IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 1 ta’ Awwissu 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti. 4. “Ma jkollokx allat oħra għajri”

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Smajna l-ewwel kmandament tad-Dekalogu: “Ma jkollokx allat oħra għajri” (Eż 20:3). Tajjeb li nieqfu fuq it-tema tal-idolatrija, li hi ta’ importanza u attwalità kbira.

 

Dan il-kmandament jipprojbilna li nagħmlu idoli[1] jew xbihat[2] ta’ xi għamla ta’ realtà:[3] fil-fatt, kollox jista’ jintuża bħala idolu. Qed nitkellmu fuq tendenza umana, li fiha jaqgħu kemm dawk li jemmnu u kemm l-atej. Ngħidu aħna, aħna l-Insara nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Min hu tassew Alla tiegħi? Hu l-Imħabba Waħda u Tlieta, jew hu x-xbieha tiegħi nnifsi, is-suċċess personali tiegħi, forsi anki fi ħdan l-istess Knisja? “L-idolatrija mhijiex biss il-qima qarrieqa tal-paganeżmu. L-idolatrija hi dejjem tentazzjoni kontra l-fidi, għax twassal biex nagħmlu Alla dak li mhuwiex Alla” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2113).

 

Xi jkun “alla” fuq livell eżistenzjali? Hu dak li jinsab fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u li minnu jiddipendi kulma nagħmlu u naħsbu.[4] Nistgħu nkunu kbirna f’familja li fl-isem hi Nisranija, imma fir-realtà ħajjitha ddur fuq punti ta’ riferiment barranin għall-Vanġelu.[5] Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jdur ma’ xi ħaġa. Allura araw kif id-dinja toffri s-“supermarket” tal-idoli, li jistgħu jkunu oġġetti, xbihat, ideat, rwoli. Ngħidu aħna, anki t-talb. Aħna għandna nitolbu lil Alla, Missierna. Niftakar darba kont mort f’parroċċa fid-Djoċesi ta’ Buenos Aires biex niċċelebra quddiesa u mbagħad kelli nagħmel il-Griżma f’parroċċa oħra xi kilometru bogħod. Mort, bil-mixi, u għaddejt minn park, sabiħ. Imma f’dak il-park kien hemm iżjed minn ħamsin mejda, kull waħda b’żewġ siġġijiet, u tnejn bilqiegħda faċċata ta’ xulxin. X’kienu qed jagħmlu? Jaqraw il-karti. Kienu jmorru hemm biex “jitolbu” lill-idolu. Flok jitolbu lil Alla li hu providenza tal-futur, kienu jmorru hemm għax kienu jaqraw il-karti biex jaraw il-futur. Din idolatrija ta’ żmienna. U jien nistaqsikom: Kemm minnkom mortu biex jaqrawlkom il-karti ħa jaraw il-futur? Kemm minnkom, ngħidu aħna, mortu biex jaqrawlkom idejkom u taraw il-futur, flok titolbu lill-Mulej? Din hi d-diffrenza: il-Mulej hu ħaj; l-oħrajn huma idoli, idolatriji li ma jiswew għal xejn.

 

Kif tiżviluppa idolatrija? Il-kmandament jiddeskrivi l-fażijiet: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa […]. / La tmilx quddiemhom / la tadurahomx” (Eż 20:4-5).

 

Il-kelma “idolu” fil-Grieg ġejja mill-verb “tara”.[6] Idolu hu “viżjoni” li aktarx issir fissazzjoni, ossessjoni. Fir-realtà, fl-idolu nkunu nipproġettaw lilna nfusna fl-oġġetti jew fil-proġetti. Il-pubbliċità, ngħidu aħna, b’din id-dinamika tinqeda: ma narax l-oġġett fih innifsu imma nipperċepixxi dik il-karozza, dak is-smartphone, dak ir-rwol – jew ħwejjeġ oħra – bħala mezz biex nirrealizza ruħi u nwieġeb għall-bżonnijiet essenzjali tiegħi. U dan infittex, fuq dan nitkellem, f’dan naħseb; l-idea li nippossedi dak l-oġġett jew inwettaq dak il-proġett, nilħaq dik il-pożizzjoni, tidher triq meraviljuża għall-ferħ, torri biex nilħaq is-sema (ara Ġen 11:1-9), u kollox isir funzjonali għal dak l-għan.

 

Allura nidħlu fit-tieni fażi: “La tmilx quddiemhom”. L-idoli jesiġu kult, ritwali; quddiemhom immilu u nissagrifikaw kollox. Fl-antikità kienu jagħmlu sagrifiċċji umani lill-idoli, imma anki llum: għall-karriera nissagrifikaw l-ulied, nittraskurawhom jew sempliċiment ma nġibuhomx fid-dinja; is-sbuħija titlob sagrifiċċji umani. Kemm sigħat quddiem il-mera! Ċerti persuni, ċerti nisa kemm jonfqu biex jinżebgħu?! Anki din hi idolatrija. Mhix ħaġa ħażina tirtokkja wiċċek; imma b’mod normali, mhux biex issir xi alla. Is-sbuħija titlob sagrifiċċji umani. Il-fama titlob is-sagrifiċċju tagħna nfusna, tal-innoċenza u l-awtentiċità tagħna. L-idoli huma għatxana għad-demm. Il-flus jisirqu l-ħajja u l-pjaċir iġib is-solitudni. L-istrutturi ekonomiċi jissagrifikaw ħajjiet umani għal vantaġġi ogħla. Naħsbu f’tant nies bla xogħol. Għaliex? Għaliex xi drabi jiġri li l-imprendituri ta’ dik l-intrapriża, ta’ dik id-ditta, iddeċidew li jkeċċu n-nies, biex jiggwadanjaw iżjed flus. L-idolu tal-flus. Ngħixu fl-ipokrezija, nagħmlu u ngħidu dak li jistennew minna l-oħrajn, għax dan jimponihula l-alla tal-affermazzjoni tagħna nfusna. U nirvinaw il-ħajjiet, neqirdu l-familji u nitilqu ż-żgħażagħ f’idejn il-mudelli qerrieda, basta nżidu l-profitt. Anki d-droga hija idolu. Kemm żgħażagħ jirvinaw saħħithom, saħansitra ħajjithom, għax jaduraw dan l-idolu tad-droga.

 

Hawn jasal it-tielet stadju u l-iżjed wieħed traġiku: “…la tadurahomx”, jgħid. L-idoli jjassru. Iwiegħdu l-ferħ imma ma jagħtuhx; u nsibu ruħna ngħixu għal dik il-ħaġa jew għal dik il-viżjoni, fi tromba li teqred lilha nfisha, nistennew riżultat li ma jasal qatt.

 

Għeżież ħuti, l-idoli jwegħduna ħajja, imma fir-realtà jeħduhielna. Alla veru ma jitlobx il-ħajja imma jagħtiha, jirregalaha. Alla veru ma joffrilniex li nipproġettaw is-suċċess tagħna, imma jgħallimna nħobbu. Alla veru ma jitlobniex l-ulied, imma jagħti lil Ibnu għalina. L-idoli jipproġettaw ipoteżijiet futuri u jiddisprezzaw il-preżent; Alla veru jgħallimna ngħixu fir-realtà ta’ kuljum, fil-konkret, mhux b’illużjonijiet fuq il-futur: illum u għada u pitgħada billi nimxu lejn il-futur. Il-konkretezza ta’ Alla veru kontra l-likwidità tal-idoli. Jiena llum nistedinkom taħsbu: kemm idoli għandi jew liema hu l-idolu preferit tiegħi? Għax li nagħrfu liema huma l-idolatriji proprji tagħna hu bidu ta’ grazzja, u jpoġġina fit-triq tal-imħabba. Fil-fatt, l-imħabba hi inkompatibbli mal-idolatrija: jekk xi ħaġa ssir assoluta u ma tistax tmissha, allura hi iżjed importanti minn martek jew żewġek, minn ibnek jew bintek, jew minn ħbiberija. Ir-rabta ma’ oġġett jew ma’ idea tagħmilna għomja għall-imħabba. U hekk biex nimxu wara l-idoli, wara idolu, nistgħu anki naslu biex niċħdu lil missierna, ommna, uliedna, martna, żewġna, il-familja… l-iżjed ħwejjeġ għeżież. Ir-rabta ma’ oġġett jew ma’ idea tagħmilna għomja għall-imħabba. Żommu dan f’qalbkom: l-idoli jisirqulna l-imħabba, l-idoli jagħmluna għomja għall-imħabba, u biex inħobbu tassew jeħtieġ inkunu ħielsa minn kull idolu.

 

Liema hu l-idolu tiegħek? Neħħih u armih mit-tieqa ’l barra!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 



[1] It-terminu Pesel jindika “xbieha divina oriġinarjament imnaqqxa fl-injam jew fil-ġebla, u fuq kollox fil-metall” (L. Koehler – W. Baumgartner, The Hebrew and Aramaic Lexicon of the Old Testament, vol. 3, p. 949).

[2] It-terminu Temunah għandu sinifikat wiesa’ ħafna, li jeħodna għal “xebh, forma”; għalhekk, il-projbizzjoni hi pjuttost wiesgħa u dawn ix-xbihat jistgħu jkunu ta’ kull xorta (ara L. Koehler – W. Baumgartner, Op. cit., vol. 1, p. 504).

[3] Il-kmandament ma jipprojbix ix-xbihat infushom – Alla nnifsu jordna lil Mosè jagħmel il-kerubini tad-deheb fuq l-għatu tal-arka (ara Eż 25:18) u serp tal-bronż (ara Num 21:8) – imma jipprojbixxi li nadurawhom u naqduhom, jiġifieri l-proċess sħiħ ta’ deifikazzjoni ta’ xi ħaġa, mhux sempliċiment ir-riproduzzjoni.

[4] Il-Bibbja Lhudija qed tirriferi għall-idolatriji Kangħanin bit-terminu Baal, li jfisser “ħakma ta’ sid, relazzjoni intima, realtà li minnha wieħed jiddipendi”. L-idolu hu dak li jaħkem, jieħu l-qalb u jsir il-pern tal-ħajja (ara Theological Lexicon of the Old Testament, vol. 1, 247-251).

[5] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2114: “L-idolatrija hi tagħwiġ tas-sentiment reliġjuż li jinsab fil-fond tal-qalb tal-bniedem. Min iqim l-allat foloz ‘ikun qiegħed jagħti din il-fehma li għandu ta’ Alla lil kull min ifettillu, ikun xi jkun jew min ikun’ (Oriġene, Contra Celsum, 2, 40)”.

[6] L-etimoloġija tal-Grieg eidolon, ġejja minn eidos, hi mill-għerq weid li jfisser tara (ara Grande Lessico dell’Antico Testamento, Brescia 1967, vol. III, p. 127).