Stampa t-test waħdu bla stampi. ...ð
Ċelebrazzjoni
tal-Festa tal-Verġni Marija Addolorata
Riflessjonijiet u Talb
Għall-matul
il-purċissjoni fil-parroċċi
Kitba ta’ Dun
Hector Scerri
11 ta’ April
2014

Kif nagħmlu ta’ kull sena,
illejla se nimxu din il-mixja ma’ Ommna Marija
Addolorata. Qegħdin biss ftit jiem qabel
iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Bħal-lum
ġimgħa, niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira. Inġibu
quddiem għajnejna x-xena li seħħet fuq l-għolja
tal-Kalvarju. Inġibu quddiem għajnejna dak kollu
li għaddiet minnu l-Verġni Marija hija u tara
lil Binha Ġesù jbati u jmut fuq is-salib.
Qari mill-Evanġelju skont San
Ġwann
(19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib
ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u
Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu
u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqah ħdejha, qal
lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal
lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin
id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Matul din il-mixja ta’ fidi,
il-Verġni Marija tinsab fostna u magħna. Fostna
u magħna bħal kull omm li tieħu ħsieb l-ulied
tagħha. Il-Verġni Marija tieħu ħsiebna,
tieqaf magħna fil-weġgħat tagħna u tixxotta
d-dmugħ tagħna. Hija taf x’inhi t-tbatija
għaliex ġarrbitha hija stess. Għalhekk l-Verġni
Marija tifhimna, u aħna nħossuha qrib tagħna.
Din hija r-raġuni għaliex aħna nġbarna daqshekk
bi ħġarna llejla. Hekk nagħmlu ta’ kull sena.
Kull parroċċa f’Malta u Għawdex bħalissa tinsab
miġbura madwar Marija. Il-poplu kollu tagħna –
kull wieħed u waħda minna – bħalissa jinsab
b’għajnejh imsammrin fuq Marija li qegħda tbati.
Marija li tbati u tibki tifhem lilek
fit-tbatija u fil-biki tiegħek.
Il-Verġni Marija tħares lejk u
tpoġġi jdejha fuq spallejk biex tagħmillek
kuraġġ. Marija tixxuttalek id-dmugħ li jġelben
ma’ ħaddejk. Marija tisma’ l-krib tiegħek, u qed
tgħidlek: “Ejja miegħi, ħalli nieħdok għand Ibni
Ġesù. Ferra’ l-uġigħ kollu tiegħek, id-dwejjaq,
l-ansjetà, il-problemi, il-mard kollu tiegħek
quddiem Ġesù. Ġesù biss jagħtik is-saħħa u
l-faraġ, il-fejqan u l-kuraġġ. Ftakar li Ġesù
Ibni qal: ‘Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja’.
Dur lejn Ġesù. Ersaq lejh, u imxi fit-triq
tiegħu”.
Il-Verġni Marija Addolorata
tkompli tgħidlek dan: “Hija ħaġa sabiħa u tajba
li llejla qed timxi miegħi. Dan jagħtini ħafna
ferħ. Però l-aktar ħaġa li timlieni bil-ferħ
hija li int tfassal ħajtek fuq dak li
jgħallimna Ġesù. Importanti li timxi wara
Ġesù u tfassal ħajtek fuq it-tagħlim tiegħu mhux
biss illum u matul il-Ġimgħa Mqaddsa, imma
s-sena kollha. Il-konverżjoni u l-qrar mhux
illum biss, imma matul is-sena kollha. Dan huwa
li tassew iferraħni: li tkunu ta’ Ġesù u
ma’ Ġesù s-sena kollha. L-għażliet
tagħkom għandhom ikunu għażliet Insara.
L-għażliet tagħkom għandhom ikunu mnebbħin
mit-tagħlim ta’ Ġesù u tal-Knisja tiegħu. Matul
din il-mixja ta’ fidi li qegħdin nagħmlu, ġeddu
– bis-serjetà – il-fehma tagħkom li tkunu tassew
ta’ Ġesù u ma’ Ġesù”.
Dan hu li qed tgħidilna l-Verġni
Marija llejla.
Inkantaw flimkien ...
Matul din il-mixja ta’ fidi se
nkunu qegħdin nikkontemplaw, kif inhu xieraq,
is-seba’ duluri ta’ Marija. Dan se nagħmluh
permezz ta’ siltiet mill-kelma ta’ Alla, siltiet
mit-tagħlim li qed iwasslilna Papa Franġisku,
litaniji ta’ talb lil Marija, permezz tal-posti
tar-Rużarju Mqaddes u permezz tal-kant. Ejjew
nieħu sehem attiv billi nkunu attenti għal dak
li se nisimgħu, u dak li se nitolbu u nkantaw.
I
L-EWWEL DULUR TA’ MARIJA:
IL-PROFEZIJA TA’ XMUN
FIL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESÙ
FIT-TEMPJU

Qari
mill-Evanġelju
skont San Luqa (2:22-35)
Wara li għalqilhom iż-żmien
għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta'
Mosè, ħadu lil Gesu’ Ġerusalemm biex
jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub
fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled
l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,' u
biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ
bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun,
raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta'
Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.
L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se
jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.
Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u
xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex
jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,
huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
"Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej
tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex
għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li
int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex
idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek
Iżrael."
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba
b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun
berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se
jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael;
se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf
jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet
moħbija fil-qlub ta' ħafna."
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Qari minn silta tad-diskors
ta’ Papa Franġisku
waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23
ta’ Ottubru 2013
Naħsbu ftit f’min kienet
il-Verġni Marija: tfajla Lhudija, li kienet
tistenna b’qalbha kollha l-fidwa tal-poplu
tagħha. Imma f’dik il-qalb ta’ bint żagħżugħa
ta’ Israel kien hemm moħbi sigriet li hi stess
kienet għadha ma tafx bih: fil-pjan ta’ mħabba
ta’ Alla kienet iddestinata biex issir l-Omm
tal-Feddej. Fit-Tħabbira, il-Mesaġġier ta’ Alla
jsejħilha “mimlija bil-grazzja” u juriha liema
hu dan il-pjan. Marija twieġeb “iva” u minn dak
il-waqt il-fidi ta’ Marija tilqa’ fiha dawl
ġdid: tikkonċentra fuq Ġesù, l-Iben ta’ Alla li
minnha ħa l-ġisem u li fih jitwettqu l-wegħdiet
ta’ l-istorja kollha tas-salvazzjoni.
Litanija
Verġni Marija, li ppreżentajt
lil Ibnek Ġesu’ fit-Tempju... idħol għalina.
Verġni Marija, li smajt
il-profezija ta’ Xmun... idħol għalina.
Verġni Marija, li bqajt taħseb
fuq dawn il-ġrajjiet u tikkontemplahom bejnek u
bejn ruħek... idħol għalina.
Verġni Marija, li qdejt lil
Ġesù
fit-trobbija li tajtu...
idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien...
II
IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA, ĠUŻEPPI U
T-TARBIJA ĠESÙ JAĦARBU
LEJN L-EĠITTU

Qari
mill-Evanġelju
skont San Mattew
(2:13-18)
Meta telqu l-Magi, deher
anġlu tal-Mulej f''ħolma lil Ġużeppi u qallu:
"Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab
lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien,
għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu."
Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu
billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa' hemmhekk
sal-mewt ta' Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien
qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal,
‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi
kienu daħku bih, inkorla bis-sħiħ, u bagħat
joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha
lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l
isfel, skont iż-żmien li sar jaf mingħand
il-maġi. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad
permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,
‘F’Rama nstama’ leħen,
biki u lfiq kbir:
Rakel tibki lil uliedha
u ma tridx minn ifarraġha,
għax ma għadhomx iżjed’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Flimkien ma’
Binha
Ġesu’
Tarbija, Marija u
żewġha
San
Ġużepp
kellhom, għall-għarrieda,
jaħarbu
lejn l-Eġittu
minħabba
l-qilla u l-kefrija tas-Sultan Erodi.
Il-Familja
Mqaddsa tgħaddi mill-esperjenza ta’ refuġjati.
Matul is-sekli, sal-ġurnata tal-lum, eluf ta’
eluf għaddew minn din l-esperjenza iebsa: mingħajr
saqaf fuq rashom, l-insigurta’ u l-perikli
tal-vjaġġi, it-theddid għal ħajjithom, neqsin
mill-meħtieġ għall-ħajja, it-tbatija minħabba
l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u l-kesħa.
Mill-Omelija ta’ Papa
Franġisku fil-gżira ta’ Lampedusa
nhar it-8 ta’ Lulju 2013
Alla jistaqsi
lil kull wieħed minna: "Fejn huwa d-demm ta’ ħuk
li l-karba tiegħu waslet sa għandi?" Illum, ħadd
fid-dinja ma jħossu responsabbli għal dan.
Tlifna kull sens ta’ responsabbiltà ta’ aħwa.
Waqajna fl-atteġġament ipokrita tas-saċerdot, u
tal-qaddej tal-artal, li tkellem dwarhom Ġesù
fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Inħarsu
lejn ħuna nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq, forsi
naħsbu "miskin", u nkomplu fi triqtna. Din mhux
biċċa tagħna, u b’dan inserrħu l-kuxjenza,
tagħna, u inħossuna aħjar. Il-kultura
tal-kumdità, twassalna biex naħsbu fina nfusna,
twassalna li nkunu
insensibbli
għall-karba tal-oħrajn, tagħmilna ngħixu fi
bżieżaq tas-sapun, li huma sbieħ, imma ma huma
xejn, huma biss illużjoni artificjali,
tal-proviżorju, li twassal għall-indifferenza
lejn l-oħrajn, anzi twassall
għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza. F'din
id-dinja ta’ globalizzazzjoni waqajna
fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Drajna t-tbatija
ta’ ħaddieħor, li ma jimpurtaniex minnha, ma
tinteressanhiex, mhix affari tagħna!
...
“Adam
fejn int?”, “Fejn hu ħuk?”, huma żewġ domandi li
Alla għamel fil-bidu tal-umanita`, u li jagħmel
ukoll lill-bnedmin kollha ta` żmienna, lilna
ukoll. Imma jien irrid li nistaqsu lilna nfusna
t-tielet domanda: “Min minna beka għal din
il-ġrajja u għal ġrajjiet oħra bħal din?” Min
beka għall-mewt ta’ dawn l-aħwa? Min beka għal
dawn il-persuni li kienu fuq id-dgħajsa? Għal
ommijiet zgħażagħ li kellhom magħhom lil
uliedhom? Għal dawn l-irgiel li xtaqu xi haga
biex issostnu l-familji tagħhom? Aħna socjetà li
nsiet l-esperjenza tal-biki, li titħassar:
il-globalizzazzjoni tal-indifferenza neħħitilna
l-kapacità li nibku! Fl-evanġelju smajna l-għajjat,
il-biki, il-krib kbir: “Rakel tibki lill-uliedha
għax m’għadhomx iżjed”. Erodi żera l-mewt biex
jiddefendi l-ġid tiegħu, propju l-bużżieqa
tas-sapun tiegħu. U dan ikompli jirrepeti ruħu.
Nitolbu lill-Mulej li jħassar dak li baqa minn
ta` Erodi, anki f’qalbna. Nitolbu lill-Mulej
il-grazzja li nibku għall-indifferenza tagħna,
li nibku għall-kefrija li hawn fid-dinja, fina,
anki għal dawk li fil-moħbi jieħdu deċizjonijiet
soċjo-ekonomiċi li jiftħu t-triq għal drammi
bħal din.
“Minn beka?” Minn beka llum
fid-dinja?
Litanija
Verġni Marija, li għaddejt
mill-esperjenza iebsa tal-ħarba lejn l-Eġittu...
idħol għalina.
Verġni
Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju,
‘il bogħod
minn art twelidek... idħol
għalina.
Verġni
Marija, li adattajt ruħek
għall-kultura
tal-pajjiż
li ta kenn lilek, lil
Ġesu’
u lil San
Ġużepp...
idħol
għalina.
Verġni
Marija, kun kenn għar-rifuġjati
tad-dinja kollha... idħol
għalina.
Verġni
Marija, miss il-qalb tagħna
biex nuru ospitalita’ lil dawk kollha li jfittxu
kenn fostna... idħol
għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien...
III
IT-TIELET DULUR TA’ MARIJA:
META MARIJA
TITLEF LIL BINHA
ĠESÙ,
U WARA TLETT IJIEM TA’ DULUR,
ISSIBU FIT-TEMPJU

Qari
mill-Evanġelju
skont San Luqa
(2:41-52)
Ta' kull sena l-ġenituri ta'
Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid.
Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond
id-drawwa ta' dik il-festa. Wara li
għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma
t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu
jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh
qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom;
iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom
u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u
għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda
f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom;
u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen
u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu,
u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna
hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin
infittxuk b'qalbna maqsuma?" U hu
qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma
tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta'
Missieri?" Iżda kliemu ma fehmuhx.
Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u
kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha
dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa'
jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem
Alla u quddiem il-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Silta mid-diskors ta’ Papa
Franġsiku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’
Ottubru 2013
Il-fidi ta’ Marija hi t-twettiq
tal-fidi ta’ Israel, sewwa sew fiha tinġabar
il-mixja kollha, it-triq kollha ta’ dak il-poplu
li kien qed jistenna l-fidwa, u f’dan is-sens hi
l-mudell tal-fidi tal-Knisja, li għandha bħala
ċ-ċentru tagħha lil Kristu, inkarnazzjoni ta’
l-imħabba infinita ta’ Alla.
Kif għexitha Marija din il-fidi?
Għexitha fis-sempliċità
ta’ l-elf
ħsieb u preokkupazzjoni li ta’
kuljum ikollha kull omm, fuq kif ħa tħejji
l-ikel, il-ħwejjeġ, u tieħu ħsieb id-dar… Kienet
propju din l-eżistenza normali tal-Madonna l-art
li fuqha kibret relazzjoni singulari u djalogu
profond bejnha u bejn Alla, bejnha u bejn Binha.
Litanija
Verġni
Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li qed ibatu
minħabba
wliedhom... idħol
għalina.
Verġni Marija, idħol għal dawk
il-ġenituri inkwetati minħabba l-imġieba
tat-tfal tagħhom... idħol għalina.
Verġni Marija, kun l-għajnuna u
t-tama tal-familji li għaddejjin minn problemi u
firda... idħol għalina.
Verġni Marija, wassal għand
Ibnek Ġesu’ lil dawk li tilfu t-triq u jinsabu
jgħixu fid-dnub... idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien...
IV
IR-RABA’ DULUR TA’ MARIJA:
META HIJA TILTAQA’ MA’ BINHA
ĠESÙ JĠORR IS-SALIB
FIT-TRIQ LEJN IL-KALVARJU

Qari
mill-Evanġelju
skont San Luqa
(23:26-31)
Huma u sejrin b’Gesu’ lejn
il-Kalvarju, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn
Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh
bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra
kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom
kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u
jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom:
"Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku
lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax,
araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik
li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma
wiled u s-sider li qatt ma redda'!
Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu
fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' Għax
jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta
għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Silta mid-Diskors ta’ Papa
Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’
Ottubru 2013
Nistgħu nistaqsu lilna nfusna:
Qed inħallu ddawwalna l-fidi ta’ Marija, li hi
l-Omm tagħna? Jew nistħajluha ’l bogħod minna,
wisq differenti minna? Fil-mumenti ta’
diffikultà, ta’ prova, ta’ dalma, qed inħarsu
lejha bħala mudell ta’ fiduċja f’Alla, li trid
dejjem u biss il-ġid tagħna? Naħsbu fuq dan,
forsi jiswielna li nerġgħu nsibu f’Marija mudell
u figura tal-Knisja f’din il-fidi li hi kellha!
Litanija
Verġni
Marija, għin
lil dawk l-ommijiet li qed iduru b’uliedhom
morda... idħol
għalina.
Verġni
Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li ta’ kuljum
jżuru
‘l uliedhom fl-isparijiet jew f’postijiet oħra
ta’ kura... idħol
għalina.
Verġni
Marija, sabbar dawk l-ommijiet li jakkumpanjaw
lil uliedhom fit-triq tal-Kalvarju llum, minħabba
l-vizzji tax-xorb, tad-droga u dnubiet oħra
li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem...
idħol
għalina.
Missierna...
Sliem għalik
Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien...
V
IL-ĦAMES DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TARA LIL
BINHA
ĠESÙ
JIĠI MSALLAB MAS-SALIB U WARA
TLIET SIGĦAT
TA’ AGUNIJA JMUT

Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
(19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib
ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u
Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ
lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf
ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek."
Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." U
minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Silta minn Diskors ta’ Papa
Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tat-23 ta’
Ottubru 2013
L-“iva” ta’ Marija, diġà
perfetta fil-bidu, issoktat tikber sas-siegħa
tas-Salib. Hemm il-maternità
tagħha twessgħet biex ħaddnet magħha lil kull
wieħed u waħda minna, il-ħajja tagħna, biex
twassalna għal għand Binha. Marija għexet dejjem
mgħaddsa fil-misteru ta’ Alla magħmul bniedem,
bħala l-ewwel dixxiplu perfett tiegħu, taħseb
fuq kull ħaġa bejnha u bejn ruħha fid-dawl ta’
l-Ispirtu s-Santu, biex tista’ tifhem ir-rieda
ta’ Alla u tqegħidha kollha fil-prattika.
Litanija
Verġni Marija, idħol għalina
meta fit-tbatija naqtgħu qalbna... idħol
għalina.
Verġni Marija, sabbarna meta
t-tbatija nsibuha wisq tqila u nogħtru taħtha...
idħol għalina.
Verġni Marija, ieqaf magħna
fil-Kalvarju tagħna llum... idħol għalina.
Verġni Marija, meta maħkuma
mit-toqol tal-mard u l-problemi tagħna...
idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Innu
VI
IS-SITT DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TIRĊIEVI
L-ĠISEM MEJJET TA’ BINHA
ĠESÙ

Qari
mill-Evanġelju skont San Mattew
(27:50-58)
Ġesù reġa' għajjat għajta kbira
u radd ruħu. U ara, il-purtiera tas-santwarju
ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art
theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u
qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu, li
ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu
fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun
u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw
l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża'
li ma bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!"
Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod,
dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh
sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom
kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u
Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija,
ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi,
li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar
għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad
Pilatu ordna li jingħatalu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Ipprova immaġina minn liema
tbatija bla tarf għaddiet Marija fuq l-għolja
tal-Kalvarju. Immaġinaw il-kobor tad-dulur li
hija ġarrbet meta rat lil Binha Ġesu’ jbati tant
ħruxija. Immaġinaha tara lil Ġesu’ jieħu l-aħħar
nifs tiegħu. Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u
Ġużeppi minn Arimatea niżżlu b’devozzjoni
l-ġisem mejjet ta’ Ġesu’ minn fuq is-salib! Min
jaf kemm bkiet, kemm dmugħ jaħraq ġelben ma’
ħaddejha! Qalbha maqsuma, hija tara lil Binha
mejjet.
Silta mill-Omelija ta’ Papa
Franġisku fiċ-Ċimiterju tal-Verano ġewwa Ruma,
nhar l-1 ta’ Novembru 2013
It-tama ssaffina, tħaffilna
l-piż; din it-tisfija bit-tama f’Ġesù Kristu
tqanqalna biex nimxu b’ħeffa, minnufih. F’dan
il-ħin tal-lum qabel l-għabex, kull wieħed u
waħda minna jista’ jaħseb fl-għabex ta’ ħajtu:
“Kif għad ikun l-għabex tiegħi?”. Kollha kemm
aħna sa jkollna l-għabex tagħna, kollha! Qed
inħares lejh bit-tama? Inħares lejh b’dak
il-ferħ li l-Mulej se jilqagħni għandu? Dan hu
ħsieb Nisrani, li jimliena bis-sliem. Il-lum hu
jum ta’ ferħ, imma ta’ ferħ seren, trankwill,
tal-ferħ tas-sliem. Naħsbu fl-għabex ta’ tant
ħutna rġiel u nisa li telqu qabilna, naħsbu
fl-għabex tagħna, meta dan għad jasal. U naħsbu
fil-qalb tagħna u nistaqsu lilna nfusna: “Fejn
hi ankrata qalbi?”. Jekk m’hix ankrata tajjeb,
ejjew nankrawha hemm, f’dak ix-xatt, għax nafu
li t-tama ma tqarraq qatt bina għax il-Mulej
Ġesù ma jiddeludiniex.
Litanija
Verġni Marija, imsaħ id-dmugħ
tal-ommijiet li tilfu ‘l uliedhom bil-mard jew
b’disgrazzja għall-għarrieda...
idħol għalina.
Verġni Marija, għinna meta
ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd
għażiż... idħol għalina.
Verġni Marija, kun magħna
fis-siegħa tal-mewt tagħna... idħol għalina.
Verġni Marija, wassalna għand
Ibnek Ġesu’, u idħol għalina biex huwa jkun
imħallef ħanin tagħna... idħol għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien...
VII
IS-SEBA’ DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TASSISTI
GĦAD-DIFNA TA’ BINHA
ĠESÙ

Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
(19:38-42)
Wara l-mewt ta’ Gesu’, Ġużeppi
minn Arimatija, li kien dixxiplu ta' Ġesù bil-moħbi
għax kien jibża' mil-Lhud, mar u talab lil
Pilatu biex jieħu l-ġisem ta'
Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem
tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel
kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu
taħlita ta' morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra.
Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta' Ġesù u
kebbewh bil-faxex ta' l-għażel bil-fwejjaħ, kif
soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn
kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f'dan
il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu
għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu
lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u
għax il-qabar kien fil-qrib.
Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.
Silta mill-Eżortazzjoni
Appostolika ta’ Papa Franġisku Il-Ferħ tal-Evanġelju
tal-24 ta’ Novembru 2013
Verġni u Omm tagħna Marija,
int li, imqanqla mill-Ispirtu,
ilqajt il-Verb tal-ħajja
fil-qiegħ
nett tal-fidi umli
tiegħek,
mogħtija kollha kemm hi
lill-Etern,
għinna llissnu l-“iva” tagħna
għas-sejħa urġenti,
tagħfas fuqna
iktar minn qatt
qabel,
li nsemmgħu mill-ġdid
il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.
Mimlija bil-preżenza ta’
Kristu,
int ġibt il-ferħ lil Ġwanni
l-Battista,
hekk li qabeż fil-ġuf ta’
ommu.
Taqbeż
bil-hena,
int għannejt l-għeġubijiet
sbieħ tal-Mulej.
Int, li bqajt wieqfa
taħt
is-Salib
b’fidi li ma tiġġarrafx,
u lqajt il-faraġ hieni
tal-Qawmien,
ġmajt id-dixxipli fl-istennija
tal-Ispirtu
biex hekk twieldet il-Knisja
evanġelizzatriċi.
Iksbilna
issa l-ħeġġa
ġdida li jnissel
il-Qawmien,
biex nistgħu nwasslu lil
kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja
li
jegħleb il-mewt.
Litanija
Verġni Marija, kun mag]na
fit-toroq tal-ħajja...
idħol
għalina.
Verġni
Marija, tħalliniex
waħedna
meta t-tbatija taħkimna...
idħol
għalina.
Verġni Marija, sabbarna f’dan
il-wied ta’ dmugħ ... idħol għalina.
Verġni Marija, urina lil Ibnek
Ġesu’, il-frott tal-ġuf tiegħek... idħol
għalina.
Missierna...
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja...
Inkantaw flimkien is-Salve
Regina
dhs, 4.4.2014 |