Stqarrija tal-Isqfijiet Maltin
dwar l-Att li jemenda l-Att dwar
il-Protezzjoni tal-Embrijuni
Is-Sibt 14 ta' April 2018
Aħna l-Maltin għandna għożża
għall-ulied u għall-ħajja sa
mit-tnissil tagħha. Din hi ħaġa
pożittiva ħafna li nixtiequ
ninkoraġġixxu bis-sħiħ. Nuru
għalhekk l-apprezzament tagħna
għall-isforzi li jsiru biex
il-koppji li ma jistgħux
ikollhom tfal jingħataw għajnuna
xierqa u f'waqtha.
Fl-istess waqt, hu b'dispjaċir
li qrajna emendi proposti
għall-Att dwar il-Protezzjoni
tal-Embrijuni.
Jidher li l-emendi proposti
jmorru kontra l-għan prinċipali
tal-liġi preżenti, li kien li
jassisti koppji li qegħdin
f'relazzjoni stabbli biex jista'
jkollhom tarbija. S'issa l-liġi
kienet tipproteġi d-dinjità
tal-embrijun sa mill-bidu nett
tal-ħajja umana u tassigura li
t-tarbija titwieled b'omm u
b'missier.
Bl-emendi proposti, dan jispiċċa.
It-tarbija ssir oġġett li
qiegħed hemm biss biex
jissodisfa x-xewqa ta' ħaddieħor.
Kull min irid tarbija, hu min hu
u hi min hi, jista' jaħdem biex
joħloq waħda, u dan il-liġi
tbierku. Meta l-liġi tintroduċi
l-possibbiltà ta' donaturi
anonimi taċ-ċelloli għat-tnissil,
is-self tal-ġuf
bis-surrogazzjoni u l-iffriżar
tal-embrijuni – dan kollu
jagħmel mit-tarbija oġġett ta'
produzzjoni.
Hu ta' tħassib serju li b'dawn
l-emendi jista' jkun hemm tfal
li qatt ma jafu min hi l-omm
naturali tagħhom jew il-missier
naturali tagħhom, min huma
ħuthom, il-kuġini, iz-zijiet u
n-nanniet proprji tagħhom. Il-liġi
l-ġdida qed toħloq orfni ġodda,
u dan bi pjan. Diġà hi
sitwazzjoni ta' uġigħ kbir meta
t-tfal, għal xi raġuni jew oħra,
ma jkollhomx il-grazzja tat-trobbija
minn omm u missier. Imma li liġi
toħloq sitwazzjonijiet ġodda
bħal dawn, u li tkabbar id-diskriminazzjoni
bejn it-tfal, inissel tħassib
kbir.
L-ulied huma għeżież u ma
ħaqqhomx hekk. Jistħoqqilhom li
jkunu mħarsa fil-ħtiġijiet
fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi,
morali u spiritwali tagħhom.
Huma l-ġenerazzjonijiet futuri
li jkollhom jaħsdu dak li qed
jinżera' llum.
Tħassibna ħafna wkoll
il-proposta li l-iffriżar
tal-embrijuni ser jibda jsir
b'għażla. Hemm ħafna problemi
etiċi oħra assoċjati ma' dan
fosthom il-periklu li embrijuni
ffriżati jibqgħu ma jiġux
adottati għax ma jridhom ħadd.
Dawn it-trabi mnissla
mit-teknoloġija jistgħu - tort
tal-bniedem - qatt ma jaraw id-dawl.
L-appell tagħna jmur lejn dawk
li għandhom ir-responsabbiltà
għal din il-liġi biex verament
iħarsu l-ħajja u d-dinjità umana
u ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet
tal-ulied.
✠ Charles J. Scicluna -
Arċisqof ta' Malta |
|
✠
Mario Grech -
Isqof ta' Għawdex |
|