IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ Ottubru 2018

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-katekeżi tal-lum hi ddedikata lill-Ħames Kelma: la toqtolx. Il-ħames kmandament: la toqtolx. Diġà qegħdin fit-tieni parti tad-Dekalogu, dik dwar ir-relazzjonijiet mal-proxxmu; u dan il-kmandament, bil-formulazzjoni konċiża u kategorika tiegħu, jogħla bħal ħajt ta’ difiża tal-valur fundamentali fir-relazzjonijiet umani. U liema hu l-valur fundamentali fir-relazzjonijiet umani? Il-valur tal-ħajja.[1] Għalhekk, la toqtolx.

 

Nistgħu ngħidu li l-ħażen kollu li jsir fid-dinja jista’ jinġabar f’dan: it-tkasbir tal-ħajja. Il-ħajja hi mhedda mill-gwerer, mill-organizzazzjonijiet li jisfruttaw il-bniedem – naqraw tant affarijiet fil-ġurnali jew narawhom fuq l-aħbarijiet –, mill-ispekulazzjonijiet fuq il-ħolqien u mill-kultura tal-iskart, u mis-sistemi kollha li jissottomettu l-ħajja umana għal kalkoli ta’ opportunità, meta għadd skandaluż ta’ persuni qed jgħixu fi stat li ma jixraqx lill-bniedem. Dan ifisser tkasbar il-ħajja, jiġifieri, b’xi mod, toqtolha.

 

Hi kontradizzjoni wkoll dik li tippermetti li l-ħajja umana tiġi maqtula fil-ġuf tal-omm f’isem il-ħarsien ta’ drittijiet oħra. Imma kif qatt jista’ jkun terapewtiku, ċivili, jew sempliċiment uman att li jxejjen il-ħajja innoċenti u bla difiża ta’ xejn, meta għadha ħa tibda twarrad? Nistaqsikom: hi ħaġa ġusta “tneħħi” ħajja umana biex issolvi problema? Ġust li tikri assassin biex issolvi problema? Ma tistax, mhix ħaġa ġusta “tqaċċat” bniedem, hu kemm hu żgħir, biex issolvi problema. Qisek tkun qed tħallas assassin biex issolvi problema.

 

Minn fejn ġej dan kollu? Il-vjolenza u r-rifjut tal-ħajja fl-aħħar mill-aħħar mnejn jiġu? Mill-biża’. Li wieħed jilqa’ lill-persuna l-oħra, fil-fatt, hi sfida lill-individwaliżmu. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, f’meta xi ħadd jiskopri li ħajja li ħa titwieled qed iġġorr fiha diżabbiltà, anki gravi. Il-ġenituri, f’dawn il-każi drammatiċi, għandhom bżonn li jsibu oħrajn tassew qrib tagħhom, solidarjetà vera, biex jistgħu jaffrontaw ir-realtà u jegħlbu biżgħat li wieħed jifhimhom. Imma spiss jingħataw biss pariri mgħaġġla biex iwaqqfu t-tqala, u dan hu mod ieħor kif tgħidha: “twaqqaf it-tqala” jfisser “tneħħi lil xi ħadd min-nofs”, direttament.

 

Tarbija marida hi bħal kull bniedem ieħor ta’ din l-art li jinsab fil-bżonn, bħal anzjan li jeħtieġ l-għajnuna, bħal tant foqra li qed jissieltu biex jibqgħu għaddejjin: dak, dik li għalina tidher problema, fir-realtà hi don ta’ Alla li jista’ jaqlagħni mill-egoċentriżmu tiegħi u jgħinni nikber fl-imħabba. Il-ħajja vulnerabbli turina t-triq tal-ħruġ, it-triq biex insalvaw ruħna minn ħajja magħluqa fiha nfisha u niskopru l-ferħ tal-imħabba. U hawn nixtieq nieqaf ftit u nirringrazzja, nirringrazzja lil tant voluntiera, nirringrazzja lill-volontarjat qawwi Taljan li hu l-iktar b’saħħtu li qatt iltqajt miegħu. Grazzi.

 

U xi jwassal lill-bniedem biex jiċħad il-ħajja? Huma l-idoli ta’ din id-dinja: il-flus – aħjar dan inneħħuh min-nofs, għax sa jiswielna ħafna –, il-poter, is-suċċess. Dawn huma parametri żbaljati biex nivvalutaw il-ħajja bihom. Liema hu l-uniku kejl awtentiku tal-ħajja? Hi l-imħabba, l-imħabba li biha Alla jħobbha! L-imħabba li biha Alla jħobb il-ħajja: dan hu l-kejl! L-imħabba li biha Alla jħobb kull ħajja umana.

 

Fil-fatt, liema hu s-sens pożittiv tal-kelma “La toqtolx?”. Li Alla “jħobb il-ħajja”, li għadna kemma smajna ftit tal-ħin ilu fil-Qari mill-Iskrittura.

 

Is-sigriet tal-ħajja jikxifhulna l-Iben ta’ Alla fil-mod kif hu ttrattaha, hu li sar bniedem sal-punt li għamel tiegħu, fuq is-salib, ir-rifjut, id-dgħufija, il-faqar u t-tbatija (ara Ġw 13:1). F’kull tarbija marida, f’kull anzjan dgħajjef, f’kull immigrant iddisprat, f’kull ħajja dgħajfa u mhedda, Kristu qiegħed ifittixna (ara Mt 25:34-36), qed ifittex il-qalb tagħna, biex iferrgħalna l-ferħ tal-imħabba.

 

Kull ħajja għandna nilqgħuha, għax kull bniedem jiswa d-demm ta’ Kristu nnifsu (ara 1 Piet 1:18-19). Ma tistax tkasbar dak li Alla tant ħabb!

 

Jeħtieġ ngħidu lill-bnedmin tad-dinja: tkasbrux il-ħajja! Il-ħajja ta’ ħaddieħor, imma anki dik tagħkom stess, għax anki għal din jgħodd il-kmandament: “La toqtolx”. Lil ħafna żgħażagħ irridu ngħidulhom: la tkasbarx il-ħajja tiegħek! Tirrifjutax iżjed l-opra ta’ Alla! Int opra ta’ Alla! Tbaxxix lilek innifsek, tkasbarx lilek innifsek billi taqa’ għad-dipendenzi li jirvinawk jistgħu u jwassluk fuq l-għatba tal-mewt!

 

Ħadd ma għandu jkejjel ħajtu skont il-qerq ta’ din id-dinja, imma kulħadd għandu jilqa’ lilu nnifsu u lill-oħrajn f’isem il-Missier li ħalaqna. Hu “jħobb il-ħajja”: kemm hi sabiħa din, li “Alla jħobb il-ħajja”! U aħna lkoll hekk għeżież għalih, li bagħat lil Ibnu għalina. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja”, jgħidilna l-Vanġelu, “li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 



[1] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Donum vitæ, 5: AAS 80 (1988), 76-77: “Il-ħajja umana hi sagra għax mill-bidu tagħha tinvolvi l-azzjoni ħallieqa ta’ Alla u tibqa’ għal dejjem f’relazzjoni speċjali mal-Ħallieq, għaliex huma (il-bnedmin) msejħin għal fini wieħed u l-istess, jiġifieri Alla nnifsu. Alla biss hu s-Sid tal-ħajja mill-bidu tagħha sat-tmiem: ħadd u f’ebda ċirkustanza, ma jista’ jkollu d-dritt li jeqred direttament persuna umana innoċenti”.