IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Novembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 15: “La tixhidx fil-falz”

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi tal-lum qed naffrontaw it-Tmien Kelma tad-Dekalogu: “La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek”.

 

Dan il-kmandament – jgħid il-Katekiżmu – “jipprojbixxi t-tagħwiġ tal-verità fir-relazzjonijiet ma’ ħaddieħor” (n. 2464). Li ngħixu b’komunikazzjonijiet li ma jkunux veritiera hi ħaġa gravi għax ma tħalliniex nibnu relazzjonijiet u għalhekk ixxekkel l-imħabba. Fejn hemm il-gidba ma hemmx imħabba, ma jistax ikun hemm imħabba. U meta nitkellmu fuq komunikazzjoni bejn il-persuni nifhmu mhux biss il-kliem, imma anki l-ġesti, l-atteġġjamenti, saħansitra s-silenzji u l-assenzi. Persuna titkellem b’dak kollu li hi u li tagħmel. Aħna lkoll nikkomunikaw, il-ħin kollu. Aħna lkoll ngħixu billi nikkomunikaw u qegħdin kontinwament nitliegħbu bejn il-verità u l-gidba.

 

Imma xi jfisser ngħidu l-verità? Ifisser li nkunu sinċieri? Jew eżatti? Fir-realtà, dan mhux biżżejjed, għax tista’ tkun sinċerament fl-iżball, jew tista’ tkun preċiż fid-dettall imma ma tifhimx is-sens tal-flimkien. Xi drabi niġġustifikaw lilna nfusna billi ngħidu: “Imma jien għidt dak li kont qed inħoss!”. Iva, imma int assolutizzajt il-perspettiva personali tiegħek. Jew: “Jien il-verità biss għidt!”. Jista’ jkun, imma kxift fatti personali jew riservati. Kemm tpaċpiċ jeqred il-komunjoni minħabba f’xi ħaġa li tingħad li ma tkunx f’lokha jew tingħad b’nuqqas ta’ delikatezza! Anzi, it-tqassis joqtol, u dan qalu l-Appostlu Ġakbu fl-Ittra tiegħu. Dak li jzekzek fuq l-oħrajn hu persuna li toqtol: toqtol lill-oħrajn, għax l-ilsien joqtol daqs sikkina. Attenti! Xi ħadd li jtaqtaq fuq l-oħrajn hu terrorista, għax bi lsienu jkun jixħet bomba u jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn, imma dak li tgħid dik il-bomba li tkun inxteħtet jispiċċa jeqred il-fama ta’ ħaddieħor. Tinsewx: meta tqassas tkun toqtol.

 

Imma allura x’inhi l-verità? Din hi l-mistoqsija li għamel Pilatu, proprju meta f’Ġesù, quddiemu, kien qed iseħħ it-tmien kmandament (ara Ġw 18:38). Fil-fatt il-kelmiet “La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek” huma parti mil-lingwaġġ forensiku. Il-Vanġeli jilħqu l-quċċata tagħhom fir-rakkont tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù; u dan hu r-rakkont ta’ proċess, tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u ta’ konsegwenza tal-għaġeb.

 

Mistoqsi minn Pilatu, Ġesù jgħid: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). U din ix-“xhieda” Ġesù jagħtiha bil-passjoni tiegħu, bil-mewt tiegħu. L-evanġelista Mark jirrakkonta li “ċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: ‘Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!’” (15:39). Iva, għax kien koerenti: bil-mod kif huwa jmut, Ġesù juri min hu l-Missier, l-imħabba ħanina u fidila tiegħu.

 

Il-verità ssib il-milja sħiħa tagħha fl-istess persuna ta’ Ġesù (ara Ġw 14:6), fil-mod kif hu jgħix u jmut, frott tar-relazzjoni tiegħu mal-Missier. Din il-ħajja ta’ wlied Alla, hu, issa rxoxt, jagħtiha lilna billi jibgħat lill-Ispirtu s-Santu li hu Spirtu ta’ verità, li jixhed quddiem qalbna li Alla hu Missierna (ara Rum 8:16).

 

F’kull għemil tiegħu, il-bniedem, il-persuni jaffermaw jew jiċħdu din il-verità. Mis-sitwazzjonijiet ċkejknin ta’ kuljum għall-għażliet l-iktar impenjattivi. Imma hi dejjem l-istess loġika, dejjem: dik li l-ġenituri u n-nanniet jgħallmuna meta jgħidulna biex ma ngħidux kelma b’oħra.

 

Nistaqsu lilna nfusna: Għal liema veritajiet jagħtu xhieda l-opri tagħna l-Insara, kliemna, l-għażliet tagħna? Kull wieħed jista’ jistaqsi: Jiena xhud tal-verità, jew xi ftit jew wisq jien giddieb liebes ta’ veru? Ħa jistaqsi kull wieħed lilu nnifsu. Aħna l-Insara m’aħniex irġiel u nisa eċċezzjonali. Imma aħna wlied Missierna tas-Sema, li hu twajjeb u ma jiddeludix, u jqiegħed f’qalbna l-imħabba għal ħutna. Din il-verità ma tingħadx daqstant bid-diskorsi, hi mod ta’ kif neżistu, mod ta’ kif ngħixu, u tidher f’kull għemil tagħna (ara Ġak 2:18). Dan ir-raġel hu raġel ta’ veru, dik il-mara hi mara ta’ veru: jidhru li huma hekk. Imma għaliex, jekk mank jiftħu ħalqhom? Imma jġibu ruħhom ta’ nies veri. Jgħidu l-verità, jaġixxu bil-verità. Mod sabiħ ta’ kif jgħixu għalina.

 

Il-verità hi r-rivelazzjoni tal-għaġeb ta’ Alla, tal-wiċċ tiegħu ta’ Missier, hi l-imħabba tiegħu bla qies. Din il-verità tikkorrispondi għar-raġuni umana imma tmur ħafna iżjed lil hemm minnha, għax hi don li niżel fuq l-art u tlaħħam fi Kristu mislub u mqajjem; hi ssir viżibbli minn min hu tiegħu u turi l-istess attitudnijiet tiegħu.

 

La tixhidx fil-falz ifisser li tgħix ta’ iben Alla, li qatt, qatt ma jikkontradixxi lilu nnifsu, qatt ma jgħid gideb; ngħixu ta’ wlied Alla, inħallu li f’kull għemil tagħna toħroġ il-verità l-kbira: li Alla hu Missier u li nistgħu nafdaw fih. Jien nafda f’Alla: din hi l-verità l-kbira. Mill-fiduċja tagħna f’Alla, li hu Missier u jħobbni, iħobbna, tinbet il-verità tiegħi u li nkun veritier u mhux giddieb.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard