IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 20 ta’ Ġunju 2018

 

KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti. 2: “Għaxar Kelmiet” biex ngħixu l-Patt

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Din l-udjenza qed issir f’żewġ postijiet: aħna, hawn, fil-pjazza, u fl-Awla Pawlu VI hemm ’il fuq minn mitejn marid li qed isegwu l-udjenza minn fuq l-iskrin. Ilkoll flimkien insawru komunità waħda. Ejjew insellmu b’ċapċipa lil dawk li qegħdin fl-Awla.

 

L-Erbgħa li għadda bdejna ċiklu ġdid ta’ katekeżi fuq il-Kmandamenti. Rajna kif il-Mulej Ġesù ma ġiex biex ineħħi l-Liġi, imma biex iwassalha għall-milja tagħha. Imma jeħtieġ nifhmu aħjar din il-perspettiva.

 

Fil-Bibbja, il-Kmandamenti mhumiex hemm għalihom infushom, imma huma parti minn rabta, relazzjoni. Il-Mulej Ġesù ma ġiex biex ineħħi l-Liġi, imma biex iwassalha għall-milja. U hemm dik ir-relazzjoni tal-Patt[1] bejn Alla u l-Poplu tiegħu. Fil-bidu tal-kapitlu 20 tal-ktieb tal-Eżodu naqraw – u dan hu importanti –: “Alla kellimhom u qalilhom dan kollu” (v. 1).

 

Donnu ftuħ bħall-oħrajn, imma xejn fil-Bibbja ma hu bla tifsira. It-test ma jgħidx: “Alla lissen dawn il-kmandamenti”, imma “kellimhom”. It-tradizzjoni Lhudija d-Dekalogu dejjem baqgħet issejjaħlu “l-għaxar Kelmiet”. U t-terminu “dekalogu” proprju hekk ifisser.[2] U sadattant għandhom għamla ta’ liġijiet, oġġettivament huma kmandamenti. Mela għaliex l-Awatur sagru juża, proprju hawn, it-terminu “għaxar kelmiet”? Għaliex? U ma jgħidx “għaxar kmandamenti”?

 

X’differenza hemm bejn kmand u kelma? Il-kmand hu komunikazzjoni li ma titlobx djalogu. Mill-banda l-oħra, il-kelma hi l-mezz essenzjali tar-relazzjoni bħala djalogu. Alla l-Missier joħloq permezz tal-kelma tiegħu, u Ibnu hu l-Kelma li saret laħam. L-imħabba tikber permezz ta’ kliem, u hekk ukoll l-edukazzjoni u l-kollaborazzjoni. Żewġ persuni li ma jinħabbux, ma jirnexxilhomx jikkomunikaw bejniethom. Meta xi ħadd ikellem lill-qalb tagħna, is-solitudni tagħna tintemm. Tirċievi kelma, issir il-komunikazzjoni, u l-Kmandamenti huma kelmiet ta’ Alla: Alla jikkomunika lilu nnifsu f’dawn l-għaxar Kelmiet, u jistenna t-tweġiba tagħna.

 

Ħaġa nirċievu ordni, u ħaġa oħra nintebħu li xi ħadd qed ifittex li jitkellem magħna. Djalogu hu ħafna iżjed milli komunikazzjoni ta’ verità. Jien nista’ ngħidilkom: “Illum hu l-aħħar jum tar-rebbiegħa, rebbiegħa sħuna, imma llum hu l-aħħar jum”. Din hi verità, mhix djalogu. Imma jekk jien ngħidilkom: “X’taħsbu minn din ir-rebbiegħa?”, inkun niftaħ djalogu. Il-Kmandamenti huma djalogu. Il-komunikazzjoni sseħħ għall-gost li wieħed jitkellem u għall-ġid konkret li jiġi kkomunikat bejn dawk li jħobbu lil xulxin permezz ta’ dawk il-kelmiet. Hu ġid li ma jikkonsistix f’oġġetti, imma fl-istess persuni li jingħataw lil xulxin fid-djalogu (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 142).

 

Imma din id-differenza mhijiex ħaġa superfiċjali. Ħa naraw x’ġara fil-bidu. It-Tentatur, ix-xitan, ried iqarraq bil-bniedem fuq hekk: ried jikkonvinċih li Alla ma ridux jiekol mill-frott tas-siġra tat-tajjeb u l-ħażin, biex iżommu taħtu. L-isfida din hi: l-ewwel norma li Alla ta lill-bniedem hi l-impożizzjoni ta’ despota li jipprojbixxi u jross, jew l-għożża ta’ missier li qed jieħu ħsieb taċ-ċkejknin tiegħu u jrid iħarishom mill-qerda tagħhom infushom? Hi kelma jew hi kmand? L-aktar traġika mill-ħafna gidbiet li s-serp jgħid lil Eva hu meta jġagħalha taħseb f’Alla għajjur: “U le, dak Alla għax jgħir għalikom” – f’Alla possessiv – “Alla ma jridkomx ħielsa”. Il-fatti traġikament juru li s-serp gideb (ara Ġen 2:16-17; 3:4-5), bellagħhielhom li kelma ta’ mħabba kienet ordni.

 

Il-bniedem isib ruħu f’salib it-toroq: Alla qed jimponi fuqi jew qed jieħu ħsiebi? Il-kmandamenti tiegħu huma biss liġi jew fihom kelma, biex jieħu ħsiebi? Alla hu sid jew Missier? Alla hu Missier: tinsewhx dan. Anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar koroh, żommu f’moħħkom dejjem li għandna Missier li jħobbna lkoll. Aħna sudditi jew ulied? Din it-taqbida, ġo fina u barra minna, tippreżenta ruħha l-ħin kollu: elf darba jkollna nagħżlu bejn mentalità ta’ lsiera u mentalità ta’ wlied. Il-kmandament hu tas-sid, il-kelma hi tal-Missier.

 

L-Ispirtu s-Santu hu Spirtu ta’ wlied, hu l-Ispirtu ta’ Ġesù. Spirtu ta’ lsiera ma jistax ħlief jilqa’ l-Liġi b’mod oppressiv, u jista’ jipproduċi żewġ riżultati kontra xulxin: jew ħajja magħmula minn dmirijiet u minn obbligi, jew reazzjoni vjolenti u ta’ rifjut. Il-Kristjaneżmu hu kollu mod ta’ kif ngħaddu mill-ittra tal-Liġi għall-Ispirtu li jagħti l-ħajja (ara 2 Kor 3:6-17). Ġesù hu l-Kelma tal-Missier, mhuwiex il-kundanna tal-Missier. Ġesù ġie biex isalva, bil-Kelma tiegħu, mhux biex jikkundannana.

 

Tintebaħ raġel jew mara jkunux għamlu din il-qabża jew le. In-nies tintebaħ jekk Nisrani jkunx jirraġuna ta’ iben jew ta’ lsir. U aħna stess niftakru jekk l-edukaturi tagħna ħadux ħsiebna bħal missirijiet u ommijiet, jew jekk biss imponewx fuqna regoli. Il-Kmandamenti huma l-mixja lejn il-libertà, għax huma l-kelma tal-Missier li f’din il-mixja jrid jeħlisna.

 

Id-dinja m’għandhiex bżonn ta’ legaliżmu, imma ta’ min iħobbha. Għandha bżonn ta’ Nsara b’qalb ta’ wlied.[3] Għandha bżonn ta’ Nsara bil-qalb ta’ wlied: tinsewxh dan.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard



[1] Qabel il-kapitlu 20 tal-ktieb tal-Eżodu hemm l-offerta tal-Patt fil-kap. 19, fejn hi ċentrali din l-istqarrija: “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija saltna ta’ qassisin u ġens qaddis” (Eż 19:5-6). Din it-terminoloġija ssib is-sintesi emblematika tagħha f’Lev 26:12: “U nitlajja f’nofskom u nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi”, u tasal sal-isem tal-Messija mħabbar minn qabel f’Isaija 7:14, jew l-Għimmanu-El, li jġib Mattew: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’” (Mt 1:23). Dan kollu juri n-natura essenzjalment relazzjonali tal-fidi Lhudija u, iktar u iktar, ta’ dik Nisranija.

[2] Ara wkoll Eż 34:28b: “U kiteb fuq it-twavel il-kliem tal-patt, l-għaxar Kelmiet”.

[3] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis splendor, 12: “Id-don tad-Dekalogu hu wegħda u sinjal tal-Patt il-Ġdid li bih il-liġi tinkiteb mill-ġdid fil-fond tal-qalb tal-bniedem (ara Ġer 31:31-34) u tieħu l-post tal-liġi tad-dnub, li ħassret il-qalb tal-bniedem (ara Ġer 17:1). Tingħata mbagħad ‘qalb ġdida’ għax fiha tgħammar ‘ruħ ġdida’, l-Ispirtu ta’ Alla (ara Eżek 36:24-28)”.