Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

 

L-Isqof Mario Grech

 

L-EWKARISTIJA U L-PASTORALI TAL-“ĦSIEB”

Diskors ta l-Isqof Grech fl-okkazzjoni tal-festa ta Kristu Re u l-konkluzzjoni tal-Kungress Ewkaristiku – 22 ta Nov., 2009

 

Tkun irresponsabilità gravi tal-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer jekk ma joffrix sehemu fl-iżvilupp uman u sħiħ tas-soċjetà. Għalkemm għandna ħafna tajjeb madwarna, huwa fatt li qed naraw ukoll ċerti esperjenzi li qed jirrendu l-ħajja ta’ xi wħud tqila. Jekk mhux fil-familji tagħna stess, żgur li qrib tagħna hemm sitwazzjonijiet li jitolbu azzjoni biex il-bniedem jerġa’ jibda jgħix! Ċerti tragedji umani fil-poplu tagħna ma jistgħux ma jqanqlux fina l-istess sentiment li ġarrab Alla meta ra l-poplu tiegħu fl-eżilju: “Ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. Smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġiegħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn din l-art (tal-eżilju) u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art li tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3,7-8). Bħalma dakinhar Alla bagħat lil Mosè biex itaffi l-uġiegħ, illum Alla qed jafda dan l-impenn lilna!


Huwa fenomenu ta’ żmienna li xi koppji miżżewġa qed jinfirdu. Mhux il-waqt li nidħol fl-argument dwar min għandu t-tort ta’ dan kollu; imma fil-komunità għandna koppji feruti, individwi bla futur, ulied bla familja. Il-karba ta’ dawn tista tibqa’ fgata? Jew huwa dmir tagħna li nisimgħuhom, nakkumpanjawhom u nfittxu biex fir-rispett lejn il-verità naraw x’soluzzjonijiet nistgħu nipproponulhom?

Ladarba l-bniedem huwa dgħajjef, xi drabi jsib ruħu involut f’attività li mhux bilfors ikun konvint li hija l-aħjar għażla għalih! Eżempju ta’ dan hu fejn hemm il-promiskwità. Persuna li proprju għax m’għandhiex biżżejjed kontroll fuqha nnfisha hija esposta għal ċertu mard, qed tgħajjat għall-għajnuna. Ma nistgħux inkunu insensibbli għal din it-tbatija, imma aħna fid-dmir li nfittxu x’rimedji nistgħu noffru, basta jkunu rimedji li jirrispettaw id-dinjità umana tal-persuna!

Soċjetà organizzata ċivilment għandha s-sistema amministrattiva bl-iskop li taqdi liċ-ċittadin. Proprju biex din is-sistema tgawdi l-fiduċja ta’ kull ċittadin, mhix fin-natura tagħha li tippermetti ndħil politiku partiġġjan. Nassumu li l-politiċi huma serji biżżejjed li ma jindaħlux fiċ-ċivil; il-fatt biss li teżisti din l-impressjoni huwa ħażin. Barra mir- riformi amministrattivi, x’jista’ jsir biex is-servizz pubbliku jkompli jitjieb u l-mentalità u l-prassi li semmejt jissaffew?

Dawn huma ftit eżempji ta’ esperjenzi meħudin mill-ħajja ta’ kuljum li għandhom jixprunaw lin-Nisrani biex, bħal bennej tajjeb, jgħin fil-bini ta’ soċjetà li tixraq lil kull bniedem, ikun x’ikun it-twemmin tiegħu.

Qegħdin ngħixu f’epoka maħkuma minn dak li l-filosofu Gianni Vattimo sejjaħlu “il-ħsieb dgħajjef” fejn, fost ħwejjeġ oħra, il-bniedem jiddubita ħafna mill-verità oġġettiva u huwa konvint mill-verità suġġettiva. Dan il-“ħsieb dgħajjef” fetaħ il-bieb għar-relattiviżmu, mhux biss fl-etika imma f’kull qasam, bil-konsegwenza li fin-nuqqas ta’ dawk iċ-ċertezzi bażiċi sar aktar diffiċli d-djalogu.

Wisq agħar minn hekk, huwa dak li fl-enċiklika Popolorum Progressio il-Papa Pawlu VI jgħid li “d-dinja qed tbati minħabba nuqqas ta’ ħsieb” (n. 85). Dan huwa faqar kbir. Meta l-bniedem jirrinunzja li jaħseb b’moħħu, jew jibda jaħseb b’moħħ ħaddiehor jew jaġixxi mingħajr ħsieb! Meta nagħżlu li ma naħsbux, jiddgħajjef l-għarfien tagħna tal-verità. Il-Papa Pawlu VI kien fisser kif waħda mill-kawżi ta’ nuqqas ta’ żvilupp hija defiċjenza tal-għerf u tar-riflessjoni, peress li l-bniedem li ma jaħsibx ma jafx x’direzzjoni għandu jieħu f’ħajtu.

Huwa interessanti li l-Papa Benedettu XVI fl-ahhar enċiklika tiegħu Caritas in veritate jgħid li llum il-ħsieb huwa t-triq għall-veru progress – il-bniedem intelliġenti għandu l-ħila li flimkien ma’ oħrajn jiskopru x’inhi l-verità (ara n.53).

Il-“pastorali tal-ħsieb”

Hija r-responsabiltà storika tal-Kristjaniżmu llum li jindirizza dan il-bżonn li jkollna soċjetà li taħseb. Dan jgħiduh filosfi ta’ valur, bħalma huma Habermas u Pera!

Huwa f’dan il-kuntest li llum, anke fil-Knisja lokali, neħtieġu dik li Antonio Rosmini, Pawlu VI u l-Papa attwali sejħu “apostolat tal-caritas intellettwali”, fis-sens li ngħinu biex tinfirex aktar l-imħabba għall-għerf. Għax biex tfittex il-verità, tiddefendiha u tesprimiha bl-umiltà u l-konvinzjoni u tagħti xhieda għaliha, irid ikollok doża qawwija ta’ mħabba.

Ikun żball jekk naħsbu li din ix-xorta ta’ apostolat tinteressa biss lil xi kategorija ta’ persuni, bħalma huma l-għorrief, il-professjonisti, l-għalliema, l-istudenti universitarji, eċċ. Filwaqt li dawn huma kategorija li m’għandhiex tiġi traskurata biex terġa’ tkun irkuprata l-intelligentia christiana – li sfortunatament f’pajjiżna kważi tlifniha, u l-assenza tagħha tinħass f’ħafna kampijiet –, kull bniedem jista’ jaħseb, kull bniedem jaf jaħseb, u kull bniedem għandu jaħseb.

Għalhekk din il-pastorali tal-ħsieb għandha tinteressa lil kulħadd. B’din ix-xorta ta’ pastorali nifhmu li l-bniedem għandu jkollu dik l-għodda li biha jkun jaf janalizza l-proċess kulturali li jkun għaddej minnu (per eżempju, familja, xjenza medika, is-servizz pubbliku), u wara li jkun ħaseb, ikun jista’ jagħti s-sehem tiegħu biex jorjenta dan il-proċess f’direzzjoni li tkun verament ta’ ġid għall-bniedem. Nemmen li l-caritas intellettwali hija waħda mill-arterji prinċipali biex ir-rievanġelizzazzjoni tieħu sura konkreta fil-ħajja ta’ kuljum. Din ix-xorta ta’ pastorali terġa’ toffri l-possibiltà li jkun hemm id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni. Jekk tkun nieqsa din l-imħabba għall-verità, l-ebda waħda miż-żewġ għamliet ta’ djakonija li għandha l-Knisja ma jirnexxu – la dik “sammaritana” u anqas dik “soċjali”.

L-Ewkaristija u l-caritas intellettwali

Hemm rabta qawwija bejn l-Ewkaristija u l- caritas intellettwali. L-Ewkaristija hija s-sagramament tal-imħabba fejn Ġesù jagħtina lilu nnifsu. Dan Ġesù li niċċelebraw fl-Ewkaristija, huwa l-Kelma t’Alla – l-Għerf t’Alla li sar bniedem, biex mill-għerf tiegħu nistgħanu aħna! Għalhekk, kull meta aħna niltaqgħu biex niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna għandna x-xorti li nagħmlu din l-esperjenza tal-verità (il-Kelma inkarnata u l-Kelma rivelata) f’kuntest ta’ Mħabba. Din il-verità tistimola l-ħsieb tagħna biex bir-raġuni u bl-għajnuna tal-fidi naslu biex b’konvinzjoni nagħmlu tagħna dik il-verità.

Sfortunatament għal xi wħud iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija saret biss “ritwal” jew possibiltà oħra biex ikunu fil-preżenza tas-sagru; imma l-vera ċelebrazzjoni Ewkaristika għandha tkun esperjenza ta’ Dak li daħal u għadu jidħol fl-istorja biex jerfa’ fuqu u jagħti direzzjoni lill-hajja tal-komunità. Fl-Ewkaristija Alla jiltaqa’ mal-istorja attwali tal-bniedem – Alla jiltaqa’ mal-eżistenza storika u konkreta tal-bniedem u bl-iva tiegħu Huwa jibdel l-istorja. Imma biex waqt il-quddiesa n-Nisrani jagħmel din l-esperjenza, huwa jrid jiltaqa’ ma’ Alla li huwa Mħabba, imma wkoll Għerf. “Jekk id-dinja tal-qedem kienet toħlom li fl-aħħar mill-aħħar l-ikel tassew tal-bniedem – dak li bih jgħix bħala bniedem – kien il-Logos, l-Għerf ta’dejjem, issa dan il-Logos sar tassew ikel għalina – bħala mħabba” (Deus caritas est, n. 13). Huwa għalhekk meħtieġ li nagħtu aktar attenzjoni lil-Liturgija tal-Kelma, partikularment ix-xandir tal-Kelma t’Alla fil-quddiesa kif ukoll it-tifsira li tingħata mill-presbiteru fl-omelija. Dawn huma mumenti solenni daqs il-munent tal-konsagrazzjoni. It-tħabbira tal-Kelma mgħejuna bl-omelija, għandha ddawwal l-intelliġenza, tistimola l-ħsieb fin-Nisrani u tgħinu jkun dixxiplu matur.

Hawnhekk inhossni fid-dmir li f’isem il-Knisja ngħid grazzi lil ħuti fis-saċerdozju li kull nhar ta’ Hadd – u xi wħud anke fil-quddies ferjali – jaqsmu l-Kelma mal-poplu t’Alla: ministeru li huma jwettqu bil-qalb u b’dedikazzjoni minkejja li jimpenjahom ħafna ħin.

Il-quddiesa tal-Ħadd u l-formazzjoni Nisranija

Billi għal ħafna mill-Insara l-Kelma ċċelebrata fil-quddiesa tal-Ħadd hija l-uniku mument ta’ formazzjoni Nisranija, inħeġġiġhom biex dak il-ħin jgħożżuh, jaħsbu fuq dak li jkun qalilhom Alla ħalli hekk ikattru l-ħażna tal-verità li għandhom. Fl-istess ħin nistedinhom jikkunsidraw jistgħux jissieħbu ma’ dawk il-komunitajiet, gruppi u għaqdiet li għandna fil-komunitajiet parrokkjali li matul il-ġimgħa jiltaqgħu madwar il-mejda tal-Kelma u tal-Ewkarstija. Din l-esperjenza ta’ katekezi b’bażi biblika għall-adulti għandha ssib kull appoġġ, għax nemmen li hija t-triq tal-futur għan-Nisrani u għall-Knisja llum. F’dawn l-għaqdiet in-Nisrani jħejji lilu nnifsu mhux biss biex il-profitt tiegħu personali mill-Ewkaristija jkun akbar, imma wkoll biex meta jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali huwa jkun jista’ jwettaq xi ministeru biex l-Ewkaristija tkun verament espressjoni oħra tal-caritas intellettwali, li hija meħtieġa ħafna biex inkomplu nsaħħu l-Knisja tagħna u fl-istess ħin nikkontribwixxu ħalli f’pajjiżna jkollna kultura li tagħmel ġieħ lil kulħadd.

Intemm dan il-messaġġ tiegħi bi twissija li għamel il-Papa Benedittu XVI fil-festa tal-Corpus Domini ta’ din is-sena meta qal li mhix ħaġa skontata li ħafna għadhom jemmnu fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Huwa kompla jgħid li “illum jeżisti l-periklu li anke fil-Knisja hawn proċess ta’ sekularizzazzjoni qawwija, li jista’ jwassal biex il-kult ewkaristiku jsir wieħed formali u vojt”. Aħna m’aħniex meħlusin minn dan ir-riskju. Kien għalhekk li bil-għajnuna t’Alla ċċelebrajna l-Kungress Ewkaristiku Djoċesan b’impenn li nkomplu ngħożżu l-Jum tal-Ħadd bħala Jum il-Mulej, li rridu nqaddsuh bis-sehem attiv tagħna fl-Ewkaristija.

Kif għidt fil-bidu, tkun irresponsabiltà gravi tal-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer jekk ma joffrix sehemu fl-iżvilupp uman u sħiħ tas-soċjetà. Huwa fl-Ewkaristija li l-komunita Nisranija ssib il-qawwa li timbuttaha dejjem ’il quddiem biex tibni lilha nnifisha fl-istorja u tibni dinja aħjar.

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta