IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ April 2019

 

Katekeżi fuq il-Vjaġġ Appostoliku fil-Marokk

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Is-Sibt u l-Ħadd li għadda għamilt vjaġġ appostoliku fil-Marokk, fuq stedina tal-Maestà Tiegħu r-Re Mohammed VI. Lilu u lill-Awtoritajiet l-oħra Marokkini nġedded il-gratitudni tiegħi għal-laqgħa sabiħa li tawni u għall-kollaborazzjoni kollha tagħhom, speċjalment lir-Re: kien tant fratern, tant ħabib, tant viċin.

 

Irrodd ħajr fuq kollox lill-Mulej, li tani li mmidd pass ieħor fit-triq tad-djalogu u tal-laqgħa mal-aħwa Musulmani, biex inkun – kif kien jgħid il-motto tal-Vjaġġ – “Qaddej tat-tama” fid-dinja tal-lum. Il-pellegrinaġġ tiegħi mexa fuq il-passi ta’ żewġ qaddisin: Franġisku ta’ Assisi u Ġwanni Pawlu II. Tmien mitt sena ilu Franġisku wassal il-messaġġ tal-paċi u tal-fraternità lis-Sultan al-Malik al-Kamil; fl-1985 il-Papa Wojtyła għamel iż-żjara memorabbli tiegħu fil-Marokk, wara li laqa’ fil-Vatikan – l-ewwel fost il-Kapijiet ta’ Stat Musulmani – lir-Re Hassan II. Imma hawn min jistaqsi: imma għaliex il-Papa jmur għand il-Musulmani u mhux biss għand il-Kattoliċi? Għaliex hawn tant reliġjonijiet, u kif inhi din li hawn tant reliġjonijiet? Flimkien mal-Musulmani aħna dixxendenti tal-istess Missier, Abraham: għax Alla jippermetti li jkun hawn tant reliġjonijiet? Alla ried jippermettih dan: it-teologi tal-Iskolastika kienu jħobbu jirreferu għall-volutas permissiva ta’ Alla. Hu ried jippermettiha din ir-realtà: hawn tant reliġjonijiet; xi wħud jinbtu mill-kultura, imma dejjem iħarsu lejn is-sema, iħarsu lejn Alla. Imma dak li Alla jrid hu l-fraternità ta’ bejnietna u b’mod speċjali – hawn qiegħda r-raġuni ta’ dan il-vjaġġ – ma’ ħutna wlied Abraham bħalna, il-Musulmani. Id-differenza m’għandhiex għax tbeżżagħna: Alla ppermettieh dan. Nibżgħu jekk aħna ma nitħabtux b’risq il-fraternità, biex nimxu flimkien fil-ħajja.

 

Li nkunu qaddejja tat-tama, fi żmien bħal dan tagħna, ifisser qabelxejn li nibnu l-pontijiet bejn iċ-ċiviltajiet. U għalija kien ta’ ferħ u ġieħ kbir li stajt nagħmel dan mas-Saltna kbira tal-Marokk, fejn iltqajt mal-poplu u l-mexxejja tiegħu. Waqt li ftakart f’xi laqgħat internazzjonali importanti li fl-aħħar snin saru f’dak il-pajjiż, jien u r-Re Mohammed VI għafasna fuq ir-rwol essenzjali tar-reliġjonijiet fil-ħarsien tad-dinjità umana u l-promozzjoni tal-paċi, il-ġustizzja u l-għożża tal-ħolqien, jiġifieri d-dar komuni tagħna. F’din il-perspettiva ffirmajt ukoll flimkien mar-Re Appell għal Ġerusalemm, biex il-Belt qaddisa tiġi ppreservata bħala wirt tal-umanità u post ta’ laqgħa paċifika, speċjalment għall-fidili tat-tliet reliġjonijiet monoteisti.

 

Żort il-Musulew ta’ Mohammed V, u sellimt il-memorja tiegħu u dik ta’ Hassan II, kif ukoll l-Istitut għall-formazzjoni tal-Imam u tal-predikaturi. Dan l-Istitut jippromovi Iżlam li jirrispetta r-reliġjonijiet l-oħra u jirrifjuta l-vjolenza u l-integraliżmu, jiġifieri jisħaq li aħna lkoll aħwa u jeħtieġ inħabirku għall-fraternità.

 

Iddedikajt attenzjoni partikulari għall-kwistjoni migratorja, kemm jiena u nkellem lill-Awtoritajiet, u kemm fuq kollox fil-laqgħa speċifikament iddedikata għall-migranti. Xi wħud minnhom taw xhieda li l-ħajja ta’ min jemigra tinbidel u terġa’ ssir umana meta ssib komunità li tilqagħha bħala persuna. Dan hu fundamentali. Proprju f’Marrakech, fil-Marokk, f’Diċembru li għadda ġie rratifikat il-“Patt dinji għal migrazzjoni fiż-żgur, ordnata u regolari”. Pass importanti lejn iktar responsabbiltà min-naħa tal-komunità internazzjonali. Bħala Santa Sede offrejna s-sehem tagħna li nistgħu niġbruh f’erba’ verbi: nilqgħu lill-migranti, nipproteġu lill-migranti, nippromovu lill-migranti, u nintegraw lill-migranti. Mhux ħa jaqgħu mis-sema xi programmi ta’ għajnuna, imma huwa aħna li rridu nagħmlu flimkien mixja lejn dawn l-erba’ azzjonijiet, biex nibnu bliet u pajjiżi li, anki jekk jibqgħu jżommu l-identitajiet kulturali u reliġjużi tagħhom, ikunu miftuħa għad-differenzi u jagħrfu jivvalorizzawhom f’isem il-fratellanza umana. Il-Knisja fil-Marokk hi impenjata ħafna biex tkun qrib tal-migranti. Ma tantx nieħu pjaċir nuża l-kelma migranti; iktar nieħu pjaċir ngħid persuni migranti. Tafu għaliex? Għax migrant hu aġġettiv, waqt li t-terminu persuna hu sostantiv. Aħna waqajna wisq fil-kultura tal-aġġettiv: nużaw tant aġġettivi u ħafna drabi ninsew is-sostantivi, jiġifieri s-sustanza. L-aġġettiv dejjem għandna norbtuh ma’ sostantiv, ma’ persuna; allura persuna migranta. Hekk hemm iżjed rispett u ma naqgħux f’din il-kultura tal-aġġettiv li hi wisq likwida, fiha wisq ragħwa. Il-Knisja fil-Marokk, kont qed ngħid, tħabrek ħafna biex tkun qrib tal-persuni migranti, u għalhekk xtaqt nirringrazzja u nagħmel il-qalb lil dawk kollha li b’ġenerożità jagħtuhom servizz u hekk iwettqu kliem Kristu: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35).

 

Il-ġurnata tal-Ħadd kienet iddedikata lill-Komunità Nisranija. Qabelxejn żort iċ-Ċentru Rurali tas-Servizzi Soċjali, immexxi mis-Sorijiet Ulied il-Karità, l-istess li hawnhekk għandhom il-klinika u l-isptar għat-tfal, hawn f’Santa Marta, u dawn is-sorijiet jaħdmu bil-kollaborazzjoni ta’ għadd ta’ voluntiera, joffru diversi servizzi lin-nies.

 

Fil-Katidral tar-Rabat iltqajt mas-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati u l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes. Hi merħla żgħira, fil-Marokk, u għalhekk fakkarthom fix-xbihat evanġeliċi tal-melħ, tad-dawl u tal-ħmira (ara Mt 5:13-16; 13:33) li qrajna fil-bidu ta’ din l-udjenza. Dak li jgħodd mhuwiex il-kwantità, imma li l-melħ ikollu togħma, li d-dawl jiddi, u li l-ħmira jkollha l-qawwa li ttella’ l-għaġna kollha. U dan mhux ġej minna, imma minn Alla, mill-Ispirtu s-Santu li jagħmilna xhieda ta’ Kristu hemm fejn aħna, fi stil ta’ djalogu u ta’ ħbiberija, ta’ ħajja qabelxejn bejnietna l-Insara, għax – jgħidilna Ġesù – “minn dan jagħrafkom kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13:35).

 

U l-ferħ tal-komunjoni ekkleżjali sab il-bażi tiegħu u l-espressjoni sħiħa tiegħu fl-Ewkaristija tal-Ħadd, iċċelebrata f’kumpless sportiv tal-kapitali. Eluf ta’ persuni ta’ xi sittin nazzjonalità differenti! Epifanija unika tal-Poplu ta’ Alla fil-qalba ta’ pajjiż Iżlamiku. Fil-parabbola tal-Missier ħanin rajna jilma fostna l-ġmiel tal-pjan ta’ Alla, li jrid li wliedu kollha jieħdu sehem fil-ferħ tiegħu, fil-festa tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni. Għal din il-festa jidħlu dawk li jafu jagħrfu li huma fil-bżonn tal-ħniena tal-Missier u li jafu jifirħu miegħu meta ħuhom jew oħthom jerġgħu lura d-dar. Mhix koinċidenza li, hemm fejn il-Musulmani jsejħu kuljum lit-Twajjeb u l-Ħanin, dwiet il-parabbola kbira tal-ħniena tal-Missier. Hekk hu: huwa biss min jitwieled mill-ġdid u jgħix fit-tgħanniqa ta’ dan il-Missier, dawk biss li jħossuhom aħwa, li jistgħu jkunu fid-dinja qaddejja tat-tama.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard