UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
21 ta’ Novembru
2018
Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 16:
La tixtieqx
in-nisa tal-oħrajn; la tixtieqx il-ħwejjeġ tal-oħrajn
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-laqgħat
tagħna dwar id-Dekalogu llum qed iwassluna fl-aħħar Kmandament.
Smajnieh ċar. Dawn mhumiex biss l-aħħar kelmiet tat-test, imma
ħafna iżjed minn hekk: huma l-milja tal-vjaġġ tul
id-Dekalogu, u jmissu l-qalba ta’ dak kollu li qed jiġi mgħoddi lilna
permezz tiegħu. Fil-fatt, jekk nagħtu daqqa t’għajn iżjed
mill-qrib, ma huma qed jagħtuna l-ebda kontenut ġdid:
l-indikazzjonijiet “la tixtieqx il-mara
[…], la tixxennaqx għal
xejn milli għandu għajrek”
huma tal-inqas moħbija fil-kmandamenti fuq l-adulterju u fuq is-serq; mela
x’inhi l-funzjoni ta’ dawn il-kelmiet? Huma ġabra oħra fil-qosor? Jew
huma xi ħaġa iżjed minn hekk?
Irridu nżommu
tajjeb quddiem għajnejna li l-Kmandamenti kollha għandhom l-għan
li juruna sa fejn nistgħu naslu fil-ħajja, il-limitu li, meta
jaqbżu, il-bniedem ikun jeqred lilu nnifsu u lill-proxxmu tiegħu,
ikun ifarrak ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Jekk int tmur iktar lil hemm,
tkun teqred lilek innifsek, tkun teqred ukoll ir-relazzjoni tiegħek ma’
Alla u r-relazzjoni tiegħek mal-oħrajn. Il-Kmandamenti juruhulna dan.
Permezz ta’ din l-aħħar kelma qed issir enfasi fuq il-fatt li
d-dnubiet kollha jinbtu minn għerq ġewwieni komuni: ix-xewqat ħżiena. Id-dnubiet
kollha ġejjin minn xewqa ħażina. Kollha. Hekk tibda
tiċċaqlaq il-qalb, u wieħed jidħol f’dik il-mewġa, u
jispiċċa biex jagħmel il-ħażin. Imma dan mhux ksur
tal-liġi sempliċiment formali, legali: dan hu ħażen li bih
iweġġa’ lilu nnifsu u lill-oħrajn.
Fil-Vanġelu l-Mulej
Ġesù dan jgħidu b’mod ċar ħafna: “Għax hu minn
ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet
il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba,
ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u
bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’
lill-bniedem” (Mk 7:21-23).
Hekk nibdew nifhmu
li l-mixja kollha tad-Dekalogu ma tkun tiswa xejn jekk ma tasalx biex tmiss dan
il-livell, il-qalb tal-bniedem. Minn
fejn jinbtu dawn il-ħwejjeġ koroh kollha? Id-Dekalogu hu ċar u
profond fuq dan l-aspett: id-destinazzjoni – l-aħħar kmandament – ta’
dan il-vjaġġ hi l-qalb, u jekk din, jekk il-qalb mhijiex meħlusa,
il-bqija ftit li xejn jiswa. Din hi l-isfida: li neħilsu l-qalb minn dawn
il-ħwejjeġ ħżiena u koroh kollha. Il-preċetti ta’ Alla
jistgħu jirriduċu ruħhom għal sempliċi faċċata
sabiħa ta’ ħajja li xorta tibqa’ ħajja ta’ lsiera u mhux ta’
wlied. Spiss, wara l-maskra Fariżajka tal-korrettezza soffokanti hemm
moħbija xi ħaġa kerha u li għadha ma ssolvietx.
Imma rridu
nħallu dawn il-kmandamenti fuq ix-xewqa jneżżgħulna
l-maskra tagħna, għax jikxfulna l-faqar tagħna, biex iwassluna
għal umiljazzjoni qaddisa. Kull wieħed u waħda minna jista’
jistaqsi lilu nnifsu: imma liema xewqat koroh jiġuni spiss
f’moħħi? L-għira, ir-regħba, it-tqassis? Dawk l-affarijiet
kollha li jiġuni minn ġewwa. Kulħadd jista’ jistaqsi dan lilu
nnifsu u jiswielu ta’ ġid. Il-bniedem għandu bżonn ta’ din
l-umiljazzjoni mbierka, dik li permezz tagħha jiskopri li ma jistax
jinħeles waħdu, li biha jista’ jgħajjat lil Alla biex isalvah.
Dan jispjegah b’mod uniku San Pawl, proprju billi jirriferi
għall-kmandament ma jkollokx xewqat
ħżiena (ara Rum 7:7-24).
Għalxejn
naħsbu li nistgħu nikkoreġu lilna nfusna mingħajr id-don
tal-Ispirtu s-Santu. Għalxejn naħsbu li nistgħu nippurifikaw
il-qalb tagħna bi sforz qawwi tar-rieda tagħna: dan mhux possibbli.
Jeħtieġ ninfetħu għar-relazzjoni ma’ Alla, fil-verità u
fil-libertà: hekk biss it-taħbit tagħna jista’ jagħti l-frott, għax
ikun hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina.
Xogħol
il-Liġi Biblika mhuwiex li timla moħħ il-bniedem li l-ubbidjenza
kelma b’kelma se twasslu għal salvazzjoni artifiċjali li xorta
waħda qatt ma jista’ jilħaq. Xogħol il-Liġi hu li twassal
lill-bniedem għall-verità tiegħu nnifsu, jew aħjar,
għall-faqar tiegħu, li mbagħad isir ftuħ awtentiku,
ftuħ personali għall-ħniena ta’ Alla, li tibdilna u
ġġeddidna. Alla waħdu jista’ jġedded il-qalb tagħna,
kemm-il darba aħna niftħu qalbna għalih: din hi l-unika
kundizzjoni; hu se jagħmel kollox, aħna rridu biss niftħulu
qalbna.
L-aħħar
kelmiet tad-Dekalogu qed jedukaw lil kulħadd biex nagħrfu li
aħna tallaba; jgħinuna
nixħtu wara daharna t-taħwid ta’ qalbna, biex ma nibqgħux
ngħixu egoistikament u nsiru foqra fl-ispirtu, awtentiċi quddiem
il-Missier, u nħallu lill-Iben jifdina u lill-Ispirtu s-Santu jmexxina.
L-Ispirtu s-Santu hu l-imgħallem li jmexxina: inħallu lilu
jgħinna. Aħna tallaba, nitolbu din il-grazzja.
“Henjin il-foqra
fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 5:3). Iva, henjin
dawk li jieqfu jidħku bihom infushom għax jemmnu li jistgħu
jsalvaw lilhom infushom mid-dgħufija tagħhom mingħajr
il-ħniena ta’ Alla, li waħidha tista’ tfejjaq. Il-ħniena ta’
Alla biss tista’ tfejjaq il-qalb. Henjin dawk li jagħrfu x’inhuma x-xewqat
ħżiena tagħhom u b’qalb niedma u mċekkna ma jippruvawx
jidhru quddiem Alla u quddiem il-bnedmin l-oħra bħala nies
ġusti, imma bħala midinba. Sabiħ dak li Pietru jgħid
lill-Mulej: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb”. Talba
sabiħa din: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb”.
Dawn huma dawk li
jafu jagħdru, li jafu juru ħniena mal-oħrajn, għax l-ewwel
ikunu daquha huma.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard