Messaġġ
ta’
l-Isqof
ta' Għawdex
Mons Mario Grech
waqt l-omelija
tal-Pontifikal
fis-Solennità tal-Assunta, Knisja Katidrali,
Rabat,
Għawdex
Il-Ġimgħa, 15 t’Awwissu 2008 |
IL-ĠMIEL TAŻ-ŻWIEĠ
U L-FAMILJA
Kull
deċiżjoni jew għażla li nagħmlu fil-ħajja personali,
familjari u soċjali, tiddependi minn xi twemmin għandna dwar
il-bniedem. L-antropoloġija postmoderna hija dgħajfa
minħabba l-ideat konfużi li għandna dwar il-bniedem u dwar
Alla. Sfortunatament, hemm min itenni li wieħed jista’
jafferma lill-bniedem biss meta jiċħad lil Alla.
F’dan
il-kuntest, il-komunità nisranija tipproponi l-antropoloġija
personalistika fejn kull bniedem huwa persuna bid-drittijiet
u d-dmirijiet inaljenabbli tiegħu. Kull bniedem li huwa
mgħattan imma mhux nfarrak bid-dnub, isib fi Kristu d-dinjità
u l-ġmiel sħiħ tiegħu.
F’Marija
mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, Ġesù jagħti lura
lill-bniedem dak kollu li għandu x’jaqsam mal-esperjenza
umana: il-ġmiel li kellu sa mill-bidu tal-ħolqien.
Infatti
fil-bidu l-bniedem kien maħluq xbieha ta’ Alla. Alla libbes
lill-bniedem bil-ġmiel tiegħu. Imma frott l-egoiżmu tiegħu,
il-bniedem irribella kontra Alla, ħarbat il-pjan t’Alla u
hekk tappan il-ġmiel oriġinali tiegħu u tal-komunità umana.
Dan jista’ jigri anke llum meta l-bniedem jaħrab lil Alla u
jitfa’ wara spallejh ir-rieda t’Alla.
Realtà umana
oħra li Alla żejjinha bil-ġmiel hija l-esperjenza taż-żwieġ
u tal-familja. Ġesù jispjega li Mose kien ta lil-Lhud
il-kitba tad-divorzju minħabba l-ebusija ta’ qalbhom,
għaliex “fil-bidu ma kienx hekk”; u kompla li “sa mill-bidu
l-Ħallieq għamilhom raġel u mara” (Mt 19,8).
Huwa tagħlim
tal-Konċilju Vatikan II li “l-għaqda intima tal-ħajja u l-imħabba
bejn il-miżżewġin, imwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u regolata
b’liġijiet proprji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ,
jiġifieri fuq il-kunsens personali u rrevokabbli. Għall-ġid
kemm tal-miżżewġin u tal-ulied, kif ukoll tas-soċjetà, din
ir-rabta qaddisa ma tiddependix mir-rieda tal-bnedmin”.
Għal dawk li
huma Nsara, Kristu għolla din ir-realtà umana għad-dinjità
ta’ sagrament mingħajr ma naqqsilha xejn minn dak li huwa
naturali. Huwa għalhekk li l-komunità nisranija għandha
x’toffri fid-diskussjoni dwar il-ġmiel taż-żwieġ u l-familja,
u dan mingħajr ma tkun konfessjonali.
|