IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Novembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 14: La tisraqx

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bl-ispjega tagħna tad-Dekalogu, u llum wasalna fis-Seba’ Kelma: “La tisraqx”.

 

Meta naħsbu f’dan il-kmandament ħsiebna jmur fuq it-tema tas-serq u fuq ir-rispett lejn il-proprjetà ta’ ħaddieħor. Ma teżisti l-ebda kultura fejn is-serq u l-abbuż mill-ġid huma xi ħaġa leċita; fil-fatt, is-sensibbiltà umana hi suxxettibbli għad-difiża tal-ġid li wieħed jippossedi.

 

Imma tajjeb niftħu qalbna għal qari usa’ ta’ din il-Kelma, billi niffukaw fuq it-tema tal-proprjetà tal-ġid fid-dawl tal-għerf Nisrani.

 

Fid-duttrina soċjali tal-Knisja nitkellmu dwar id-destinazzjoni universali tal-ġid. Xi jfisser dan? Nisimgħu x’jgħid il-Katekiżmu: “Fil-bidu Alla ħalla l-art bil-ġid kollu tagħha taħt it-tmexxija tal-bniedem, biex jieħu ħsiebha, jaħkimha bix-xogħol tiegħu u jgawdi l-frott tagħha (ara Ġen 1:26-29). Il-ġid kollu tal-ħolqien hu ddestinat għall-ġens kollu tal-bnedmin” (n. 2402). U mbagħad: “Id-destinazzjoni universali tal-ġid tal-art, jiġifieri li Alla ta l-ġid tal-art lill-ġens kollu tal-bnedmin, jibqa’ l-fatt ewlieni, ukoll jekk il-ġid komuni ta’ kulħadd jitlob ir-rispett tal-proprjetà privata, id-dritt għaliha u l-użu tagħha” (n. 2403).[1]

 

Imma l-Providenza ma ħolqitx dinja “f’serje”, hemm id-differenzi, kundizzjonijiet differenti, kulturi differenti, u hekk nistgħu ngħixu billi nipprovdu lil xulxin. Id-dinja hi mogħnija b’riżorsi biex jiżguraw il-ġid primarju lil kulħadd. Imma ħafna xorta qed jgħixu f’qagħda miżera li tiskandalizza u r-riżorsi, użati bla kriterju ta’ xejn, dejjem qed jonqsu. Imma d-dinja hi waħda! L-umanità hi waħda biss![2] Illum, il-ġid tad-dinja jinsab f’idejn il-minoranza, il-ftit, u l-faqar, anzi l-miżerja u t-tbatija, hi ta’ ħafna, tal-maġġoranza.

 

Jekk fuq l-art hawn il-ġuħ, dan mhux għax naqas l-ikel! Anzi, minħabba fl-esiġenzi tas-suq xi drabi naslu biex neqirduh, narmuh. Dak li m’għandniex hi impriża ħielsa u li tħares fit-tul, li tiżgura produzzjoni xierqa, u impostazzjoni solidali, li tiżgura tqassim indaqs. Jgħidilna mill-ġdid il-Katekiżmu: “Il-bniedem, huwa u jagħmel użu mill-ġid tal-art, ma għandux iqis li l-ġid li għandu huwa tiegħu biss, imma huwa wkoll ta’ kulħadd fis-sens li jista’ jgawdi minnu mhux hu biss imma oħrajn ukoll” (n. 2404). Kull għana ta’ ġid, biex ikun tajjeb, irid ikollu dimensjoni soċjali.

 

F’din il-perspettiva tidher it-tifsira pożittiva u wiesgħa tal-kmandament “la tisraqx”. “Il-ġid li wieħed ikollu, jagħmlu amministratur tal-Providenza” (ibid.). Ħadd ma hu sid assolut tal-ġid li għandu: hu amministratur tal-ġid. Il-pussess hu responsabbiltà: “Imma jien għandi minn kull ġid…” – din hi responsabbiltà li int għandek. U kull ġid, jekk imneżża’ mil-loġika tal-Providenza ta’ Alla, hu ttradut, hu ttradut fis-sens l-iktar profond tiegħu. Dak li tassew hu tiegħi hu dak li naf nagħti. Dan hu l-kejl biex niżen kif qed jirnexxieli nieħu ħsieb tal-ġid li għandi, sew jekk tajjeb, sew jekk ħażin; din il-kelma hi importanti: dak li hu tassew tiegħi hu dak li kapaċi nagħti. Jekk jien naf nagħti, jiena miftuħ, allura jiena għani mhux biss b’dak li għandi, imma anki fil-ġenerożità, ġenerożità anki bħala dmir li nqassam l-għana tiegħi, biex kulħadd ikollu sehem minnu. Fil-fatt, jekk ma jirnexxilix nagħti xi ħaġa, dan għax dik il-ħaġa qed tippossedini hi, għandha poter fuqi u jien ilsir tagħha. Il-pussess tal-ġid hu okkażjoni biex inkattruh bi kreattività u nużawh b’ġenerożità, u hekk nikbru fl-imħabba u fil-libertà.

 

Kristu nnifsu, għad li kien Alla, “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu  nnifsu” (Fil 2:6-7) u għaniena bil-faqar tiegħu (ara 2 Kor 8:9).

 

Waqt li l-umanità tinkwieta kif ħa jkollha iżjed, Alla jifdiha billi jiftaqar hu: dak il-Bniedem Mislub ħallas għal kulħadd rahan bla tarf min-naħa ta’ Alla l-Missier, “għani fil-ħniena” (Efes 2:4; ara Ġak 5:1). Dak li jagħmilna għonja mhuwiex il-ġid imma l-imħabba. Ħafna drabi smajna x’jgħid il-poplu ta’ Alla: “Ix-xitan jidħol mill-bwiet”. Jibda bin-namra mal-flus, il-kilba għall-pussess; imbagħad jgħaddi għall-vanità: “Aħ, jiena sinjur u għandi biex niftaħar”; u, fl-aħħar, il-kburija u s-suppervja. Dan hu l-mod kif jaġixxi fina x-xitan. Imma l-bieb li minnu jidħol huma l-bwiet.

 

Għeżież ħuti, għal darb’oħra Ġesù Kristu qed jurina t-tifsira sħiħa tal-Iskrittura. “La tisraqx” ifisser: ħobb bil-ġid li għandek, approfitta mill-mezzi li għandek biex tħobb kif tista’. Hekk ħajtek kollha ssir tajba u l-pussess tal-ġid isir tassew don. Għax il-ħajja mhijiex iż-żmien biex niġimgħu l-ġid imma biex inħobbu. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 



[1] Ara Enċiklika Laudato si’, 67: “Kull komunità tista’ tieħu mill-ġid bnin tal-art dak li għandha bżonn biex tgħix, imma għandha wkoll id-dmir li tieħu ħsiebha u tiggarantixxi li tkompli tagħmel il-frott għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Żgur mhux forsi li ‘tal-Mulej hi l-art’ (Salm 24:1), tiegħu hi ‘l-art u kulma fiha’ (Dewt 10:14). Għalhekk Alla ma jaċċetta l-ebda pretensjoni ta’ xi proprjetà assoluta: ‘L-art, imbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri li qegħdin miegħi’ (Lev 25:23)”.

[2] Ara San Pawlu VI, Enċiklika Populorum progressio, 17: “Imma kull bniedem huwa membru tas-soċjetà u għalhekk jappartieni lill-għaqda kollha tal-bnedmin. Mela mhux dan jew dak il-bniedem biss, imma l-bnedmin kollha huma msejħin biex jaħdmu għall-iżvilupp sħiħ tas-soċjetà kollha tal-bnedmin. […] Aħna li ġejna wara ż-żminijiet li għaddew bħala werrieta, u li ksibna ġid mill-ħidma tal-bnedmin tal-lum, għandna obbligazzjonijiet lejn il-bnedmin kollha. U mħabba din ir-raġuni lanqas nistgħu nħallu fil-ġenb dawk li, wara mewtna, ikabbru l-familja tal-bnedmin għal li ġej. L-għaqda tal-bnedmin kollha flimkien, li hija fatt veru, mhux biss tagħtina vantaġġi, imma ġġibilna wkoll dmirijiet”.