O Kristu, mitluq waħdek u ttradut saħansitra minn dawk li kienu miegħek, u mibjugħ bi prezz baxx.

 

O Kristu, iġġudikat mill-midinbin, mogħti f’idejn il-Kapijiet.

 

O Kristu, imċarrat f’ġismek, inkurunat bix-xewk u mlibbes il-porpra. O Kristu, imsawwat u msammar bi ħruxija.

 

O Kristu, minfud bil-lanza li ċarrtitlek qalbek.

 

O Kristu, mejjet u midfun, int li int Alla tal-ħajja u ta’ kulma jeżisti.

 

O Kristu, Feddej waħdieni tagħna, għandek nerġgħu lura din is-sena wkoll b’għajnejna ’l baxxuti bil-mistħija u b’qalbna mimlija tama:

 

Bil-mistħija għax-xeni kollha ta’ tifrik, ta’ qerda u ta’ nawfraġju li saru ħaġa ta’ kuljum f’ħajjitna;

 

Mistħija għad-demm bla ħtija mxerred ta’ kuljum minn nisa, tfal, immigranti u persuni ppersegwitati minħabba l-lewn tal-ġilda tagħhom, inkella minħabba l-appartenenza etnika u soċjali, u għall-fidi tagħhom fik;

 

Mistħija għal tant drabi li, bħal Ġuda u Pietru, biegħnik u ttradejniek u ħallejniek tmut minħabba dnubietna, u bħal ġifa ħrabna mir-responsabbiltajiet tagħna;

 

Mistħija għas-skiet tagħna quddiem l-inġustizzji; għal idejna magħluqa bix-xeħħa u rgħiba biex jaħtfu u jiksbu; għall-vuċi tagħna soda biex tiddefendi l-interessi tagħna u dgħajfa biex taqbeż għal tal-oħrajn; għal riġlejna ħfief fit-triq tal-ħażin u mwaħħla fuq dik tat-tajjeb;

 

Mistħija għad-drabi kollha li aħna l-Isqfijiet, is-saċerdoti, l-ikkonsagrati tajna skandlu u drabna l-ġisem tiegħek, il-Knisja; u nsejna l-ewwel imħabba tagħna, l-ewwel ħeġġa tagħna u d-disponibbiltà sħiħa tagħna, u ħallejna l-qalb u l-konsagrazzjoni tagħna jittieklu mis-sadid.

 

Kemm mistħija, Mulej! Imma l-qalb tagħna tiġiha wkoll nostalġija fit-tama fiduċjuża li int m’initx sa timxi tagħna skont ma jistħoqqilna, imma biss skont il-kotra tal-Ħniena tiegħek; li t-tradimenti tagħna m’huma ħa jnaqqsu xejn mill-kobor bla qies ta’ mħabbtek; li l-qalb tiegħek, ta’ omm u ta’ missier, mhix sa tinsiena minħabba l-ebusija tagħna;

 

It-tama ċerta li l-ismijiet tagħna huma mnaqqxa fil-qalb tiegħek u li aħna qegħdin fi ħbub għajnejk;

 

It-tama li s-Salib tiegħek jibdel il-qalb iebsa tagħna f’qalb tal-laħam li kapaċi toħlom, taħfer u tħobb; jibdel dan il-lejl mudlam tas-salib tiegħek fl-għodwa kollha dawl tal-Qawmien tiegħek;

 

It-tama li l-fedeltà tiegħek ma tiddependix minn tagħna;

 

It-tama li l-ġemgħa ta’ rġiel u nisa fidili għas-Salib tiegħek qed tissokta u għad tissokta tgħix fidila bħall-ħmira li tagħti t-togħma u bħad-dawl li jiftaħ ixfqa ġodda fil-ġisem tal-umanità miġruħa tagħna;

 

It-tama li l-Knisja tiegħek tfittex li tkun il-leħen li jgħajjat fid-deżert tal-umanità biex tħejji t-triq għar-ritorn trijonfali tiegħek, meta tiġi biex tagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin;

 

It-tama li t-tajjeb għad jirbaħ minkejja li fid-deher jidher miġjub fix-xejn!

 

O Mulej Ġesù, Bin Alla, vittma innoċenti tal-fidwa tagħna, quddiem l-istendard regali tiegħek, il-misteru tiegħek ta’ mewt u glorja, quddiem il-patibolu tiegħek, aħna ninżlu għarkupptejna, imdiehxa bil-mistħija imma kollna tama, u nitolbuk taħsilna fil-fonti tad-demm u l-ilma li joħorġu mill-Qalb minfuda tiegħek; li taħfrilna dnubietna u l-ħtijiet tagħna;

 

Nitolbuk tiftakar f’ħutna mifnija mill-vjolenza, mill-indifferenza u mill-gwerra;

 

Nitolbuk tkisser il-ktajjen li jżommuna lsiera tal-egoiżmu tagħna, tal-għama li minn jeddna ġibna fuqna, u tal-vanità tal-kalkoli mondani tagħna.

 

O Kristu, nitolbuk tgħallimna ma nistħu qatt mis-Salib tiegħek, ma ninqdew qatt bih, imma nweġġħuh u nqimuh, għax bih int urejtna l-kruha ta’ dnubietna, il-kobor ta’ mħabbtek, l-inġustizzja tal-ġudizzji tagħna u l-qawwa tal-ħniena tiegħek. Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard