IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 31 ta’ Ottubru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 13: Fi Kristu ssib il-milja tagħha l-vokazzjoni sponsali tagħna

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq inkompli l-katekeżi fuq is-Sitt Kelma tad-Dekalogu – “La tiżnix” –, u nuri kif l-imħabba fidila ta’ Kristu hi d-dawl għalina biex ngħixu l-ġmiel tal-imħabba umana. Fil-fatt, id-dimensjoni affettiva tagħna hi sejħa għall-imħabba, li tidher fil-fedeltà, fl-akkoljenza u fil-ħniena. Dan hu importanti ħafna. L-imħabba kif nuruha? Fil-fedeltà, fl-akkoljenza u fil-ħniena.

 

Imma ma rridux ninsew li dan il-kmandament qed jirreferi espliċitament għall-fedeltà fiż-żwieġ, u għalhekk tajjeb nirriflettu iktar fil-fond fuq it-tifsira sponsali tiegħu. Din is-silta tal-Iskrittura, din is-silta mill-Ittra ta’ San Pawl, hi rivoluzzjonarja! Li taħseb, bl-antropoloġija ta’ dak iż-żmien, u tgħid li r-raġel għandu jħobb lil martu bħalma Kristu jħobb lill-Knisja: dik rivoluzzjoni! Aktarx li għal dak iż-żmien kienet l-aktar ħaġa rivoluzzjonarja li ntqalet fuq iż-żwieġ. Dejjem fit-triq tal-imħabba. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: dan il-kmand ta’ fedeltà, għal min hu? Għall-miżżewġin biss? Fir-realtà, dan il-kmandament hu għal kulħadd, hu Kelma ta’ Alla l-Missier għal kull raġel u mara.

 

Niftakru li l-mixja tal-maturazzjoni umana hi l-istess mixja tal-imħabba li tgħaddi milli wieħed jirċievi l-għożża għall-ħila li joffri l-għożża, milli jirċievi l-ħajja għall-ħila li jagħti l-ħajja. Li nsiru persuni adulti jfisser naslu biex ngħixu l-attitudni sponsali u ġenitorjali, li tidher fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja bħala l-ħila li nieħdu fuqna l-piż ta’ xi ħadd ieħor u nħobbuh bla kantunieri. Għalhekk hi attitudni globali tal-persuna li taf tilqa’ r-realtà u taf tidħol f’relazzjoni profonda mal-oħrajn.

 

Mela min hu l-adulteru, dak li jimxi mal-ġibdiet tal-ġisem, l-infidil? Hu l-persuna immatura, li żżomm ħajjitha għaliha u taqra s-sitwazzjonijiet skont kemm ħa tkun sew hi u għas-sodisfazzjon tagħha. Mela, biex niżżewġu, mhux biżżejjed niċċelebraw it-tieġ! Irridu nagħmlu mixja mill-jien għall-aħna, milli naħseb għalija nnifsi għal li naħsbu għat-tnejn flimkien, milli ngħix waħdi għal li ngħixu t-tnejn flimkien: hi mixja sabiħa, hi mixja sabiħa. Meta naslu biex niddeċentraw ruħna, allura kull att isir sponsali: naħdmu, nitkellmu, niddeċiedu, niltaqgħu mal-oħrajn b’atteġġjament li jaf jilqa’ lill-oħrajn u joffri dak li hu.

 

Kull vokazzjoni Nisranija, f’dan is-sens, – issa nistgħu nwessgħu xi ftit il-perspettiva, u ngħidu li kull vokazzjoni Nisranija, f’dan is-sens, hi sponsali. Is-saċerdozju hekk hu għax huwa s-sejħa, fi Kristu u fil-Knisja, biex naqdu lill-komunità bl-imħabba kollha, l-għożża konkreta u l-għerf li l-Mulej jagħti. Il-Knisja m’għandhiex bżonn ta’ aspiranti għar-rwol ta’ qassisin – le, m’għandniex bżonnhom, dawn aħjar jibqgħu d-dar –, imma għandha bżonn ta’ rġiel li l-Ispirtu s-Santu jmissilhom qalbhom bi mħabba bla riservi għall-Għarusa ta’ Kristu. Fis-saċerdozju wieħed iħobb lill-poplu ta’ Alla bil-paternità, il-ħlewwa u l-qawwa kollha ta’ għarus u ta’ missier. Hekk anki l-verġinità kkonsagrata fi Kristu tingħax b’fedeltà u b’ferħ bħala relazzjoni sponsali u għammiela ta’ maternità u ta’ paternità.

 

Intenni: kull vokazzjoni Nisranija hi sponsali, għax hi frott tar-rabta ta’ mħabba li fiha aħna lkoll tnissilna mill-ġdid, ir-rabta ta’ mħabba ma’ Kristu, kif fakkritna s-silta ta’ Pawlu moqrija fil-bidu. Ibda mill-fedeltà tiegħu, mill-ħlewwa tiegħu, mill-ġenerożità tiegħu, inħarsu bil-fidi lejn iż-żwieġ u lejn kull vokazzjoni, u nifhmu t-tifsira sħiħa tas-sesswalità.

 

Il-ħlejqa umana, fl-għaqda essenzjali tagħha ta’ ruħ u ġisem, u fil-polarità maskili u femminili, hi realtà tajba ħafna, iddestinata biex tħobb u tkun maħbuba. Il-ġisem uman mhuwiex strument ta’ pjaċir, imma l-post tas-sejħa tagħna għall-imħabba, u fl-imħabba awtentika ma hemmx wisa’ għall-ġibdiet tal-ġisem u għas-superfiċjalità tagħhom. Il-bnedmin jixirqilhom aħjar minn hekk!

 

Mela, il-Kelma “La tiżnix”, imqar jekk f’bixra negattiva, torjentana għas-sejħa tagħna tal-bidu, jiġifieri għall-imħabba sponsali sħiħa u fidila, li wriena u tana Ġesù Kristu (ara Rum 12:1).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard