IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ Settembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Vjaġġ fil-Pajjiżi Baltiċi

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar jiem għamilt vjaġġ appostoliku fil-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-indipendenza ta’ dawn il-Pajjiżi msejħa Baltiċi. Mitt sena li nofshom huma għexuhom taħt il-madmad tal-okkupazzjonijiet, l-ewwel dik Nażista, imbagħad dik Sovjetika. Huma popli li batew ħafna, u għalhekk il-Mulej ħares lejhom bi preferenza. Jiena ċert minn dan. Nirringrazzja lill-Presidenti tat-tliet Repubbliki u l-Awtoritajiet ċivili għall-merħba sabiħa li tawni. Nirringrazzja lill-Isqfijiet u lil dawk kollha li kkollaboraw biex iħejju u jwettqu din il-ġrajja ekkleżjali.

 

Iż-żjara tiegħi seħħet f’kuntest pjuttost differenti minn dak li sab San Ġwanni Pawlu II; għalhekk il-missjoni tiegħi kienet li nħabbar mill-ġdid lil dawk il-popli l-ferħ tal-Vanġelu u r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa, tal-ħniena, għax il-libertà mhix biżżejjed biex tagħti sens u sħuħija lill-ħajja jekk ma jkunx hemm l-imħabba, imħabba li tiġi dejjem minn Alla. Il-Vanġelu, li fi żmien it-tiġrib jagħti qawwa u jsaħħaħ it-taqbida għall-ħelsien, fiż-żmien tal-libertà hu dawl għall-mixja ta’ kuljum tal-persuni, tal-familji, tas-soċjetajiet u huwa melħ li jagħti togħma lill-ħajja ta’ kuljum u jżomm mit-taħsir tal-medjokrità u tal-egoiżmi.

 

Fil-Litwanja l-Kattoliċi huma fil-maġġoranza, waqt li fil-Latvja u fl-Estonja iktar hemm Luterani u Ortodossi, imma ħafna tbiegħdu mill-ħajja reliġjuża. Għalhekk l-isfida hi dik li nsaħħu l-komunjoni bejn l-Insara kollha, ħaġa li diġà żviluppat tul il-perjodu iebes tal-persekuzzjoni. Fil-fatt, id-dimensjoni ekumenika kienet ħaġa waħda ma’ dan il-vjaġġ, u sabet espressjoni fil-mument ta’ talb fil-Katidral ta’ Riga u fil-laqgħa maż-żgħażagħ f’Tallinn.

 

Xħin indirizzajt lill-Awtoritajiet rispettivi tat-tliet Pajjiżi, sħaqt fuq il-kontribut li huma jagħtu lill-komunità tan-Nazzjonijiet u speċjalment lill-Ewropa: kontribut ta’ valuri umani u soċjali li għaddew mill-forġa tal-prova. Inkuraġġejt id-djalogu bejn il-ġenerazzjoni tal-anzjani u dik taż-żgħażagħ, għax il-kuntatt mal-“għeruq” jista’ jkompli jħalli l-frott tiegħu fil-preżent u fil-futur. Sejjaħt biex dejjem ninsġu l-libertà mas-solidarjetà u l-akkoljenza, skont it-tradizzjoni ta’ dawk l-artijiet.

 

Għaż-żgħażagħ u għall-anzjani kienu ddedikati żewġ laqgħat speċifiċi: maż-żgħażagħ f’Vilnius, mal-anzjani f’Riga. Fil-pjazza ta’ Vilnius, mimlija żgħażagħ, ħareġ ċar il-motto taż-żjara fil-Litwanja: “Ġesù Kristu t-tama tagħna”. Ix-xhieda qasmu magħna l-ġmiel tat-talb u tal-kant, fejn ir-ruħ tinfetaħ għal Alla; il-ferħ li naqdu lill-oħrajn, billi noħorġu mill-ħitan tal-“jien” biex nidħlu f’mixja, u nkunu kapaċi nerġgħu nqumu wara l-waqgħat. Mal-anzjani, fil-Latvja, sħaqt fuq ir-rabta qawwija bejn sabar u tama. Dawk li għaddew minn provi ibsin huma l-għeruq ta’ poplu, li rridu nħarsuhom bil-grazzja ta’ Alla, biex rimjiet ġodda jistgħu joħorġu u jwarrdu u jagħmlu l-frott. L-isfida għal min qed jixjieħ hi li ma jibbiesx minn ġewwa, imma jibqa’ miftuħ u b’moħħ u qalb ħelwa; u dan hu possibbli bil-ħajja li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, fit-talb u fis-smigħ tal-Kelma.

 

Anki mas-saċerdoti, l-ikkonsagrati u s-seminaristi, li ltqajt magħhom fil-Litwanja, dehret essenzjali, għat-tama, id-dimensjoni tal-perseveranza: li nkunu ffukati fuq Alla, b’għeruqna sodi fi mħabbtu. X’xhieda kbira kienu u għadhom jagħtu f’dan tant qassisin, u reliġjużi anzjani! Ġarrbu kalunnji, ħabsijiet, deportazzjonijiet…, imma baqgħu sħaħ fil-fidi. Ħeġġiġthom biex ma jinsewx, biex iħarsu l-memorja tal-martri, biex jimxu fuq l-eżempji tagħhom.

 

U la qed nitkellmu fuq memorja, f’Vilnius tajt omaġġ lill-vittmi tal-ġenoċidju Lhudi fil-Litwanja, eżattament 75 sena wara l-għeluq tal-Ghetto l-kbir, li fil-każ ta’ eluf ta’ Lhud kien l-intrata għall-mewt. Fl-istess waqt żort il-Mużew tal-Okkupazzjonijiet u tal-Taqbidiet għal-Libertà: waqaft fit-talb proprju fil-kmamar fejn kienu jinżammu, jiġu ttorturati u maqtula dawk li kienu jeħduha kontra r-reġim. Kien joqtlu ftit jew wisq erbgħin kull lejl. Ħaġa li tmisslek qalbek tara sa fejn kapaċi tasal il-kefrija tal-bniedem. Ejja naħsbu f’dan.

 

Jgħaddu s-snin, jgħaddu r-reġimi, imma fuq il-Bieb tal-Awrora ta’ Vilnius, Marija, Omm il-Ħniena, tkompli tħares lill-poplu tagħha, bħala sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 68).

 

Sinjal ħaj tal-Vanġelu hi dejjem l-imħabba konkreta. Anki fejn hi iktar b’saħħitha s-sekularizzazzjoni, Alla jitkellem bil-lingwaġġ tal-imħabba, tal-għożża, tal-qadi b’xejn lil min hu fil-bżonn. U hekk il-qlub jinfetħu, u l-mirakli jseħħu: fid-deżert twarrad ħajja ġdida.

 

Fit-tliet ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi – f’Kaunas, il-Litwanja, f’Aglona, il-Latvja, u f’Tallinn, l-Estonja – il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla li miexi f’dawk l-artijiet ġedded l-“iva” tiegħu lil Kristu t-tama tagħna; ġeddidha ma’ Marija, li dejjem turi li hi Omm għal uliedha, speċjalment għal dawk li qed ibatu l-iżjed; ġeddidha bħala poplu magħżul, saċerdotali u qaddis, li fil-qalb tiegħu Alla jqanqal mill-ġdid il-grazzja tal-Magħmudija.

 

Nitolbu għal ħutna tal-Litwanja, tal-Latvja, u tal-Estonja. Grazzi!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard