukoll fil-każ ta’ kandidati
għas-saċerdozju li ġejjin
minn xi
aggregazzjoni
partikulari fil-Knisja, kif
affermat fl-Eżortazzjoni
postsinodali Pastores
dabo vobis;[103]
relazzjoni bħal din għandha
tesprimi ruħha fid-doċilità
li biha huwa jilqa’
l-formazzjoni speċifika
tagħha, u jġorr miegħu dan
l-għana ġej minn dik
il-kariżma partikulari.
Fl-aħħar nett, l-għajnuna
pastorali li s-saċerdot
jista’ joffri lil dik l-aggregazzjoni
ekkleżjali, skont
il-karatteristiċi
tal-moviment innifsu, tista’
tingħata billi wieħed
josserva dejjem ir-regimen previst
fil-komunjoni ekkleżjali
għall-Ordni sagri
f’riferiment
għall-inkardinazzjoni[104]
u għall-ubbidjenza dovuta
għall-Ordinarju tiegħu.[105]
c)
Il-kontribut ta’ don
kariżmatiku lis-saċerdozju
tal-Magħmudija u
lis-saċerdozju ministerjali
hu emblematikament espress
fil-ħajja kkonsagrata;
bħala tali, hi tinsab
fil-qalba tad-dimensjoni
kariżmatika tal-Knisja.[106]
Din il-kariżma, li twettaq
ix-“xebh ma’ Kristu verġni,
fqir u ubbidjenti”[107]
bħala għamla stabbli ta’
ħajja[108]
permezz tal-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi,
tingħata biex “ikun jista’
jikseb frott iżjed kotran
tal-grazzja tal-Magħmudija”.[109]
L-ispiritwalità tal-Istituti
ta’ ħajja kkonsagrata tista’
ssir, kemm għall-fidil lajk
u kemm għall-presbiteru,
riżorsa tajba biex jgħix
il-vokazzjoni tiegħu. Barra
dan, mhux darba u tnejn,
membri ta’ ħajja
kkonsagrata, bil-kunsens
meħtieġ tas-superjur
tagħhom,[110]
jistgħu jsibu fir-relazzjoni
mal-aggregazzjonijiet
ġodda sostenn importanti
biex jgħixu l-vokazzjoni
speċifika tagħhom u joffru,
min-naħa tagħhom, “xhieda
hienja, fidila u kariżmatika
tal-ħajja kkonsagrata”, u
hekk jagħtu lok għal “għana
reċiproku”.[111]
d)
Fl-aħħar nett, hu
sinifikanti l-fatt li
l-Maġisteru jirrikkmanda
l-ispirtu tal-kunsilli
evanġeliċi anki lil kull
ministru ordnat.[112]
Anki ċ-ċelibat,
mitlub mill-presbiteri
fit-tradizzjoni antika
Latina,[113]
hu bla dubju fil-linja
tad-don kariżmatiku;
primarjament dan mhuwiex
ħaġa funzjonali, imma
“jirrappreżenta
konformazzjoni speċjali
mal-istil ta’ ħajja ta’
Kristu nnifsu”,[114]
fejn naraw titwettaq
l-għotja sħiħa tal-persuna
f’riferiment għall-missjoni
mogħtija mis-sagrament
tal-Ordni.[115]
Xejriet ta’ għarfien
mill-Knisja
23.
Dan
id-dokument jixtieq jiċċara
l-kollokazzjoni teoloġika u
ekkleżjoloġika tal-aggregazzjonijiet
ġodda fil-Knisja fid-dawl
tar-relazzjonijiet bejn doni
ġerarkiċi u doni
kariżmatiċi, hekk li
jiffavorixxi
l-individwazzjoni konkreta
tal-modalitajiet l-iżjed
adegwati għall-għarfien
ekkleżjali ta’ dawn
tal-aħħar. Il-Kodiċi
tal-Liġi Kanonika
attwali jipprevedi diversi
xejriet ġuridiċi ta’
għarfien għar-realtajiet
ekkleżjali l-ġodda li huma
mogħnija b’doni kariżmatiċi.
Dawn ix-xejriet għandhom
jiġu miflija b’attenzjoni,[116]
u jiġu evitati każi
partikulari li la jqisu sew
il-prinċipji fundamentali
tad-Drittu u lanqas
in-natura u
l-partikularitajiet
tad-diversi realtajiet
kariżmatiċi.
Mill-perspettiva
tar-relazzjoni bejn doni
ġerarkiċi u kariżmatiċi
għandhom jiġu rrispettati
żewġ kriterji fundamentali
li għandhom jitqiesu
flimkien u mhux b’mod
separat: ir-rispett
tal-partikularità
kariżmatika tal-aggregazzjonijiet
ekkleżjali individwali, waqt
li jiġu evitati
interpretazzjonijiet
ġuridiċi li jissagrifikaw
l-element ġdid li tkun qed
iġġib magħha dik
l-esperjenza speċifika. Hekk
jiġi evitat li d-diversi
kariżmi jitqiesu b’xi mod
bħala riżorsa uniformi fi
ħdan il-Knisja. b)
Ir-rispett tar-regimen
ekkleżjali fundamentali,
b’riżq l-inseriment attiv
tad-doni kariżmatiċi
fil-ħajja tal-Knisja
universali u partikulari, li
jevita li r-realtà
kariżmatika tinftiehem fuq
linja parallela mal-ħajja
ekkleżjali u mhux
f’riferiment ordnat
għad-doni ġerarkiċi.
Għeluq
24. Fl-istennija
li jissawwab fuqhom l-Ispirtu
s-Santu, l-ewwel dixxipli
kienu fehma u qalb waħda
fit-talb flimkien ma’ Marija,
omm Ġesù (ara Atti 1:14). Hi
laqgħet b’mod perfett u
ħaddmet bi frott il-grazzji
waħdiena
li bihom ġiet mogħnija
b’kotra bla tarf mit-Trinità
Qaddisa; l-ewwel fosthom,
il-grazzja li
ssir
Omm Alla. L-ulied kollha
tal-Knisja jistgħu
jistagħġbu bid-doċilità
sħiħa tagħha għall-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu fiha;
ħlewwa fil-fidi mingħajr
xquq u fl-umiltà sħiħa
tagħha. Għalhekk Marija
tagħti xhieda sħiħa ta’ kif
wieħed jilqa’ b’ubbidjenza u
fedeltà kull don tal-Ispirtu.
Barra dan, kif jgħallima l-Konċilju
Vatikan II, il-Verġni Marija
“fl-imħabba tagħha ta’ omm
[…] taħseb il-ħin kollu
f’dawk l-aħwa ta’ Binha li,
fit-triq tagħhom lejn is-Sema,
għadhom jitħabtu fost
perikli u diffikultajiet, u
tibqa’ tieħu ħsiebhom sa ma
jidħlu fil-patrija tal-hena”.[117]
U billi hi “ħalliet
l-Ispirtu jmexxiha, tul
pellegrinaġġ ta’ fidi, lejn
destin ta’ servizz u ħajja
għammiela”, anki aħna “llum
nieqfu b’ħarsitna fuqha,
biex tgħinna nxandru lil
kulħadd il-messaġġ
tas-salvazzjoni, u biex id-dixxipli
ġodda jsiru evanġelizzaturi
ħabrieka”.[118]
Hu għalhekk li Marija hija
magħrufa bħala Omm il-Knisja
u għandha mmorru mimlijin
fiduċja biex, bl-għajnuna
qawwija tagħha u
bl-interċessjoni setgħana
tagħha, il-kariżmi mqassma
bil-kotra mill-Ispirtu s-Santu
lill-fidili jiġu milqugħa
minnhom bi ħlewwa kbira u
jaħsdu l-frott tagħhom
għall-ħajja u l-missjoni
tal-Knisja u għall-ġid tad-dinja.
Il-Qdusija Tiegħu Franġisku,
f’Udjenza mogħtija nhar l-14
ta’ Marzu 2016 lill-Kardinal
Prefett tal-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi,
approva l-Ittra preżenti,
deċiża fis-Sessjoni Plenarja
ta’ dan id-Dikasteru, u amar
li ssir il-pubblikazzjoni
tagħha.
Mogħtija Ruma, mis-Sede
tal-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi,
fil-15 ta’ Mejju 2016,
Solennità ta’ Għid il-Ħamsin.
Kardinal Gerhard Müller
Prefett
+
Luis F. Ladaria, S.I.
Arċisqof Titulari ta’
Thibica
Segretarju
[1]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
4.
[2]
Ġwanni Griżostmu, Homilia
de Pentecoste,
II, 1: PG 50,
464.
[3]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium
(24
ta’ Novembru
2013),
n.
49: AAS 105
(2013), 1040.
[4]
Ara
ibid., nn.
20-24: AAS 105
(2013), 1028-1029.
[5]
Ara
ibid., n. 14: AAS 105
(2013), 1025.
[6]
Ibid.,
n. 25: AAS 105
(2013), 1030.
[7]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Digriet
Apostolicam
actuositatem, n.
19.
[8]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 14: AAS 105
(2013), 1026;
ara Benedittu
XVI,
Omelija fil-Quddiesa
tal-inawgurazzjoni
tal-V Konferenza
Ġenerali
tal-Episkopat
tal-Amerika Latina u
tal-Karribej
fis-Santwarju “La
Aparecida”
(13 ta’ Mejju 2007): AAS 99
(2007), 43.
[9]
Ġwanni Pawlu
II,
Diskors lill-membri
tal-Movimenti
ekkleżjali u
tal-Komunitajiet
ġodda fil-Vġili ta’
Għid il-Ħamsin
(30 ta’ Mejju 1998),
n. 7: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1123.
[10]
Ibid., n. 6:
Insegnamenti di
Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1122.
[11]
Ibid., n. 8:
Insegnamenti di
Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1124.
[12]
“Hemm imbagħad
diversi charísmata”
(1
Kor 12:4);
“aħna
għandna
charísmata differenti”
(Rum 12:6);
“kull wieħed għandu
l-chárisma tiegħu
mingħand Alla: min
ħaġa u min oħra”
(1
Kor 7:7).
[13]
Fil-Grieg iż-żewġ
kelmiet
(chárisma u cháris)
għandhom l-istess
għerq.
[14]
Ara
Origene, De
principiis, I,
3, 7; PG 11,
153:
“dak li jissejjaħ
don tal-Ispirtu
jgħaddi bil-ħidma
tal-Iben u mwettaq
bil-ħidma
tal-Missier”.
[15]
Bażilju ta’ Ċesarija, Regulæ
fusius Tractæ,
7, 2: PG 31,
933-934.
[16]
“Min
jitkellem bl-ilsna,
lilu nnifsu jkun
jibni; iżda min
jipprofetizza jkun
qed jibni l-Knisja”
(1
Kor 14:4).
L-Appostlu mhux
ibaxxi d-don tal-ħafna
ilsna,
kariżma ta’ talb li
hi ta’ siwi
għar-relazzjoni
personali ma’ Alla,
anzi jagħraf fih
kariżma awtentika,
anki jekk
m’għandhiex
direttament siwi
komuni: “Niżżi
ħajr lil Alla li
jien nitkellem
bl-ilsna aktar
minnkom ilkoll; imma
fil-ġemgħa
tal-Knisja aktar
irrid ħames kelmiet
b’moħħi li
jinftiehmu biex
ngħallem
lill-oħrajn, milli
għaxart elef
bl-ilsna” (1 Kor
14:18-19).
[17]
Ara
1
Kor 12:28:
“Lil
xi wħud Alla
qegħedhom fil-Knisja
fl-ewwel post bħala
appostli, it-tieni
bħala profeti,
it-tielet bħala
għalliema. Imbagħad
id-don tal-mirakli,
imbagħad id-don
tal-fejqan,
l-għajnuna,
it-treġija, u d-don
ta’ ilsna diversi”.
[18]
Fil-laqgħat
komunitarji,
il-kotra żejda ta’
manifestazzjonijiet
kariżmatiċi tista’
toħloq skumdità,
tipproduċi atmosfera
ta’ rivalità,
diżordni u
konfużjoni. L-Insara
inqas imżejna
b’kariżmi jirriskjaw
li jkollhom kumpless
ta’ inferjorità
(ara
1
Kor 12:15-16);
waqt li dawk li
jħaddnu kariżmi kbar
jistgħu jiġu
ttentati jassumu
atteġġjamenti ta’
suppervja u ta’
tmaqdir għall-oħrajn
(ara
1
Kor 12:21).
[19]
Jekk
fil-ġemgħa m’hemm
ħadd kapaċi jagħti
interpretazzjoni
tal-kliem misterjuż
ta’ min jitkellem
bl-ilsna, Pawlu
jordna lil dawn biex
jisktu. Jekk hemm
interpretu,
l-Appostlu jagħti
permess lil tnejn,
jew l-iktar l-iktar
tlieta, biex
jitkellmu bl-ilsna
(ara 1 Kor
14:27-28).
[20]
Pawlu ma jaċċettax
l-idea ta’ tnebbiħ
profetiku bla ebda
kontroll; imma hu
jafferma li
“l-ispirti
tal-profeti għandhom
ikunu taħt il-ħakma
tal-profeti, għax
Alla mhux Alla
tad-diżordni iżda
tas-sliem” (1 Kor
14:32-33). Hu
jafferma li “jekk xi
ħadd jaħseb li hu
profeta jew bniedem
b’xi don spiritwali,
kunu afu li dan li
ktibtilkom hu
preċett tal-Mulej.
Jekk ma jagħtix kas
ta’ dan, tagħtux
kasu intom” (1 Kor
14:37-38). Imma
jikkonkludi b’mod
pożittiv billi
jistieden li wieħed
jixxennaq
għall-profezija u
mhux li jżomm lil
min jitkellem
bl-ilsna (ara 1 Kor
14:39).
[21]
Ara Piju
XII,
Ittra enċiklika
Mystici corporis (29
ta’ Ġunju
1943): AAS 35
(1943), 206-230.
[22]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
nn. 4, 7, 11, 12,
25, 30, 50;
Kostituzzjoni
dommatika Dei
Verbum,
n. 8;
Digriet
Apostolicam
actuositatem,
nn. 3, 4, 30;
Digriet
Presbyterorum
ordinis,
nn. 4, 9.
[23]
Ibid.,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 4.
[25]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Digriet
Apostolicam
actuositatem,
n. 3:
“Għat-twettiq
ta’ dan l-appostolat,
l-Ispirtu Santu li
diġà jqaddes
il-Poplu ta’
Alla permezz
tal-ministeru u
tas-sagramenti,
jagħti lill-fidili
doni speċjali
(1 Kor 12:7)
u
‘jqassamhom
lil kulħadd skont
kif irid hu’
(1 Kor 12:11),
biex ipoġġi lil
‘kull wieħed biex
jaqdi lill-oħrajn,
kull wieħed skont
id-don li ħa, bħala
amministratur tajjeb
tal-grazzja ta’
Alla li hi ta’ ħafna
xorta’ (1 Piet 4:10)
għall-ġid tal-ġisem
kollu fl-imħabba (Ef
4:16)”.
[27]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 12:
“Il-ġudizzju fuq
kemm ikunu ġenwini u
kif għandhom
jintużaw għandu
jitħalla f’idejn
dawk li jmexxu
l-Knisja li hija
kompetenza speċjali
tagħhom mhux li
jxekklu l-Ispirtu
iżda li jippruvaw
kollox u jżommu dak
li hu tajjeb (ara 1
Tess 5:12 u 19-21)”.
Anki jekk dan
jirriferi
direttament
għad-dixxerniment
tad-doni
straordinarji,
b’xebh, dak li hu
affermat hawn jgħodd
ukoll għal kull
kariżma b’mod
ġenerali.
[28]
Ara, ngħidu aħna,
Pawlu
VI,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii nuntiandi (8
ta’ Diċembru
1975), n. 58: AAS 68
(1976), 46-49;
Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u
l-Istituti Sekulari
– Kongregazzjoni
għall-Isqfijiet,
Noti ta’ direttiva
Mutuæ relationes
(14
ta’ Mejju
1978): AAS 70
(1978), 473-506;
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici
(30
ta’ Diċembru
1988): AAS 81
(1989), 393-521;
Eżortazzjoni
appostolika Vita
consecrata (25
ta’ Marzu
1996): AAS 88
(1996), 377-486.
[29]
Emblematika hi
l-affermazzjoni
tad-dokument
imsemmi, maħruġ minn
żewġ dikasteri
flimkien,
Mutuæ relationes,
fejn naqraw li “ikun
żball gravi li nqisu
b’indipendenti – u
iżjed gravi jekk
nopponu bejniethom –
il-ħajja reliġjuża u
l-istrutturi
ekkleżjali,
bħallikieku setgħu
jgħixu bħala żewġ
realtajiet distinti,
waħda kariżmatika, u
l-oħra
istituzzjonali; meta
ż-żewġ elementi,
jiġifieri d-doni
spiritwali u
l-istrutturi
ekkleżjali, isawru
realtà waħda, anki
jekk kumplessa” (n.
34).
[30]
Ġwanni Pawlu II,
Messaġġ
lill-parteċipanti
fil-Kungress dinji
tal-Movimenti
ekkleżjali
organizzat
mill-Kunsill
Pontifiċju
għal-Lajċi
(27 ta’ Mejju 1998),
n. 5: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1065;
ara wkoll Ibid., Messaġġ
lill-movimenti
ekkleżjali miġbura
għat-II Kollokju
internazzjonali
(2 ta’ Marzu 1987):
Insegnamenti di
Giovanni Paolo II,
X, 1 (1987),
476-479.
[31]
Benedittu
XVI, Diskors
lill-parteċipanti
fil-Pellegrinaġġ
organizzat
mill-fraternità ta’
Comunione e
Liberazione
fl-okkażjoni tal-XXV
Anniversarju
tal-Għarfien
Pontifiċju (24
ta’ Marzu 2007): Insegnamenti
di Benedetto XVI,
III, 1 (2007), 558.
[32]
“Il-mixi
tagħna flimkien
fil-Knisja, taħt
il-gwida
tar-Ragħajja, li
għandhom kariżma
speċjali u
ministeru, huwa
sinjal tal-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu;
l-ekkleżjalità
hija karatteristika
fundamentali għal
kull
Nisrani,
għal kull komunità,
għal kull moviment”:
Franġisku,
Omelija
fis-Solennità ta’
Għid il-Ħamsin
mal-Movimenti,
il-Komunitajiet
Ġodda,
l-Assoċjazzjonijiet
u
l-Aggregazzjonijiet
lajkali
(19 ta’ Mejju 2013):
Insegnamenti di
Francesco,
I, 1 (2013), 208.
[33]
Ibid.,
Udjenza ġenerali
(1
ta’ Ottubru
2014): L’Osservatore
Romano (2
ta’ Ottubru
2014), 8.
[34]
Ara Ġw
7:39;
14:26;
15:26;
20:22.
[35]
Ara Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Dikjarazzjoni
Dominus Iesus (6
ta’ Awwissu 2000),
nn. 9-12: AAS 92
(2000), 749-754.
[36]
Irinew ta’ Lyons, Adversus
hæreses, IV, 7,
4: PG 7,
992-993; V, 1, 3: PG 7,
1123; V, 6, 1: PG 7,
1137; V, 28, 4: PG 7,
1200.
[37]
Ara Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Dikjarazzjoni
Dominus Iesus,
n. 12: AAS 92
(2000), 752-754.
[38]
Ara Ġwanni Pawlu II,
Ittra enċiklika
Dominum et
vivificantem (18
ta’ Mejju
1986), n. 50: AAS 78
(1986), 869-870; Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika,
nn. 727-730.
[39]
Benedittu
XVI,
Eżortazzjoni
appostolika
Sacramentum
caritatis (22
ta’ Frar
2007), n.
12: AAS 99
(2007), 114.
[40]
Ara Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika,
nn. 1104-1107.
[41]
Ġwanni Pawlu II,
Diskors lill-membri
tal-movimenti
ekkleżjali u
tal-komunitajiet
ġodda fil-vġili ta’
Għid il-Ħamsin
(30 ta’ Mejju 1998),
n. 7: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1123.
[42]
Efrem tas-Sirja, Innu
fuq il-fidi,
10, 12:
CSCO 154,
50.
[43]
Ċiprijanu ta’
Kartaġni, De
oratione dominica,
23: PL 4,
553;
ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 4.
[44]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Digriet
Unitatis
redintegratio,
n. 2.
[45]
Ara Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Dikjarazzjoni
Dominus Iesus,
n. 16: AAS 92
(2000), 757:
“il-milja
tal-misteru
salvifiku ta’ Kristu
hi wkoll tal-Knisja,
li hi magħquda b’mod
inseparabbli
mal-Mulej tagħha”.
[46]
Pawlu
VI,
Allokuzzjoni
tal-Erbgħa
(8 ta’ Ġunju 1966):
Insegnamenti di
Paolo VI,
IV (1966), 794.
[47]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
1.
[48]
II
Assemblea Ġenerali
Straordinarja
tas-Sinodu
tal-Isqfijiet,
Ecclesia sub Verbo
mysteria Christi
celebrans pro salute
mundi. Relatio
finalis (7
ta’ Diċembru
1985), II, C, 1: Enchiridion
Vaticanum, 9,
1800;
ara Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Ittra Communionis
notio (28
ta’ Mejju
1992), nn. 4-5: AAS 85
(1993), 839-841.
[49]
Ara
Benedittu
XVI,
Eżortazzjoni
appostolika
Verbum Domini
(30
ta’ Settembru
2010), n. 54: AAS 102
(2010), 733-734;
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 174: AAS 105
(2013), 1092-1093.
[50]
Ara Bażilju ta’
Ċesarija, De
Spiritu Sancto,
26: PG 32,
181.
[51]
J.H. Newman, Sermons
Bearing on Subjects
of the Day,
London 1869, 132.
[52]
Ara
dak li stqarr dwar
il-mudell ta’ ħajja
kkonsagrata Ġwanni
Pawlu II, Udjenza
ġenerali (28 ta’
Settembru 1994), n.
5:
Insegnamenti di
Giovanni Paolo II,
XVII, 2 (1994),
404-405.
[53]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
7.
[57]
Bażilju ta’ Ċesarija, De
Spiritu Sancto, 16,
38: PG 32,
137.
[58]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
28.
[59]
Ibid.,
Digriet
Presbyterorum
ordinis,
n. 2.
[60]
Ibid.,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
29.
[62]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
pastorali Gaudium
et spes,
nn. 4, 11.
[63]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 24: AAS 81
(1989), 434.
[64]
Ara
ibid., n. 29: AAS 81
(1989), 443-446.
[65]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 12.
[66]
Ġwanni Pawlu II,
Udjenza ġenerali
(9 ta’ Marzu 1994),
n. 6: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XVII, 1 (1994), 641.
[67]
Ara Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika,
n. 799s;
Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u
l-Istituti Sekulari
– Kongregazzjoni
għall-Isqfijiet,
Noti ta’ direttiva
Mutuæ relationes,
n. 51: AAS 70
(1978), 499-500;
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika Vita
consecrata,
n. 48: AAS 88
(1996), 421-422;
Ibid.,
Udjenza ġenmerali
(24 ta’ Ġunju 1992),
n. 6: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XV, 1 (1992),
1935-1936.
[68]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
nn. 39-42;
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 446.
[69]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 130: AAS 105
(2013), 1074.
[70]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 447;
ara Pawlu
VI,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii nuntiandi,
n. 58: AAS 68
(1976), 49.
[71]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 446-447.
[72]
Franġisku,
Omelija
fis-Solennità ta’
Għid il-Ħamsin
mal-Movimenti,
il-Komunitajiet
Ġodda,
l-Assoċjazzjonijiet
u
l-Aggregazzjonijiet
lajkali
(19 ta’ Mejju 2013): Insegnamenti
di Francesco, I,
1 (2013), 208.
[73]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 447;
ara Pawlu
VI,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii nuntiandi,
n. 58: AAS 68
(1976), 48.
[74]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 447.
[75]
Ibid.:
AAS 81
(1989), 448.
[76]
Ara
ibid.: AAS 81
(1989), 447.
[77]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 130: AAS 105
(2013), 1074-1075.
[78]
Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u
l-Istituti Sekulari
– Kongregazzjoni
għall-Isqfijiet,
Noti ta’ direttiva
Mutuæ relationes,
n. 12: AAS 70
(1978), 480-481;
ara Ġwanni Pawlu II,
Diskors lill-membri
tal-movimenti
ekkleżjali u
tal-komunitajiet
ġodda fil-vġili ta’
Għid il-Ħamsin
(30 ta’ Mejju 1998),
n. 6: Insegnamenti
di Giovanni Paolo II,
XXI, 1 (1998), 1122.
[79]
Pawlu
VI,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii nuntiandi,
n. 58: AAS 68
(1976), 48.
[80]
Ibid.;
ara Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
nn. 174-175: AAS 105
(2013), 1092-1093.
[81]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 448.
[82]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 177: AAS 105
(2013), 1094.
[83]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 30: AAS 81
(1989), 448.
[85]
Ara
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
nn. 184, 221: AAS 105
(2013), 1097,
1110-1111.
[86]
Ibid.,
n. 186: AAS 105
(2013), 1098.
[87]
Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Ittra Communionis
notio,
n. 7: AAS 85
(1993), 842.
[88]
Ibid., n. 9: AAS 85
(1993), 843.
[89]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n.
23.
[90]
Ibid., Digriet
Christus Dominus,
n. 11.
[91]
Ara ibid.,
n. 2;
Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Ittra Communionis
notio,
nn. 13-14, 16: AAS 85
(1993), 846-848.
[92]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Digriet Christus
Dominus,
n. 11.
[93]
Ara ibid.,
n. 35;
Kodiċi tal-Liġi
Kanonika,
kan.
591; Kodiċi
tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan.
412, § 2;
Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u
l-Istituti Sekulari
– Kongregazzjoni
għall-Isqfijiet,
Noti ta’ direttiva
Mutuæ relationes,
n. 22: AAS 70
(1978), 487.
[94]
Ara Kongregazzjoni
għad-Duttrina
tal-Fidi,
Ittra Communionis
notio,
n. 15: AAS 85
(1993), 847.
[95]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Dei
Verbum,
n. 8; Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika,
nn. 888-892.
[96]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Dei
Verbum,
n. 8.
[97]
Ibid., Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 10.
[98]
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Pastores gregis
(16
ta’ Ottubru
2003), n. 10: AAS 96
(2004), 838.
[99]
Ara ibid.,
Eżortazzjoni
appostolika
Christifideles laici,
n. 29: AAS 81
(1989), 443-446.
[100]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 10.
[101]
Ibid.,
Kostituzzjoni
pastorali Gaudium
et spes,
n. 52;
ara Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Familiaris consortio (22
ta’ Novembru
1981), n. 72: AAS
74 (1982), 169-170.
[102]
Ara
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Pastores dobo vobis (25
ta’ Marzu
1992), n. 68: AAS 84
(1992), 777.
[103]
Ara
ibid., nn.
31, 68: AAS 84
(1992), 708-709,
775-777.
[104]
Ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan.
265; Kodiċi
tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 357, § 1.
[105]
Ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan.
273; Kodiċi
tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 370.
[106]
Ara Kongregazzjoni
għar-Reliġjużi u
l-Istituti Sekulari
– Kongregazzjoni
għall-Isqfijiet,
Noti ta’ direttiva
Mutuæ relationes,
nn. 19, 34: AAS 70
(1978), 485-486,
493.
[107]
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika Vita
consecrata,
n. 31: AAS 88
(1996), 404-405.
[108]
Ara Konċilju
Ekumeniku Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 43.
[109]
Ibid., n. 44;
ara Digriet
Perfectæ caritatis,
n.
5;
Ġwanni Pawlu II,
Eżortazzjoni
appostolika Vita
consecrata,
nn. 14, 30: AAS 88
(1996), 387-388,
403-404.
[110]
Ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan.
307,
§ 3; Kodiċi
tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan.
578,
§ 3.
[111]
Kongregazzjoni
għall-Istituti ta’
ħajja kkonsagrata u
s-Soċjetajiet ta’
ħajja appostolika,
Istruzzjoni
Ripartire da Cristo
(19
ta’ Mejju
2002), n. 30:
Enchiridion
Vaticanum,
21, 472.
[112]
Ara
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Pastores dobo vobis,
nn. 27-30: AAS 84
(1992), 700-707.
[113]
Ara Pawlu
VI,
Ittra enċiklika
Sacerdotalis
cælibatus (24
ta’ Ġunju 1967): AAS 59
(1967), 657-697.
[114]
Benedittu
XVI,
Eżortazzjoni
appostolika
Sacramentum
caritatis,
n. 24: AAS 99
(2007), 124.
[115]
Ara
Ġwanni Pawlu
II,
Eżortazzjoni
appostolika
Pastores dobo vobis,
n. 29:AAS 84
(1992), 703-705;
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II, Digriet
Presbyterorum
ordinis, n.
16.
[116]
L-iktar xejra
ġuridika sempliċi
għall-għarfien
tar-realtajiet
ekkleżjali ta’
natura kariżmatika
għadha sal-lum dik
ta’ Assoċjazzjoni
privata tal-fidili
(ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan. 321-326;
Kodiċi tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 573,
§
2 – 583). Madankollu
tajjeb li wieħed
jifli b’attenzjoni
anki x-xejriet
l-oħra ġuridiċi
bil-karatteristiċi
speċifiċi tagħhom,
bħal ngħidu aħna
l-Assoċjazzjonijiet
pubbliċi tal-fidili
(ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan. 312-320;
Kodiċi tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 573,
§
1 – 583),
l-Assoċjazzjoni
tal-fidili klerikali
(ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan. 302),
l-Istituti ta’ ħajja
kkonsagrata (ara
Kodiċi tal-Liġi
Kanonika,
kan. 573-730;
Kodiċi tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 410-571),
is-Soċjetajiet ta’
ħajja appostolika
(ara Kodiċi
tal-Liġi Kanonika,
kan. 731-746;
Kodiċi tal-Kanoni
tal-Knejjes
Orjentali,
kan. 572), u
l-Prelaturi
personali (ara
Kodiċi tal-Liġi
Kanonika,
kan. 294-297).
[117]
Konċilju Ekumeniku
Vatikan
II,
Kostituzzjoni
dommatika Lumen
gentium,
n. 62.
[118]
Franġisku,
Eżortazzjoni
appostolika
Evangelii gaudium,
n. 287: AAS 105
(2013), 1136.
Miġjub għall-Malti
mit-Taljan minn
Francesco Pio Attard
|
|
|