IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Ottubru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti: 12: La tiżnix

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-Kmandamenti llum wasalna fis-Sitt Kelma, li tmiss id-dimensjoni affettiva u sesswali, u taqra: “La tiżnix”.

 

Mill-ewwel moħħna jmur fuq il-fedeltà, u fil-fatt l-ebda relazzjoni umana mhi awtentika mingħajr fedeltà u lealtà.

 

Ma tistax tħobb biss sakemm “jaqbillek”; l-imħabba tidher sewwasew lil hemm mill-għatba tal-vantaġġ personali, meta nagħtu kollox bla ma nżommu xejn għalina. Kif jafferma l-Katekiżmu: “L-imħabba trid tkun ħaġa definittiva. Ma tistax tkun imħabba ‘sakemm ikun hemm ordni ieħor’” (n. 1646). Il-fedeltà hi l-karatteristika ta’ relazzjoni bejn il-bnedmin li hi ħielsa, matura, responsabbli. Imqar ħabib juri li hu awtentiku għax jibqa’ ħabib f’kull ċirkustanza, inkella ma hu ħabib xejn. Kristu jurina l-imħabba vera x’inhi, hu li jgħix bl-imħabba bla tarf tal-Missier, u bis-saħħa ta’ dan hu l-Ħabib fidil li jilqagħna għandu anki meta niżbaljaw, u jrid dejjem il-ġid tagħna, anki meta ma jistħoqqilniex.

 

Il-bniedem għandu bżonn li jkun maħbub bla kundizzjonijiet, u meta ma jsibx din l-akkoljenza jkun iġorr ġo fih ċertu nuqqas ta’ kompletezza, spiss mingħajr ma jaf għaliex. Il-qalb tal-bniedem tfittex li timla dan il-vojt b’xi ħaġa oħra, billi taċċetta kompromessi u medjokritajiet li mill-imħabba għandhom biss togħma vaga. Ir-riskju huwa dak li relazzjonijiet infantili u immaturi nibdew insejħulhom “imħabba”, bl-illużjoni li nsibu dawl għal ħajjitna f’xi ħaġa li, l-iktar l-iktar, hi biss dell tagħha.

 

Hekk, ngħidu aħna, jiġri li nagħtu wisq valur lill-ġibda tal-ġisem, li fiha nfisha hi don ta’ Alla imma bl-għan li tħejji t-triq għal relazzjoni awtentika u fidila mal-persuna l-oħra. Kif qal San Ġwanni Pawlu II, il-bniedem “hu msejjaħ għall-ispontanjetà sħiħa u matura tar-relazzjonijiet”, li “hi l-frott gradwali tad-dixxerniment ta’ dak li tħoss il-qalb”. Hi xi ħaġa li rridu niksbuha, ladarba kull bniedem “għandu jitgħallem, b’perseveranza u koerenza, x’inhi t-tifsira tal-ġisem” (ara Katekeżi, 12 ta’ Novembru 1980).

 

Għalhekk, is-sejħa għall-ħajja konjugali titlob dixxerniment għaqli tal-kwalità tar-relazzjoni u żmien ta’ għerusija biex wieħed jivverifikaha. Sabiex jidħlu għas-Sagrament taż-Żwieġ, l-għarajjes jeħtieġ jimmaturaw fiċ-ċertezza li f’dik ir-rabta tagħhom hemm l-id ta’ Alla, li jimxi qabilhom u jseħibhom, biex hekk jistgħu jgħidu: “Bil-grazzja ta’ Kristu nwiegħed li dejjem inkun fidil lejk”. Ma jistgħux iwiegħdu fedeltà lil xulxin “fil-ferħ u fin-niket, fis-saħħa u fil-mard”, u li jinħabbu u jirrispettaw lil xulxin il-jiem kollha ta’ ħajjithom, jekk sempliċiment jibnu fuq ir-rieda tajba jew fuq it-tama li “l-ħaġa ħa taħdem”. Jeħtieġ jibnu fuq l-art soda tal-Imħabba fidila ta’ Alla. U għalhekk, qabel ma jirċievu s-Sagrament taż-Żwieġ, hemm bżonn ta’ tħejjija tajba, nissogra ngħid katekumenat, għax hawn fin-nofs il-ħajja kollha fl-imħabba, u mal-imħabba ma tilgħabx. Ma tistax issejħilhom “preparazzjoni għaż-żwieġ” tliet konferenzi jew erbgħa fil-parroċċa; le, din mhijiex preparazzjoni: din preparazzjoni ta’ biċ-ċajt. U r-responsabbiltà ta’ min jagħmel dan, fuqu taqa’: fuq il-kappillan, fuq l-isqof li jħalli dawn l-affarijiet għaddejjin. It-tħejjija għandha tkun matura u trid iż-żmien. Mhuwiex xi att formali: hu Sagrament. Imma għalih meħtieġa tħejjija b’katekumenat veru.

 

Fil-fatt, il-fedeltà hi mod ta’ kif tgħix, stil ta’ ħajja. Wieħed jimxi b’lealtà, jitkellem b’sinċerità, jibqa’ fidil għall-verità fil-ħsieb, fl-għemil tiegħu. Ħajja minsuġa bil-fedeltà tesprimi ruħha fid-dimensjonijiet kollha tagħha u twassalna biex inkunu rġiel u nisa fidili u ta’ min jafdana f’kull ċirkustanza.

 

Imma biex naslu għal ħajja hekk sabiħa mhix biżżejjed in-natura tagħna ta’ bnedmin, imma hemm bżonn li l-fedeltà ta’ Alla tidħol fil-ħajja tagħna, nittieħdu minnha. Din is-Sitt Kelma qed issejħilna biex indawru ħarsitna fuq Kristu, li bil-fedeltà tiegħu jista’ jneħħi minna qalb żienja u jagħtina qalb fidila. Fih, u fih biss, hemm l-imħabba bla limiti u bla tidwir, l-għotja sħiħa bla parentesi u r-rieda soda li tilqa’ lill-ieħor jew lill-oħra sa ġewwa nett.

 

Mill-mewt u l-qawmien tiegħu tiġi l-fedeltà tagħna, mill-imħabba tiegħu bla kundizzjonijiet tiġi l-perseveranza fir-relazzjonijiet. Mill-komunjoni tagħna miegħu, mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu tiġi l-komunjoni bejnietna u nitgħallmu ngħixu fil-fedeltà r-rabtiet kollha tagħna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard