IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Settembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti. 9: Weġġaħ lil missierek u lil ommok

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-vjaġġ li qed nagħmlu mal-Għaxar Kelmiet, illum wasalna fil-kmandament fuq il-missier u l-omm. Dan jitkellem fuq il-ġieħ li jistħoqqilhom il-ġenituri. Xi jkun dan il-“ġieħ”? It-terminu fl-Ebrajk jindika l-glorja, il-valur, letteralment il-“piż”, il-konsistenza ta’ realtà. Mhijiex kwistjoni ta’ forom esterjuri imma ta’ verità. Tweġġaħ lil Alla, fl-Iskrittura, ifisser tagħraf ir-realtà tiegħu, tagħraf il-preżenza tiegħu; dan jesprimi ruħu anki b’riti, imma jimplika fuq kollox li tagħti lil Alla l-post li jixraqlu fil-ħajja. Tweġġaħ lil missierek u lil ommok allura jfisser tagħraf l-importanza tagħhom anki b’għemejjel konkreti, li jesprimu dedikazzjoni, rispett u għożża. Imma mhuwiex dan biss.

 

Ir-Raba’ Kelma għandha karatteristika tagħha: hu l-kmandament li fih eżitu partikulari. Fil-fatt jgħid: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok, bħalma l-Mulej, Alla tiegħek, ordnalek, sabiex tgħix ħajja twila, u jkollok ir-riżq fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik” (Dewt 5:16). Li tweġġaħ lill-ġenituri jwassal għal ħajja twila u ta’ riżq. Il-kelma “riżq” fid-Dekalogu tidher biss marbuta mar-relazzjoni mal-ġenituri.

 

Dan l-għerf ta’ tant sekli jiddikjara dak li x-xjenzi umani għarfu jelaboraw biss inqas minn seklu ilu: jiġifieri li l-impronta tat-tfulija tħalli marka għall-ħajja kollha. Spiss hu faċli nifhmu jekk xi ħadd kibirx f’ambjent san u bbilanċjat. Imma daqshekk ieħor jekk persuna hix ġejja minn esperjenza ta’ abbandun u ta’ vjolenza. It-tfulija tagħna hi xi ftit bħal linka li ma titħassarx, tesprimi ruħha fil-gosti, fil-modi ta’ kif ngħixu, anki jekk hemm min jipprova jaħbi l-ġrieħi tal-oriġni tiegħu.

 

Imma r-raba’ kmandament jgħid iżjed minn hekk. Ma jitkellimx fuq it-tjieba tal-ġenituri, ma jitlobx li l-missirijiet u l-ommijiet ikunu perfetti. Jitkellem fuq għamil tal-ulied, ikunu xi jkunu l-merti tal-ġenituri, u jgħid ħaġa tal-għaġeb u li lill-bniedem kapaċi teħilsu: anki jekk mhux il-ġenituri kollha huma tajbin u mhux it-tfulijiet kollha huma sereni, l-ulied kollha jistgħu jkunu hienja, għax li wieħed jasal għal ħajja sħiħa u hienja jiddependi mir-rikonoxxenza li jixraqlu min ġabna fid-dinja.

 

Ejjew naħsbu f’kemm din il-Kelma tista’ tibni l-ħajja ta’ tant żgħażagħ li ġejjin minn stejjer ta’ tbatija u ta’ dawk kollha li f’żgħożithom sofrew. Ħafna qaddisin – u ħafna Nsara – wara tfulija iebsa, għexu ħajja sabiħa, għax, grazzi għal Ġesù Kristu, irrikonċiljaw ruħhom mal-ħajja. Ejjew naħsbu f’dak iż-żagħżugħ, illum Beatu, u x-xahar id-dieħel qaddis, Sulprizju, li ta’ dsatax-il sena ħajtu ntemmet irrikonċiljata ma’ tant tbatijiet, ma’ tant ħwejjeġ oħra, għax qalbu kienet serena u qatt ma kien ċaħad lill-ġenituri tiegħu. Naħsbu f’San Kamillu de Lellis, li minn tfulija mħarbta bena ħajja ta’ mħabba u ta’ qadi; f’Santa Ġużeppina Bakhita, li kibret f’jasar orribbli; jew fil-Beatu Karlu Gnocchi, iltim u fqir; u fl-istess San Ġwanni Pawlu II, li ġarrab it-telfa ta’ ommu f’età żgħira ħafna.

 

Il-bniedem, ġej minn liema storja ġej, minn dan il-kmandament jirċievi l-orjentament li jwasslu għand Kristu: fil-fatt, fih jidher il-Missier veru, li joffrilna li “nitwieldu mill-ġdid mill-għoli” (ara Ġw 3:3-8). L-enigmi ta’ ħajjitna jiddawlu meta niskopru li Alla minn dejjem ħejjielna ħajja bħala wliedu, fejn kull għemil hu missjoni li rċivejna mingħandu.

 

Il-ġrieħi tagħna jibdew isiru possibbiltajiet meta bi grazzja niskopru li l-veru misteru mhux iżjed “għaliex?”, imma “għal min?”, għal min ġrali hekk. Fid-dawl ta’ liema opra Alla għaġinni permezz tal-istorja tiegħi? Hawn kollox jinqaleb, kollox isir prezzjuż, kollox isir ħaġa li tibnina. L-esperjenza tiegħi, anki dik ta’ diqa u tbatija, fid-dawl tal-imħabba, kif tista’ ssir għall-oħrajn għajn ta’ salvazzjoni? Allura nistgħu nibdew inweġġħu lill-ġenituri tagħna b’libertà ta’ wlied adulti u billi nilqgħu bi ħniena l-istess limiti tagħhom.[1]

 

Ejjew inweġġħuhom lill-ġenituri tagħna: huma tawna l-ħajja! Jekk int tbegħidt mill-ġenituri tiegħek, agħmel sforz u erġa’ lura, erġa’ lura għandhom; forsi xjaħu… Huma tawk il-ħajja. U mbagħad, fostna hemm id-drawwa li ngħidu affarijiet koroh, anki kliem baxx… Nitlobkom, qatt, qatt, qatt la tinsultaw lill-ġenituri ta’ xulxin. Qatt! Qatt ma għandna nweġġgħu lill-ġenituri ta’ xulxin. Qatt! Qatt tweġġa’ lil omm, qatt tweġġa’ lil missier. Qatt! Ħuduha intom stess din id-deċiżjoni ġewwa fikom: mil-lum ’il quddiem qatt ma jien se nweġġa’ bi kliemi l-omm jew il-missier ta’ xi ħadd. Dawk tawh il-ħajja! M’għandhomx jiġu insultati.

 

Din il-ħajja wisq sabiħa tiġi offruta lilna, mhux imposta fuqna: li nitwieldu mill-ġdid fi Kristu hi grazzja li għandna nilqgħuha b’libertà (ara Ġw 1:11-13), u hi t-teżor tal-Magħmudija tagħna, li fih, bl-opra tal-Ispirtu s-Santu, wieħed hu l-Missier tagħna, dak tas-Sema (ara Mt 23:9; 1 Kor 8:6; Efes 4:6). Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara Santu Wistin, Diskors fuq Mattew, 72, A, 4: “Kristu, mela, jgħallmek tobgħod lill-ġenituri tiegħek u fl-istess waqt tħobbhom. Għalhekk, il-ġenituri nħobbuhom kif imiss u bi spirtu ta’ fidi meta ma nippreferuhomx fuq Alla: Min iħobb – dan hu kliem il-Mulej – lil missieru u lil ommu iżjed minni, ma jistħoqqlux li jkun miegħi. B’dawk il-kelmiet donnu jrid iwissik biex ma tħobbhomx; imma, bil-maqlub, qed iwissik biex tħobbhom. Fil-fatt seta’ qal: “Min iħobb lil missieru u lil ommu, ma jistħoqqlux ikun miegħi”. Imma ma qalx hekk biex ma jmurx kontra l-liġi li ta hu stess, għax kien hu li ta, permezz tal-qaddej tiegħu Mosè, il-liġi fejn hemm miktub: Weġġaħ lil missierek u lil ommok. Ma xandarx liġi kuntrarja imma kkonfermaha; imbagħad għallmek l-ordni, ma neħħiex id-dmir tal-imħabba lejn il-ġenituri: Min iħobb lil missieru u lil ommu, imma iżjed minni. Għandu jħobbhom, mela, imma mhux iżjed minni: Alla hu Alla, il-bniedem hu bniedem. Ħobb lill-ġenituri tiegħek, obdi lill-ġenituri, weġġaħ lill-ġenituri; imma jekk Alla jsejjaħlek għal missjoni iżjed importanti, fejn l-imħabba għall-ġenituri tista’ tkun ta’ tfixkil, żomm l-ordni, u mhux issikket l-imħabba”.