Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

L-Isqof Mario Grech jitkellem dwar it-tliet aspetti ta’ din l-aggressjoni kulturali għall-fidi kristjana:-

 

1. Media li tifga il-vuċi tan-nisrani.

 

2. Ċentri ta’ tagħlim, li flok ma jgħinu u jinstigaw lill-istudent ikompli jfittex il-verità, jħarbtu  dan il-proċess bi premessi ateistiċi.

 

3. Sinkretiżmu reliġjuż li jqiegħed ir-reliġjonijiet u s-settet kollha fl-istess keffa u fejn kull interpretazzjoni tar-realtà ssir valida.

 

AKTAR XHIEDA KURAĠJUZA MILL-INSARA

OMELIJA TA' L-ISQOF MARIO GRECH

Nadur - 8 Novembru 2009

 

F’omelija li għamel fil-parroċċa tan-Nadur il-bieraħ (Ħadd) fejn kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta San Koronatu Martri, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech għamel appell lill-insara biex ma jċedux għall-omerta, imma jsemgħu l-vuċi tagħhom biex dak li huwa sewwa u ġust ikun mħares.

 

“Fis-soċjetà tagħna, it-traffikar tad-droġa huwa ġerħa serja, imma l-omertà li hawn dwar dan il-fenomenu hija nkwetanti daqshekk ieħor! Għalkemm hawn sinjali li n-negozju tad-droġa qed jikber, anke f’Għawdex, il-leħen u l-azzjoni ta dawk li huma fid-dmir li jikkumbattu din il-kriminalità huma dgħajfin ħafna. Il-ġlieda kontra d-droga mhux faċli għax barra li hemm ħafna interessi finanzjarji, tista’ tinvolvi ukoll kompromessi bejn poteri differenti. Bir-raġun li f’dan il-qasam, is-soċjetà tistenna aktar mill-politiċi u minn dawk li huma rikumpensati mit-taxxi tal-poplu biex ikun hemm l-ordni!

 

It-traffikar tad-droga huwa biss wieħed mill-oqsma soċjali fejn in-nisrani għandu d-dmir li jsemma l-vuċi tiegħu biex jiddefendi dak li huwa sewwa u ġust. Ma nistgħaġibx jekk għax jiftaħ fommu favur id-dritt u s-sewwa, in-nisrani jkollu jħallas prezz. Huwa fatt li flok il-persekuzzjoni li twassal għat-tixrid tad-demm kif ġralhom il-martri, illum fl-Ewropa hawn ostilità kulturali kontra l-kristjani, il-maġisteru ta Ġesu Kristu u t-tagħlim tal-Knisja

 

Insemmi tlett aspetti ta’ din l-aggressjoni kulturali għad-din kristjan:

 

Xi uhud minn nies tal-media għandhom sengħa kif mhux biss jifgaw il-vuċi tan-nisrani, imma ukoll kif jmexxu kampanja fina biex jiskreditaw l-Evanġelu u l-ħabbara tiegħu!

 

Fl-istess ċentri ta’ tagħlim, partikularment ta livell terzjarju, minflok ma jsir eserċizzju dixxiplinat tar-raġuni li jgħin u jinstiga lill-istudent ikompli jfittex il-verità, ikun hemm min iħarbat dan il-proċess bil-premessi ateistiċi tiegħu! F’dawn l-ambjenti, miskin in-nisrani li jipprova jaqsam ma l-oħrajn dak li tgħidlu r-raġuni mdawla bil-fidi.

 

Bil-pretest tas-sinkretiżmu reliġjuż li jqiegħed ir-reliġjonijiet u s-settet kollha fl-istess keffa u ma jagħmilx differenza bejn ir-reliġjon nisranija u denominazzjoni oħra, kull interpretazzjoni tar-realtà ssir valida, joktor ir-relattiviżmu u tintilef l-ispeċifiċità tal-Kristjaniżmu.

 

Biex quddiem din l-ostilità kulturali, in-nisrani jkollu l-kuraġġ li jibqa’ jagħti xhieda, meħtieġ li huwa jikseb il-qawwa tal-grazzja t’Alla partikularment bit-tisħib tiegħu fil-quddiesa ta' Jum il-Mulej li hija “l-Ewkaristija tal-martri” – huwa f’dan il-kuntest kulturali li matul il-Kungress Ewkaristiku li qed isir fid-Djoċesi t’Għawdex bħalissa, qed issir riflessjoni dwar il-ġmiel tal-jum tal-Ħadd!

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta