IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru 2018

 

Katekeżi Il-Milied: is-sorpriżi li jogħġbu lil Alla

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Sitt ijiem oħra l-Milied. Is-siġar, it-tiżjin u d-dwal kullimkien ifakkruna li anki din is-sena sa tkun festa kbira. Il-magna pubbliċitarja tistedinna naqsmu rigali dejjem ġodda biex nagħtu sorpriża lil xulxin. Imma jien nistaqsi: Din hi t-tip ta’ festa li togħġob lil Alla? Liema Milied jixtieq hu, liema rigali, liema sorpriżi?

 

Ejjew inħarsu lejn l-ewwel Milied tal-istorja ħalli niskopru x’gosti għandu Alla. Dak l-ewwel Milied tal-Istorja kien mimli sorpriżi. Jiftaħ b’Marija, li kienet l-għarusa mwiegħda ta’ Ġużeppi: jasal l-anġlu u jibdlilha ħajjitha. Minn verġni sa ssir omm. Tkompli b’Ġużeppi, imsejjaħ biex isir missier ta’ iben mingħajr ma jkun hu li jnisslu. Iben li – ħabta u sabta – jasal fil-mument l-inqas opportun, jiġifieri meta Marija u Ġużeppi kienu għarajjes mogħtija lil xulxin fiż-żwieġ u bil-Liġi kienu għadhom ma jistgħux jgħixu flimkien. Quddiem l-iskandlu, bis-sens komun ta’ dak iż-żmien Ġużeppi messu keċċa lil Marija biex isalva l-fama tajba tiegħu, imma hu, imqar jekk kellu dritt, jissorprendina: biex ma jagħmilx ħsara lil Marija jibda jaħseb kif sa jibgħatha bil-moħbi tan-nies, bir-riskju li jitlef ir-reputazzjoni tiegħu stess. Imbagħad sorpriża oħra: Alla fil-ħolm jibdillu l-pjanijiet tiegħu u jitolbu jilqa’ għandu lil Marija. Meta mbagħad twieled Ġesù, u Ġużeppi kellu l-proġetti tiegħu għall-familja, mill-ġdid fil-ħolm tingħatalu l-ordni li jqum u jmur l-Eġittu. Insomma, il-Milied iġib bidliet xejn mistennija fil-ħajja. U jekk aħna rridu ngħixu l-Milied, jeħtieġ niftħu qalbna u nkunu lesti għas-sorpriżi, jiġifieri għal bidla f’ħajjitna li ma konniex nistennewha.

 

Imma hu fil-lejl tal-Milied li tasal l-ikbar sorpriża: l-Aktar Għoli hu tarbija ċkejkna. Il-Kelma divina hi tarbija, li litteralment tfisser “mhux kapaċi titkellem”. U l-kelma divina ssir “mhix kapaċi titkellem”. Biex jilqgħu lill-Feddej ma hemmx l-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien jew ta’ dak il-post jew l-ambaxxaturi: le; huma sempliċi ragħajja li, maħsuda mill-anġli waqt xogħolhom billejl, imorru jħaffu bla dewmien. Min kien jistennieh dan? Il-Milied ifisser niċċelebraw il-ġdid ta’ Alla, jew aħjar, ifisser niċċelebraw lil Alla tal-ġdid, li jaqleb ta’ taħt fuq kull loġika tagħna u kull ħaġa li konna nistennew.

 

Mela, niċċelebraw il-Milied ifisser nilqgħu fuq din l-art is-sorpriżi tas-Sema. Ma nistgħux nibqgħu ngħixu “mill-art għall-art”, meta s-Sema ġab miegħu l-ġdid tiegħu fid-dinja. Il-Milied iniedi epoka ġdida, fejn il-ħajja ma nipprogrammawhiex minn qabel, imma nagħtuha; fejn ma nibqgħux ngħixu għalina nfusna, skont il-gosti tagħna, imma għal Alla; u id f’id ma’ Alla, għax mill-Milied Alla sar Alla-magħna, li jgħix magħna, li jimxi magħna. Ngħixu l-Milied ifisser inħallu jċaqlaqna minn postna l-ġdid sorprendenti tiegħu. It-Twelid ta’ Ġesù ma joffrix il-kumdità li tagħti s-sħana madwar in-nar jaqbad, imma t-tferfira divina li theżżeż l-istorja. Il-Milied hu r-rebħa mill-ġdid tal-umiltà fuq l-arroganza, tas-sempliċità fuq l-abbundanza, tas-silenzju fuq l-istorbju, tat-talb fuq il-“ħin tiegħi”, ta’ Alla fuq il-jien tiegħi.

 

Niċċelebraw il-Milied ifisser nagħmlu bħal Ġesù, li ġie għalina li konna fil-bżonn, u ninżlu ħdejn min għandu bżonna. Ifisser nagħmlu bħal Marija: nafdaw, doċli f’idejn Alla, anki jekk ma nifhmux x’sejjer jagħmel. Ngħixu l-Milied ifisser nagħmlu bħal San Ġużepp: inqumu biex inwettqu dak li jrid Alla, anki jekk mhuwiex skont il-pjanijiet tagħna. San Ġużepp jissorprendina: fil-Vanġelu ma jiftaħ qatt ħalqu: ma toħroġ l-ebda kelma, minn fomm Ġużeppi, fil-Vanġelu kollu; u l-Mulej ikellmu fis-skiet, ikellmu sewwasew waqt l-irqad. Il-Milied ifisser nippreferu l-leħen sieket ta’ Alla mill-għagħa tal-konsumiżmu. Jekk nagħrfu noqogħdu fis-skiet quddiem il-presepju, il-Milied isir għalina wkoll sorpriża, mhux ħaġa li diġà rajnieha. Intasab fis-skiet quddiem il-presepju: din hi l-istedina, għall-Milied. Sib ftit tal-ħin għalik, mur quddiem il-presepju u nxteħet hemm fis-skiet. U tara kif tħoss, tara s-sorpriża.

 

Imma jista’ jiġrilna li niżbaljaw il-festa, u flok il-ġdid li jista’ jagħtina s-Sema nippreferu l-ħwejjeġ tas-soltu ta’ din l-art. Jekk il-Milied jibqa’ biss festa tradizzjonali sabiħa, fejn fiċ-ċentru hemm aħna u mhux Hu, ikun okkażjoni mitlufa. Nitlobkom, ejjew ma nagħmlux mill-Milied ħaġa ta’ din id-dinja! Ejjew ma nwarrbux lill-Iffesteġġjat, kif għamlu dakinhar, meta “ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Sa mill-ewwel Vanġelu tal-Avvent il-Mulej fetħilna għajnejna, u talabna biex ma ntaqqlux ħsiebna biż-“żejjed” u “l-ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja” (Lq 21:34). F’dawn il-jiem, forsi iktar minn kull żmien ieħor tas-sena, tara li kulħadd jiġri u jiġġennen. Imma hekk inkunu nagħmlu bil-kontra ta’ dak li jrid Ġesù. Aħna t-tort nagħtuh lill-ħafna affarijiet li jimlewlna l-ġranet tagħna, lid-dinja mgħaġġla tal-lum. Imma Ġesù ma tefax it-tort fuq id-dinja, imma talab lilna li ma nħalluhiex tkaxkarna magħha, li nishru f’kull ħin billi nitolbu (ara v. 36).

 

Araw, ikun Milied jekk, bħal Ġużeppi, nagħmlu wisa’ lis-skiet; jekk, bħal Marija, inlissnu l-“hawn jien” tagħna lil Alla; jekk, bħal Ġesù, nersqu qrib ta’ min hu waħdu; jekk, bħar-ragħajja, noħorġu minn wara l-ħitan tagħna biex noqogħdu ma’ Ġesù. Ikun Milied, jekk insibu d-dawl fl-għar fqajjar ta’ Betlehem. Ma jkunx Milied jekk infittxu l-istorbju għammiexi tad-dinja, jekk nimtlew bir-rigali u l-ikliet imma mank ngħinu mqar fqir wieħed, li jixbah lil Alla, għax fil-Milied Alla ġie għandna fqir.

 

Għeżież ħuti, nawguralkom il-Milied it-tajjeb, Milied għani bis-sorpriżi ta’ Ġesù! Jafu jidhru sorpriżi skomdi, imma dawn huma l-gosti ta’ Alla. Jekk nitgħarrsu magħhom, inkunu nagħmlu sorpriża mill-aqwa lilna nfusna. Kull wieħed u waħda minna għandu moħbija f’qalbu dik il-ħila li jissorprendi ruħu. F’dan il-Milied, ejjew inħallu lil Ġesù jissorprendina.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard