Laikos

Intom id-dawl tad-dinja

 

ITTRA APPOSTOLIKA
F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”
TAL-PAPA FRANĠISKU
7 ta' Mejju 2019

 

 

ITTRA APPOSTOLIKA

F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

VOS ESTIS LUX MUNDI

 

“Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba” (Mt 5:14). Sidna Ġesù Kristu jsejjaħ lil kull fidil biex ikun eżempju mdawwal ta’ virtù, integrità u qdusija. Ilkoll kemm aħna, fil-fatt, aħna msejħin biex nagħtu xhieda konkreta tal-fidi fi Kristu fil-ħajja tagħna u, b’mod partikulari, fir-relazzjoni tagħna mal-proxxmu.

 

L-atti kriminali ta’ abbuż sesswali joffendu lis-Sinjur Tagħna, jikkawżaw danni fiżiċi, psikoloġiċi u spiritwali lill-vittmi, u jagħmlu ħsara lill-komunità tal-fidili. Biex fenomeni bħal dawn, fl-għamliet kollha tagħhom, ma jseħħux iżjed, hi meħtieġa konverżjoni kontinwa u profonda tal-qlub, żgurata minn azzjonijiet konkreti u effikaċi fil-Knisja li jinvolvu lil kulħadd, biex hekk il-qdusija personali u l-impenn morali jistgħu jgħinu biex jippromovu l-kredibbiltà sħiħa tat-tħabbira tal-Vanġelu u l-effikaċja tal-missjoni tal-Knisja. Dan isir possibbli biss bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu msawwab fil-qlub, għax irridu niftakru dejjem fi kliem Ġesù: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 5:15). Imqar jekk diġà sar ħafna, jeħtieġ nissoktaw nitgħallmu mil-lezzjonijiet qarsa tal-imgħoddi, biex inħarsu bit-tama lejn il-ġejjieni.

 

Din ir-responsabbiltà taqa’, qabelxejn, fuq is-suċċessuri tal-Appostli, imqiegħda fuq quddiem minn Alla għat-treġija pastorali tal-Poplu tiegħu, u tesiġi minnhom l-impenn li jsegwu mill-qrib il-passi tal-Imgħallem Divin. Fil-fatt, minħabba fil-ministeru tagħhom, huma jrieġu “l-Knejjes partikolari fdati f’idejhom bħala vigarji u delegati ta’ Kristu, bil-parir it-tajjeb, bil-persważjoni u bl-eżempju, iżda wkoll bl-awtorità u bis-setgħa sagra tagħhom. Iżda huma ma jużawx din l-awtorità u din is-setgħa jekk mhux biex iwettqu l-merħla tagħhom fil-verità u fil-qdusija, għax huma jiftakru sewwa li min hu l-akbar irid isir bħall-iżgħar u min jikkmanda bħal min iservi” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Lumen gentium, 27). Dak li b’mod iżjed urġenti jirrigwarda lis-suċċessuri tal-Appostli, jolqot lil dawk kollha li b’diversi modi għandhom xi ministeru fil-Knisja, jistqarru l-kunsilli evanġeliċi jew huma msejħa jaqdu lill-Poplu Nisrani. Għalhekk, tajjeb li jiġu adottati fuq livell universali proċeduri dwar il-prevenzjoni u li jeħduha kontra dawn l-atti kriminali li qed jittradixxu l-fiduċja tal-fidili.

 

Nixtieq li dan l-impenn jiġi attwat b’mod għalkollox ekkleżjali, u għalhekk ikun espressjoni tal-komunjoni li żżommna magħquda, fis-smigħ reċiproku u miftuħ għas-sehem ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom dan il-proċess ta’ konverżjoni.

 

Għaldaqstant, niddisponi dan li ġej:

 

TITLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

 

Art. 1 – Ambitu ta’ applikazzjoni

§1. Dawn in-normi jiġu applikati f’każ ta’ rapporti li jiġbdu l-attenzjoni dwar kjeriċi jew membri ta’ Istituti ta’ ħajja kkonsagrata jew ta’ Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika fejn jidħlu:

a) delitti kontra s-sitt kmandament tad-Dekalogu li jikkonsistu f’dan li ġej:

i. li jkunu ġiegħlu lil xi ħadd, bi vjolenza jew theddida jew b’abbuż ta’ awtorità, jagħmel jew joqgħod għal atti sesswali;

ii. it-twettiq ta’ atti sesswali ma’ minorenni jew ma’ persuna vulnerabbli;

iii. il-produzzjoni, l-esebizzjoni, il-pussess jew it-tqassim, anki b’mod elettroniku, ta’ materjal pedopornografiku, kif ukoll min ikun ħajjar jew wassal minorenni jew persuna vulnerabbli biex jieħu sehem f’esebizzjonijiet pornografiċi;

b) kondotti mwettqa mis-suġġetti msemmija f’artiklu 6, li jikkonsistu f’azzjonijiet jew omissjonijiet bil-ħsieb li jxekklu jew jevitaw l-indaġni ċivili jew l-indaġni kanonika, amministrattiva jew penali, fil-konfront ta’ kjeriku jew ta’ reliġjuż fejn jidħlu delitti msemmija fl-ittra a) ta’ dan il-paragrafu.

 

§2. Għall-iskop ta’ dawn in-normi, dawn it-termini jfissru kif ġej:

a) “minorenni”: kull persuna ta’ età inqas minn tmintax-il sena jew li l-liġi tqisha ekwivalenti għal dik l-età;

b) “persuna vulnerabbli”: kull peruna fi stat ta’ mard, ta’ defiċjenza fiżika jew psikika, jew ċaħda tal-libertà personali li fil-fatt, anki jekk okkażjonalment, tillimitalha l-kapaċità tal-ħsieb jew tar-rieda jew ta’ reżistenza għall-offiża;

ċ) “materjal pedopornografiku”: kull rappreżentazzjoni ta’ minorenni, indipendentement mill-mezz użat, involut f’attivitajiet sesswali espliċiti, reali jew simulati, u kull rappreżentazzjoni ta’ organi sesswali ta’ minorenni għal skopijiet prevalentement sesswali.

 

Art. 2 – Kif jiġu milqugħa r-rapporti u l-protezzjoni tal-informazzjoni

§1. Waqt li jżommu f’moħħhom l-indikazzjonijiet eventwalment adottati mill-Konferenzi Episkopali, mis-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes Patrijarkali u tal-Knejjes Arċiveskovili Maġġuri rispettivi, jew mill-Kunsilli tal-Ġerarki tal-Knejjes Metropolitani sui iuris, id-Djoċesijiet jew l-Eparkiji, waħidhom jew flimkien, għandhom jistabbilixxu, fi żmien sena minn meta jidħlu fis-seħħ dawn in-normi, sistema waħda jew iżjed, stabbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku biex jista’ jagħmel rapporti, anki permezz tat-twaqqif ta’ uffiċċju ekkleżjastiku apposta. Id-Djoċesijiet u l-Eparkiji jgħarrfu lir-Rappreżentant Pontifiċju bit-twaqqif tas-sistemi msemmija f’dan il-paragrafu.

 

§2. L-informazzjoni msemmija f’dan l-artiklu tiġi mħarsa u ttrattata b’mod li jiggarantixxi s-sigurtà, l-integrità u r-riservatezza tagħha, skont il-kanoni 471, 2° CIC u 244 §2, 2° CCEO.

 

§3. Ħlief għal dak stabbilit mill-artiklu 3 §3, l-Ordinarju li rċieva r-rapport għandu jgħaddih bla dewmien lill-Ordinarju tal-post fejn seħħu l-fatti, kif ukoll lill-Ordinarju proprju tal-persuna rrappurtata, li jipproċedu skont kif tipprevedi l-liġi għall-każ speċifiku.

 

§4. Għall-għanijiet ta’ dan it-titlu, għad-Djoċesijiet huma ekwiparati l-Eparkiji u għall-Ordinarju hu ekwiparat il-Ġerarka.

 

Art. 3 – Rappurtar

§1. Ħlief għall-każi previsti fil-kanoni 1548 §2 CIC u 1229 §2 CCEO, kull darba li kjeriku jew membru ta’ Istitut ta’ ħajja kkonsagrata jew ta’ Soċjetà ta’ ħajja appostolika jiġi mgħarraf jew ikollu raġunijiet validi biex jemmen li seħħ wieħed mill-fatti msemmija fl-artiklu 1, hu għandu l-obbligu li jirrapporta l-fatt minnufih lill-Ordinarju tal-post fejn seħħu l-fatti jew lil Ordinarju ieħor fost dawk imsemmija fil-kanoni 134 CIC u 984 CCEO, ħlief għal dak stabbilit minn §3 ta’ dan l-artiklu.

 

§2. Kulħadd jista’ jippreżenta rapport dwar il-kondotti msemmija fl-artiklu 1, billi jinqeda bil-modalitajiet imsemmija fl-artiklu preċedenti jew b’kull mod ieħor adegwat.

 

§3. Meta r-rapport hu dwar waħda mill-persuni indikati fl-artiklu 6, dan għandu jiġi indirizzat lill-Awtorità indikata mill-artikli 8 u 9. Ir-rapport dejjem jista’ jiġi indirizzat lis-Santa Sede, direttament jew permezz tar-Rappreżentant Pontifiċju.

 

§4. Ir-rapport għandu jkollu fih id-dettalji kollha possibbli, bħal indikazzjonijiet tal-ħin u tal-post tal-fatti, tal-persuni involuti jew infurmati, kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra li tista’ tkun ta’ siwi biex issir valutazzjoni tajba tal-fatti.

 

§5. L-informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll ex officio.

 

Art. 4 – Protezzjoni lil min qed jirrapporta

§1. Il-fatt li wieħed jagħmel rapport skont in-norma tal-artiklu 3 ma jikkostitwixxi l-ebda vjolazzjoni tal-kunfidenzjalità tal-uffiċċju.

 

§2. Ħlief għal dak previst fil-kanoni 1390 CIC u fil-kanoni 1452 u 1454 CCEO, kull preġudizzju, ritaljazzjoni jew diskriminazzjoni minħabba l-fatt li jkun ġie ppreżentat rapport huma pprojbiti u jistgħu jikkostitwixxi l-kondotta msemmija fl-artiklu 1 §1, ittra b).

 

§3. Min jagħmel ir-rapport ma jista’ jiġi marbut bl-ebda silenzju dwar il-kontenut tiegħu.

 

Art. 5 – Kura tal-persuni

§1. L-Awtoritajiet ekkleżjastiċi jħabirku biex dawk li jaffermaw li ġew offiżi, flimkien mal-familji tagħhom, jiġu ttrattati b’dinjità u rispett, u joffrulhom, b’mod paritikulari:

a) akkoljenza, smigħ u appoġġ, anki permezz ta’ servizzi speċifiċi;

b) għajnuna spiritwali;

ċ) għajnuna medika, terapewtika u psikoloġika, skont ma jitlob il-każ partikulari.

 

§2. Jiġu mħarsa l-fama tajba u l-privatezza tal-persuni involuti, kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni personali.

 

TITLU II

DISPOŻIZZJONIJIET KONKRETI

L-ISQFIJIET U L-EKWIVALENTI TAGĦHOM

 

Art. 6 – Ambitu suġġettiv ta’ applikazzjoni

In-normi ta’ proċeduri msemmija taħt dan it-titlu huma dwar il-kondotti msemmija fl-artiklu 1, imwettqa minn:

a) Kardinali, Patrijarki, Isqfijiet u Legati tal-Papa ta’ Ruma;

b) kjeriċi li huma jew kienu fit-treġija pastorali ta’ Knisja partikulari jew ta’ entità integrata fiha, Latina jew Orjentali, inklużi l-Ordinarjati Personali, għall-fatti mwettqa durante munere;

ċ) kjeriċi li huma jew kienu fit-treġija pastorali ta’ Prelatura Personali, għall-fatti mwettqa durante munere;

d) dawk li huma jew kienu Moderaturi supremi ta’ Istituti ta’ ħajja kkonsagrata jew ta’ Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika ta’ dritt pontifiċju, kif ukoll ta’ Monasteru sui iuris, għall-fatti mwettqa durante munere.

 

Art. 7 – Dikasteru kompetenti

§1. Għall-fini ta’ dan it-titlu, b’“Dikasteru kompetenti” nifhmu l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, dwar id-delitti riservati għaliha min-normi attwalment fis-seħħ, kif ukoll, fil-każi l-oħra kollha u skont il-kompetenza li tagħtihom il-liġi proprja tal-Kurja Rumana:

- il-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali;

- il-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet;

- il-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli;

- il-Kongregazzjoni għall-Kleru;

- il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika.

 

§2. Bl-għan li jiġi żgurat l-aħjar kordinament, id-Dikasteru kompetenti jgħarraf bir-rapport u bl-eżitu tal-indaġni lis-Segreterija tal-Istat u d-Dikasteri l-oħra direttament interessati.

 

§3. Il-komunikazzjonijiet imsemmija taħt dan it-titlu bejn il-Metropolita u s-Santa Sede jseħħu permezz tar-Rappreżentant Pontifiċju.

 

Art. 8 – Proċedura applikabbli f’każ ta’ rapport dwar Isqof tal-Knisja Latina

§1. L-Awtorità li tirċievi rapport tgħaddih kemm lis-Santa Sede u kemm lill-Metropolita tal-Provinċja ekkleżjastika li fiha jkollha d-domiċilju l-persuna rrappurtata.

 

§2. Jekk ir-rapport hu fuq il-Metropolita, jew is-Sede Metropolitana hi vakanti, dan jintbagħat lis-Santa Sede, jew anki lill-Isqof suffraganju l-iżjed anzjan skont il-promozzjoni, li għalih, f’dan il-każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar il-Metropolita.

 

§3. Jekk ir-rapport hu fuq Legat Pontifiċju, dan jintbagħat direttament lis-Segreterija tal-Istat.

 

Art. 9 – Proċedura applikabbli fil-każ ta’ Isqfijiet tal-Knejjes Orjentali

§1. Fil-każ ta’ rapport fuq Isqof ta’ Knisja Patrijarkali, Arċiveskovili Maġġuri jew Metropolitana sui iuris, dan jintbagħat lill-Patrijarka, Arċisqof Maġġuri jew Metropolita tal-Knisja sui iuris rispettiv.

 

§2. Fil-każ ta’ rapport fuq Metropolita ta’ Knisja Patrijarkali jew Arċiveskovili Maġġuri, li jeżerċita l-uffiċċju tiegħu fit-territorju ta’ dawn il-Knejjes, dan jintbagħat lill-Patrijarka jew Arċisqof Maġġuri rispettiv.

 

§3. Fil-każi ta’ qabel, l-Awtorità li rċiviet ir-rapport tibagħtu wkoll lis-Santa Sede.

 

§4. F’każ li l-persuna rrappurtata tkun Isqof jew Metropolita barra mit-territorju tal-Knisja Patrijarkali, Arċiveskovili Maġġuri jew Metropolitana sui iuris, ir-rapport jintbagħat lis-Santa Sede.

 

§5. Fil-każ ta’ rapport fuq Patrijarka, Arċisqof Maġġuri, Metropolita ta’ Knisja sui iuris jew Isqof tal-Knejjes Orjentali sui iuris l-oħra, dan jintbagħat lis-Santa Sede.

 

§6. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar il-Metropolita japplikaw għall-Awtorità ekkleżjastika li lilha jsir ir-rapport skont kif imsemmi f’dan l-artiklu.

 

Art. 10 – L-ewwel obbligi tal-Metropolita

§1. Sakemm ma jkunx evidenti lir-rapport huwa bla bażi, il-Metropolita jitlob minnufih lid-Dikasteru kompetenti l-inkarigu biex jibda l-indaġni. F’każ li l-Metropolita jżomm li r-rapport huwa evidentement bla bażi, għandu jgħarraf b’dan lir-Rappreżentant Pontifiċju.

 

§2. Id-Dikasteru għandu jaġixxi bla dewmien, u xorta waħda fi żmien tletin jum mill-ewwel rapport min-naħa tar-Rappreżentant Pontifiċju jew mit-talba għall-inkarigu mill-Metropolita, billi jforni l-istruzzjonijiet opportuni dwar kif għandu jipproċedi fil-każ speċifiku.

 

Art. 11 – Affidament tal-indaġni lil persuna differenti mill-Metropolita

§1. F’każ li d-Dikasteru kompetenti jżomm opportun li jafda l-indaġni lil persuna differenti mill-Metropolita, dan tal-aħħar jiġi mgħarraf b’dan. Il-Metropolita jgħaddi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti relevanti lill-persuna inkarigata mid-Dikasteru.

 

§2. Fil-każ tal-paragrafu preċedenti, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għall-Metropolita japplikaw għall-persuna inkarigata biex twettaq l-indaġni.

 

Art. 12 – Żvolġiment tal-indaġni

§1. Il-Metropolita, meta jkun irċieva l-inkarigu mid-Dikasteru kompetenti u f’rispett lejn l-istruzzjonijiet li rċieva, personalment jew permezz ta’ persuna idonja jew iżjed:

a) jiġbor l-informazzjoni relevanti dwar il-fatti;

b) jikseb aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti meħtieġa għall-fini tal-indaġni miżmuma fl-arkivji tal-uffiċċji ekkleżjastiċi;

ċ) jikseb il-kollaborazzjoni tal-Ordinarji jew Ġerarki l-oħra, fejn hu meħtieġ;

d) jitlob informazzjoni lill-persuni u lill-istituzzjonijiet, anki ċivili, li jkunu jistgħu jfornu elementi siewja għall-indaġni.

 

§2. F’każ li jkun meħtieġ jisma’ lil minorenni jew persuna vulnerabbli, il-Metropolita jadotta proċeduri xierqa, li jirrispettaw l-istat attwali tagħhom.

 

§3. Fil-każ li jkollu raġunijiet validi biex iżomm li informazzjoni jew dokumenti dwar l-indaġni jistgħu jiġu misruqa jew meqruda, il-Metropolita jadotta l-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni tagħhom.

 

§4. Anki meta jinqeda b’persuni oħra, il-Metropolita xorta jibqa’ responsabbli għad-direzzjoni u għall-iżvolġiment tal-indaġni, kif ukoll għat-twettiq fil-ħin tal-istruzzjonijiet imsemmija fl-artiklu 10 §2.

 

§5. Il-Metropolita hu megħjun minn nutar magħżul liberament skont il-kanoni 483 §2 CIC u 253 §2 CCEO.

 

§6. Il-Metropolita hu marbut jaġixxi b’imparzjalità u mingħajr ebda kunflitt ta’ interess. F’każ li jsib ruħu f’kunflitt ta’ interess jew li ma jistax iżomm l-imparzjalità meħtieġa biex tiggarantixxi l-integrità tal-indaġni, hu obbligat jirrikuża lilu nnifsu u jgħarraf biċ-ċirkustanza lid-Dikasteru kompetenti.

 

§7. Il-persuna indagata tgawdi l-preżunzjoni tal-innoċenza.

 

§8. Il-Metropolita, jekk mitlub mid-Dikasteru kompetenti, jinforma lill-persuna bl-indaġni li qed issir dwarha, jisma’ x’għandha x’tgħid fuq il-fatti u jistedinha tippreżenta d-difiża tagħha. F’dawn il-każi, il-persuna indagata tista’ tagħmel użu minn assistenza legali.

 

§9. Kull tletin jum il-Metropolita jibgħat lid-Dikasteru kompetenti rapport dwar fejn waslet l-indaġni.

 

Art. 13 – Sehem ta’ persuni kkwalifikati

§1. Fi qbil mad-direttivi eventwalment maħruġa mill-Konferenza Episkopali, mis-Sinodu tal-Isqfijiet jew mill-Kunsill tal-Ġerarki fuq l-għajnuna li tista’ tingħata fl-indaġni, il-Metropolita, l-Isqfijiet tal-Provinċja rispettiva, waħidhom jew flimkien, jistgħu jistabbilixxu listi ta’ persuni kwalifikati li minn fosthom il-Metropolita jista’ jagħżel dawk l-iżjed idonji biex jassistuh fl-indaġni, skont il-ħtieġa tal-każ u, b’mod partikulari, waqt li jżomm f’moħħu l-koperazzjoni li tista’ tiġi offruta mil-lajċi skont il-kanoni 228 CIC u 408 CCEO.

 

§2. Il-Metropolita xorta hu liberu li jagħżel persuni oħra daqstant ieħor ikkwalifikati.

 

§3. Kull min jgħin lill-Metropolita fl-indaġni għandu jaġixxi b’imparzjalità u mingħajr ebda kunflitt ta’ interess. F’każ li jsib ruħu f’kunflitt ta’ interess jew li ma jistax iżomm l-imparzjalità meħtieġa biex tiggarantixxi l-integrità tal-indaġni, hu obbligat jirrikuża lilu nnifsu u jgħarraf lill-Metropolita biċ-ċirkustanzi.

 

§4. Il-persuni li jgħinu lill-Metropolita jieħdu ġurament li jwettqu l-inkarigu tagħhom kif imiss u fedelment.

 

Art. 14 – Tul tal-indaġni

§1. L-indaġni għandha tiġi konkluża fi żmien disgħin jum jew f’dak indikat fl-istruzzjonijiet imsemmija fl-artiklu 10 §2.

 

§2. Jekk ikun hemm raġunijiet validi, il-Metropolita jista’ jitlob il-proroga tat-terminu lid-Dikasteru kompetenti.

 

Art. 15 – Miżuri ta’ prekawzjoni

Jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi jkunu jitolbu hekk, il-Metropolita jipproponi lid-Dikasteru kompetenti l-adozzjoni ta’ provedimenti u ta’ miżuri xierqa ta’ prekawzjoni fil-konfront tal-indagat.

 

Art. 16 – Twaqqif ta’ fond

§1. Il-Provinċji ekkleżjastiċi, il-Konferenzi Episkopali, is-Sinodi tal-Isqfijiet u l-Kunsilli tal-Ġerarki jistgħu jistabbilixxu fond maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-indaġni, imwaqqaf skont in-normi tal-kanoni 116 u 1303 §1, 1° CIC u 1047 CCEO, u amministrat skont in-normi tal-liġi kanonika.

 

§2. Fuq talba tal-Metropolita inkarigat, il-fondi meħtieġa għall-fini tal-indaġni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu mill-amministratur tal-fond, flimkien mad-dmir li jippreżenta lil dan tal-aħħar rendikont fi tmiem l-indaġni.

 

Art. 17 – Trażmissjoni tal-atti u tal-votum

§1. Meta tkun lesta l-indaġni, il-Metropolita jgħaddi l-atti lid-Dikasteru kompetenti flimkien mal-votum tiegħu fuq ir-riżultati tal-indaġni u bi tweġiba għal mistoqsijiet li jista’ jkun hemm fl-istruzzjonijiet maħruġa skont l-artiklu 10 §2.

 

§2. Sakemm ma jinħarġux istruzzjonijiet oħra mid-Dikasteru kompetenti, il-fakultajiet tal-Metropolita jintemmu ladarba titlesta l-indaġni.

 

§3. F’rispett lejn l-istruzzjonijiet tad-Dikasteru kompetenti, il-Metropolita, fuq talba li ssirlu, jgħarraf bl-eżitu tal-indaġni lill-persuna li qed tafferma li ġiet offiża jew lir-rappreżentanti legali tagħha.

 

Art. 18 – Provedimenti oħrajn

Sakemm ma jiddeċidix li jiftaħ indaġni oħra, id-Dikasteru kompetenti jipproċedi skont dak li l-liġi tipprevedi għall-każ speċifiku.

 

Art. 19 – Osservanza tal-liġijiet tal-Istat

Dawn in-normi japplikaw bla preġudizzju tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti f’kull post mil-liġijiet tal-Istat, partikularment dawk li jistgħu jeżistu dwar obbligi li jsiru rapporti lill-awtoritajiet ċivili kompetenti.

 

Dawn in-normi huma approvati ad experimentum għal tliet snin.

 

Nistabbilixxi li din l-Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju tiġi ppromulgata permezz tal-pubblikazzjoni fuq L’Osservatore Romano, u tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2019, u li mbagħad tiġi ppubblikata fl-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fis-7 ta’ Mejju 2019, is-seba’ waħda tal-Pontifikat.

 

FRANĠISKU

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Ħajr ukoll lil Fr Brendan Gatt