L-GĦAJDUT

Id-divorzju huwa dritt.  Għamlu żmien kienu jgħidu li huwa dritt fundamentali. Aktar tard (jista jkun għaliex indunaw li m’għandhomx raġun)  bdew isejħulu dritt ċivili.

 

IL-FATTI

Id-divorzju mkien mhu dikjarat bħala dritt fundamentali. Jekk għandux ikun dritt ċivili huwa l-qofol tad-diskussjoni kollha li qed issir.

 

2.  ID-DIVORZJU HUWA DRITT ?

 

Dritt Fundamentali

Ġeneralment huwa aċċettat il-fatt illi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma ġewx ivvintati mill-bniedem.  Iżda huwa r-riżultat tal-liġI naturali, minsuġa fil-bniedem mill-ewwel ġurnata ta’ l-eżistenza tiegħu.

Għalhekk ċertament huwa kontra l-liġi naturali li persuna tabbanduna lis-sieħeb tagħha jew sieħba tiegħu u ‘l uliedha biex tibni familja oħra.  Dak li jista’ jweġġa’ ‘l ħaddieħor ma jistax ikun dritt fundamentali.

Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom xi individwi, huwa d-dmir tal-gvern li jipproteġI s-soċjeta’, u s-sinsla tas-soċjeta’ Maltija hija f-familja.  Jekk jiġi ntrodott id-divorzju, dan ikun ksur ta’ dan id-dmir. (1)

Dr Giovanni Bonello, espert legali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kiteb hekk:  “Naħseb li ftit jista’ jkun hemm suċċess jekk issir sfida lil din il-liġi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.  Qabel id-divorzju ġie legalizzat fl-Irlanda, l-Irlandiżi kienu diġa ppruvaw din l-għażla iżda ma rnexxilhomx għax ma ġietx aċċettata fi Strasbourg.  Ma naħsibx li jeżisti pajjiż fl-Ewropa fejn id-divorzju ġie introdott permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti.  Dejjem kien il-Parlament li illegalizza d-divorzju”. (2)

Dr Joe Brincat, li meta kien membru parlamentari ressaq Private Member’s Bill biex ikun introdott id-divorzju jikteb hekk:  “Din il-kwistjoni ġiet ittestjata barra minn Malta iżda mingħajr suċċess.  Id-dritt li tifforma familja ma fihx ukoll id-dritt li tiddivorzja.(3)

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandha  dawn  iż-żewġ artikli li huma relavanti għal din id-diskussjoni:

Artiklu 8.1:  Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u familjari tiegħu, għal daru u għall-korrispondenza tiegħu.

Artiklu 12:  Irġiel u nisa ta’ l-eta’ taż-żwieġ għandhom id-dritt li jiżżewwġu u jibnu familja, skond il-liġijiet  nazzjonali li jirregolaw it-tħaddim ta’ dan id-dritt.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-każ Johnston u oħrajn v l-Irlanda (18 ta’ Diċembru 1986), ma sabitx illi Artiklu 8 kien jobbliga lill-Irlanda tintroduċi l-possibilta’ tad-divorzju jew inkella tgħin ‘l- adulti biex jirregolarizzaw aħjar ir-relazzjonijiet tagħhom.(4)

 

Dritt Ċivili      

Dritt ċivili jinħoloq għaliex issir liġi li tagħti dan id-dritt liċ-ċittadin.  Biex insemmu eżempju, il-pensjoni ta’ l-anzjani hija dritt ċivili għal persuni li laħqu l-eta’ li tgħid il-liġi.  Dan għaliex il-liġI tagħti dan id-dritt.  Min ma jkollox dik l-eta’ m’għandux dan id-dritt.

L-istess jista’ jingħad dwar id-divorzju. Id-divorzju jsir dritt ċivili jekk issir liġi li tippermetti d-divorzju.  Għalhekk inkunu qed induru tond jekk ngħidu li ndaħħlu l-liġi li tippermetti d-divorzju għax huwa dritt ċivili.  Id-diskussjoni dwar jekk id-divorzju għandux ikun dritt ċivili hija l-istess diskussjoni jekk għandhiex issir liġi li tippermetti d-divorzju.

 

Noti.

 

1. Mallia Tonio Dr.: “Is Divorce a Fundamental Human Right?”. THE TIMES, 14.2.97, p.8

2. Kif ikkwotat minn  Sammut Carmen: “ Life After a Marriage Breaks up”, THE MALTA INDEPENDENT, 16.4.97, p. 21

3. L-Istess

4. Short Guide to the European Convention of Human Rights, (Strasburg, Council of Europe, 1991), p. 61